Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ tad-dawl — Investigazzjonijiet tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-inkjesta maġisterjali dwar il-qtugħ tal-provista tad-dawl fil-Korporazzjoni Enemalta li ġara fit-18 ta' Novembru, 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-inkjesta maġisterjali għadhom għaddejin.
Leg 11 PQ #12762 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — compliance certificates

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk meta jinħarġu compliance certificates mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dawn jintbagħtux bil-posta jew jingħatawx by hand across the counter mill-enforcement officers? Ir-raġuni hija ovvja għaliex meta dawn jinħarġu bl-idejn ir-riskju ta’ korruzzjoni fil-ħruġ ta’ permessi simili jikber. Jekk m'għadhomx jinħarġu by hand, jista' jgħid meta twaqqfet din il-prattika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull compliance certificate li jinħareġ mill-Awtorità, jintbagħat bil-posta reġistrata lill-applikant innifsu skont l-indirizz indikat fid-dikjarazzjoni. S’issa, jekk dan l-applikant jew ossija min issottometta t-talba jkun jixtieq jiġbor iċ-ċertifikat personalment, ikun jista’ jagħmel hekk biss billi jippreżenta l-karta ta’ l-identità u jiffirma fuq reġistru apposta qabel jieħu d-dokument. Għaldaqstant iċ-ċertifikati ma jingħatawx by hand across the counter mill-enforcement officer. Dan isir sabiex kemm hu possibli titnaqqas iċ-ċirkolazzjoni fl-idejn ta’ dawn id-dokumenti u jkun aċċertat li dawn waslu għand l-applikanti. Is-sistema kif imsemmija nbdiet f’Diċembru 2005. Dan is-sajf (minn Awwissu 2009) ġiet introdotta ukoll is-sistema amministrattiva illi min jissottometti applikazzjoni għall- compliance certificate , irid jiffirma li għamel hekk u jekk mhux perit, tittieħed ukoll kopja tal-Karta ta’ l-Identità tiegħu. Bħalissa qed tiġi mistħarrġa ukoll sistema illi l- Compliance Certificates li ma jintbagħtux bil-posta lill-applikanti, għax tkun saret talba speċifika f’dan ir-rigward, ikunu jistgħu jinġabru biss personalment mill-applikant innifsu u mhux minn nies oħra. Bħalma diġà qed jiġri, meta ssir talba f’dan is-sens, il- Compliance Certificate ma jingħatax across the counter mill- Enforcement Officer tad-distrett imma minn uffiċċju partikolari fl- Eforcement Unit f’Malta.
Leg 11 PQ #13090 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — compliance certificates

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12762 u jgħid jekk meta jinħarġu compliance certificates mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dawn jintbagħtux bil-posta jew jingħatawx by hand across the counter mill-enforcement officers? Ir-raġuni hija ovvja għaliex meta dawn jinħarġu bl-idejn ir-riskju ta’ korruzzjoni fil-ħruġ ta’ permessi simili jikber. Jekk m'għadhomx jinħarġu by hand, jista' jgħid meta twaqqfet din il-prattika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12762.

New Water Saving Campaign — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12861 u 12370 u ċioe: B’referenza għan-New Water Saving Campaign li kellha tibda din is-sena u li qegħda mniżżla bħala measure proposed 1a.4 fir-rapport imħejji dwar Energy Policy għal pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet din il-kampanja, meta ġiet introdotta u minn min qed titmexxa? Kemm se tiġi tiswa l-kampanja u x’inhuma l-allokazzjonijiet medja sector by sector għaliha? Din kienet kampanja għaliha jew sempliċiment bħala parti mill-Kampanja Switch?

Response (PULLICINO, GEORGE)

B’ riferenza għall-miżura msemmija bħala Measure Proposed 1A.4 fir-rapport imħejji dwar l-Energy Policy, ninforma lill-Onor Membru li wħud mill-messaġġi rigward konservazzjoni tal-ilma ġew diġà nkorporati wkoll fil-kampanja SWITCH. Tisħiħ ta’ dawn il-messaġġi f’kampanja aktar ffukata se jiġi mplimentat fix-xhur li ġejjin.
Leg 11 PQ #13233 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — ġbir ta' penali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kemm kellha tiġbor penali fis-sena 2009? Kemm ġabret minnhom sal-lum? Jista' jagħti wkoll il-figuri għas-snin 2007 u 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindika b'mod aktar ċar għal xiex qed jirreferi bil-kelma "penali". Dan sabiex l-Awtorità tkun tista' tagħti l-infomazzjoni korretta.
Leg 11 PQ #13234 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hexagon house — air quality - Environment Protection Directorate

