Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vastarel mhux mogħtija mill-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti fl-Isptar Mater Dei qed jintalbu biex jieħdu magħhom il-pilloli Vastarel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

M’hix il-prassi tad-Dipartiment li pazjenti rikoverati l-isptar jintalbu jġibu magħhom pilloli li jingħataw b’xejn bħalma huma l-pilloli Trimetazidine (Vastarel).

Breast Screening Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Breast Screening Programme se jkun miftuħ għan-nisa kollha? Jista' jgħid hux matul din is-sena kif ġie imwiegħed? Jekk le għaliex u allura għal min hu aċċessibbli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Programm Nazzjonali għall-Breast Screening hu bbażat fuq il-Linji Gwida Ewropej dwar l-iScreening ghall-Kanċer tas-Sider. Dawn ma jirrakkomandawx screening lin-nisa’ kollha ta’ kull eta.’ L-eta’ rakkomandata għal screening b’mammografija hi dik bejn il-50 u d-69 sena. Screening ta’ nisa’ ta’ taħt is-47 sena mhuwiex ikkunsidrat effiċjenti u allura lanqas hu rakkomandat. Bħalissa l-Programm joffri screening lin-nisa’ kollha ta’ bejn il-50 u s-60 sena. Din is-sena għandu jitlesta l-ewwel ċiklu fuq bażi ta’ tliet snin (2010-2012) li qed jistieden nisa’ li twieldu bejn l-1950 u l-1960. Il-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer 2011-2015 jgħid li fi tmiem l-ewwel ċiklu għandu jsir eżerċizzju ta’evalwazzjoni tal-programm. Wara dan l-eżerċizzju l-etajiet ta’ nisa’ li jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-programm jistgħu jiżdiedu.

Arms Ltd — energy benefits

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir investigazzjoni mal-Maltapost biex tiġi stabbilita r-raġuni għaliex energy benefits li ntbagħtu lill-benefiċjarji ma' wasluhomx bil-posta b'konsegwenza li dawn il-persuni se jeħlu interessi fuq il-kontijiet pendenti li għandhom? Jista' jidħol għal dawn l-individwi ma' ARMS Ltd, sabiex ma jeħlux interessi bla ħtija? Jekk saret investigazzjoni dwar dawn il-fatti, x'irriżulta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sena l-oħra, l-ARMS ipproċessat 95,097 energy benefit voucher, b’valur totali ta’ sussidju ta’ €4,596,498. Barra minn hekk, jekk ikun hemm xi vouchers li ma jaslux fil-ħin, l-ARMS tirrevedi xi interessi li setgħu ġew imtella fuq dawn il-kontijiet limitatament għad-dewmien u għal-valur tal- voucher .

Ħal Luqa — bini ta' residenza mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx art li ngħatat għall-bini ta' residenti mill-gvern iżda li għadha mhix akkwistata mill-Gvern f'Ħal Luqa? Jekk iva jista' jgħid liema huma dawn l-artijiet? Meta huwa ppjanat mill-Gvern li jakkwista dawn l-artijiet u sussegwentement jagħmel il-kuntratti relevanti ma' dawk il-familji li bnew ir-residenzi tagħhom fuq artijiet bħal dawn, f'Ħal Luqa?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Id-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi persuni li għadhom bla titlu fuq ir-residenza taghhom f’Tal-Wilga, Hal Luqa, għalkemm għamlu konvenju ma l-Awtorita’ tad-Djar xi żmien ilu, għaliex l-art għada ma nxtratx mill-Gvern. Għalhekk id-Dipartiment qiegħed jagħti priorita’ biex malajr kemm jista jkun iseħħ ix-xiri ta’ l-artijiet kollha fejn huma mibnija l-oqsma tad-Djar. Ta’ min isemmi li kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012 ġew allokati tlett miljun ewro għall-dan il-għan. B’dawn il-fondi, fis-sena 2011 inxtrat l-art kollha tal-Housing Estates f’Għajn Dwieli u f’ta’ Xlejli l-Gudja. Fis-sena li qegħdin fiha huwa previst li tinxtara l-art kollha fil-Housing Estates taz-Zurrieq, il-Gudja (area oħra) u n-Nadur Għawdex. Din il-priorita’ biex jinxtraw dawn l-artijiet, bdiet tingħata mis-sena 2010, fejn matul dik is-sena inxtrat l-art f’Għar Barka, ir-Rabat u f’Sta Lucia. Huwa ttamat li b’hekk wara numru ta’ snin, tkun akkwista l-art kollha fejn huma mibnija l-Housing Estates inkluz dawk li l-Onorevoli Interpellant qed tistaqsi għalihom.

