Legislature:
Category:
Reset
Active:

Armi tan-nar — permessi To Keep - trasferiment ta' armi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24218 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma lill-Kamra x'inhi l-proċedura meta persuna tiġi nieqsa u l-permessi To Keep ta' armi tan-nar u jgħaddu għand l-armla mingħajr il-bżonn li l-armi tan-nar joħorgu mir-residenza ta' fejn ikunu jinżammu? Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix differenza fil-proċedura bejn: a) meta l-koppja miżżewġa u li għandha t-tfal, ikollha testment fejn il-konjuġi jkunu eredi universali ta' xulxin u b) meta l-koppja miżżewġa u li għandha t-tfal ma jkollhomx testment bejniethom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nattira l-attenzjoni tal- Onorevoli Membru ghall-Ordni Permanenti 27(5) tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra li bih ma jistgħux isiru domandi li jfittxu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet legali astratti. Madankollu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fatti li hemm referenza għalihom fid-domanda tagħha huma irregolati mill-Art 42 tal-Kapitlu 480 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Armi tan-nar – liċenzja To Keep

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24219 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma x'għandu jsir bejn il-konjuġi waqt li għadhom ħajjin, biex il-mara tkun tista' tibqa’ żżomm l-armi ta' żewġha u ma jinqalgħux problemi wara l-mewt tal-holder tal-liċenzja To Keep?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nattira l-attenzjoni tal- Onorevoli Membru ghall-Ordni Permanenti 27(5) tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra li bih ma jistgħux isiru domandi li jfittxu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet legali astratti. Madankollu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fatti li hemm referenza għalihom fid-domanda tagħha huma irregolati mill-Art 42 tal-Kapitlu 480 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Berġa ta’ Ħ’Attard – servizzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra: (1) X'servizzi qed jingħataw fil-Berga ta' Ħ'Attard u b'liema frekwenza? (2) Kemm-il darba fil-ġimgħa qed jattendi tabib u x'tip ta' servizzi qed jagħti? (3) Is-servizz tat-tabib huwa 'walk in' jew bl-appuntament? (4) Is-servizz tal-podoloġija f'din il-Berġa qed tingħata BISS lid-dijabetiċi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tat-tabib fil-Klinika fil-Kommunita’ ta’ Ħ’Attard jingħata darba fil-ġimgħa, s-servizz tal-infermiera jingħata darbtejn fil-ġimgħa, tal-Podjatrija ħames darbiet fil-ġimgħa, tal-fiżjoterapija darbtejn fil-ġimgħa, tal-psikoloġista darba fil-ġimgħa, tal-iSpeech & Language Pathology tlett darbiet fil-ġimgħa, u tal-genetic counselling darba fil-ġimgħa. Is-servizz tat-tabib jingħata permezz ta’ appuntament u huwa bbażat fuq il-mudell ġdid fejn it-tabib jagħti servizz ħolistiku u jindirizza kull tip ta’ kura medika li jkollu bżonn il-pazjent. Is-servizz tal-podjatrija jingħata lil kull min ikollu bżonn kura tas-saqajn.

Reġistrazzjoni ta’ kirja – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' sidien li tressqu l-Qorti minħabba li naqsu li jirreġistraw kirja minn mindu nbidlet il-liġi u sar mandatorju li l-kera tiġi reġistrata? Dawn il-proċeduri jinbdew wara rapport speċifku min-naħa tal-kerrej jew wara li l-Awtorità tagħmel spezzjonijiet minn rajha?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi s’issa l-Awtorità tad-Djar għaddiet 15-il każ lil Pulizija hekk kif jitlob Kap 604/2019. Minn dawn, erba’ każijiet ġew imressqa l-Qorti filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-każijiet l-oħra għadhom għaddejjin. L-investigazzjonijiet ġew mibdija wara li l-Awtorita’ irċiviet rapporti dwar nuqqasijiet.

