Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #13128 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Enforcement Unit - impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12820 u 12342 u jgħid kemm hemm membri fl-Enforcement Unit tal-Awtorità ta' Malta dwar Ambjent u l-Ippjanar bħalissa? Jista' jagħti rendikont tal-ħidma tagħhom minn Jannar din is-sena 'l hawn? Kif inhuma deployed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Enforcement Unit ta' l-Awtorità responsabbli mill-enforcement ta' l-ippjanar bħalissa hija mqassma hekk kif ġej: 1 Unit Manager (appuntat fl-aħħar ta' Jannar, 2009); 1 Enforcement Supervisor li hu responsabbli minn Mainstream Enforcement b'4 Teams b'responsabbilitajiet ġeografiċi jew għal żvilupp maġġur, li fihom jinkludu 4 Senior Enforcement Officers u 26 Planning Enforcement Officers 1 Senior Enforcement Officer li hu responsabbli minn Direct Action Team li jinkludi 4 Planning Enforcement Officers 1 Senior Enforcement Officer li hu responsabbli minn Team li jieħu ħsieb Rapporti/Ilmenti u l-amministrazzjoni ta' talbiet għal Compliance Certificates , li jinkludi segretarja u temp. U hemm ukoll segretarja li sservi l- Units kollha. Enforcement ġewwa Għawdex isir minn nies li hemm fl-Uffiċċju tal-MEPA ta' Għawdex ħlief għal meta ssir Direct Action li ssir b'impjegati minn Malta. Mill-1 ta' Jannar sat-13 ta' Novembru 2009, dan il- Unit , fost affarijiet oħrajn, għamlet dan li ġej Ittieħdu 819 każijiet ( files ) t'infurzar; Ingħalqu 455 każijiet ta' infurzar. Ġew indirizzati 86 files t'infurzar permezz ta' azzjonijiet diretti, apparti mit-tneħħija ta' għadd ta' billboards . Intlaqgħu 6344 talba għal Compliance Certificate ; Ġew konklużi 6438 talba għal Compliance Certificate . Ġew reġistrati 1565 ilment; Ġew magħluqa 1286 ilment (li ġew reġistrati mill- Enforcement Officers fuq is-sistema diġitali); Ġew inklużi 2366 applikazzjoni għal żvilupp fis-sistema ta' monitoraġġ; Saru 6462 spezzjonijiet (li ġew reġistrati mill- Enforcement Officers fuq is-sistema diġitali) fuq applikazzjonijiet li kienu nklużi fis-sistema ta' monitoraġġ. (Din l-istatistika tirrigwarda biss każijiet ta' ippjanar ġewwa Malta, filwaqt li l-azzjonijiet diretti jinkludu ukoll dawk li ttieħdu ġewwa Għawdex) Fil-waqt li fid-Direttorat ta' l-Ambjent, l- istaff li x-xogħol tagħhom huwa esklussivament fuq l-infurzar tal-liġi fil-preżent huma tnejn minn nies f’Malta u wieħed f’Għawdex. Mill-banda l-oħra, bosta membri ta’ l- istaff fid-Direttorat ta’ l-Ambjent jagħmlu xi xogħol li jista’ jitqies bħala " compliance monitoring " u " compliance auditing " li bis-saħħa tiegħu attwalment jonqos il-ħtieġa ta’ xogħol ta’ infurzar. Jekk tgħodd il-persentaġġ ta' ħin li l- istaff kollu li jikkontribwixxi għal dan it-tip ta' xogħol, it-total huwa ta' madwar 12 " full time equivalents " mqassma fuq numru ta' nies f'diversi units tad-Direttorat. Wieħed jista’ jqis ukoll li kull xogħol li jagħmel id-Direttorat ta' l-Ambjent, ħlief għall-kontribuzzjoni li jagħti biex jinkitbu l-liġijet ta' l-ambjent, huwa xogħol li jwassal għat-twettieq ta' l-istess liġijiet, u allura xogħol li jnaqqas il-ħtieġa ta' infurzar.
Leg 11 PQ #13129 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Money for Parking scheme