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li kien sar studju mill-professur li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, dwar l-air quality u l-irwejjaħ li kien hemm qrib Hexagon House? Meta sar? Jista' jiġi ppubblikat? L-istudju janalizza l-preżenza tal-hydrogen sulphide u l-mercaptans - żewġ gassijiet allegatament preżenti fl-arja? Dan l-istudju sar qabel ma daħlu l-istaff tal-Environment Protection Directorate fil-premises jew wara? L-istudju ħa in konsiderazzjoni potentially toxic inorganic substances?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jista' jiġi kkonfermat li l-Professur Alfred J Vella kien għamel studju għall-MEPA datat 29 ta’ Ġunju 2008. Dan ir-rapport identifika s-sorsi kollha possibbli li jistgħu jikkontribwixxu għall-irwejjaħ f'dawk l-inħawi u sar bħala eżerċizzju ta' Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol bħala parti minn "occupational risk assessment" għall-impjegati tal-MEPA. Dan l-ewwel studju sar qabel iż-żmien li l-istaff daħal fil-bini ta' Hexagon House. F'dan ir-rapport is-sustanzi " volatile organic compounds " (VOCs) ġew analizzati minħabba l-fatt illi x-xogħol tas-sorsi possibbli fl-inħawi huwa relatat ma' attivitajiet li jagħmlu użu minn fjuwils. Dawn il-VOCs huma preżenti fil-fwar tal- petrol u d-derivati tiegħu u wkoll jkunu preżenti meta materjal organiku jiġi maħruq. Il-VOCs huma tossiċi u jistgħu jikkawżaw ħsara għall-persuni li huma esposti għalihom f'livelli għoljin. Minn dawn il-VOCs, il-benzin huwa l-ikbar sustanza ta' nkwiet għaliex jista' jikkawża mard serju. F'dan ir-rapport kampjuni tal-VOCs inkluż il-benzin ġew meħuda barra u ġewwa l-bini ta' Hexagon House. Il-livell tal-benzin instab taħt il-livelli stipulati fid-Direttivi ta' l-Unjoni Ewropea. Dan il-monitoraġġ baqa’ għaddej u għadu għaddej sa llum. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja ta' dan ir-rapport. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi stqarrija oħra datata 15 ta' April 2009, il-Professur Alfred J Vella, wara riżultati addizzjonali, ikkonferma li m'hemmx perikolu għal ħaddiema f'Hexagon House. Hemm ukoll provi, minn kampjuni li jittieħdu fuq bażi kontinwa, li m'hemmx problemi bil-livelli ta' hydrogen sulphide fil-bini.
Leg 11 PQ #13235 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hexagon House — air quality - sustanzi potenzjalment perikolużi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-istudji li għamel il-professur li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, dwar l-air quality qrib Hexagon House identifikawx kumpanija speċifika bħala emitter sinifikanti ta' sustanzi potenzjalment perikolużi? Jekk iva, liema kienet? X'passi ħadu l-awtoritajiet dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudju li għamel il-Professur Alfred J Vella għall-MEPA identifika s-sorsi kollha possibbli li jistgħu jikkontribwixxu għall-irwejjaħ f'dawk l-inħawi imma ma wasal għall-ebda konklużjoni ta' liema hu s-sors. Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 13234.
Leg 11 PQ #13236 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hexagon House — air quality - Health and Safety Procedures

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fl-istudji li għamel il-professur, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, dwar l-air quality qrib Hexagon House ġewx mgħarbla l-Health and Saftey Procedures tal-kumpanija allegatament responsabbli għal dan it-tniġġiż tal-arja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Prof Vella kien ikkummisjonat jagħmel biss analiżi tal-kwalità ta' l-arja interna ġewwa Hexagon House kif kienet taffettwa lill-impjegati tal-MEPA. Ir-rapporti jistabbilixxu diversi sorsi potenzjali tat-tniġġiż kif ukoll li l-livelli kif attwalment elevati ma kienux ta' dannu għas-saħħa ta' l-impjegati. Ta' min isemmi li, l-irwejjaħ huma aktar ta' inkonvenjent milli dannu għas-saħħa.
Leg 11 PQ #13237 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hexagon House — kundizzjonijiet dwar l-odour emissions

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-permess oriġinali li nħareġ lill-kumpanija konċernata li allegatament hija pollutant tal-arja qrib Hexagon House, qattx kien hemm xi kundizzjonjiet dwar l-odour emissions?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex iforni iktar dettalji sabiex id-domanda tkun iktar ċara u nkun nista’ inwieġeb aħjar.
Leg 11 PQ #12333 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — kummissjoni għar-reviżjoni tal-policies

