Jista' l-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra meta Triq il-Milizja ġewwa n-Naxxar ser tingħata wiċċ ġdid,peress li din tinsab fi stat ħażin ħafna u ilha abitata ‘l fuq minn erbgħin sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-ċOnor. Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tan-Naxxar diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye, Triq San Franġisk t’Assisi u Triq San Pawl. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour, Triq il-Milizja diġà kienet ippjanata biex tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ toroq oħrajn f’din il-lokalità li jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara.
Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18157 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjantià Attiva u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema kienu l-kumpaniji li ngħataw kuntratti biex jinstallaw stair lifts issussidjati mill-Awtorità tad-Djar sena b’sena bejn l-2016 sal-lum?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma tqabbadx kuntratturi sabiex jiġu installati stair-lifts. L-applikanti li jeħtieġu stair-lift japplikaw mal-Awtorità tad-Djar għal għajnuna finanzjarja, liema finanzjament jingħata wara li l-kumpanija magħżula mill-applikant tinstallah. L-Awtorità ma żżommx informazzjoni dwar il-kumpaniji li jqabbdu l-applikanti.
Għawdex – Bed capacity għat-turiżmu estern u intern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-bed capacity għat-turiżmu estern u għat-turiżmu intern fil-lukandi, fl-appartamenti u fil-farmhouses rispettivament f’Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-kumpaniji li ngħataw kuntratti biex jinstallaw stair lifts issussidjati mill-Awtorità tad-Djar sena b’sena bejn l-2016 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17446 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm qiegħda tiġi tiswa lill-Gvern kuljum sodda fil-Good Samaritan Hospital? Jista’ jgħid mil-liema baġit qed jitħallsu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qiegħda tiġi tiswa lill-Gvern kuljum sodda fil-Good Samaritan Hospital? Jista’ jgħid mil-liema baġit qed jitħallsu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-wheelchair platform lifts fis-suq jiġux kollha iċċekjati li jkollhom is-CE mark Certification Directive 2006/42/EC? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienu l-wheelchair platform lifts li tpoġġew f’postijiet pubbliċi u li ġew iċċekjati għal CE Mark fis-sena 2018, 2019 u 2020?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Wheelchair platform lifts, kif irregolati mid-Direttiva 2006/42/KE għandhom ikunu mmarkati CE qabel ma jitqiegħdu fuq is-suq u mhux meħtieġ li jkunu rreġistrati qabel mat-tagħmir ikun qed jiġi installat.
Min ipoġġi dawn il-platform lifts fis-suq, għandu l-obbligu legali li jara li għandhom ic-CE Mark.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema rħula u bliet qed jiġi provdut is-servizz tat-trasport għall-anzjani magħruf bħala tuk tuk? Liema lokalitajiet kellhom dan is-servizz u ġie mwaqqaf u jekk fl-affermattiv għal liema raġuni twaqqaf? Hemm il-ħsieb li dan is-servizz jerġa’ jibda u jiġi estiż madwar Malta u Għawdex?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz tat-trasport għall-anzjani, is-Servizz tas-Silver-T, qed jiġi pprovdut lill-anzjani residenti fil-lokalitajiet tal-Imġarr, Dingli, Pieta’, Kirkop, Paola, Fgura, Tarxien, Santa Luċija, Baħrija, Burmarrad, Gżira, Ħal Safi, Mosta, Msida, Mtarfa, Rabat, Ta’ Xbiex u Żurrieq. Dan is-servizz ma twaqqaf fl-ebda lokalità u qed naħdmu biex jiġi estiż madwar Malta u Għawdex fis-sena 2021.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid preżentement kemm hemm infermiera fil-kwarantina? Kemm kien in-numru kull xahar minn Marzu sal-lum? Kemm minnhom kienu pożittivi għall-COVID-19 u kemm huma dawk qegħdin fil-kwarantina minħabba kuntatt ma' persuni infettat? Kemm minnhom ħadu l-virus minn fuq il-post tax-xogħol?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li bħalissa xogħolhom hu li jieħdu ħsieb il-contact tracing? Kemm minnhom huma voluntiera u kemm impjegati tal-Gvern u f'dan il-każ liema grad għandhom? Jista’ jagħti din l-informazzjoni ġimgħa b'ġimgħa mill-bidu ta’ Marzu sal-lum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-kriterji li qed jintużaw meta jintalab appuntament għall-COVID-19 swab test? Kemm huwa fil-preżent ’il bogħod l-itwal appuntament? Persuni anzjani qed jingħataw prijorità qabel oħrajn? Preżentement kemm hemm persuni jistennew li jsirilhom l-iswab test u kemm minnhom ingħataw appuntament għal aktar minn ġimgħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kategoriji/kriterji tal-hubs, li qed jintużaw meta jintalab appuntament għall-COVID-19 swab test huma kif ġej:
Prijorita’ 1: Kull min għandu s-sintomi tal-COVID, persuni li għamlu antigen test u rriżultaw pożittiv, ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, persuni li jkollhom bżonn jingħataw kenn f’dar (malajr kemm jista’ jkun).