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12950 u 12488 u ċioe:Nixtieq ġentilment nirreferi lill-Prim Ministru għall-iskema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar 'Money for Parking' li permezz tagħha żvilupp ġdid irid ikun marbut mal-ħruġ ta’ permess fejn biex jiżdiedu l-għadd ta’ dwellings jew inkella jinbnew oħrajn irid bilfors jinħoloq parkeġġ jew garaxxijiet għas-sidien ta’ dawn l-appartamenti. Meta jirriżulta li xi propjetarji jew żviluppaturi ma jkunux jistgħu jagħmlu dan jew ma jkunux iridu jibnu garaxxijiet, nifhem li hija l-prassi li jħallsu somma flus lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ipattu għal dan in-nuqqas ta’ parking space. Nifhem ukoll li dawn il-flus suppost imorru ġo fond biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu ndirizzati l-problemi tal-karozzi u tal-parking. Jikkonferma l-Prim Ministru li dawn il-flus minflok intużaw għall-iskop oriġinali tagħhom, parti minnhom intużaw biex tinxtara Hexagon House għat-taqsima ambjentali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm inġabru flus taħt din l-iskema madwar Malta u Għawdex kemm ilha teżisti l-iskema sena b’sena? Kemm minnhom inġabru minn tas-Sliema biss? Kemm mis-somma miġbura marret fuq ix-xiri ta’ Hexagon House?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-mistoqsija parlamentari numru 12950.

Electric and land transport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12864 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12395, jista' l-Ministru jinforma jekk l-istudju hemmx referenza għalih fil-proposta tal-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta dwar l-enerġija f'kuntest ta' pjan nazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fil-proposta tal-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta dwar l-enerġija f'kuntest ta' pjan nazzjonali m'hemm riferenza għall-ebda studju fuq is-suġġett imsemmi.

Online security u anti spam measures

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11705 u 11431 u ċioe: fid-dawl ta' rapporti li skond l-Unjoni Ewropea pajjiżna waqa' lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' online security u anti spam measures, jista' l-Ministru jgħid x'passi effettivi mistennija jittieħdu fil-ġejjieni qarib? Hemm xi ħsieb li wara discussion paper dwar l-ispam li kienet tqassmet fin-NISCO ferm qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, titressaq leġislazzjoni komprensiva li tinkludi provedimenti għall-prosekuzzjoni għal min jagħmel kontravenzjonijiet ta' spam, spyware u malware?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

provista tal-elettriku — studju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12860 u 12371 u ċioe: Billi fir-rapport dwar l-enerġija ta' pajjiżna intqal ċar u tond li l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kienet ikkummissjonat studju biex jinvestiga l-options kollha għall-provista tal-elettriku bejn is-sena li għaddiet sas-sena 2020, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal dan l-istudju u meta mistenni jintemm u jiġi pubblikat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-istudju biex jinvestiga l-options kollha għall-provista tal-elettriku bejn is-sena 2008 u s-sena 2020 kien ikkummissjonat lil Lahmeyer International. Ir-rakkmandazzjonijiet ta’ dan il-feasibility study ġew inkorporati fl-abbozz tal-energy policy imsejjaħ A proposal for an energy policy for Malta. Sadanittant l-Awtorità kkummissjonat studji ulterjuri biex jikkumplimentaw dan il- feasibility study kif ukoll SEA fuq l- energy policy skont ma kien indikat mill-Awtorità kompetenti fuq l-SEAs. Dan għandu jwassal biex tkun ikkonsolidata l- energy policy waqt li jittieħed ukoll kont tal-kummenti li saru waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Kappara — Riforma f'Regional Road

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12779 u 12339 u ċioe: B’referenza għar-rapporti li dehru fil-media lokali li l-Awtorità dwar it-Trasport qiegħda tikkonsidra serjament li twessa’ Triq Mikiel Anton Vassalli fil-Kappara, jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta’ għadd ta’ residenti fl-inħawi u ċittadini oħrajn dwar il-fatt li ż-żona madwar ir-roundabout tal-gass fi Triq Mikiel Anton Vassalli u Sliema Road, fil-Kappara huma postijiet fejn l-inċidenti tat-traffiku ma jonqsux? Fl-imgħoddi kien hemm saħansitra każijiet fejn vetturi skidjaw u telgħu l-bankina u anki faqgħu ċ-ċint tal-Korporazzjoni Enemalta, fost partijiet oħrajn. Sa ftit jiem ilu biss kellna mill-ġdid każ gravi fejn vettura telgħet il-bankina u nqalbet. Fiċ-ċirkostanzi, apparti mill-pjanijiet li għandu l-Gvern dwar il-Kappara Junction, tista' l-Awtorità dwar it-Trasport flimkien mal-kunsill lokali konċernat jaraw li jitqiegħdu crash barriers fuq iż-żewġ naħat ta’ Regional Road u Sliema Road u fuq is- central strips tal-istess toroq? Tista' tiġi introdotta sistema ta’ pelican lights biex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu bla periklu? Jistgħu jittieħdu passi effettivi biex jiġi mrażżan sewqan eċċessiv f’dawn l-inħawi, kif ukoll li jiġu introdotti speed cameras bejn Kappara Service Station u r- roundabout tal-gass? Jirriżultali li dan l-ilment ilu jitressaq lill-awtoritajiet għal aktar minn ħames snin, iżda ninsab infurmat li minkejja dan kollu l-Awtorità dwar it-Trasport lanqas bagħtet acknowledgements lill-persuni li ressqu dawn l-ilmenti matul is-snin. Għal soluzzjoni ħolistika nemmen li l-Awtorità għandha tikkonsidra serjament li tfassal pjan flimkien mal-kunsill lokali konċernat u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.
Leg 11 PQ #13087 Sitting 176 2009-12-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — kummissjoni għar-reviżjoni tal-policies

