Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw il-pilloli Clopidogerel b'xejn lill-pazjenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kriterji tal-protokoll tal-Gvern jintitolaw il-pazjenti biex jieħdu l-mediċina Clopidogrel sa sena f’każijiet ta’ mard iskemiku tal-qalb meta l-pazjent ikun:
· daħal l-isptar minħabba ‘
Acute Coronary Syndrome’,
jew
· għamel intervent kirurġiku perkutanju (
stent
).
Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-impjegati ġodda li bdew jaħdmu fir-residenza San Vincenz de Paul matul dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid jekk ġewx trasferiti minn entitajiet oħra tal-gvern, jew inkella ġewx impjegati minn barra, skont il-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul dawn l-aħħar sitt xhur ġew impjegati 24 persuna u dawn fil-gradi ta’ Catering Manager, Deputy Nursing Officer, General Hand, Health Assistant, Nursing Officer, Occupational Therapist, Officer in Scale 16, Senior Occupational Therapist, Senior Tradesman, Social Assistant, Staff Nurse u Temporary Staff Nurse. Minn dawn il-persuni, tmienja kieu impjegati minn barra, ħmistax kienu trasferiti minn dipartimenti tal-Gvern u waħda reġgħet daħlet mal-Gvern permezz ta’ proċess ta’ re-employment.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nursing aide u care worker qed jagħmlu xogħol ta' ECG Technicians u għaliex dawn mhumiex taħt ir-responsabilità tal-SNO office iżda jaqgħu direttament taħt ir-responsabilità tas-Supretendent?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-outdoor gym f'Ta' Qali:
a) hux mgħasses minn
security guard
eċċ. biex ma jsirx vandaliżmu;
b) hemmx persuna li tista' tassigura li tfal ta' età li mhux tajjeb għalihom li jagħmlu użu mill-apparat ma jagħmlux użu minnhu; u
c) jitnaddafx regolarment minħabba l-ħmieġ li ta' spiss qed ikun hemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-
outdoor gym
f’Ta’ Qali huwa sorveljat il-ħin kollu permezz ta’ CCTV cameras. Kif inhi l-prassi fi strutturi simili, il-faċilità hi mgħammra b’tabelli li tindika l-eta’ ta’ kull persuna li tista’ tagħmel użu minn kull magna. Il-post jitnaddaf b’mod regolari mill-PARKS.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx abbandunati l-pjanijiet għal bini ta' rehabilitation hospital kif ġie imwiegħed mill-gvern xi snin ilu? X'sar minnhom il-pjanti għal dan l-isptar? Jekk il-gvern abbanduna dawn il-pjanijiet, kemm swew il-pjanti li saru għal bini ta' dan l-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinbena l-helipad fuq il-Casualty fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, għaliex ma ġiex ippjanat qabel u nbena fil-proċess tal-bini tal-isptar? Kemm sewa biex inbena l-helipad li hemm illum? Kemm se jiswa l-attrezzar mill-ġdid tal-helipad fl-Isptar San Luqa għall-użu temporanju? Kemm se jiswa l-helipad fuq il-Casualty fl-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mhux ser jinbena helipad ġdid fuq il-Casualty. Il-helipad il-ġdid ser jinbena fuq is-saqaf ta’Block D1.4 u D1.5 biswit il-Casualty jiġifieri il-block ta’ fejn hemm il-Medical Investigations u il-Medical Acute Ward 5. Tajjeb li nfakkar li l-helipad il-ġdid ser jinbena fil-post fejn oriġinarjament kellu jsir.
L-ispiża tal-helipad li hemm illum kienet parti mil-Lump Sum li tħallset għall-bini u l-attrezzar tal-Isptar Mater Dei. Ix-xogħol tar-reinstatement tal-helipad fl-Isptar San Luqa ġie jiswa €6,600.00.