Armi tan-nar — permessi To Keep - trasferiment ta' armi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi l-proċedura meta persuna tiġi nieqsa u l-permessi To Keep ta' armi tan-nar u jgħaddu għand l-armla mingħajr il-bżonn li l-armi tan-nar joħorgu mir-residenza ta' fejn ikunu jinżammu? Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix differenza fil-proċedura bejn: a) meta l-koppja miżżewġa u li għandha t-tfal, ikollha testment fejn il-konjuġi jkunu eredi universali ta' xulxin u b) meta l-koppja miżżewġa u li għandha t-tfal ma jkollhomx testment bejniethom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob l-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Armi tan-nar – liċenzja To Keep

Question

Jista’ l-Ministru jinforma x'għandu jsir bejn il-konjuġi waqt li għadhom ħajjin, biex il-mara tkun tista' tibqa’ żżomm l-armi ta' żewġha u ma jinqalgħux problemi wara l-mewt tal-holder tal-liċenzja To Keep?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob l-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

COVID-19 – persuni pożittivi li kienu mlaqqma bil-vaċċin

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra kemm minn dawk li ħarġu pożittivi għall-COVID-19, f’dawn l-aħħar xahrejn sal-lum kienu diġà mlaqqma bil-vaċċin kontra l-COVID-19? Minn dawk li kienu mlaqqma, kemm minnhom kienu ħadu doża waħda tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u kemm minnhom kienu ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellant illi mill-ħmistax ta’ Settembru sal-ħmistax ta’ Novembru, n-numru ta’ każijiet pożittivi kien ta 1,475. Statistika turi li minn dawn 341 qatt ma’ ħadu l-vaċċin filwaqt li 5 ħadu biss l-ewwel doża. 1111 kienu vaċċinati kompletament. Ninfurmaha ukoll illi minn dawk il-pazjenti li fl-istess perjodu kienu għal kura intensiva fl-isptar Mater Dei u li kienu pożittivi għal-Covid-19 l-maġġor parti kienu mhux imlaqqmin u dawk li kienu mlaqqmin, ma kinux għadhom ħadu l-booster.

Applikazzjoni – Environment Impact Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex rigward l-applikazzjoni PC 11/18, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma talbitx għall-istudji bħal Environment Impact Assessment, partikolarment fid-dawl tal-fatt li numru konsiderevoli ta’ residenti lura fi Frar tal-2015, u għal darb'oħra f'Diċembru tal-2018 (LP2013-5691), kienu talbu lill Awtorità tal-Ippjanar li ż-żona tinbidel fi 'Green enclave', bħala risposta għas-sejħa li l-Awtorità nediet għal proposti ta’ titjib tal-Pjan Lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirrigwardja “change of alignment” u li f’interventi bħal dawn la hemm il-ħtieġa li l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsulta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u wisq inqas li jsir Environmental Impact Assessment (EIA).

Awtorità tal-Artijiet – bejgħ ta’ artijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ir-raġuni għaliex l-Awtorità tal-Artijiet qed tikkonsidra l-bejgħ lill-privat (PC 111/18) ta’ żona li tinkludi medda ta’ kważi tlett itmien art tal-gvern meta din tikkonsisti f'art agrikola mogħnija b’ħitan ċentinarji tas-sejjiegħ, siġar ċentinarji tal-lewż, u ħlejjaq protetti u dan meta hemm oġġezzjoni mir-residenti li talbu biex iż-żona tinbidel fi Green Enclave u l-għelieqi tal-Gvern jinbidlu fi spazju rikreattiv informali fil-forma ta’ masġar żgħir bil-ħitan originali tas-sejjiegħ għat-tgawdija tar-residenti kollha kif ser isir madwar il-Mitħna tal-Mosta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, l-applikazzjoni msemmija, giet sottomessa quddiem l-Awtorità ta’ l-Ippjanar minn terzi persuni li huma sidien ta’ artijiet adjacenti, skond il-provizjonijiet ta’ SL 552.07. L-Ippjanar futur ta’ din l-art kien mahsub fis-Central Malta Local Plan, 2006, fejn din il-medda shiha kienet giet indikata ghall ippjanar futur ta’ “white area” skond policy NA 01 ta’ l-istess Pjan Lokali. Ghaldaqstant, l-Awtorita’ ta’ l-Artijiet tkun tista tiddisponi biss minn din l-art galadarba ikun hemm pjan approvat mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar ghall-izvilupp tal-medda kollha.