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12778 u 12333 u ċioe: Peress li ftit ġimgħat ilu l-Prim Ministru waqqaf kummissjoni għar-reviżjoni tal-policies tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, billi huwa għażel li jinnomina għadd ta’ persuni li qed jirrappreżentaw lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' jgħid jekk inkunx korrett jekk nifhem li l-Users Committees tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u anke għaqdiet ambjentali mhux governattivi, issa għandhom l-obbligu li jaġġornaw regolarment lill-entitajiet li qegħdin jirrapreżentaw dwar l-andament tal-laqgħat li qed ikollhom bħala rappreżentanti tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma li l-Gvern ħatar Kummissjoni biex tirrevedi policies tal-MEPA. Fuq din il-Kummissjoni hemm persuna mill-USERS Committee tal-MEPA kif ukoll persuna minn għaqda mhux governattiva li topera fil-qasam tal-Ambjent. Dawn iż-żewġ persuni ġew mitluba sabiex iżommu l-entitajiet li jiffurmaw parti mill- USERS Committee tal-MEPA kif ukoll l- NGOs oħra aġġornati b’dak li tkun qed tagħmel il-Kummissjoni.

Irziezet Liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12777 u 12331 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa u komprensiva tal-irziezet kollha liċenzjati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Food security and safety regulations

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12775 u 12323 u jgħid kemm mill-irziezet f'pajjiżna huma compliant ma' Food Security and Safety Regulations tal-Unjoni Ewropea? X'għajnuna qed jagħti l-Gvern biex jgħinhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jiġu compliant? Kemm minn dawn il-farms ġew mibdula għall-użu ieħor? X'ser jiġri minn dawn il-farms meta l-għajnuna finanzjarja diretta tieqaf fi tmiem is-sena d-dieħla? Jista' jikkonferma li f'żoni bħall-Magħtab hemm tmienja biss minn 24 razzett li għadhom joperaw bħala farms u li ħafna minn dawn jinsabu f'qagħda ħażina ferm? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn għandhom jitħallew ikomplu joperaw minħabba fil-kundizzjonijiet li jinsabu fihom? X'garanzija għandu l-konsumatur li l-Gvern qed jpoġġi l-interessi u l-kunsiderazzjonijiet tal-istess konsumaturi dwar il-food security and safety l-ewwel u qabel kollox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13090 Sitting 176 2009-12-09 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — compliance certificates

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12762 u jgħid jekk meta jinħarġu compliance certificates mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dawn jintbagħtux bil-posta jew jingħatawx by hand across the counter mill-enforcement officers? Ir-raġuni hija ovvja għaliex meta dawn jinħarġu bl-idejn ir-riskju ta’ korruzzjoni fil-ħruġ ta’ permessi simili jikber. Jekk m'għadhomx jinħarġu by hand, jista' jgħid meta twaqqfet din il-prattika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