Prijorita’ 2.1: Membri tal-familja ta’ każ pożittiv li kienu qed jgħixu mal-każ pożittiv, kuntatti diretti tal-każ pożittiv (it-test isir 5 sa 7 ijiem mill-kuntatt tal-każ pożittiv biex ikun hemm viral load adekwat)
Prijorita’ 2.2: Persuni li daħħlu Malta minn pajjiż mhux fil-kuridur (test isir 7 sa 10 ijiem mill-wasla f’Malta) u persuni li jaħdmu fl-iskejjel.
Prijorita’ 3: Kuntatti ta’ kuntatti ta’ każi pożittivi, persuni oħra li jixtiequ jagħmlu test.
Ninfurmah ukoll illi l-iswabbing centre ta’ Mater Dei jopera billi fil-għodu (bejn s-7:30am u n-12:30pm) isir swabbing ta’ pazjenti qabel ma jkunu se jsirilhom xi operazzjoni (Pre-Ops), Bejn l-10am u n-12:30pm isir swabbing lill-membri ta’ staff li jħossu xi sintomi, li jkunu ġejjin minn kwarantina jew li jkunu rritornaw minn xi safar, bejn s-1pm u t-3.30pm isiru swabs lill-qraba ta’ membri tal-istaff filwaqt li mill-4pm il-quddiem ikomplu jsiru iktar swabs lin-nies fil-komunita’.
Sal-25 t’Ottubru l-appuntament għal dawk li jagħmlu parti mill-kategorija Prijorita’ 1 jingħata f’madwar 24 siegħa, Prijorita’ 2 fi żmien erbat ijiem jew skont il-ħtieġa filwaqt li Prijorita’ 3 l-appuntament jingħata fi żmien sebat ijiem filwaqt li l-membri tal-istaff jiġu swabbed fl-istess ġurnata jew l-għada. Pazjenti li jkun irid isirilhom swab test peress li jkun se jsirilom xi intervent jew operazzjoni, dan isir fi żmien stipulat mill-konsulent kkonċernat.
Ninfurmah ukoll illi fid-djar ta’ l-anzjani l-iswabbing isir mill-infermiera tad-djar stess u l-kampjuni jittieħdu direttament il-laboratorju f’Mater dei.
Bejn is-26 t’ Ottubru sa l-1 ta’ Novembru s’issa diġa ngħataw 9,047 appuntament għal-swab test.
B’referenza għall-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentri ta’ Transport Malta li fil-preżent huma sa nofsinhar bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, b’ġurnata fil-ġimgħa sas-2.00pm u peress li dawn il-ħinijiet ma jaqdux il-bżonnijiet ta’ numru sostanzjali ta’ ħaddiema, jista’ l-Ministru jikkonsidra, jew li f’ġurnata fil-ġimgħa l-ħin jitwal sal-5.00 pm jew li ċ-ċentri jinfetħu nhar ta’ Sibt, jekk mhux kull ġimgħa, almenu kull ġimagħtejn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment u li Transport Malta ser tkun qiegħda tikkunsidra din il-proposta.
