Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsa — informazzjoni fuq l-inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parmalentari 13448 u jgħid kemm ġie jiswa l-impjant tal-inċineratur tal-Marsa biex jiġi stallat? Kemm intnefqu flus fuq ir- retrofitting tiegħu ? Kemm kienu l- operational costs tiegħu sa mill-i start up sal-lum sena b’sena, inkluż il-perjodu qabel ma ġie fully commissioned ? Kemm-il tunnellata skart ġie inċinerat? Kemm kien hemm waqfien tal-impjant li ma kienx skedat u ppjanat bil-quddiem? Kemm-il darba twaqqaf l-impjant għall-manteniment mill-bidu tiegħu sal-lum? Jista' jagħti breakdown dettaljat dwar kemm ġie proċessat skart mill-biċċerija, skart kliniku u skart kimiku f’termini ta’ volumi sena b’sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.

Food security and safety regulations

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13615, 13089 u 12775 u 12323 u jgħid kemm mill-irziezet f'pajjiżna huma compliant mal-Food Security and Safety Regulations tal-Unjoni Ewropea? X'għajnuna qed jagħti l-Gvern biex jgħinhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jiġu compliant? Kemm minn dawn il-farms ġew mibdula għall-użu ieħor? X'se jiġri minn dawn l-irżieżet meta l-għajnuna finanzjarja diretta tieqaf fi tmiem is-sena d-dieħla? Jista' jikkonferma li f'żoni bħall-Magħtab hemm tmienja biss minn 24 razzett li għadhom joperaw bħala irżieżer u li ħafna minn dawn jinsabu f'qagħda ħażina ferm? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn għandhom jitħallew ikomplu joperaw minħabba l-kundizzjonijiet li jinsabu fihom? X'garanzija għandu l-konsumatur li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi u l-kunsiderazzjonijiet tal-istess konsumaturi dwar il-food security and safety l-ewwel u qabel kollox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #14746 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13685 u ċioe: billi dan l-aħħar poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ internal email tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn deher ċar li l-Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar kien irrikkmanda li m'għandhom isiru ebda kuntatti diretti mal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jirrikonċilja dan ma' tweġiba parlamentari preċedenti fejn ingħatajt x’nifhem li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ma kienet ħarġet struzzjonijiet simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

karti tal-identità elettronici — informazzjoni

Question

Billi l-Mnisteru ftit jiem ilu kkommetta ruħu li l-ewwel karti tal-identità elettronici huma mistennija li jinħarġu sa tmiem din is-sena, jista' l-Ministru jagħti dati aktar indikattivi kif ukoll il-medda ta' żmien li fihom iċ-ċittadini Maltin kollha kemm huma jkunu mistennija jaqilbu għas-sistema l-ġdida wara snin sħaħ ta' karti tal-identità teknikament skaduti?

Response (GATT, AUSTIN)

Id-domanda tal-Onor. Interpellant ma tikkwotanix korrettement għax jien għidt illi l-karti ta' identità elettroniċi jinħarġu sal-aħħar tas-sena kemm-il darba t-talba għall-fondi tal-EU tiġi determinata favorevolment sal-aħħar ta' Frar. Il-bqija tad-domanda hi prematura.

Park tal-Majjistral

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13425 u jagħti rendikont dettaljat tal-progress li sar fil-Park tal-Majjistral? Jista' jinvestiga u jirraporta dwar ilmenti f’sezzjonijiet tal-istampa li ċerti rappreżentanti tal-għaqdiet mhux governamentali ġieli qed jiġu ffaċċjati minn deċiżjonijiet amministrattivi meħudin miċ-Chairperson f’mod arbitrarju? X’passi konkreti ttieħdu biex jiġi implimentat il-pjan biex fil-park nazzjonali ma jidħlux vetturi bla ebda kontroll? X’passi qed jittieħdu biex is-sit ma jibqax jintuża għar-rimi tal-iskart u jkollu jitnaddaf regolarment? Kemm qed jkollhom say effettiv r-rappreżentanti tal-għaqdiet ambjentali fl-immaniġjar tas-sit? X’inhi il-pożizzjoni attwali tal-kaċċa f’dan is-sit? Ġiet solvuta u jekk iva, kif?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.