bini ta' aktar fabbriki fl-oqsma industrijali

Question

Billi ġie indikat fil-media li hemm xi 12-il fabbrika vojta fl-oqsma industrijali, jista' l-Ministru jgħid kif jinkwadra dan kollu mat-talba li approvat l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta’ aktar fabbriki, jew dan huwa dovut għal xi domanda li għandha in the pipeline il-Malta Enterprise? Kemm mill-fabbriki l-ġodda se jkunu custom built?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-fabbrika vojta fl-oqsma industrijali huma meħtieġa biex ikun hemm stokk għall-ħtiġijiet u għaċ-ċaqlieq li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien skont id-domanda għal dan l-ispazju flimkien ma’ investiment ġdid. Fl-istess ħin l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tapprova żvilupp ta’ fabbriki kemm f’oqsma industrijali pubbliċi u kemm dawk privati. Hemm ukoll żvilupp ta’ oqsma fuq art privata li jirriżulta minn eżerċizzju li kien sar numru ta’ snin ilu u li dan jakkomoda fabbriki żgħar (garage industries). Normalment fabbriki pprovduti mill-Malta Industrial Parks huma ta’ daqs akbar. Dawn kultant jinqasmu biex jipprovdu spazju għal aktar minn investitur wieħed. Dan it-tip ta’ qsim jiddependi mill-qież tal-fabbrika, mill-konfigurazzjoni tagħha, mill-ħtiġijiet tal-kerrej il-ġdid, kif ukoll minn konsiderazzjonijiet oħra ta’ ippjanar, ta’ struttura u ta’ operat tal-intrapriżi l-ġodda. Ġieli jinstab wkoll li għal diversi raġunijiet ikun aktar ekonomiku li fabbrika titwaqqa u tinbena oħra jew oħrajn ġodda minflokha. F’sitwazzjoni bħal din dejjem ikun hemm applikazzjoni lil MEPA għal dan ix-xogħol. Il-fabbriki custom built issir applikazzjoni separata u individwali għal kull każ skont il-bżonn. Dawn ikunu f’diversi stadji ta’ preparazzjoni kemm qabel u kemm waqt l-ipproċessar mill-MEPA għax jirrekjedu informazzjoni varja. Kif wieħed jista’ japprezza, minn dawn ma jkunx hemm kwantitajiet kbar iżda dejjem ikun hemm minn fabbrika sa tnejn (kultant aktar, bħal f”Ħal Far) f’kull qasam speċjalment dawk kbar.

Entitajiet Governattivi u Parastatali — ġbir ta' bolla dovuta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm entitajiet governattivi u parastatali li għad għandhom jgħaddu lill-Gvern is-sehem dovut fi ġbir ta’ bolla – national insurance u income tax tal-ħaddiema tagħhom lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Liema huma? Kemm ilhom pendenti dawn l-ammonti? X’repayment programmes jeżistu? Jista' jgħid liema huma l-entitajiet kollha konċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm sitt entitajiet parastatali li għad għandhom jgħaddu lill-Gvern is-sehem dovut fi ġbir ta’ bolla – national insurance u income tax tal-ħaddiema tagħhom lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalita’, id-Dipartiment ma jistax jindika liema huma dawn l-entitajiet parastatali. Dawn l-ammonti ilhom pendenti kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-sitt entitajiet parastatali referuti preċedentament m’utiliżaw l-ebda mir- repayment programmes eżistenti. Fir-rigward tal-entitajiet governattivi, id-Dipartiment ma’ jistax jipprovdi informazzjoni fuq bilanċi dovuti. Dan huwa minħabba l-fatt li l-pagamenti ta’ national insurance u income tax minn entitajiet governattivi ma jsirx bl-istess mod bħal employers inġenerali.
Leg 11 PQ #13028 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Whistleblower act

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jinsabx lest li jitlob skuża talli fuq il-mezzi tax-xandir allegatament qarraq bin-nies meta żbalja dwar x’suppost ifisser il-kunċett tal-Whistleblower Act, aktar u aktar meta suppost li fi kliemu stess din il liġi hija kważi lesta? X’għandhom x’jaqsmu l-kompliċi kriminali ma' min jikxef skandli li jiġu a konoxxenza tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-abbozz tal-Whistle Blower Act, li ser jitressaq dalwaqt, ser jirrispondi din il-mistoqsija.
Leg 11 PQ #13029 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti fl-istampa — kuntrattur li għamel xogħol fuq residenza privata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni uffiċjali tiegħu dwar rapporti fl-istampa fejn kuntrattur li għamel xogħol fir-residenza privata tal-Ministru Tonio Fenech stqarr fil-media lokali li l-Ministru qalilhom biex iżommuha bejniethom għax inkella ssirlu ħsara politika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mhux il-kompitu tiegħi li nagħti reazzjoni għal rapporti fil-media. Infakkar l-Onorevoli Interpellant li l-materja hija suġġett ta’ proċeduri fil-Qorti.
Leg 11 PQ #13030 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — xogħol strutturali fuq residenza

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti r-referenza tal-applikazzjoni u tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar in konnessjoni max-xogħol strutturali sar fuq ir-residenza tal-Ministru Tonio Fenech f’Ħal Balzan? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjoni li saret taħt id-development notification order li fiha suppost jiġu elenkati t-tibdiliet li jkunu se jsiru fil-propjetà?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar huwa tibdil intern u żvilupp f’bini eżistenti fil-konfini tal-iżvilupp li jaqa’ taħt il-Klassi 1 skont Avviż Legali 115 tal-2007 (Ordni tal-2007 dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp) u allura ma kienx hemm ħtieġa ta’ DNO.