Siġġiewi — bini tar-residenzi mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema toroq huma dawk l-artijiet li ngħataw għal bini ta' residenzi mill-Gvern fis-Siġġiewi, iżda li sal-lum għadhom ma ġewx akkwistati mill-Gvern u għaldaqstant il-familji li jgħixu fihom għadhom bla titolu fuq l-art? Meta huwa ppjanat mill-Gvern li jakkwista dawn l-artijiet u sussegwentement jagħmel il-kuntratti relevanti ma' dawk il-familji li bnew ir-residenzi tagħhom fuq artijiet bħal dawn, fis-Siġġiewi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Id-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi persuni li għadhom bla titlu fuq ir-residenza tagħhom, kemm fiz-żona ta’ Kircippu u fi Triq Dr. Nikola Zammit, Siġġiewi, għalkemm għamlu konvenju ma l-Awtorita’ tad-Djar xi żmien ilu, għaliex l-art għada ma nxtratx mill-Gvern. Għalhekk id-Dipartiment qiegħed jagħti priorita’ biex malajr kemm jista jkun iseħħ ix-xiri ta’ l-artijiet kollha fejn huma mibnija l-oqsma tad-Djar. Ta’ min isemmi li kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012 ġew allokati tlett miljun ewro għall-dan il-għan. B’dawn il-fondi, fis-sena 2011 inxtrat l-art kollha tal-Housing Estates f’Ghajn Dwieli u f’ta’ Xlejli l-Gudja. Fis-sena li qegħdin fiha huwa previst li tinxtara l-art kollha fil-Housing Estates taz-Zurrieq, il-Gudja (area ohra) u n-Nadur Għawdex. Din il-priorita’ biex jinxtraw dawn l-artijiet, bdiet tingħata mis-sena 2010, fejn matul dik is-sena inxtrat l-art f’Ghar Barka, ir-Rabat u f’Sta Lucia. Huwa ttamat li b’hekk wara numru ta’ snin, tkun akkwista l-art kollha fejn huma mibnija l-Housing Estates inkluz dawk li l-Onorevoli Interpellant qed tistaqsi għalihom.