Question

Peress li ftit ġimgħat ilu l-Prim Ministru waqqaf kummissjoni għar-reviżjoni tal-policies tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, billi huwa għażel li jinnomina għadd ta’ persuni li qed jirrappreżentaw lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inkunx korrett jekk nifhem li l-Users Committees tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u anke għaqdiet ambjentali mhux governattivi, issa għandhom l-obbligu li jaġġornaw regolarment lill-entitajiet li qegħdin jirrapreżentaw dwar l-andament tal-laqgħat li qed ikollhom bħala rappreżentanti tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13087.
Leg 11 PQ #12756 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hazardous wastes esportati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema hazardous wastes ġew esportati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-aħħar tliet snin ġie esportat dan l-iskart perikoluż: § Lead acid batteries § Solvent mixtures haloginated § Solvent mixture non haloginated § Waste ink containing dangerous substances § Organic solvents, washing liquids and mother liquors § Batteries and accumulators not completely sorted § Construction materials containing asbestos § Insulation materials containing asbestos § Solid combustible wastes containing dangerous substances § Aqueous washing liquids and mother liquors § Miscellaneous expired medicines (excluding pyschotropics) in bottles blister packs and aerosols Solid production waste - Tablets/Granules/Raw Material Samples
Leg 11 PQ #12950 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Money for Parking scheme