feasibility study fuq dokument A Proposal for an Energy Policy For Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12819 u 12361 u ċioe: B’referenza għad-dokument riċenti ‘A Proposal for an Energy Policy For Malta’ jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-feasibility study li għamlet l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi fejn din qalet li kkonsidrat diversi għażliet dwar il-provvista ta’ gass naturali fosthom permezz ta’ pipeline interconnection bejn Gela u Delimara, liquified natural gas terminal f’Delimara Power Station bi trasport via sea vessels u compressed natural gas li jinvolvi l-ħażna u t-trasport ta’ gass kompressat f’pipes ġewwa sea vessels? Jista' jara li jiġu inklużi wkoll ir-rakkmandazzjonijiet finali fejn jintqal li skond l-istudju, liquified natural gas terminal bi storage capacity ta’ 600,000 cubic m tkun l-aħjar għażla u li l-introduzzjoni tal-gass naturali apparti milli jgħin fid-diversifikazzjoni, fil-ġenerazzjoni tal- fuel jikkontribwixxi sostanzjalment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal- carbon dioxide flimkien ma' pollutants oħrajn ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13085 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti mhux aċċettati għall-fond ambjentali mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12818 u 12351, li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu, u jikkonferma li Malta hija waħda minn erba' stati membri tal-Unjoni Ewropea li naqset milli tibbenefika mill-fond ambjentali ta’ €207 miljun tal-Unjoni Ewropea allokati lill-proġetti ambjentali taħt il-Life Programme għas-sena li għaddiet?Jikkonferma li l-erba' proġetti sottomessi minn pajjiżna lkoll ġew skwalifikati minħabba li ma laħqux il-livelli u s-selection criteria meħtieġa? Bħala Gvern Malti, jista' jgħarrafna għaliex l-ebda proġett Malti ma ġie approvat jew saħansitra aċċettat u dan meta pajjiż żgħir ġirien tagħna li issieħeb magħna bħal Ċipru, irnexxielu jirċievi 'l fuq minn €6 miljun b’rabta ma' ħames proġetti differenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13021 Sitting 174 2009-12-02 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

advertising campaign dwar il-budget

Question

Jista' Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'reklami awdjoviżivi u stampati dwar il-budget wara li tħabbar? Liema kienet id-ditta li ħadet ħsieb l-advertising campaign inkluż l-art work flimkien mal-kitba tat-text tar-reklami? Kemm tħallset u kif intgħażlet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

VAT Department review

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix xogħol tal-VAT Department review? Meta nbeda u meta mistenni jiġi konkluż? Kemm-il laqgħa saret tal-kummissjoni msemmija minn kemm ilha mwaqqfa taħt kull chairman rispettiv li kellha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bord ġie mwaqqaf fis-7 t'Ottubru, 2009 u kellu l-ewwel laqgħa tiegħu fil-15 t'Ottubru. Sal-lum il-Bord iltaqa' seba' darbiet. Ix-xogħol miexi kif mistenni u l-Bord qed jippjana li jlesti x-xogħol tiegħu f'Jannar 2010.

Football Ground — Gzira United - xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti li jmorru lura għal legislaturi oħrajn, tista' l-Ministru tindika: a) x'inhuma l-prospetti li Gżira United ikollhom il- football ground tagħhom bħala parti mill-proġett ta' Manoel Island kif imwiegħed kuntrattwalment? b) saru xi kuntatti mill-Gvern mal-promoturi tal-proġett biex jiġi żgurat li din il-wegħda tiġi implimentata mingħajr aktar dewmien, iżjed u iżjed meta għadu mhux magħruf mill-klabb kif se jibqgħu dwar titlu jew ċens u għad m'hemm ebda indikazzjoni meta x-xogħol fuq il-ground ser jinbeda? ċ) Taf li skond kif indikat f'dan l-istess parlament ix-xogħol kellu jibda fl-ewwel kwart tas-sena 2006? d) Taf li sal-lum għad lanqas biss hemm permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? e) Ġaladarba l-Gvern kien intrabat kuntrattwalment mal-MIDI Malta dwar dan il proġett kollu kemm hu tal-iżvilupp ta' Tigne u Manoel Island, ma tħossx li kemm il-Minsiteru nnifsu flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport għandhom jaħdmu id f'id mal-promoturi u l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jaraw li din il-wegħda kuntrattwali tiġi onorata mingħajr aktar dewmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1297.