Sptar San Luqa — Helipad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li l-helipad li kien hemm fl-Isptar San Luqa, ġiex żarmat? Jekk iva, jista' jagħti lista tal-affarijiet u l-faċilitajiet, anke dawk li jintużaw għas-sigurtà li żżarmaw minn dan il-helipad? Jista' jgħid mil-liema entità ġie żarmat, jekk hux id-Dipartiment tas-Saħħa jew il-Malta Enterprise jew xi entità oħra? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li dan il-helipad jerġa' jintuża flok dak li hemm fl-Isptar Mater Dei, minħabba l-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija? Jekk iva, dan ifisser li l-helipad ta' l-Isptar San Luqa se jerġa' jiġi armat? Jekk iva, x'se tkun l-ispiża biex dan jerga' jintrama? Jekk il-helipad tal-Isptar San Luqa se jerġa' jintuża, jista' jghid jekk il-Malta Enterprise għandhiex aċċess għal din l-area u jekk iva min se jkun responsabbli għas-sigurtà tal-helipad? F'każ li l-helipad tal-Isptar San Luqa se jerġa' jintuża, x'se jiġri mill-parking area li hemm madwaru u li qed tintuża mill-Malta Enterprise? Din se tibqa' hemm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli nterpellanta għar-risposta tiegħi għad-Domanda Parlamentari 32938 fejn diġa spjegajt l-arranġamenti li qegħdin isiru sabiex il-helipad li tinsab ġewwa l-bini tal-ex Sptar San Luqa terġa tiġi reinstated minħabba li fil-madwar tal-Isptar Mater Dei qegħdin isiru numru ta’ proġetti nazzjonali fosthom dak taċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija; kif ukoll dak tal-Life Sciences Park. Tajjeb li nerġa nfakkar li l- helipad ġewwa l-Isptar San Luqa ser tkun qed tintuża b’mod temporanju sakemm il- helipad il-ġdida ġewwa l-Isptar Mater Dei tkun lesta. Kif kelli l-okkażjoni li ntenni f’diversi okkażżjonijiet oħra, nerġa nfakkar li ser tinbena helipad ġdida fuq Block D1 fl-Isptar Mater Dei - u dan minħabba l-proġetti hawn fuq imsemmija; u minħabba bini għoli ieħor li jinsab fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei. It- tender għall-proġett tal-bini tal- helipad il-ġdida ġewwa l-Isptar Mater Dei jinsab fi stadju avvanzat ta’ aġġudikazzjoni. Il- helipad ġewwa l-bini tal-ex-Sptar San Luqa ma ġietx żarmata. Il- helipad innifisha hija fi stat tajjeb ħafna u kull ma hemm bżonn huwa li terġa tinżebaħ bil- markings oriġinali tagħha. Li ġiet imneħħija hija kamra żgħira li ġewwa fiha kien hemm cables tal-elettriku u switches tad-dwal. Ġewwa din il-kamra kien jinżamm ukoll apparat ta’ kominikazzjoni; u apparat użat għat-tifi tan-nar. Din il-kamra ma ġietx imneħħija mid-Dipartiment tas-Saħħa. Mhux ser tinbena kamra oħra sabiex tkun tista tintuża l- helipad b’ mod temporanju iżda ser tintuża mobile cabin apposta. L-ispiża sabiex tiġi reinstated il- helipad ġewwa l-bini tal-Isptar San Luqa mhux mistennija tkun aktar minn €4,500. Nassigura lill-Onorevoli nterpellanta li minħabba n-natura stess tal-użu tal- helipad din tal-aħħar trid tkun bilfors mgħammra b’mod xieraq. Huwa flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta li ttieħdet id-deċiżjoni li terġa tintuża l- helipad ġewwa l-bini tal-Isptar San Luqa. Kull arranġament, għalhekk, qed isir flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta; u ser jitħaddmu proċeduri sabiex l-aċċess għall- helipad jingħata li min huwa awtoriżżat; b’ mod kontrollat; u f’ kull ħin tal-ġurnata.

Djar tal-Anzjani — serq fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' serq mid-Djar tal-Anzjani matul il-perjodu 2008 sa' Frar 2012, xahar b'xahar u home b'home? Kemm kien hemm anzjani effettwati? X'investigazzjonijiet saru dwar ir-rapporti ta' serq? X'riżultati inkisbu mill-investigazzjonijiet li saru? Kien hemm implikazzjonijiet fuq staff tal-homes in kwestjoni jew implikazzjonijiet oħra? X'miżuri ittieħdu biex jiġu evitati aktar serqiet mingħand l-anzjani f'dawn il-homes? Id-Dipartiment għandu policy dwar dan l-abbuż? Jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-policy? Jekk le għaliex m'għandux policy?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Servizz ta' delivery tal-ħrieqi lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li inbeda servizz ta' delivery ta' ħrieqi lill-anzjani fi djarhom? Jekk dan is-servizz inbeda, minn meta? Fejn jistgħu japplikaw l-anzjani? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment ħariġtx tender għal dan is-servizz? Jekk ħarġet tender ġiet allokkata u lil min? Jista' jgħid x'inhi s-sistema, bħal per eżempju jekk hux jintalab ħlas għad-delivery? Kemm huwa l-ħlas? Min jitħallas? Tingħata irċevuta għall-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Xgħajra ta' Ħaż-Żabbar — Wied Glavin