Marsa — Inċineratur - health hazards

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13437 u jgħid jekk qattx saru xi studji indipendenti u professjonali biex jiġi żgurat jekk l-inċineratur tal-Marsa ħoloqx health hazards għan-nies tal-madwar inkluz l-impjegati? Qatt waslu xi rapport lil WasteServ dwar l-effetti li l-fumes jista' jkollhom fuq in-nies msemmija? Jekk iva, x’passi ttieħdu u f’liema stadju ddaħħal il-Ministeru għall-Politika Soċjali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi minn qabel ma l-impjant beda jopera sar risk assessment biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm periklu għall-ħaddiema kif ukoll għan-nies tal-madwar. Fejn ġie identifikat li jista jkun hemm periklu, ittieħdu l-miżuri kollha sabiex dan jonqos jew jiġi eliminat. Wara li l-impjant beda jopera, saru diversi testijet, fosthom, testijiet fuq il-kwantita u l-kwalita ta’ emissjonijiet miċ-ċumnija, risk assessment dwar riskji bijoloġiċi, analiżi tal-livell ta’ ħsejjes ġġenerati mill-impjant, analiżi ambjentali ġo l-impjant, studju fuq l-irwejjaħ u risk audits. Barra minn hekk l-impjegati li jaħdmu go l-impjant huma mgħammra bi lbies protettiv biex jipproteġu lilhom nfushom. Ftit tax-xhur ilu kienu waslu xi lmenti lill-WasteServ minn għand xi impjegati li jaħdmu fi stabilliment viċin, pero gie ikkonfermat li l-emmissjonijiet kollha kienu dejjem skond il-limiti stipulati fil-permess tal-operat (IPPC). Il-WasteServ ikkummissjonat studju dwar l-livell tal-irwejjaħ u studju dwar x’effett jista’ jkollhom fuq in-nies tal-madwar inkluz impjegati. Dan l-istudju qed jigi finaliżżat. Fl-edba stadju ma nħass li kellu jiddaħħal il-Ministeru għall-Politika Socjali.

Marsa — Inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13440 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk qattx kien hemm xi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li talbu kjarifiċi jew tagħrif dwar l-operat tal-inċineratur tal-Marsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Intrepellant li m'għandi l-ebda informazzjoni dwar talbiet minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għal kjarifiki fuq l-inċeneratur.

Biċċerija — animal by products - traceability

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13442 u jikkonferma x’passi konkreti qed jittieħdu dwar traceability ta’ animal by products fil-biċċerija li mhumiex adegwati għall-konsum uman biex jiġi żgurat li ma jerġgħux jidħlu fil-food chain?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninxtieq ninforma lill-onorevoli interpellant li animal by-products ġenerati mill-biċċerija, bħal dawk kollha prodotti minn stabbilimenti oħra jiġu, miktubin fuq document, Consignment Note, li fih erba’ kopji. Fiha jkun hemm dettalji kollha ta’ dan l-‘iskart’ bħal: min fejn hu ġej, min huwa l-produttur ta’ dan l-iskart, il-kwantita’ li huwa prodott, etc. Din il-Consignment Note tmur l-inċeneratur fejn fuqha jitniżżlu wkoll dettalji fejn ikkonfermaw li l-kwantitajiet li telqu mill-biċċerija jikkorrispondu mal-kwantitajiet li waslu l-inċeneratur. L-inċeneratur jibgħat rendikont tal-materjal li jinħaraq biex jiġi verifikat li nħarqu. Dettalji fuq dawn il-Cosignment Notes jinżammu mill-inċeneratur u mill-operatur u dawn id-dettalji jiġu eżaminati minn żmien għal żmien mill-uffiċjal tad-dipartiment tar-regolament veterinarju. Barra minn hekk, li l-partijiet tal-karkassi u karkassi sħaħ ikkundanati mill-biċċerija dikjarati li mhumiex adegwati għall-konsum uman, jiġu miżbugħa b’kulur ċelesti jgħajjat minn fuq s’isfel sabiex ma’ l-ewwel daqqa t’għajn wieħed ikun jaf li huma mhumiex tajbin għall-konsum.

