Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #19971 Sitting 440 2021-03-15 Oral · Final From: MARIA DEGUARA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema ta’ self għall-anzjani fuq id-dar li huma sid tagħha

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni anzjani għamlu użu mill-iskema ta’ self għall-anzjani fuq id-dar li huma sid tagħha, kif imħabbra fil-baġit għas-sena 2019, bir-regolamenti relatati ma’ dan is-self imdaħħla fis-seħħ mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), fl-1 ta’ Settembru 2019?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s’issa istituzzjoni waħda wriet interess biex toffri dan il-prodott u għaddejjin diskussjonijiet mal-Awtorita’ (MFSA). L-applikazzjoni għadha mhux finalizzata u jiddependi mill-prijoritajiet ta’ din l- istituzzjoni meta dan il-prodott ħa jiġi zviluppat, speċjalment bl-isfidi li qed jiffaċċjaw l-istess istituzzjonijiet konsegwenza tal-impatt tal-Covid 19.

Skema li Tissellef fuq Darek — anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni anzjani għamlu użu mill-Iskema li Tissellef Fuq Darek?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Awtorità tad-Djar ma toperax tali skema

Wied il-Għasel — tindif

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19560 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Vaċċini tal-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm waslu vaċċini kontra l-COVID-19 f’Malta sal-lum? Jista’ jagħti din il-figura u jispeċifika l-ammonti, meta waslu u ta’ liema ditta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar ta’ Frar kienu waslu Malta 132,510 doża tal-vaċċin tal-Covid 19.

Il-Mosta – Triq Carmelo Dimech – wiċċ ġdid tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li Triq Carmelo Dimech fil-Mosta tingħata wiċċ ġdid billi tinsab fi stat ħażin?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Il-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia u Triq il-Fortizza tal-Mosta. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Kostituzzjoni. It-triq indikata tinsab fil-pjan biex, bħal toroq oħrajn, tinbena wkoll mill-ġdid fiż-żmien li ġej. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Wied il-Għasel — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dar tal-Anzjani taż-Żejtun – antenna tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-antenna tat-TV ġewwa d-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun ilha kważi tlieta/erba’ xhur ma taħdem u li l-familjari tal-anzjani residenti hemm, qed jiġu mitluba biex privatament jipprovdulhom “a private Home pack” jekk iriduhom jaraw it-TV?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-antenna tad-dar residenzjali msemmija taħdem iżda l-problema hi s-signal tal-fornitur tas-servizz li sar baxx. B’riżultat ta’ dan ċertu stazzjonijiet m’humiex jidħlu. Għaldaqstant, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità laħqet ftehim ma’ fornitur tas-servizz sabiex jibda x-xogħol neċessarju biex jiġi provdut pakkett ġdid ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni fid-djar residenzjali kollha tal-gvern.

Vaċċin ta’ COVID-19 lill-persuni vulnerabbli

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm: a. hu n-numru ta’ persuni vulnerabbli ġewwa Malta u Għawdex; b. hu l-persentaġġ minnhom li diġà ħadu l-ewwel vaċċin tal-COVID-19; u c. hu l-persentaġġ minnhom li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin tal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni vulnerabbli ġewwa Malta u Għawdex huwa 23,191. Il-persentaġġ minnhom li diġà ħadu l-ewwel vaċċin tal-COVID-19 huwa 13.6%.

Persuni ’l fuq minn 80 sena – vaċċin tal-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kemm hu n-numru ta’ persuni ’l fuq minn 90 sena, 85 sena u80 sena f’Malta u Għawdex; u b. x’persentaġġ minnhom irċievew l-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin tal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal lum ħargu il-fuq minn 10,000 invit għal dawk il-persuni ta’ bejn 80 u 84 sena. Li minnhom sa issa il-fuq minn 65% diġa’ ħadu l-ewwel doża tat-tilqima tagħhom. It-tilqim fl-eta’ ta’ 80-84 għadu għaddej u għadhom qed jintbagħtu inviti lil dawk il-persuni li ma rċevewx l-invit id-dar. Għal aktar informazzjoni rigward persuni ’l fuq minn 85 sena, nitlobha tirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Eta’ Numru ta’ persuni % L-Ewwel Doża % It-Tieni Doża 85-89 6586 90% 68% 90+ 3049 85% 62%

Roll out tal-vaċċin tal-COVID-19 – parteċipazzjoni tat-tobba fil-privat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet mar-rappreżentanti tat-tobba fil-privat biex jipparteċipaw fil-roll out tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u jekk fl-affermattiv, f’liema stadju waslu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru diskussjonijiet kif tobba privati jistgħu jappoġġjaw ir-roll out tal-vaċċin kontra l-COVID-19.

Frontliners li rrifjutaw il-vaċċin tal-Covid-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' front liners li ġew offruti l-Covid-19 Vacine u rrifjutawh? JIsta' jagħti in l-informazzjoni skont il-grad tagħhom, eżempju tobba, nurses, physiotherapists, carers eċċ.?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn dawk eliġibbli, 91 % ta’ frontliners mediċi aċċettaw u filfatt ħadu l-vaċċin tal-Covid 19. Hemm diversi frontliners li ma ħadux dan il-vaċċin minħabba raġunijiet mediċi u oħrajn li għadhom ma kkonfermawx jekk hux se jkunu qed jieħdu dan il-vaċċin.

