B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13445, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex issir inċinerazzjoni tal-chemicals fl-impjant tal-Marsa? X'inhuma r-rati li qed jiġu applikati? Jista' jagħti l-każ li r-rati u l-proċeduri kkumplikati jistgħu qed iservu ta' deterrent għall-ambjent billi jista' għadu qed jsir dumping illegali tal-iskart kimiku minħabba dawn il-fatturi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskart kimiku jiġi aċċettat wara li jinħareg permess mill-MEPA wara li ssir l-analiżi meħtieġa. Min jittransport dan l-iskart irid ikollu permess specjali maħruġ mill-MEPA li jawtorizzah jgorr skart perikoluz. Ir-rata applikabli għal l-inċenerazzjoni ta' dan it-tip ta’ skart hija ta’ €500 kull tunellata. Il-prinċipju li wieħed iħallas għas-servizz ta' disponiment ta’ l-iskart kien iddaħħal f’pajjizna f’Ottubru ta’ l-1997, bil-L.N 128. Matul dawn it-13-il sena, il-pubbliku Malti eduka ruħu u sar aktar konxju li għandu jirrispetta l-ambejnt. Għaldaqstant huwa meħtieġ illi sussidji li jinkoraggixxu l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart għandom jitnehhew u l-prezz ta' prodott jew servizz għandu jkopri l-ispiza involuta biex l-istess skart ġenerat fil-proċess jiġi trattat u/jew dispost b'rispett għall-ambjent li wara kollox huwa wirt ta' kulħadd.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-cutting plant fil-biċċerija tal-Marsa ġiex approvat mir-regolaturi kkonċernati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-'cutting plant' fil-biċċeria hu mgħammar bl-aħħar teknoloġija u hu meqjus bħala impjant ‘state-of-the-art’ għal użu tiegħu. Iżda, jien
infurmat illi l-prattiċi wżati fil-proċess tal-operat iridu jiġu konformi ma’ dawk rikjesti mill-UE.
Billi f'mistoqsija parlamentari 3128 il-Ministru konċernat kien ikkonferma li l-Marsa Power Station trid tingħalaq sas-sena 2015 jew wara 20,000 siegħa operazzjoni mill-1 ta' Jannar 2008, jista' l-Ministru jikkonferma għal kemm-il siegħa t'operazzjoni tħaddmet s'issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar tal-2009, l-erba'
units
tal-Marsa Power Station li jaqgħu taħt l-20,000 siegħa huma kif imsemmi hawn taħt:
M1 11403hrs
M2 10585hrs
M3 11095hrs
M4 13229hrs
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa u komprensiva tal-environmental infringments kollha li ġejna sottomessi għalihom jew notifikati dwarhom b'żieda mat-tabella li l-Prim Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 ta' Novembru 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Inċineratur tal-Marsa — bio diesel jew heavy fuel oil
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-inċineratur tal-Marsa huwiex jaħdem il-ħin kollu fuq bio diesel jew inkella huwiex jintuża ukoll heavy fuel oil?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inċineratur jkollu bżonn id-diesel biss meta ma jkunx hemm materjal x’jigi trattat. Bl-investiment addizjonali li sar, jista' jingħad illi l-
incineratur jista' jieħu tipi differenti ta’ skart ħalli l-konsum fjuil ikun limitat kemm jista jkun.
Billi l-building energy regulations suppost li ilhom li ġew fis-seħħ mill-bidu tas-sena li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jiġu fis-seħħ fir-rigward tad-dwellings, kif ukoll jekk il-problema li jingħad li kien hemm dwar programming u testijiet fuq is-sistema tal-e-gov dwar is-software li l-assessuri kellhom jużaw ġietx riżolta?
Fir-rigward tan-
non dwellings,
billi dawn ir-regolamenti suppost ġew fis-seħħ f’Ġunju 2009, jista' jgħid meta se jiġu fis-seħħ u għaliex s’issa għadhom ma ġewx implimentati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li parti mill-Energy Performance of Buildings Regulations daħlu fis seħħ fl-ewwel ta’ Novembru 2006 permezz ta’ l-avviż legali No. 269 tal-2006. Parti oħra minn dawn ir-regolamenti li jirrikjedu li jsir ċertifikat dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu ta’ l-enerġija daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Jannar 2009 permezz ta’ l-avviż legali 261 ta’ 2008.