Il-proċess tat-tender tal-bini tal-helipad il-ġdida fl-Isptar Mater Dei għadu għaddej. Tkun tista’ tingħata aktar informazzjoni kif dan il-proċess jingħalaq.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed issir biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-istudwenti, l-għalliema u dawk kollha impjegati fl-MCAST minħaba l-iskavar u x-xogħol ta' kostruzzjoni li qed isir fl-MCAST? Tista' tgħid jekk hiex konxja tal-effett fuq l-għalliema, l-istudenti u oħrajn, minħabba l-istorbju eċċessiv minn inġenji li qed jintużaw f'dan ix-xogħol u t-trabijiet u perikli oħra? Jekk iva, x'qed isir konkretament biex jittafew dawn l-effetti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn qabel ma beda x-xogħol ta’ tħammil u kostruzzjoni tal-bini tal-Kampus il-Ġdid tal-MCAST, is-sit kollu ġie maqtugħ għalih bil-bini ta’ ħajt protettiv mad-dawra kollha, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm aċċess għas-sit mill-partijiet tal-Kulleġġ li qed jużaw l-istudenti u l-istaff. L-aċċessi li jagħtu għas-sit minn ġewwa l-Kulleġġ jinżammu dejjem magħluqin, ħlief f’każi ta’ bżonn meta jinfetħu fil-preżenza kontinwa ta’ uffiċċjali tas-sigurta’ tal-Kulleġġ.
It-tħaffir fil-blat fl-inħawi qrib ta’ postijiet fejn isiru xi lezzjonijiet ma sarx eżatt mal-bini iżda tħalliet distanza konsiderevoli, iktar mill-minimu mitlub mil-liġi, biex jiġi żgurat li t-tħaffir ma jkunx ta’ periklu għall-istudenti u l-istaff.
Ta’ min jgħid li x-xogħol qed isir taħt superviżjoni kontinwa tal-Uffiċjali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Il-Fondazzjoni infurmat lill-MCAST li l-livelli ta’ ħsejjes, il-vibrazzjonijiet, u t-trabijiet li joriġinaw mis-sit qed jiġu
monitored
fuq bażi regolari. Il-Kulleġġ ma ġie infurmat bl-ebda problemi f’dan ir-rigward.
Fl-istess waqt, il-periti u l-uffiċċjali għas-saħħa u s-sigurta’ tal-Kulleġġ kontinwament jiżguraw li x-xogħlijiet li għaddejjin fl-MCAST ikunu konformi mal-liġijiet tas-saħħa u s-sigurta’, u tas-siti tal-kostruzzjoni, f’kull ħin.
Peress li issa se jerġa' jintuża l-helipad tal-Isptar San Luqa u peress li żżarma l-apparat tas-safety u ukoll id-dawra tal-helipad sar car park għall-Malta Enterprise, jista' jgħid eżattament x'se jiġri? Fejn se jiġi rilokat il-car park?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa ingħatat spjega x’ser jiġri fit-tweġibiet tiegħi għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 33205 u numru 33648. Nerġa nfakkar li mhux ser jiġi rilokat il-parkeġġ tal-Malta Enterprise. Ser jiġu affetwati madwar seba’parkeġġi.
Transport Malta — Liċenzja tal-helipad f'post ċivili
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-helipad f'post ċivili għandux bżonn ikun liċenzjat min-naħa ta' Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li jekk l-użu tal-helipad f’post ċivili jkun għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri jew għat-taħriġ fit-titjir, hemm bżonn li l-helipad ikun liċenzjat (skont Art. 69 tal-Air Navigation Order, 1990).