Frontliners li mhux ħa jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'ħa tkun il-policy tal-Gvern rigward il-frontliners li rrifjutaw li jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19? Dawn xorta ħa jitħallew jibqgħu b'kuntatt dirett mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani sew dawk tal-Gvern kif ukoll dawk tal-privat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern qiegħed joffri it-tilqima kontra l-COVID-19 fuq bażi volontarja, inkluż għall-professjonisti tas-saħħa inkluż dawk li jaħdmu mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani . Huwa ta’ sodisfazzjoni li l-maġġoranza l-kbira ta dawn il-professjonisti diġa ġew biex jitlaqqmu. Dawk li s’issa ma tlaqqmux ovvjament se jkomplu jaħdmu bħal qabel għaliex il-protokolli ta infection control huwa effettivi biex jevitaw tixrid tal-infezzjoni. Madanakollu l-opportunita’ tibqa hemm għalihom biex jieħdu t-tilqima.

Bdil ta’ Karta tal-Identità ta’ persuna ’l fuq minn 75 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex anzjana li għalqet 75 sena u ma tistax toħroġ mid-dar minħabba raġunijiet mediċi, tibdel il-karta tal-identità (ID card)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

It-Taqsima tal-Karta tal-Identità toffri Housebound Service lill-persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux joħorġu mid-dar u għandhom b¿onn jibdlu l-karta tal-identità. Hawn fejn uffiċjali tat-taqsima jżuru lill-klijent fid-dar tiegħu jew tagħha, u jaqduh hemmhekk. Madanakollu, minħabba l-pandemija dan is-servizz bħalissa huwa sospiż u qed isiru arranġamenti oħra. Għaldaqstant persuni li għal raġuni jew oħra ma jistgħux joħorġu minn djarhom sabiex jibdlu l-karta tal-identità għandhom jagħmlu kuntatt mat-taqsima u jkunu ggwidati dwar dak li għandhom jagħmlu.

In-Naxxar – Triq Vjal il-21 ta’ Settembru – xogħlijiet ħdejn il-Playingfield

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li minkejja li mhix imniżżla mat-toroq li l-Gvern ħa jagħmel fin-Naxxar, tista’ tiġi rranġata dik il-parti ta' Vjal il-21 ta' Settembru ġewwa n-Naxxar biswit il-playing field peress li tinsab f'kundizzjoni ħażina minkejja li hija waħda mit-toroq prinċipali tan-Naxxar u waħda mill-iktar toroq traffikużi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tan-Naxxar diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye, Triq San Franġisk t’Assisi u Triq San Pawl. Bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour. Toroq oħrajn f’din il-lokalità li diġà huma ppjanti biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara. Waqt li t-triq indikata wkoll hija ppjanata biex isirilha titjib fiż-żmien li ġej, Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fin-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Stairlifts — kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-ismijiet tal-kumpaniji li pprovdew is-stairlifts issussidjati mill-Housing sena b'sena tul dawn l-aħħar ħames snin sal-lum?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-PQ18307.

Għawdex – Bed capacity għat-turiżmu estern u intern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18382 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-bed capacity għat-turiżmu estern u għat-turiżmu intern fil-lukandi, fl-appartamenti u fil-farmhouses rispettivament f’Għawdex?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda distinzjoni fil-liċenzji bejn turiżmu intern u turiżmu estern. Il-bed capacity ġewwa Għawdex tammonta għal 8,287 u hija maqsuma hekk kif ġej: · Lukandi 1,438 il-sodda · Hostels/Guesthouses 349 il-sodda · Appartamenti 3,459 il-sodda · Farmhouses u vilel 3,041 il-sodda

Djar Residenzjali għall-Anzjani — lista

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lill-Kamra lista, bl-isem tad-Djar Residenzjali għall-Anzjani kemm dawk tal-Gvern kif ukoll dwar tal-privat, li jinsabu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ residenti li jistgħu jkunu akkomodati f’kull Residenza separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn 39 Dar Residenzjali għall-Anzjani, hemm żewġt idjar li għandhom is-servizz sospiż minħabba li għadejjin bix-xogħlijiet ta’ rinovar u manutenzjoni. Madankollu, il-lista sħiha tad-Djar Residenzjali tal-Anzjani li jinsabu kemm f’Malta u f’Għawdex kif ukoll in-numru ta’ residenti li jistgħu jkunu akkomodati f’kull residenza tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Contact Tracing – Sejħa tal-MTA

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mid-913-il persuna li kienu applikaw għas-sejħa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), biex jiġu assenjati mas-section tal-contact tracing, fil-verità ġew ipproċessati u impjegati mas-section tal-contact tracing għall-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 18414.

Ċilindri tal-Ossiġnu — Ċentru

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi żviluppi saru b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5792 dwar ftuħ ta' Ċentri oħra minn fejn persuna tista’ tbiddel jew tiġbor ċilindri tal-ossiġinu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm tliet postijiet minn fejn persuna tista’ ġġib jew tibdel iċ-ċilindru tal-ossiġnu. Dawn jinsabu fin-nofsinhar u fit-tramuntana ta' Malta u ieħor f'Għawdex. Permezz tad- delivery service , ċ-Ċilindri ta l-Ossiġnu jistgħu wkoll jiġu mibdula/mogħtija mingħajr ħlas, fid-djar tal-pazjenti nfushom madwar Malta u Għawdex.

Stair Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti biex persuna li għandha bżonn tinstalla stair lift f’darha tikkwalifika għas-sussidju tal-Gvern? Jista’ jgħid kif jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidju li jingħata lill-applikant? Jista’ jgħid jekk hux mandatorju li kull min japplika għal stair lift irid jibgħat tliet quotations mal-applikazzjoni tiegħu għal stair lift?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.