Clinical Waste

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13441 li oriġinrajament kienet lill-Ministeru għall-Politka Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk qattx saru xi studji professjonali u indipendenti biex jiġi verifikat il-fatt li ħafna drabi clinical waste qed jiġi trasportat biss ftit metri il-bogħod miċ-civil abbatoir biswit il-biċċerija tal-Marsa minħabba l-inċineratur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istudji meħtiega saru kollha qabel ma ħareg il-permess ta' l-operat. L-iskart mill-isptarijiet jigi trasportat f’containers li huma ADR approved. Dawn jiggarantixxu sigurta fit-triq waqt it-traġit.

capsules Seven Seas Advanced Joint Care — diskrapanza fil-prezz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13281 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega l-fatt kif il-capsules Seven Seas Advanced Joint Care li f’Malta jinbiegħu €28 għal 60 u €56 għal 120 kapsula, fl-Ingilterra jinxtraw b’ekwivalenti ta’ €20 għal 60 kapsula u meta wieħed jixtri 120 kapsula jħallas €40 u anki jingħata 60 kapsula b’xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni tqabbel il-prezzijiet tal-mediċina li jinbiegħu f’Malta ma’ dawk ta’ numru ta’ pajjiżi Ewropej. Dan l-istudju ma jsirx fuq id-dietary supplements. B’danakollu jista' jiġi kkonfermat li l-prezz tad- dietary supplements tal-kapsuli Seven Seas Advanced Joint Care huwa orħos fl-Ingilterra milli dak f’Malta.

ETC — training and framework

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet introdotta l-iskema tat-Training Aid Framework? Kemm kien hemm azjendi li applikaw biex jibbenefikaw minnha? Kemm minnhom diġà ibbenefikaw minnha? Kemm hemm applikazzjonijiet li għadhom pendenti? X’inhi r-raġuni li f’ċerti każijiet hemm min ilu xhur sħaħ li applika u għadu ma ħax tweġiba fiex waslet l-applikazzjoni tiegħu? L-iskema għadha fis-seħħ jew għalqet? X’passi jistgħu jittieħdu biex ikun hemm fast tracking aktar u iżjed effiċjenti min-naħa tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskema tat-Training Aid Framework ġiet introdotta mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fl-20 ta’ Frar 2009. Sal-lum madwar 333 azjenda ssottomettew madwar 1080 applikazzjoni bejniethom biex jibbenefikaw minn din l-iskema. Minn dawn 163 azjenda differenti ġew mgħarrfa dwar l-andament tal-applikazzjoni tagħhom u anke ffirmaw il-ftehim. Mill-applikazzjonijiet li ġew sottometti għad fadal madwar 145 li għadhom qed jiġu vverifikati kif ukoll 172 li qegħdin quddiem is- Selection Committee . Ir-raġunijiet li f’ċerti każijiet hemm min ilu ammont ta’ ġimgħat li applika u għadu ma ħax tweġiba kien minhabba li 1. il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ irċeviet ħafna applikazzjonijiet 2. Bosta minn dawn kienu b’informazzjoni nieqsa u għalhekk l-applikant f’ċertu okkazjonijiet ntalab jagħti aktar informazzjoni 3. Kien hemm ukoll ħafna azjendi li talbu għall-għajnuna u għalhekk il-persuni responsabbli utilizzaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jgħinu lill-azjendi minflok li jipproċessaw l-applikazzjonijiet. Biex tissolva din il-problema, minn Jannar ta’ din is-sena ġew impoġġija aktar riżorsi fuq din l-iskema u wkoll qed titħaddem strateġija biex l-applikazzjonijiet li qed jidħlu jiġu pproċessati fi żmien tlett ġimgħat.