Zammit Clapp Hospital — kuntratt iffirmat ma' CareMalta
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-kuntratt li ġie ffirmnat ma' CareMalta biex tmexxi r-residenza għall-anzjani fil-bini ta' Zammit Clapp Hospital? Jista' jgħid jekk:
a) il-kuntratt li ġie ffirmat ma' din il-kumpanija hux jirrifletti t-
terms of reference
u l-kundizzjonijiet kollha li kien hemm fis-sejħa għat-
tender
; u
b) ir-residenza hiex okkupata skont kif ġie mitlub fit-terms of reference jiġifieri jekk hemmx l-istaff kollu in place u kkwalifikat skont is-sejħa għat-tender? Jista' jgħid kemm hija l-performance guarantee mal-iffirmar tal-kuntratt? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment għall-Anzjani hux sodisfatt bil-mod kif ir-residenza għall-anzjani fil-bini ta' Zammit Clapp Hospital qed ikun imexxi u kif qiegħed inkun konformi mat-terms of reference oriġinali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kuntratt ta’ Zammit Clapp ġie ffirmat ma’ terzi persuni. Sabiex jiġu żvelati d-dettalji, hemm bżonn il-permess tal-kumpanija nvoluta u din ma tatx permess biex tqiegħed kopja tat-tali kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nikkonferma li l-kuntratt li ġie ffirmat jirrifletti t-
terms of reference
u l-kundizzjonijiet kollha li kien hemm fis-sejħa għat-
tender
.
Is-sulari 1, 2 u 3 tar-residenza huma kollha okkupati u hemm l-istaff kollu
in place
u kkwalifikat skont is-sejħa għat-
tender
. Il-
performance guarantee
tammonta għal €571,117.00.
Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ qed jagħmel moniteraġġ tat-tmexxija ta’ din ir-residenza biex jassigura li jiġu mħarsa l-obbligi tal-Kuntrattur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal ambulanzi proprjetà tal-gvern li huma operational? Kemm ambulanzi ġew scrapped matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm spiċċaw drivers u impjegati oħra mill-garage, sena b'sena matul dawn l-aħħar 4 snin? Ġew replaced? Jekk iva, b'kemm-il persuna u f'liema kariga? Kemm kera u/jew qed jikri ambulanzi u vetturi oħra mill-privat, sena b'sena matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm ambulanzi separatament u kemm vetturi u x'tip ta' vetturi separatament? Jista' jgħid jekk hux jinkrew bid-driver jew il-vettura biss? Kemm swew u qed jiswew dawn il-kirjiet sena b'sena matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm kienu jiswew l-ambulanzi li kienu proprjetà tal-gvern meta kienu operational?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Dipartiment tas-Saħħa — uffiċjali f'taħditiet fuq il-media
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallas id-Dipartiment tas-Saħħa, sabiex uffiċjali tiegħu jidhru f'taħditiet fuq il-media? Fuq liema programmi u stazzjonijiet qed jidhru jew jinstemgħu dawn l-uffiċjali? Min huma dawn l-uffiċjali u mil-liema taqsimiet fid-dipartiment ġejjin? Kemm qed jingħataw fondi għal kull programm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa ma jagħmel ebda ħlas biex uffiċjali tiegħu jidhru f’taħdidiet fuq il-media.