Għaldaqstant illum kull perit għandu r-responsabbiltà li jiddisinja kull bini ġdid skond dawn ir-regolamenti. Fil-fatt, il-MEPA qed tirreferi applikazzjonijiet għal żvilupp ta' ċert binjiet ta' skala mdaqqsa għar-rimarki mill-Awtorità għar-Rżorsi qabel ma jinħareġ il-permess. Għalkemm dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fil-bidu ta' l-2009, dawn ir-regolamenti għadhom mhux qed jiġu infurzati.
Dan id-dewmien kien inizjalment kawżat minn problemi ta' programming u ttestjar fuq is-sistema tal-e-government liema software jinkorpopra fih programm li jagħmel il-kalkoli biex eventwalment jiġġenera XML File neċessarju mis-sistema ta' ċertifikazzjoni. Din il-problema issa ġiet riżolta u għalhekk issa x-xogħol qed jipproċedi għall-iżvilupp tal-'Graphic User Interface' tal-Website Front-end li sejra tintuża biex tiġġenera ċ-ċertifikat. Fadal issa li jsiru numru ta' testijiet fuq is-sistema biex ikun żgurat li is-sistema komplessivament taħdem sew u mingħajr problemi. B'mod partikolari dan jirreferi għall-backend tas-sistema li tkopri l-archiving, it-tracking u l-auditing; dan barra il-pagamenti u l-assenjar tan-numru waħdieni ta' kull ċertifikat u l-ħruġ awtomatiku ta' l-istess ċertifikat.
Għalhekk huwa maħsub li s-sistema ta' l-EPC portal - jiġifieri l-programm li jaħdem fuq l-internet, flimkien mal-Backend tiegħu jibda jopera f'April li ġej.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija dwar in-non-dwellings, nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li din il-materja hija totalment distinta minn dik ta' qabel u sabiex jiġu implimentati dawn ir-regolamenti jinħtieġ software dedikat u kumpless. Hawnhekk ħarisna lejn software li huma diġà żviluppati u operattivi f'pajjiżi kbar fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministeru analizza fid-dettall żewġ programmi minn dawn u mir-riżultat ta' dan l-istħarriġ iddeċieda li jaddotta dak Ingliż imsejjaħ SBEM peress li hu l-eqreb lejn il-ħteġijiet tagħna. Ta' min ifakkar li fid-dawl tal-ħteġijiet partikolari ta' Malta, dan il-programm xorta jitlob customisation biex ikopri dawn il-ħteġijiet partikolari.
Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — SEA fuq l-energy policy
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13796, jista' l-Ministru jgħid minn min qed isir l-Strategic Environmental Assessment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kuntratt għal Konsulenza ta' l-iStrategic Environment Assessment (SEA) dwar it-tfassil ta' Energy Policy ingħata lil ADI Assosciates Environmental Consultants Ltd.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13872, billi l-pagamenti dovuti sa tmiem is-sena 2009 lit-taxpayers Maltin għadhom ma tħallsux, jista' jikkonferma li l-Gvern ser jħallas l-imgħax fuq dawn ir-refunds dovuti lit-taxpayers konċernati? Kemm huwa stmat li l-Gvern ser ikollu jħallas fuq is-somom dovuti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont il-liġi, l-imgħax li ser jitħallas huwa bil-0.75% fix-xahar. L-imgħax li jrid jitħallas fuq is-somom dovuti huwa ta’ €87,131 kull xahar.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13812, billi l-Gvern invoka li l-kawsola dwar kunfidenzjalità dwar write offs ta' bilanċi fuq taxxa dovuta qabel l-elezzjoni ġenerali, jista' jagħti assikurazzjoni li l-listi ġew imħejjija mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni mingħajr ebda ndħil jew pressjoni jew suġġerimenti lid-Dipartiment u jew lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni? X'assikurazzjoni tista' tingħata li dawn ir-write offs saru bl-akbar trasparenza possibbli?