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12488 u ċioe:Nixtieq ġentilment nirreferi lill-Prim Ministru għall-iskema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar 'Money for Parking' li permezz tagħha żvilupp ġdid irid ikun marbut mal-ħruġ ta’ permess fejn biex jiżdiedu l-għadd ta’ dwellings jew inkella jinbnew oħrajn irid bilfors jinħoloq parkeġġ jew garaxxijiet għas-sidien ta’ dawn l-appartamenti. Meta jirriżulta li xi propjetarji jew żviluppaturi ma jkunux jistgħu jagħmlu dan jew ma jkunux iridu jibnu garaxxijiet, nifhem li hija l-prassi li jħallsu somma flus lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ipattu għal dan in-nuqqas ta’ parking space. Nifhem ukoll li dawn il-flus suppost imorru ġo fond biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu ndirizzati l-problemi tal-karozzi u tal-parking. Jikkonferma l-Prim Ministru li dawn il-flus minflok intużaw għall-iskop oriġinali tagħhom, parti minnhom intużaw biex tinxtara Hexagon House għat-taqsima ambjentali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm inġabru flus taħt din l-iskema madwar Malta u Għawdex kemm ilha teżisti l-iskema sena b’sena? Kemm minnhom inġabru minn tas-Sliema biss? Kemm mis-somma miġbura marret fuq ix-xiri ta’ Hexagon House?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-MEPA sselfet €3.09 miljun mill-Commuted Parking Scheme liema somma ser titħallas lura fuq medda ta’ erba’ snin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-flus li nġabru taħt din l-iskema madwar Malta u Għawdex kemm ilha teżisti din l-iskema, sena b’sena sat-30 ta’ Settembru 2009. Sat-30 ta’ Settembru 2009 mill-lokalità ta’ Tas-Sliema nġabru €3,115,304.
Leg 11 PQ #12951 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Media Consulta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12491 u 12254 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat ma’ Media Consulta u jgħid x’kien il-maximum coverage tiegħu? Billi jidher li din id-ditta tħallset biss madwar €4 miljuni meta l-kuntratt suppost jagħlaq fi żmien ftit xhur biss, jista’ jgħid jekk xogħol li għalih kienet oriġinarjament qed tiġi kkunsidrata kuntrattwalment ġiex allokat lil kumpanija/i oħrajn fil-qasam tal-public relations u reklamar? Kemm kien hemm kumpaniji short listed qabel ma saret l-għażla aħħarija li allegatament damet 16-il xahar? Liema kienu? Liema kienu l-kumpaniji li ħadu x-xogħol oriġinarjament maħsub li kellu jsir minn Media Consulta? Minn min sar is-selection process u min kienu l-membri tal-bord konċernat? Kemm kien hemm proġetti li fih il-Media Consulta użat l-expertise f’funding tal-Unjoni Ewropea fejn ippruvat iġġib funding għal proġetti ko-finanzjati mal-Gvern Malti lejn pajjiżna? Din il-kumpanija setgħet b’xi mod ġiet rrakkmandata minn xi gvern jew partit politiku barrani? Apparti minn xi xogħol għall-Balearic Islands, kemm kien hemm destinazzjonijiet turistiċi oħrajn fejn il-Media Consulta kellha kuntratti simili fuq skala nazzjonali jew reġjonali? Kif jispjega l-fatt li f’laqgħa tal-Public Accounts Committee f’Ġunju 2007, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turizmu ta’ dak iż-żmien qal li €10 miljuni minn dan il-kuntratt kellhom joħorġu minn fondi tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ diversi applikazzjonijiet li kellha taghmel Media Consulta f’isem l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta? Jikkonferma dak li ġie spjegat fl-istess laqgħa li l-ħlas tagħhom kien kopert fil-budget tal-Ministeru fejn kien hemm item taħt European Union Funds li kien jismu Branding? Il-Gvern għandu xi ħsieb li meta jiskadi l-kuntratt jeżerċita l-option li saħansitra jestendi l-kuntratt b’sena oħra? Jikkonferma li skond media release li ħareġ il-Gvern stess kien intqal mal-iffirmar tal-kuntratt li Media Consulta kienet responsabbli għal €7 miljun annual account li jkopri l-media, advertising, selected public relation services, events u sales promotion activities tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta? Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għadha taqbel mad-dikjarazzjoni li kien għamel iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta is-Sur Sam Mifsud appena nħatru Media Consulta bhala International Communications Partners tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta li ‘it’s more evident that these people have what it takes…and more importantly, have the vision and the know how to significantly enhance Malta’s image and presence internationally’? Taqbel mad-dikjarazzjoni li kien għamel dak inhar il-Ministru tat-Turizmu l-Onor. Zammit Dimech li dan l-iżvilupp kien se jwassal biex l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jkollha ‘a higher return for the money invested in its marketing”? Jekk il-Media Consulta ma jidhirx li għamlet ix-xogħol kollu mistenni minnha ta’ reklamar, kif tista’ tirrikonċilja dan kollu mad-dikjarazzjoni tal-ex Ministru Zammit Dimech li ‘having one agency representing our tourism interests in all core markets should ensure a co-ordinated and clear message of what product Malta is all about”? Id-due diligence dwar l-għażla finali min għamlu? Ma' Media Consulta Malta hemm jaħdmu xi uffiċjali għoljin li setgħu kienu mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fil-ġimgħat ta’ qabel ma saret l-għażla finali? Kemm kien hemm dipartimenti governattivi u jew aġenziji tal-Gvern li għamlu xogħol ieħor ma’ Media Consulta? Meta sar l-aħħar independent audit mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta biex jiġu skrutinizzati l-effettività tal-media campaigns u public relations assignments tal-Media Consulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress illi l-kuntratt li talab li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Onorevoli Interepellant huwa ta’ natura kummerċjalment sensittiva, ma nħossx illi dan għandu jsir pubbliku, speċjalment meta l-ftehim għadu fis-seħħ. Madanakollu xorta waħda se nkun qed