San Vinċenż de Paul — informazzjoni dwar perunsa li taħdem hemm
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rwol tal-ex Management Nursing Services Officer jew ex Principal Nursing Officer tar-Residenza San Vinċenż de Paul illum u dan peress li ta' spiss minkejja li spiċċa minn dawn il-karigi jkun fuq xogħlijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jekk għandu xi rwol partikolari issa wara li rtira bl-età, jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun imħallas? Jekk huwa imħallas għal xi rwol, jista' jgħid kemm qed ikun imħallas u jekk għandux xi benefiċċji oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna konċernata hija mpjegata bħala staff nurse mad-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. Huwa jaħdem b’siegħat mnaqqsa, jiġifieri total ta’ 30 siegħa fil-ġimgħa. Jieħu paga normali ta’ staff nurse ikkwalifikat bil-Baccelerat li jaħdem 30 siegħa fil-ġimgħa. Din il-persuna m’għandu ebda benefiċċji oħra. Ix-xogħol tiegħu jinkludi fost oħrajn, il-koordinazzjoni tas-servizzi għan-nies li jgħixu fil-komunita’ kif wkoll assessments kliniċi tal-anzjani li jgħixu fil-komunita’. Bħalissa qed jgħin fit-tħejjija tan-night shelter ġewwa San Vinċenz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jimpjega madwar 200 care worker mad-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk iva, jista' jgħid jekk ġietx inkarigata care worker li hija helper tal-Partit Nazzjonalista fir-Residenza San Vinċenz de Paul waqt l-elezzjonijiet, u security guard li huwa magħruf għal kulur politiku li jħaddan, biex jiddentifikaw dawn il-care workers? Jekk se jimpjega, meta se jiftħu l-applikazzjoni u x'se jkunu l-kriterji tal-għażla?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Sptar Mater Dei — Central Sterile Services Department - azzjoni industrijali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li t-taqsima Central Sterile Services Department tal-Isptar Mater Dei, kenux jew humiex fuq azzjoni industrijali? Jekk kienu jew huma jista' jgħid x'inhi t-tilwima industrijali? Jista' jgħid għaliex ħarġet tender għall-isterilizazzjoni tal-istrumenti għall-operazzjonijiet li tiswa €125,000 u li ġiet ippubblikat u tagħlaq fi żmien 24 siegħa? Dan se jfisser li l-impjegati ta' din it-taqsima se jiġu deployed f'xi xogħol ieħor fis-settur tas-saħħa? Jekk iva x'inhi r-raġuni li se tingħalaq din it-taqsima? Fejn se jiġu deployed dawn il-ħaddiema?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fit-taqsima Central Sterile Services Department tal-Isptar Mater Dei kienu fuq azzjoni industrijali, li issa twaqfu.
It-tilwima industrijali kienet fuq żieda fi gradi u
allowances
minkejja li l-Gvern kien lest jikonċedi li dawn il-ħaddiema jingħataw l-
allowances
u strutura bi gradi għola milli għandhom illum.
It-
tender
ħarġet bħala miżura temporanja biex jsir l-isteriliżazzjoni tal-istrumenti għall-operazzjonijiet fil-privat tal-istrumenti li mhux klassifikati bħala ta' emergenża, imma xorta essenzjali għall-operazjonijiet, li ma kienux qiegħdin jsiru minħabba d-direttivi mposti mill-Union relattiva fuq il-ħaddiema membri tagħhom.
L-impjegati ta' din it-taqsima mhux se jiġu
deployed
f'xi xogħol ieħor, u ma hemm l-ebda ħsieb biex tingħalaq din it-taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'ċerti homes privati tal-anzjani, il-gvern ma jibgħatx anzjani? Liemu huma dawk il-homes privati li fihom qed jintbagħtu anzjani mill-gvern u liema huma dawk il-homes privati għall-anzjani li s'issa l-gvern qatt ma bagħat anzjani fihom? Kemm bagħat anzjani mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena u f'liema home? X'inhuma l-kriterji li l-gvern juża biex jibgħat l-anzjani f'homes privati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33205, jista l-Ministru jgħid min neħħa din il-kamra żgħira u l-cables tal-elettriku, is-switches tad-dawl, l-apparat ta' komunikazzjoni u aparat għat-tifi tan-nar u xi spiża saret biex tneħħa dan kollu? Jista' jgħid jekk dan l-ammont jinkludiex anke l-kiri jew x-xiri ta' mobile cabins? Jista' jgħid jekk hux vera li l-Malta Enterprise qed tuża din l-area jew madwara bħala parking area? Din se taffetwa l-operat tal-Helipad?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kif diġa spjegajt fir-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari 33205 il-kamra ma tneħħitx mid-Dipartiment tas-Saħħa. L-apparat ta’ komunikazzjoni u tat-tifi tan-nar ittieħed kollu l-Isptar Mater Dei fl-2007, u għalhekk ma hemm l-ebda spiża sabiex dan jerġa jintuża. Dan l-istess apparat, fil-fatt ser jerġa jintuża. Madwar il-helipad hemm numru ta’ spazji ta’ parkeġġi. L-użu tal-helipad mill-ġdid ser jaffetwa madwar seba’ parkeġġi.