Korporazzjoni Enemalta — bozoz 70 watts out of stock

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li l-bozoz 70 watts ilhom out of stock fil-Korporazzjoni Enemalta fuq xahrejn, tant li hemm lampi li ilhom maqtugħin f'San Ġwann li ma jistgħux jinbidlu minħabba dan? X'passi ser tieħu l-Korporazzjoni Enemalta dwar din l-ineffiċjenza li ilha teżisti fil-Korporazzjoni Enemalta s-snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta irċiviet konsenja żgħira fix-xahar ta’ Jannar u oħra akbar fix-xahar ta’ Frar. L-istokk tal-lampi niżel għaliex l-ewwel konsenja ttardjat ma waslet minħabba inċident li ġara fuq il-vapur. Madankollu l-bożoż maqtugħin li kien hemm f’San Ġwann ġew mibdula u dawk f’postijiet oħra għandhom jiġu mibdula fi żmien qasir.

Gżira — Triq Reggie Miller - żieda fil-ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-ispettorat tas-saħħa pubblika biex tiġi indirizzata u solvuta l-problema mifruxa ta' żieda qawwija fil-ġrieden f'diversi partijiet tal-Gżira qrib it-Triq Reggie Miller, kemm bil-lejl u anki matul il-jum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar sena kien ġie referut ilment wieħed biss lill-ispettorat tas-saħħa Pubblika tal-lokal indikat, f’Novembru 2009, rigward ġrieden fi Triq Reggie Miller u l-inħawi tal-madwar. Tali lment kien jinvolvi propjeta privata liema propjeta għadna ma nafux min hu s-sid. Għaldaqstant ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control ta’ l-istess dipartiment fit-22 ta’ Jannar 2010, għamlu trattament għal kontra l-ġrieden fejn setgħu fl-inħawi tal-madwar ta’ din l-għalqa referuta hawn fuq. Tali area ser tibqa tiġi sorveljata u tiġi trattata għal kontra l-ġrieden meta jkun hemm bżonn.
Leg 11 PQ #14261 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Maħfra presidenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li tiġi riveduta s-sistema tal-maħfriet presidenzjali li allegatament ġiet użata f'mod kemxejn liberali żżejjed fis-snin l-imgħoddija? Liema suġġett għamel aċċenn għalih f'kuntest aktar wiesa' anke l-E.T. il-President tar-Repubblika fil-programm Dissett? Jista' jelenka b'mod ċar il-kriterji li fuqhom isiru rakkmandazzjonijiet simili lill-President tar-Repubblika sabiex dan ma jibqax meqjus miċ-ċittadin komuni bħala suġġett li jista' jiġi trattat b'mod suġġettiv u anke possibilment miftuħ għall-abbuż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-perċezzjoni (jew impressjoni) li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, li s-sistema tal-Maħfriet Presidenzjali hi b’xi mod liberali, hi għal kollox żbaljata u għalhekk ma jirriżultax li hemm xi ħtieġa li s-sistema kurrenti tiġi riveduta fuq dan il-punt. Il-każijiet li dwarhom issir petizzjoni tant ivarjaw wieħed mill-ieħor, li hu impossibbli li wieħed jelenka ċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jinċidu fuq id-deċizjoni dwar x’rakkmandazzjoni tingħata f’kull każ. Il-kriterju ewlieni hu jekk, tenut kont tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat, tal-proċeduri kriminali in kwistjoni u ċ-ċirkostanzi personali ta’ min jagħmel it-talba kif ukoll dawk tal-vittmi tar-reat, ikunx indikat li għandu jkun hemm maħfra jew temperament fil-piena inflitta mill-Qorti.
Leg 11 PQ #14272 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Government Scheme for Wooden Balconies — nies li għadhom ma tħallsux għax-xogħlijiet li għamlu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Gvern milli tramite l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jirrifondi l-ispejjeż li għamlu diversi applikanti dwar il-Government Scheme for Wooden Balconies li ħarġet f’Jannar 2008, li ġiet milqugħa ftit tal-ġimgħat wara, iżda li sal-lum għadhom ma ġewx proċessati minkejja li x-xogħlijiet ilhom li ġew kompluti u l-awtorità għandha d-dokumentazzjoni kollha mitluba mingħand l-applikanti? Jista' jinvestiga ukoll l-ilment li diversi nies li marru l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar spiss ġew infurmati li baqgħalhom x’jistennew biex jinqdew għax għad hemm ħafna każijiet pendenti? Fil-fatt kemm applikaw nies taħt din l-iskema, kemm tħallsu f’reviżjonijiet s’issa bħala somma globali, u kemm hemm każi li għad iridu jiġu proċessati? Kemm kien il- budgetary allocation għal din l-iskema li ħarġet ftit ġimgħat biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14486.