Question

Peress li kien hemm xi bini f'Wied Glavin, ix-Xgħajra ta' Ħaż-Żabbar, li kien inbeda bla permess iżda imbagħad ingħata permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li kienu applikaw għal permessi tal-bini f'din l-area, humiex se jingħataw il-permessi mitluba minħabba dan il-fatt?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita` tiddeċiedi kull applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp skont artiklu 69 tal-Att tal-2010 dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, jiġifieri skont il-pjanijet, il-policies, u regolamenti maħruġa taħt dan l-Att kif jista’ jitqiesu rilevanti u xierqa. L-Awtorita` tqis ukoll kull ħaġa oħra ta’ sustanza, kompriżi konsiderazzjonijiet ambjentali, estetiċi u sanitarji li l-Awtorità tista’ tikkunsidra relevanti, kif ukoll is-sottomissjonijiet li jsiru b’risposta għall-pubblikazzjoni tal-proposta ta’ żvilupp. Għalhekk, peress illi kull każ hemm bżonn li jiġi evalwat fuq il-merti tiegħu, jkun aħjar jekk l-Onorevoli Interpellant tagħti l-informazzjoni preċiża biex din tiġi ivverifikata.

Binja tal-Borża ta' Malta — miftuħa mingħajr awtorizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt kien hemm ċirkostanzi fejn il-binja tal-Borża ta' Malta, li tinsab ġewwa l-Belt Valletta, infetħet minn ħaddiem/a tal-istess entità mingħajr awtorizzazzjoni nhar ta' Sibt, fejn ukoll iddaħħlu persuna/i stranġieri għal din l-entità u intużat għal skopijiet ulterjuri barra minn dawk li huwa fil-parametri tal-operat tal-imsemmija entità?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda ċirkostanza fejn nhar ta' sibt il-bini tal-Borża infetaħ mingħajr awtorizzazzjoni kif inhu meħtieġ mill-proċeduri tal-Borża. Kien hemm ċirkostanza waħda fejn wara l-ħin tax-xogħol, qabel ma ngħalaq il-bini, idaħħlu persuni mhux awtorizzati fil-bini tal-Borża. Ittieħdu l-miżuri ta' dixxiplina adekwati għal każ kontra l-impjegat konċernat tal-Borża.

Sptar Mater Dei — Lista ta' affarijiet Out of Stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jintalbu dawn l-affarijiet mill-Isptar Mater Dei u mhux jingħatawlhom: Cotton Wool - 500g, Dressing Sterile - Chlorhexxidinems, Disinfectant - 250g sodium dickloroisocyanurate granules 500g, Gauze - Ribbon Rolls, Bandage - Crepe 10 cm, Bandage - T-Shaped, Bandage - W.O.W. 7.5 cm, Cannulae Sterile - I.V. Size 14G [orange], Cotton Wool - 30 gms, Dressing - moisture vapour permeable spray cfc free, Gloves - surgical sterile non pwodered for ward use 7.5, Gloves - surgical sterile non-powerdered 8, Hub - blind, Roll - gauze 1m/10m, Stocking - Elastic above knee large 10, Stocking - Elastic above knee medium 9.5, Tape - Hypoallergic Surgical, Primary Administration Pump Sets, Swabs on Stick? Kemm ilhom out of stock? X'qed jintuża minflok? Għaliex out of stock? X'qed isir biex din is-sitwazzjoni ma tirrepetiex ruħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — Triq id-Dragun - akkwist ta' art