Proġett tas-Central Link – użu tal-by pass minflok tal-mina

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x'miżuri hemm maħsuba biex il-karozzi telgħin lejn it-Tramuntana ta' Malta, minflok ma’ jużaw il-mina maħsuba li ser twassal fejn kien hemm installat it-Traffik Lights fejn San Anton, jużaw il-By Pass il-ġdida li tinkorpora l-Link il-ġdid bejn Triq Oliver Agius u Triq Tumas Chetcuti sal-Isptar Monte Carmeli? Dan biex jiżgura li ma jkunx hemm konġestjoni tat-traffiku akbar milli kien ikun hemm qabel il-proġett tas-Central Link.

Response (BORG, IAN)

Ninnota b’sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni fl-aħħar qed tirrikonoxxi l-benefiċċji ta’ Central Link Project sabiex intaffu l-problemi ta’ konġestjoni ikkawżati minn snin twal ta’ nuqqas t’investiment u minn ippjanar bla viżjoni fit-tul minn amministrazzjonijiet preċedenti. Il-Bypass li qed issir referenza għaliha, jiġifieri l-korsiji ġodda ta’ Central Link Project, kien ilha ppjanata mis-snin sittin iżda kien biss dan il-Gvern li kellu l-kuraġġ iwettaqha. Nilqa’ l-entużjażmu ġdid tal-Oppożizzjoni għall-benefiċċji ta’ dan il-proġett, tant li issa tixtieq tara aktar persuni jużaw il-korsiji ġodda li lestejna f’din l-aħħar sena, hekk kif tixhed din il-mistoqsija. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-Imrieħel jew Birkirkara fid-direzzjoni ta’ Ħ’Attard, Ta’ Qali, ir-Rabat, il-Mosta, l-Imġarr jew lokalitajiet oħrajn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta m’għandhomx bżonn “miżuri” biex jużaw il-korsiji ġodda (bypass) ta’ Central Link Project mal-periferija ta’ Ħ’Attard, għaliex diġa ilhom jagħmlu dan minn meta nfetħu dawn il-korsiji f’Settembru 2020. Permezz ta’ dawn il-korsiji ġodda, Infrastructure Malta ħolqot rotta diretta bla ebda waqfien mill-Bypass tal-Imrieħel sa taħt it-Telgħa tas-Saqqajja, f’Ta’ Qali. B’hekk eliminajna l-erba’ sistemi ta’ traffic lights antiki u l-partijiet ta’ din ir-rotta arterjali li fis-snin disgħin ġew imdejqin għal korsija waħda, il-fatturi ewlenin għas-snin ta’ konġestjoni u tniġġis tal-arja f’dawn l-inħawi, hekk kif qed issemmi tajjeb l-Onorevoli Deguara. Fl-istess waqt, il-mina li qed issir referenza għaliha, li Infrastructure Malta qed twettaq permezz tal-proġett separat Mriehel Underpass Project, għandha l-għan li ttejjeb is-sigurezza u l-effiċjenza fl-ivvjaġġar għal mezzi differenti, fid-direzzjoni opposta, jiġifieri minn Ħ’Attard u Ħal Balzan lejn l-Imrieħel u destinazzjonijiet oħra fiċ-ċentru u nofsinhar ta’ Malta. Din il-mina se jkollha biss korsiji fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar, sabiex dawk għaddejjin f’din id-direzzjoni ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout ġdida li se ssir fuq l-istess mina biswit l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, fl-Imrieħel. Dawk li jkunu għaddejjin fid-direzzjoni tat-tramuntanta m’humiex ser jużaw ir-roundabout ġdida lanqas, peress li dawn diġa qed jużaw ir-roundabout bypass lanes li saru permezz ta’ Central Link Project bħala parti minn din ir-rotta ġdida. Għalhekk, ir-roundabout ġdida ser tkun aktar komda u sigura għal konnessjonijiet lokali b’inqas riskji t’aċċidenti, fosthom minn u lejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħaż-Żebbuġ. Ir-roundabout se tkun aktar sigura wkoll għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, għaliex se jkollha punti ta’ qsim pedonali aktar siguri li jingħaqdu mal-korsija ġdida għar-roti u l-mixi ta’ dan il-proġett, l-itwal waħda tat-tip tagħha li qatt saret f’Malta. Inħares ‘il quddiem lejn it-tlestija ta’ Central Link Project u Mriehel Underpass Project fiż-żmien li ġej, sabiex dawk li jgħixu u jivvjaġġaw f’dawn il-lokalitajiet fiċ-ċentru tal-pajjiż ikomplu jgawdu l-benefiċċji ta’ dan l-investiment.