Residenza San Vinċenz De Paul — bini ġdid - staff impjegat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16049 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè u jassigura l-Kamra li l-istaff impjegat fil-bini l-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul, inkluż nurses u carers, ikunu kapaċi jikkomunikaw mar-residenti jew pazjenti bil-lingwa Maltija sa mill-ġurnata tal-ftuħ tal-blokk skont kif stipulat fl-istandards?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-nurses u l-carers, kollha, bħal kull professjonist ieħor, li jaħdem fil-qasam tal-kura speċjalizzata, mas-Servizz Pubbliku, ikunu mitluba jagħmlu kors mal-Universita’ ta’ Malta, sabiex ikun aċċertat li l-istaff mediku huwa kapaċi jikkomunika mar-residenti jew pazjenti, bil-lingwa Maltija.
Residenza San Vincenz De Paul — bini ġdid - trattamenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16050 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma li jekk ikun hemm bżonn extra nursing care fil-blokk il-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul bħal trattament li jinvolvi trattament intravenous, NG tube feeding u trattamenti oħra, dawn ikunu jistgħu jsiru f'dan il-blokk il-ġdid?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, fil-blokk il-ġdid ser jingħataw is-servizzi kollha li jingħataw minn ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, inkluz is-servizzi msemmija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16037 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra jekk il-blokk il-ġdid li nbena ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul (SVPR) hux parti integra mill-istess SVPR jew hux Dar tal-Anzjani li nbniet fuq l-art tar-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-blokk il-ġdid li nbena ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul huwa parti integra mill-istess Residenza.
Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Servizzi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16038 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jinfurmana jekk fil-blokk il-ġdid li nbena ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul, hux ħa jingħataw is-servizzi kollha li jingħataw ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul u ċjoè erba' u għoxrin siegħa servizz mediku, fiżjoterapisti, occupational therapy, podoloġisti, tissue viability nurses, farmaċisti u servizzi oħra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-blokk il-ġdid ser jingħataw is-servizzi kollha li jingħataw minn ġewwa r-Residenza fil-preżent, inkluz is-servizzi msemmija mill-istess Onor. Interpellant.
Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16039 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-ħaddiema li ser jaħdmu fil-blokk il-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul hux ser ikunu ħaddiema tal-Gvern jew ħaddiema impjegati direttament mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ħaddiema li ser ikunu qed jgħatu servizz fil-blokk il-ġdid, hekk kif imsejjaħ mill-Onor. Interpellanta, ser ikunu kemm ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll ħaddiema tal-konsortzju li ingħaqad fi sħab mal-gvern (PPP) fuq dan il-proġett.
Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Chief Operation Officers
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16042 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u issa ġiet rifertua lilu u jinforma l-Kamra jekk hemmx persuna speċifika li qed tieħu ħsieb ix-xogħol kollu fuq il-blokk il-ġdid ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul, ċjoè Chief Operation Officer, u jekk fl-affermattiv, min hi jew hu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-swali fl-estensjoni l-ġdida ser ikunu mmexxija minn General Manager u nursing managers li huma impegati tal-kuntrattur, li flimkien mas-Senior Management tar-Residenza San Vinċenza, qegħdin jaraw li l-klijenti f’dawn is-swali l-ġodda tingħata lilhom kura xierqa u li tiġi rispettata d-dinjita’ tal-anzjani residenti.
Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Tmexxija
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16041 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra min ser ikun responsabbli għat-tmexxija tal-blokk ġdid ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul, is-CEO, is-Supretendent Mediku tal-SVPR jew is-CEO tal-Active Aging and Community Care (AACC)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif diġa’ spjegajt u weġibt għall-mistoqsija parlamentari numru 16076, filwaqt li s-swali fl-estensjoni l-ġdida ser ikunu immexxija minn General Manager u nursing managers li huma mpegati mal-kuntrattur, il-management tar-Residenza San Vinċenz ser ikun qed jaħdem flimkien mal-Management tal-kuntrattur sabiex jara li l-livell ta’ kura li tingħata, tkun tal-istess livell li tingħata fis-swali kollha tar-Residenza.
Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Attrezzament
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16040 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra jekk l-ikel, in-nappies, il-lożor, il-walking aids, il-bed lifters u attrazzament ieħor, hux ser jiġu pprovdut mir-Residenza San Vinċenz de Paul (SVPR) jew hux ser jinxtaraw mill-fondi tar-SVPR jew mill-privat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ikel, in-nappies, il-lożor, il-walking aids, il-bed lifters u kull attrazzament ieħor meħtieġ, ser jiġi mixtri u pprovdut mill-fondi tal-privat.