Taxxa tad-dħul

Question

Wara li fl-14 ta' Settembru 2007, il-Gvern kien ħabbar li se jirrifondi parti sostanzjali mit-taxxa tad-dħul dovuta lura lit-taxpayers fi tliet pagamenti skedati tmiem Diċembru 2007, 2008 u 2009, jista' l-Ministru jikkonferma jekk din il-wegħda pubblika nżammitx? Jekk le: a) Kemm kien hemm pagamenti f'termini ta' flus u taxpayers li kellhom jitħallsu sa tmiem is-sena 2009 u li baqgħu ma tħallsux sa dik id-data? b) Meta mistenni jsir il-pagament dovut lilhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-total tat-tielet pagament li kellu jitħallas sa tmiem is-sena 2009 kien ta €11,617,530. In-numru ta’ taxpayers kien 6,711. Il-pagament mistenni li jsir ma jdumx.

Kumitati dwar it-tibdil tal-klima — esperti tekniċi

Question

Billi meta tħabbar il-Kumitat dwar it-Tibdil tal-Klima li ġie appuntat mill-Ministru f'Ġunju 2008 kien issemma li l-kumitat kellu jiġi megħjun minn żewġ esperti tekniċi li kellhom jiġu pprovduti mill-Ministeru tal-Ambjent tal-Ġermanja, jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn l-esperti u fiex kien jikkonsisti x-xogħol tagħhom? Ix-xogħol tagħhom sar bi ħlas jew bħala parti mill-koperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li b’kooperazzjoni mal-Ambaxxata Ġermaniża kien ġie organizzat f’Malta workshop ta’ ġurnata fejn attendew il-Membri tal-Kumitat għat-Tibdil fil-Klima u esperti tekniċi Ġermanizi mill-Ministeru tal-Ambjent tal-Ġermanja. Il- workshop serva biex żewġ esperti Ġermanizi, qasmu mal-Kumitat għat-Tibdil fil-Klima l-esperjenżi tagħhom fil-Ġermanja, fit-tfassil ta’ strateġija simili. Peress il- worksho p ġie organizzat fuq il-bażi ta’ kooperazjoni bilaterali bejn Malta u l-Ġermanja ma kien hemm l-ebda ħlas involut.
Leg 11 PQ #13972 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