Diabetic Monitors

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Diabetic Monitors tad-Dexcom CGM jiġu mifruxa fuq iżjed faxxi ta' dijabetiċi bħad-Diabetic type 2?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li ġie introdott is-servizz ta’ continuous glucose monitoring bħala proġett pilota u wara li dan ġie iggudikat li kien suċċess, il-gvern qiegħed jara kif dan jista’ jiġi estiż ‘il quddiem.

Carers vaċċinati

Question

Jista' l-Ministru jagħti assigurazjoni li l-carers li jaħdmu fil-residenzi tal-gvern, tal-knisja u tal-privat u li huma f'kuntatt dirett mal-anzjani, huma vaċċinati? Jista' jagħti l-istess assigurazzjoni għal dawk il-care workers li jaħdmu fil-komunità f'kuntatt dirett ma' pazjenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tat l-opportunità lil kull min jaħdem fid-djar tal-anzjani, li jinkludi djar tal-knisja, privati u tal-gvern li jkunu mlaqqma bil-vaċċin tal-COVID-19. Bħalissa madwar 95% tal-carers u infermiera fid-djar tal-anzjani ġew mlaqqma bil-vaċċin. Fir-rigward ta’ carers u nurses li jaħdmu fil-komunità mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità kienu minn tal-ewwel li ġew vaċċinati. Apparti minn hekk, l-impjegati għadhom qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha permezz ta’ ilbies protettiv.

Anzjani – talba għal replacement ta’ carer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li dawk l-anzjani li jagħmlu użu mis-servizz ta' carer fil-komunità ma jistgħux jesiġu li care worker li żżurhom tkun vaċċinata? Jekk iva x'għandhom jagħmlu biex ikollhom replacement b'carer li tkun vaċċinata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-carers u nurses li jaħdmu fil-komunità mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità kienu minn tal-ewwel li ġew vaċċinati. Apparti minn hekk, l-impjegati għadhom qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha permezz ta’ ilbies protettiv. L-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ ma kellha l-ebda rapport ta’ din x-xorti.

Ħ’Attard – Triq Tursin ir-Riħ — asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ħa jiġu ri-asfaltati minn Transport Malta f’Ħ’Attard u jekk Triq Tursin ir-Riħ hijiex waħda minnhom? Jekk iva, meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq Triq Tursin ir-Riħ?

Response (BORG, IAN)

Qabel xejn nispeċifika li Transport Malta waqfet tagħmel xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid u asfaltar ta’ toroq minn meta twaqqfet Infrastructure Malta tliet snin ilu. Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità ta’ Ħ’Attard diġà saru Triq il-Ġamar, Triq Dun Alwiġ Galea, Triq il-Marġ, Triq Hannibal, Sqaq Rajgu, Triq Annibale Preca, Triq Ferdinandu Inglott, Triq qrib San Anton, Triq Kananea, Triq Oliver Agius u Triq Lord Strickland. Bħalissa għaddej xogħol fi Triq l-Imdina, Triq iż-Żagħfran, Triq in-Nutar Zarb, Triq il-Belt Valletta, Triq Ħaż-Żebbuġ, Triq Wied ta’ Rmiedi u Triq San Anton. Fl-istess lokalità hemm ukoll diversi toroq oħrajn li bħat-triq indikata qed ikunu ppjanati biex isiru xogħlijiet fihom fiż-żmien li ġej li jinkludu wkoll Trejqet ir-Reġina, Triq l-Isptar, Triq l-Inħasa, Triq Ta’ Fgieni, Triq il-Pitkali, Triq il-Linja, Triq A Schembri u Triq Ħal Warda. Uħud mit-toroq li qegħdin isiru bħalissa f’Ħ’Attard jagħmlu parti mis-Central Link Project, li huwa investiment ewlieni li Infrastructure Malta qed twettaq anke b’fondi Ewropej biex ittejjeb il-kwalitá, is-sigurtá, s-sostenibilità u l-effiċjenza fir-rotta arterjali li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Il-ħin tal-ivvjaġġar f’dan in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż għandu jonqos bin-nofs. Ser jonqos l-ammont ta’ persuni li jkollhom jgħaddu minn toroq residenzjali fl-inħawi biex jippruvaw jaslu aktar malajr. B’hekk ser igawdu mhux biss il-lokalitajiet ta’ Ħal Balzan u Ħ’Attard, iżda wkoll oħrajn viċin bħal Ħal Lija u Birkirkara. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.