nagħmel riferiment għal ċerti affarijiet li hemm imniżżla fil-kuntratt imsemmi mal-Media Consulta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet varji tal-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, għal dak li huma terms of reference tal-Media Consulta, hemm stipulat fil-kuntratt, li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta kellha, u għad għandha l-jedd, illi tqabbad aġenziji tar-reklamar u/jew kumpaniji tar-relazzjonijiet pubbliċi oħrajn, fil-pajjizi fejn l-MTA topera, darba li s-servizzi li dawn joffru huma tal-istess livell jew aħjar u orħos minn dawk offruti mill-Media Consulta. Fil-fatt dan seħħ f’numru ta’ pajjiżi. Għall-mistoqsija, ta’ kemm kien hemm kumpaniji li applikaw għat- tender insemmi, fil-bidu tal-proċess tal-għazla, li kien varat fil-bidu tal-2006 u kien konkluż f’Ġunju tat-2007, kienu applikaw 26 kumpanija. Minn dawn, u wara l-ewwel fażijiet tal- proċess ta’ selezzjoni, ikkwalifikaw 7 kumpaniji, liema kumpaniji kienu: · 23RED in association with Worldwide Partners Inc · JWT (J Walter Thompson) · Media Consulta International · Fox Kalomaski Ltd · McCann-World Group SRI · BJL Group Ltd · Publicis Ltd Wara l-fażijiet l-oħra tal-għażla li komplew sussegwentament, l-għażla aħħarija kienet bejn żewg kumpaniji, fosthom il-Media Consulta. Qiegħed nelenka wkoll hawn taħt il-kumpaniji li qed jagħmlu xogħol ta’ reklamar u relazzjonijiet pubbliċi, mhux ipprovduti mill-Media Consulta u l-pajjiżi rispettivi fejn qed joperaw. Dawn huma: Adam – L-Italja MCM - Franza Resonnances - Franza Over MCW - Spanja TMC – L-Olanda For Sale – L-Olanda u l-Belgju Schröder PR – Il-Germanja Mirabelle – Renju Unit Għal dak li huwa bord tal-għażla, kien ġie iffurmat dak li ssejjah il- Branding Ad Hoc . Committee biex imexxi l-proċess. Il-membri ta’ dal-kumitat kienu: Is-Sur Carm Portelli (Chairman), is-Sur Anthony Cachia, is-Sur Jeffrey Cutajar, (li mbaghad kien dahal minfloku s-sur David Mifsud, CEO tal-MTA 1996-97) is-Sur Charles Visanich, is-Sur Peter Portelli u is-Sinjorina Antoinette Calleja mill-Ministeru tal-Finanzi. Dawn imbagħad ħatru 3 gruppi ta’ esperti għall-oqsma varji tal-proċess, li kienu: Il-kumpanija legali GVTH għall-aspett legali Il-kumpanija ta’ Awdituri Ernst & Young għall-aspetti finanzjarji, kif ukoll kumitat tekniku biex jifli l-operat u l-proposti taż-żewg kumpaniji short-listed fl-aħħar fażi. Dan il-kumitat għamel ir-rakkomandazzjonijiet finali lill- Branding Ad Hoc Committee . Il-kumitat tekniku kien jikkonsisti f’dawn il-membri: Is-Sur Joe Capello Is-Sur David Mifsud Is-Sur Jeffrey Cutajar (li mbaghad kien dahal minfloku s-sur Kevin Drake) Is-Sur Sam Mifsud u Is-Sur Peter Portelli Dawn il-kumitati kollha eżaminaw bir-reqqa l-proposti kollha ‘ shortlisted’ , mill-aspetti u sferi ta’ expertise rispettivi tagħhom. Għall-mistoqsija dwar l-iffinanzjar, nista nikkonferma li ma kien hemm l-ebda progett ta’ ko-finanzjament fejn il-Media Consulta ippruvat iġġib funding mill-Unjoni Ewropeja. Nista nafferma wkoll, bl-aktar mod assolut, li ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni minn gvern jew partit politiku barrani fir-rigward tal-Media Consulta. Fil-preżentazzjonijiet li kienu għamlu lill-kumitat tekniku fil-proċess tal-għazla, il-Media Consulta kienu elenkaw dawn id-destinazzjonijiet bħala pajjiżi u/jew reġjuni li huma, bħala kumpanija, diġà kellhom esperjenza ta’ promozzjoni turistika magħhom. Dawn kienu il-Gżejjer Balearici, Ċipru u l-Brażil. Għal dak li kien intqal fil- Public Accounts Committee ta’ sentejn ilu, nixtieq niċċara dawn il-punti: L-Awtorità tat-Turiżmu kienet applikat sabiex parti mill-attivitajiet koperti mill-kuntratt tal-Media Consulta jiġu ffinanzjati mill- European Regional Development Funds (ERDF) . L-applikazzjoni tal-Awtorità ma ġietx milqugħa u għalhekk il-fondi li tħallset Media Consulta ġew mill-fondi ċentrali, jiġifieri mill- budget allokat lill-MTA. Il-fond li rrefera għalih is-Segretarju Permanenti kien marbut mal-applikazzjoni li kienet għamlet l-Awtorità. Ladarba l-applikazzjoni ma kienitx milqugħa dawn il-fondi ma setgħux jintużaw mill-Awtorità sabiex jitħalsu kontijiet tal-Media Consulta. Naturalment dawn il-fondi tal-ERDF marru għal proġetti oħra f’Malta u Għawdex b’konnessjoni mat-Turiżmu. In kwantu għat-tiġdid tal-kuntratt, l-Awtorità mhux bi ħsiebha teżerċita l- option ta’ estenzjoni billi ġġedded dan il-kuntratt b’sena. Għal dawk li huma ammonti annwali, it -tender kien jikkontempla nfiq massimu ta’ €7 Miljun fis-sena, liema ammont seta jkun ġestit mill-aġenzija li rebħet it -tender, ladarba l-Awtorità tat-Turiżmu ma ssibx arranġamenti finanzjarji aktar favorevoli, ma’ aġenziji u/jew kumpaniji oħrajn fl-istess qasam fis-swieq differenti. Fil-fatt hekk ġara kif kien spjegat qabel. Sentejn u nofs wara li daħal fis-seħħ il-ftehim mal-Media Consulta, nista’ ngħid illi x-xogħol li tqabbdu jagħmlu l-Media Consulta mill-Awtorità tat-Turiżmu, sar. Huma tħallsu u jitħallsu għax-xogħol li jwettqu u xejn aktar. Kif wieħed jistenna kull relazzjoni kummerċjali jkollha t-tlugħ u nżul tagħha u din ir-relazzjoni ma kienitx eċċezzjoni. Madanakollu, bi sforz kollettiv, l-Awtorità tat-Turiżmu u l-Media Consulta irnexxielhom ifasslu kampanji pubbliċitarji pan-ewropej, fejn l-istess messaġġi promozjonali ġew ko-ordinati b’sinerġija madwar is-swieq kollha ewlenin. Għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant dwar nies li jaħdmu fil-Media Consulta f’Malta, nista nafferma illi m’hemmx nies li fil-preżent jaħdmu mal-Media Consulta li fil-ġimgħat ta’ qabel ma saret l-għażla finali kienu uffiċċjali għoljin tal-MTA. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tat-Turiżmu tkejjel l-effettività tal-kumpaniji pubbliċitarji u ta’ reklamar fuq bażi regolari, speċjalment meta bosta mill-kampaniji li tmexxi jinvolvu dawk li jissejħu ‘ calls for action’ .
Leg 11 PQ #12980 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Compliance certificate