Question

In vista tal-fatt li l-gvern għandu programm biex jakkwista l-art li kienet ingħatat minnhu biex jinbnew residenzi għal familji, jista' l-Ministru jgħid meta l-art li kienet mogħtija mill-gvern madwar 30 sena ilu biex jinbnew djar fi Triq id-Dragun Ħal Qormi u li ma ġietx akkwistata mill-gvern sal-lum, se tiġi akkwistat, sabiex dawk li bnew djarhom fuq dawn il-plots ikunu jistghu jagħmlu l-kuntratti relevanti mal-gvern u b'hekk isiru propjetarji tal-art li fuqha għandhom ir-residenza tagħhom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi persuni li għadhom bla titlu fuq ir-residenza tagħhom għalkemm għamlu konvenju ma l-Awtorità tad-Djar xi żmien ilu, għaliex l-art għada ma nxtratx mill-Gvern. Għalhekk id-Dipartiment qiegħed jagħti priorità biex malajr kemm jista jkun iseħħ ix-xiri ta’ l-artijiet kollha fejn huma mibnija l-oqsma tad-Djar. Ta’ min isemmi li kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012 ġew allokati tlett miljun ewro għal dan il-għan. B’dawn il-fondi, fis-sena 2011 inxtrat l-art kollha tal-Housing Estates f’Għajn Dwieli u f’ta’ Xlejli l-Gudja. Fis-sena li qegħdin fiha huwa previst li tinxtara l-art kollha fil-Housing Estates taż-Żurrieq, il-Gudja (area oħra) u n-Nadur Għawdex. Din il-priorità biex jinxtraw dawn l-artijiet, bdiet tingħata mis-sena 2010, fejn matul dik is-sena inxtrat l-art f’Għar Barka, ir-Rabat u f’Sta Lucija. Huwa ttamat li b’hekk wara numru ta’ snin, tkun akkwistata l-art kollha fejn huma mibnija l-Housing Estates inkluż dawk li l-Onorevoli Interpellant qed tistaqsi għalihom.

Ħal-Qormi — Triq l-Imdina u Triq Ġuże Cardona - qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl ta' parti minn Imdina Road (mill-ħanut Shopwise 'il fuq) u Triq Ġuże Cardona f'Ħal Qormi, jinqata' ta' spiss, partikolarment meta tagħmel ix-xita? Jista' jara li tissewwa l-ħsara immedjatament biex jiġu indirizzati l-perikli diversi li hemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dawl tat-toroq imsemmija ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ tal-Enemalta. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabli għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.

Ħal Qormi — bini ta' residenzi mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema toroq huma dawk l-artijiet li ngħataw għal bini ta' residenzi mill-gvern f'Ħal Qormi, iżda li sal-lum għadhom ma ġewx akkwistati mill-gvern u għaldaqstant il-familji li jgħixu fihom għadhom bla titolu fuq l-art? Meta huwa ppjanat mill-gvern li jakkwista dawn l-artijiet u sussegwentement jagħmel il-kuntratti relevanti ma' dawk il-familji li bnew ir-residenzi tagħhom fuq artijiet bħal dawn?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Id-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi persuni li għadhom bla titlu fuq ir-residenza tagħhom f’Ta’ Farzina, Qormi, għalkemm għamlu konvenju ma l-Awtorita’ tad-Djar xi zmien ilu, għaliex l-art għada ma nxtratx mill-Gvern. Għalhekk id-Dipartiment qiegħed jagħti priorita’ biex malajr kemm jista jkun iseħħ ix-xiri ta’ l-artijiet kollha fejn huma mibnija l-oqsma tad-Djar. Ta’ min isemmi li kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012 ġew allokati tlett miljun ewro għall-dan il-għan. B’dawn il-fondi, fis-sena 2011 inxtrat l-art kollha tal-Housing Estates f’Għajn Dwieli u f’ta’ Xlejli l-Gudja. Fis-sena li qegħdin fiha huwa previst li tinxtara l-art kollha fil-Housing Estates taz-Żurrieq, il-Gudja (area ohra) u n-Nadur Għawdex. Din il-priorita’ biex jinxtraw dawn l-artijiet, bdiet tingħata mis-sena 2010, fejn matul dik is-sena inxtrat l-art f’Għar Barka, ir-Rabat u f’Sta Lucia. Huwa ttamat li b’hekk wara numru ta’ snin, tkun akkwista l-art kollha fejn huma mibnija l-Housing Estates inkluż dawk li l-Onorevoli Interpellant qed tistaqsi għalihom.