statistika dwar immigrazzjoni irregolari u regolari

Question

Billi pajjiżi oħrajn regolarment jippubblikaw statistika dwar immigrazzjoni irregolari u regolari, jista' l-Ministru jagħti dan it-tagħrif li spiss jippubblikaw pajjiżi oħrajn barranin fl-Unjoni Ewropea; fosthom fl-Italja fejn organizzazzjonijiet bħal Fondazione Ismu u l-Caritas jipprovdu figuri simili liema statistika mitluba ma tiġix interpretata li għandha xi xejra razzista: - Kemm żdiedu l-barranin jgħixu f’Malta f’dawn l-aħħar ħames snin? - Kemm minnhom kienu/huma immigranti regolari fl-istess perjodu? - Kemm hawn/kien hemm immigranti irregolari? - X’kien il-persentaġġ ta’ charges kriminali fost it-total ta’ immigranti regolari? - X’kien il-persentaġġ ta’ charges kriminali fost it-total ta’ immigranti irregolari? - Jista' jgħid il-provenjenza ta’ immigranti regolari u irregolari separatament kif varjat tul l-aħħar ħames snin? - Kemm fost il-wild ġodda fil-pajjiżi huma tfal ta’ immigranti regolari u ta’ immigranti irregolari separatament? - Kemm huma ta’ nisel kristjan, musulman u twemmin ieħor?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar in-numru ta’ immigranti irregolari li waslu Malta matul dawn l-aħħar ħames snin. Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar in-numru ta’ barranin li tressqu quddiem il-Qorti matul dawn l-aħħar ħames għadu qed jinġabar. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi lill-Ministru kkonċernat..

Bozoz Energy Savers

Question

Wara l-aħbar li l-bozoz tradizzjonali se jinqatgħu sa Settembru 2012 kif tħabbar fuq il-mezzi tax-xandir u wara n-numru ta' bozoz energy savers li l-Gvern qassam, mingħajr ebda preġudizzju għall-pass pożittiv li ttieħed li jiġu ntrodotti f’pajjiżna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: a) X'kampanja edukattiva għamel il-Ministru biex jassigura s-saħħa tan-nies li jużaw dawn il-bozoz, meta dawn fihom kimika tossika li hi l-merkurju? b) X'mezzi qed juża biex jassigura li r-rimi ta' dawn il-bozoz, li huma meqjusa bħala skart tossiku, jsir skond id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea WEEE (Waste from Electric and Electronic Equipment)? ċ) Jista' jgħid meta l-Avviż Legali 63 ta' l-2007 dwar ir-rimi ta' dan l-iskart tossiku daħal fis-seħħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qabel xejn napprezza l-fatt li llum l-Oppożizzjoni tqis l-iskema tat-tqassim tal-bozoz energy-saving bħala “pass posittiv” minkejja li fil-passat ippruvat tirredikola din l-inizjattiva. Sadanittant, nixtieq ninforma lill-Onor Membru li l-pubbliku kien infurmat kif għandu juża’ dawn il-bozoz permezz ta’ informazzjoni li kienet inkluża fil-voucher stess. Jien infurmat ukoll li l-WasteServ qed tagħmel riklami kontinwi fuq il-mezzi tax-xandir biex il-pubbliku biex jagħmel użu mill-5 Ċentri għall-Skart Goff ( Civic Amenity Sites ) f’Malta u Għawdex meta jiġi biex jarmi dawn il-bozoz użati. Dawn il-bozoz qed jiġu trattati l-istess bħal fluorescent tubes , li qed jinġabru separatament f’dawn ic-centri. Wara, l-WasteServ tiddisponi minnhom skond id-direttivi li hemm fis-seħħ dwar hazardous waste . Dwar l-aħħar parti, nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #14138 Sitting 191 2010-02-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni li se tagħmel review tal-policies tal-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jippublika r-rapport li ħejjiet il-kummissjoni li ġiet mqabbda biex tagħmel review tal-policies tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien mar-rakkmandazzjonijiet tagħha? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom ġew inkorporati fl-Abbozz tal-Liġi li qed jippreżenta l-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li l-Kummissjoni lestiet ir-rapport u hija mistennija li tgħaddih formalment lill-Gvern fil-ġranet li ġejjin.