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li compliance certificate tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huwa validu biss għal xagħrejn mid-data tal-issue u jekk f’dan it-timeframe ma jkunx applika għad-dawl u l-ilma lill-entità konċernata, l-applikant ikollu japplika mill-ġdid għal compliance certificate ieħor minħabba r-riskju li jistgħu jsiru tibdiliet strutturali lill-bini? Jekk dan huwa minnu, kif jispjega l-fatt li 30% tal-pending compliance certificates – 128 minn 456 – ilhom pendenti għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal aktar minn xahrejn, filwat li 107 minnhom ilhom pendenti għal aktar minn erba' xhur? Kif jispjega l-fatt li dawn ġew miżmuma pendenti għand l-Awtorità, meta skond l-istess kriterju kull dikjarazzjoni minn perit li ilha aktar minn xahrejn ma tibqax aktar valida? Ghaliex dawn il-128 compliance certificate bid-dikjarazzjoni tal-perit ma ġewx proċessati, jew jekk kien hemm xi problemi għaliex ma ntbagħtux lura? Dan kollu minkejja li f'kull provvediment id-dikjarazzjoni fuq il-compliance certificate tibqa' dik tal-perit konċernat.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-compliance certificate jibqa' validu għal sitt ġimgħat mid-data tal-ħruġ tiegħu. Ikun biss f'dan it-time frame illi l-applikant ikun jista' jużah biex japplika għad-dawl u/jew għall-ilma. Jekk jiskadu s-sitt ġimgħat, ikollha ssir talba oħra mill-ġdid. Irid ikun spjegat illi s-sitt ġimgħat jiskattaw biss mal-ħruġ taċ-ċertifikat u allura sakemm it-talba tibqa' pendenti għand l-Awtorità, it-terminu tas-sitt ġimgħat ma jgħoddx. Għaldaqstant in-numru t'applikazzjonijiet pendenti jibqgħu validi sakemm iċ-ċcertifikati jinħarġu mill-Awtorita` u wara li jigi assigurat mill-uffiċjali li l-affarijiet ikunu sewwa. Dan allura hu l-każ għall-128 talba li semma l-interpellant. Kif diġà ġie mgħarraf fit-tweġiba għall-mistoqsija parmalentari numru 11321, l-Awtorità tirċievi medja ta' madwar 750 (seba’ mija u ħamsin) talba għall- Compliance Certificate fix-xahar, jiġifieri l-128 talba pendenti għal iktar minn xahrejn jammontaw għal madwar 1.4% tat-talbiet li jidhlu kull sena. Għall-raġunijet validi u tekniċi l-applikazzjonijiet kultant jinżammu pendenti mill-uffiċjali inkarigati. Bħala eżempju ġieli jkun hemm każi fejn id-dokumenti jew files li jirreflettu l-iżvilupp fit-talba, speċjalment dawk qodma, ma jkunux provduti ma' l-applikazzjoni mill-periti u allura tkun trid issir tfittxija għalihom. Dan jieħu ftit taż-żmien l-iżjed jekk il- files jew records oħra ma jkunux rintraċċati fl-arkivji ta' l-Awtorità. F'każi oħra s-sidien ikollhom japplikaw sabiex il- land surveyor jerġa' jintalab imur fuq is- site u jiffriska l-marki tal-linja tat-triq jekk dawn ma jkunux jidhru ċari. Ikun hemm kultant każi fejn l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-periti ma tkunx ċara jew kompleta. Ġieli jkun hemm bżonn sottomissjoni t'emendi żgħar għall-pjanti approvati ( minor amedments ) eċċ. Suppost f'dawn il-każi, l-applikazzjonijiet jiġu rritornati lura, u din qed tiġi infurzata iktar riċentement għax mhux dejjem kienet qed issir mill-uffiċjali kollha.
Leg 11 PQ #12986 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air monitoring station — sulphur dioxide