Suq tal-Belt mogħti lill-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li s-Suq tal-Belt se jingħata lill-privat? Jekk iva, kif se jingħata u għaliex? Fil-każ li se jiġri dan, x'se jiġri minn dawk li jiddependu għal ħobżhom mill-posti mikrija għandhom hemm hekk? Jista' l-Ministru jgħid ukoll għaliex is-Suq tal-Belt mhux isirlu manutenzjoni, per eżempju bħas-soqfa joqtru, toilets pubbliċi imkissrin u l-escalator ilu wieqaf is-snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern ma huwiex infurmat li s-Suq tal-Belt ser jitneħħa jew jingħata lill-Privat. Il-manutenzjoni tas-Suq tal-Belt mhijiex responsabbiltà ta’ dan il-ministeru.

Ħal Qormi -Triq Dun Ġorġ Fenech — għalqa mimlija ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tinforza l-bini ta' ħajt ta' għalqa fi Triq Dun Ġorġ Fenech f'Ħal Qormi, liema għalqa timtela biż-żibel u b'konsegwenza b'infestazzjoni ta' ġrieden?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Tal-Pietà — Skola Primarja - kmamar mogħtija lilhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux jikkonsidra li l-kmamar li kienu jagħmlu parti mill-Iskola għal Persuni b'Diżabilità u li llum qed jintużaw minn xi impjegati tad-Dipartiment tas-Saħħa, li jgħaddihom lura lill-Iskola Primarja ta' Tal-Pietà fejn jistgħu jiġu użati għal skopijiet edukattivi? Jekk iva, meta dawn il-kmamar se jgħaddu lill-iskola u jekk le, għaliex, fil-kuntest ta' xi pjanijiet li jista' jkollu l-istess dipartiment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kmamar li jagħmlu parti mill-kantina tal-Iskola Primarja tal-Pietà qegħdin jintużaw mis-sezzjoni tal-manutenzjoni tal-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech. Dan ix-xogħol huwa parti mill-proġett ta’ tisbiħ li qed isir fis-swali ta’ dan l-isptar. Nista’ nikkonferma li kien hemm diskussjoni bl-għan ta’ trasferiment tal-Unit mill-iskola għall-isptar, liema diskussjonijiet iridu jiġu konklużi.

Public Works — Ħlas ta' Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħlas ta' overtime ta' Ottubru u Novembru 2011 fid-Dipartiment tal-Public Works għadu ma tħallasx? Meta se jitħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fid-Dipartiment għad-Disinn u t-Twettiq ta' Proġetti (dak li kien magħruf bħala Public Works) ma hemmx ħlasijiet pendenti għar-rigward ta’ overtime. F’każ li l-Onorevoli Interpellant għandha informazzjoni dwar xi claim/s pendenti, nitlobha tgħaddili d-dettalji ħalli tkun tista’ issir l-verifika neċessarja.