Mosta — Triq Sant'Antnin Abbati - Sqaq Numru 1 - Asfalt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21645 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra meta Sqaq numru 1 fi Triq Sant’Antnin Abbati fil-Mosta ser jiġi asfaltat, billi dan l-isqaq żgħir jinsab fi stat ħażin u jintuża ta’ kuljum minn ħamsa u għoxrin resident li għandhom il-garaxxijiet tagħhom fih?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li għad m’għandux ipproġettat li Sqaq Sant’Anton Abbati numru 1 jiġi asfaltat, minħabba li fih garaxxijiet biss u mhux triq residenzjali. F’dan il-mument il-proġetti finanzjarji tal-Kunsill jiġu prijorizzati skont l-urġenza li jkun hemm b¿onn, għal gid tar-residenti kollha tal-Mosta.

Mosta – Triq Sant’Antnin Abbati – Sqaq numru 1 – asfalt

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta Sqaq numru 1 fi Triq Sant’Antnin Abbati fil-Mosta ser jiġi asfaltat, billi dan l-isqaq żgħir jinsab fi stat ħażin u jintuża ta’ kuljum minn ħamsa u għoxrin resident li għandhom il-garaxxijiet tagħhom fih?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Residenzi tal-anzjani – anzjani li ma jistgħux iqumu mis-sodda — viżitaturi

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra hemmx ħsieb li issa li l-anzjani fir-residenzi f'Malta u Għawdex jistgħu jirċievu l-viżitaturi, isiru arranġamenti apposta, biex anke dawk l-anzjani li ma jistgħux iqumu mis-sodda, ikunu jistgħu jirċievu viżitaturi fil-kamra tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ill fil-każ ta’ persuni li ma jistgħux iqumu mis-sodda, il-viżitaturi għandhom ikellmu lill-maniġment tad-dar biex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji.

Dangerous Drug Card – persuni li jieħdu l-Cannabis Mediċinali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra kemm hemm persuni reġistrati li jieħdu l-Cannabis Mediċinali permezz tad-Dangerous Drug Card?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 1377 persuna reġistrata biex tieħu l-Cannabis Mediċinali.

Żieda mogħtija minħabba l-għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jara tistax tiġi rranġata l-anomalija li nqalgħet meta minħabba ż-żieda li ngħatat għall-għoli tal-ħajja, f'ċertu każi wasslet biex dawk li kienu jikkwalifikaw għall-għajnuna tal-mard tilfuha? Jista’l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li kieku din iż-żieda ma tiġix ikkonsidrata mad-dħul tal-persuna li tirċeviha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.

Wied il-Għasel — tindif

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19694 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-mistoqsija parlamentari 19560 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa f`Wied il-Għasel qed isir xogħol infrastrutturali fuq tmien (8) digi minn Parks Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali (MTIP). Dan ix-xogħol beda matul ix-xahar ta’ Ġunju tas-sena 2020 u huwa mistenni li jiġi konkluż fl-aħħar tas-sena 2021. Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant għandu jifhem li matul dawn ix-xogħlijiet ta` tħammil ta` dawn id-digi minn Wied il-Għasel sa Wied Santa Katarina ċertu inkonvenjent ikun mistenni f’tali sit.