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12720 u jgħid jekk mill-1 ta' Jannar sal-lum kienx hemm ħinijiet fejn il-livell tal-sulphur dioxide (SO2) hekk kif imkejjel mill-air monitoring station ta' Kordin, qabeż il-livell kif regolat mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, meta kienu dawn l-istanti u b'kemm inqabeż il-livell regolat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta' Jannar sal-lum ma kienx hemm hinijiet fejn il-livell tas- sulphur dioxide (SO2), hekk kif imkejjel mill-air monitoring station ta' Kordin, qabez il-livell kif regolat mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #12987 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Msida Air Monitoring Station — Livell ta' carbon monoxide

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12719 u jgħid jekk mill-1 ta' Jannar sal-lum kienx hemm ħinijet fejn il-livell tal-carbon monoxide (CO) hekk kif imkejjel mill-air monitoring station tal-Imsida, qabeż il-livell kif regolat mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, meta kienu dawn l-istanti u b'kemm inqabeż il-livell regolat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta Jannar sal-lum ma kienx hemm ħinijet fejn il-livell tal-carbon monoxide (CO) hekk kif imkejjel mill-air monitoring station tal-Imsida, qabeż il-livell kif regolat mid-direttiva tal-Unjoni Ewropea (2000/69/EC).
Leg 11 PQ #13011 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air Monitoring Stations — real-time data fuq il-website

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bit-teknoloġija tal-lum il-processing ta’ data li hi riklamata bħala real-time m’għandhiex tieħu sigħat twal bħalma qed jiġri regolarment fil-każ tal-Air Monitoring Stations, ġieli anke aktar minn 12-il siegħa, minkejja li l-update issir kuljum fit-3.00am, kif nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru, 2009 l-aħħar data on-line mill-unit taż-Żejtun kient 0000hrs u sas-7.00am kien għad m'hemm l-ebda update? Teknikament din ma tistax tissejjaħ real-time data kif qed tiġi klassifikata fil-website tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Persuni kwalifikati u speċjalizzati f’real-time data on-line stqarrew miegħi li n-norma hi li bit-teknoloġija tal-lum din qatt m'għandha tieħu aktar minn ftit minuti u f’ħafna każi sekondi. Jista' l-Prim Ministru jindika meta kienu l-okkażjonijiet fejn kien hemm ħsara u/jew qtugħ tad-dawl f’kull Air Monitoring Unit mill-1 t’Ottubru sal-lum? Għaliex il-units ta’ Kordin u tal-Għarb jagħtu dejjem real-time data kemm raw data kif ukoll processed data u dawk tal-Msida u ż-Żejtun sa sitt sigħat wara nofs il-lejl ta' bejn l-20 u l-21 ta Novembru, 2009 ma kellhom l-ebda data updates għax dawn ma jagħtux processed data? Ġaladarba d-data on-line tal-Imsida u ż-Żejtun hi biss raw data, xi processing ta’ data jsir mis-server fil-Furjana? Kull kemm jiġi ikkalibrat l-apparat li hemm fil-monitoring stations? Dan isir mill-Awtorità dwar l-Istandards ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess kollu jibda meta kampjuni tal-arja jiġu mittieħda mill-madwar u pproċessati mill-Air Monitoring Stations permezz ta' gas analysers. Il-ħin li jieħdu sakemm dawn ikunu analizzati għall-pollutants, ivarja minn ftit minuti għal siegħa, jiddependi mill-pollutant. Il-livelli mkejjla tal-pollutants ikunu aċċessibli fuq screen ta' kompjuter fl-istations. Din tissejjaħ real-time data. Din id- data tiġi mgħoddija lid- data server tal-Floriana fi żmien qasir, biex hemm isir l- update . Minn hawn, din l- update tiġi kkupjata fuq il- web server , darba kull 24 siegħa fit-3 ta' filgħodu, fejn tiġi murija lill-pubbliku fuq il-portal tal-MEPA. Nhar is-Sibt 21 ta' Novembru , id- data mill- unit taż-Żejtun ġiet updated bħas-soltu. Mill-1 ta' Ottubru 'l hawn, il-ħsarat fl- air monitoring stations kienu dawn li ġejjin: Il- Unit taż-Żejtun Fit-8 ta' Ottubru, l- ozone analyser kien mittieħed għall-kalibrazzjoni u quality intercomparison check u reġa' twaħħal fit-12 ta' Ottubru. Fid-9 ta' Ottubru inqata' l-provvista tad-dawl b'mod aċċidentali, minn trakk fil-viċinanzi. Il-fil ġie msewwi fis-16 ta' Ottubru. Dejjem fid-9 ta' Ottubru, in- NOx analyser taż-Żejtun ittieħed fil- unit tal-Imsida, minħabba ħsarat f'dak ta' l-Imsida. Fit-28 ta' Ottubru, l- analyser tal-merkurju twaqqaf minħabba ħsarat u reġa' twaħħal fl-10 ta' Novembru wara tiswijiet meħtieġa u kalibrazzjoni. Il- Unit tal-Imsida Fl-1 ta' Ottubru kien hemm in- NOx analyser bil-ħsara. Qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dan jissewwa. Fit-8 ta' Ottubru, l- ozone analyser kien mittieħed għall-kalibrazzjoni u quality intercomparison check u reġa' twaħħal fit-12 ta' Ottubru. Fid-9 ta' Ottubru, twaħħal in- NOx analyser li kien hemm iż-Żejtun. Fit-12 ta' Novembru , kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku għal madwar erba' sigħat. Il- Unit ta' l-Għarb Fix-xahar ta' Ottubru ġew mitfija l -analysers kollha, barra dak tal-ozonju, minħabba ħsarat fl-apparat tal-arja kundizzjonata. Fil-5 ta' Ottubru kien hemm ħsara fil- PM2.5 analyser li kienet imsewwija fis-6 ta' Ottubru. Il- Unit ta' Kordin Fit-8 ta' Ottubru, l -ozone analyser kien mittieħed għall-kalibrazzjoni u quality intercomparison check u reġa' twaħħal fit-12 ta' Ottubru. Fl-14 ta' Ottubru, il- PM10 analyser twaqqaf minħabba xi tiswijiet u reġa' nxtegħel fis-26 ta' Novembru. Fit-18 ta' Novembru kien hemm qtugħ tad-dawl fl- istations kollha, inklużi dawk tal-Għarb u Kordin, minħabba ħsarat fil -power station . Id -data minn Kordin u l-Għarb monitoring stations tiġi miġbura permezz ta' data acquisition system , li hi differenti minn dik taż-Żejtun u l-Imsida, minħabba li ġew akkwistati minn funding projects differenti. Id- data acquisition system ta' Kordin u l-Għarb għandha wkoll graphical display modules. Id- data kollha mill- Air Monitoring Stations murija fuq il-portal tal-MEPA hija raw data. Ma jsir ebda proċessar ta' data mill- web server tal-MEPA. L-apparat li hemm fil- monitoring stations jiġi kkalibrat meta jkun hemm bżonn u fuq bażi regulari minn tekniċi tal-MEPA.
Leg 11 PQ #13024 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' parlament ġdid