Ordni tal-Kunsill tal-Pagi — sigħat ta' ħidma

Question

Jista' l-Ministru jispjega fid-dettal fil-prattika xi jfisser Artiklu 5 intitolat sigħat annwalizzati f'dan l-Avviż Legali 46 tal-2012 u cioè: "5. (1) F'kull settur, kemm jekk dawn is-setturi jkunu koperti b'Ordni tal-Kunsill tal-Pagi biex jirregola l-Pagi u kemm jekk mhumiex, il-prinċipal jista' jintroduċi skemi għall-banking ta' sigħat, fejn sa massimu ta' 376 siegħa normali ta' xogħol annwali f'kull sena kalendarja jistgħu jiġu banked, u għalhekk sigħat żejda minbarra s-sigħat normali ta' xogħol f'ġimgħa jitħallew jinħadmu f'perjodu ta' attività ta' xogħol aktar intensiva illi jiġu mfidija f'perjodi ta' attività ta' xogħol anqas intensiva billi jkun hemm sigħat ta' xogħol anqas mis-sigħat normali ta' xogħol fil-ġimgħa."? Dan se jkun ifisser li per eżempju li: a) mara tal-familja li tant qed inħeġġu biex tkompli fid-dinja tax-xogħol, se jkollha tiffaċċja perjodi ta' attività ta' xogħol b'sigħat straordinarji, jiġifieri aktar minn dak li tkun ftehmet fil-bidu ta' impjieg; b) raġel tal-familja li jkollu part-time job bħala secondary employment minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-familja tiegħu, se jkollu perjodi ta' attività ta' xogħol b'sigħat straordinarji, fejn imbagħad ma jkunx jista' jkompli bil-part-time job? Jista' l-Ministru jispjega jekk dan l-artiklu hux jieħu in konsiderazzjoni l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, li jistgħu jiġu mġegħla jaħdmu sigħat ta' xogħol straordinarji a detriment ta' saħħithom? Jekk qed jieħu in konsiderazzjoni dan l-aspett ta' saħħa u sigurtà, jista' jispjega kif?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Tajjeb li jigi iccarat li l-Avviz Legali 46/2012 ma jżidx siegħat ta' xogħol maħdumin tul sena. Il-prinċipal xorta jibqa' obbligat josserva l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol skont il-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mil-liġi. Dan l-avviż legali li għamel hu li daħħal il-kunċett ta’ sigħat annwalizzati. B’ hekk, filwaqt li n-numru tas-sigħat normali maħdumin f’sena ma nbidlux, ingħatat il-possibilità, dejjem jekk il-prinċipal iħoss li hu utli għall-operat aħjar tal-intrapriża tiegħu, li tali siegħat ta’ xogħol li jkun hemm bżonn li jinħadmu jiġu imfassla b’mod aħjar biex jindirizzaw kemm perjodi ta’ xogħol iktar kwieti minn normal kif ukoll perjodi fejn ikun hemm iktar xogħol mill-medja. B’din is-sistema ta’ banking il-prinċipal huwa obbligat li jagħti lill-ħaddiema bil-miktub roster ta’ sigħat ta’ xogħol għal erba’ ġimgħat bil-quddiem, liema roster jispeċifika x’se jkun in-numru ta’ siegħat normali li jkunu se jinħadmu f’dak il-perjodu. Dawn is-sigħat normali ta’ xogħol jistgħu jvarjaw f’perjodi differenti u li jista’ jkunu jkopru sigħat aktar jew inqas minn erbgħin siegħa fil-ġimgħa f’perjodu partikulari. Però, il-ħaddiem jibqa’ jirċievi l-istess ammont ta’ paga ekwivalenti għal erbgħin siegħa fil-ġimgħa irrispettivament minn jekk ikunx ħadem inqas jew iktar siegħat. Għaldaqstant il-prinċipal jista’ jippjana b’mod flessibbli l-ħin normali tax-xogħol skont l-eżigenzi tal-volum ta’ xogħol li jkun hemm bżonn f’perjodi differenti tas-sena. F’dak li jitratta saħħa u sigurtà, l-Avviż Legali, fir-regolament 1(2) jagħmilha ċara li l-istess regolamenti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regolamenti tal-2003 dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol. Ghaldaqstant il-protezzjoni li l-liġi diġà tipprovdi biex tipproteġi lill-ħaddiema ma ġietx affettwata u tipprevali fuq dan l-avviż legali. Fir-regolamenti tal-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol, il-ħaddiem għandu dritt li jagħżel hu jekk iridx li jaħdem aktar minn medja ta’ erbgħin siegħa xogħol fil-ġimgħa. U dan ma nbidilx.