Diretturi fis-Servizz Pubbliku u Chairmen ta' Entitajiet Pubbliċi — drivers
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma d-dmirijiet ta' drivers li jkunu assigned ma' diretturi fis-Servizz Pubbliku u chairmen ta' entitajiet pubbliċi? Dawn id-drivers jistgħu jiġu mqabbda jwasslu lis-seniors tagħhom fuq xogħol jew impjennji oħra li jmorru strettament li 'l hinn mir-rwol ta' direttur jew chairman eċċ. bħal per eżempju xogħol privat jew ta' volontarjat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li Drivers li huma assenjati mas-Segretarji Permanenti jistgħu iwasslu lis-Segretarji Permanenti fuq dmirijiet uffiċjali anke meta t-tali mpenji jaħbtu wara l-ħin tax-xogħol. Għal dan il-għan dawn id-drivers jingħataw fixed allowance minflok overtime minħabba d-diversi impenji uffiċjali tas-Segretarji Permanenti barra l-ħin tax-xogħol.
Id-dmirijiet ta’
Drivers
huma ggwidati mid-doveri inklużi fil-
job description
applikabbli għall-grad ta’ xufier/messaġġier. Pero’ normalment dan il-
job description
ma jinkludix li jwassal lid-Diretturi jew Diretturi Ġenerali tagħhom fuq xogħol jew impenji oħra li jmorru strettament li 'l hinn mir-rwol.
Fil-każ ta’
Chairpersons
fl-entitajiet pubbliċi,
japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet skont il-kuntratt tagħhom u għalhekk jekk l-Onorevoli Interpellant għandha xi każ partikolari, hi mitluba tagħti aktar informazzjoni, anke b’mod privat.
Peress li fl-aħħar diskors tal-budget tal-Ministru ġie mħabbar li se jerġgħu jibdew jingħataw meter display u blood glucose test strips lill-persuni kollha li għandhom id-dijabete li għandhom 'l fuq minn 36 sena u dan sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet minħabba din il-marda, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw dawn it-test strips u l-meter display lil dawn il-persuni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-‘meter display’ u l-‘blood glucose sticks’ ser jibdew jingħataw lill-pazjenti dijabetiċi tat-Tip I mingħajr limitu fuq l-eta’ mis-27 ta’ Marzu 2012. Din ser issir bħala parti mir-riforma li fiha d-dijabete hija waħda mill-kundizzjonijiet li ser tiżdied fil-lista ġdida ta’ kundizzjonijiet kroniċi ta’ Skeda V.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol li kien inbeda fl-Isqaq Għadira f'Ħal Qormi ilu wieqaf aktar minn ġimgħa u dan wara li r-residenti ilhom is-snin kbar ibtu mit-tħarbit li fiha din it-triq? Jista' jassigura li x-xogħol li hemm bżonn isir f'din it-triq jitlesta fl-iqsar żmien possibli? Jekk iva, f'kemm żmien dan ix-xogħol għandu jitlesta? Jekk le, jista' jgħid x'se jsir f'din it-triq li minkejja hija triq żgħira, għandha funzjoni importanti ħafna mhux biss għar-residenti iżda għaliex fost affarijiet oħra: tgħaqqad toroq importanti u ukoll hija speċi ta' emergency exit meta fil-wied ikun hemm l-ilmijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab informat li x-xogħol fuq Sqaq l-Għadira f’Hal Qormi beda fil-5 ta’ Marzu 2012. Fis-16 ta’ Marzu 2012 tlestew is-servizzi. Bejn l-20 ta’ Marzu u t-23 ta’ Marzu 2012 saru t-testijiet fuq is-servizzi tal-WSC u dawn ġew ikkonfermati mill-WSC. Immedjatament wara, l-kuntrattur rega’ kompla bix-xogħlijiet. Dan kollu juri li x-xogħol ma damx gimgħa wieqaf.