Question

Billi l-pjan strutturali jgħid li Parliament and Ministries will concentrate in the Palaces and Auberges of Valletta, jista' l-Prim Ministru jgħid kif jirrikonċilja dan kollu mal-pjanijiet tal-Gvern li jibni Parlament ġdid qrib Bieb il-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-ħsieb tal-Gvern hu li jirrestawra l-Palazz tal-Gran Mastru għall-funzjoni nazzjonali ewlenija li bis-saħħa tagħha tiġi esposta l-identità, l-istorja u l-kultura rikka tal-poplu Malti u Għawdxi; hu allura neċessarju li l-Parlament u l-uffiċini l-oħra kollha (ħlief dawk tal-President) joħorġu barra mill-Palazz. Meta wieħed jeżamina l-għażliet li jeżistu fil-Belt Valletta dwar Bereġ u Palazzi, wieħed bilfors jasal għall-konklużjoni li l-aħjar għażla tkun binja ġdida fis-sit li ġie indikat.
Leg 11 PQ #13026 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti fuq West African Chemical Dumping

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni ħa l-Gvern dwar diversi rapporti fil-media u allegazzjonijiet li Malta hija hub tal-West African Chemical Dumping?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA, li hi l-Awtorità Kompetenti għat-transfrontier shipment ta' skart perikoluż qatt ma rċievit xi ilmenti jew allegazzjonijiet li Malta hija hub tal-West African Chemical Dumping, lanqas minn awtoritajiet oħra tal-UE. Jeżistu regolamenti li jirregolaw kif għandu jsir kull moviment ta' skart perikoluż meta jiġi biex ikun mormi. Ma hemm l-ebda record uffiċjali li jindika li qatt ġie rikjest li jkun hemm xi trasport ta' skart perikoluż lejn l-Afrika tal-Punent. L-informazzjoni li għandha l-MEPA hija li dan l-iskart jiġi esportat minn Malta lejn pajjiżi tal-OECD jew pajjiżi oħra li għandhom faċilitajiet idoneji. Jekk kien il-każ li sar xi abbuż dan kien ċertament illegali u l-MEPA mhix a konoxxenza tiegħu. Madanakollu, il-MEPA ser iżomm is-sitwazzjoni taħt osservazzjoni u jekk ikun hemm xi indikazzjoni ta' xi abbuż jew taslilha xi informazzjoni, tgħaddi din lill-Pulizija.

Impjant tat-tisfija tad-drenaġġ taċ-Ċumnija fil-Mellieħa

Question

B'referenza għall-iżbroff li kien hemm minħabba tfiegħ illegali fis-sistema tad-drenaġġ li qed iwassal għall-iżbroff li kien hemm u għad ikun hemm mill-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ taċ-Ċumnija fil-Mellieħa: a) Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn l-irżieżet tal-majjali u jekk hux se jittieħdu passi kontra min qiegħed iwettaq dan l-imsemmi abbuż? b) Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li la darba l-problema ġiet identifikata, ma tteħditx azzjoni mill-ewwel kontra dan l-abbuż? ċ) Jista' jgħid xi kwantità ta' ilma/likwidi jiflaħ dan l-impjant qabel ma jibda jitfa' fil-baħar drenaġġ mhux trattat? X'azzjoni qed tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tikkontrolla din il-problema? d) Jista' jgħid x'analiżi saret tal-ħsara marittima li diġà seħħet fl-inħawi tal-Impjant? e) Il-Ministeru informa lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika b'dan l-iżbroff tad-drenaġġ fil-baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.