Response (FENECH, TONIO)
Ir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13812 diġa tirrispondi għall-mistoqsijiet imqajma f’din id-domanda.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Gvern Malti flimkien mal-awtoritajiet kompetenti wara li minn bipartisan report ta' 330 faċċata li ġie released waqt hearing tal-investigations subcommittee permanenti tas-Senat Amerikan, irrizultaw four case histories waqt hearing on keeping foreign corruption out of the united states li fihom irriżulta fost affarijiet oħra li kienet intużat Malta biex isiru wire transfers ta' xi $9.2 miljun in konnessjoni mal-ex-President, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jikseb appoġġ fl-Istati Uniti permezz ta' lobbyist account biex ikun jista' jixtri US made armored cars u C-130 military cargo planes?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Billi l-Ministru Fenech ftit ilu għarraf lill-Kamra li l-emendi għall-masterplan ta' Manoel Island tal-MIDI li jolqtu ukoll il-bini ta' football ground ġdid għall-Gżira Utd FC ilhom li ġew sottomessi mill-11 ta' Ottubru 2006, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-approvazzjoni ta' dan il-masterplan minħabba li qed jżomm l-iżvilupp tal-football ground konċernat, apparti minn żviluppi oħrajn?
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — problema ta' drenaġġ fit-Triq il-Wied l-Msida
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13603 u jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tistax issib soluzzjoni dejjiema għall-problema tad-drenaġġ li spiss ifur fi Triq il-Wied, l-Msida minkejja diversi rapporti li rriżultaw li saru lill awtoritajiet? Għalkemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet rrapurtata li qalet li kienet konxja mill-problema u li l-pompi blukkati li kien hemm fi Triq il-Wied ġew msewwija, ma jaħsibx li hemm bżonn approach aktar intensiv u ħolistiku meta fi kliem l-istess korporazzjoni s-sistema tad-drenaġġ ma tkunx tista' tlaħħaq mal-ilmijiet kbar li jaqgħu meta tagħmel xita qawwija tant li b’konsegwenza ta' dan spiss jinqalgħu bosta manhole covers li jirriżulta f’ħafna drenaġġ ifur fit-triq msemmija? Jekk iva, x’inhuma il pjani li għandha f’moħħha l-istess Korporazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 2566.
Kunsilli lokali — skema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma meta approva l-iskema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali sabiex jippreparaw rapporti dwar proġetti ta’ ċertu kobor li jkunu proposti li jsiru fil-lokalità tagħhom? Meta ġiet fis-seħħ? Meta ġew mgħarrfa formalment il-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex? Meta applika l-kunsill lokali tal-Qala? Il-kunsill lokali tal-Qala qatt tħallas taħt l-iskema jew le, dan aktar u aktar billi fil-gazzetta "The Times" ta' 9 ta' Ġunju, 2008 intqal li l-kunsill lokali tal-Qala kienu tħallsu taħt din l-iskema? Kemm kien hemm talbiet oħrajn pendenti? Kemm minnhom ġew aċċettati? Kemm minnhom ġew rifjutati u liema kienu fiż-żewg każi? Inkisbet awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi qabel ma inħarġet din l-iskema u jista' jgħid jekk għadhiex fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-matul l-2008 ma ġiet imnedija l-ebda skema mid-Dipartimenat għall-Gvern Lokali, filwaqt li fl-2009 l-iskemi kienu:
1. Attivitajiet Kulturali; (2)
Energy Saving
; (3) Inizjattivi Sportivi; (4) Proġett pilota għal lokalitajiet sostenibbli; (5) Aċċessibiltà; (6) Fondi Speċjali għal-lokalitajiet bi bżonnijiet speċjali; (7)
Green Challenge Award/Local Enterprise Scheme
; (8) Premju Lokalitajiet Indaf u (9) Fondi speċjali.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-‘iSkema dwar Strateġiji dwar Żvilupp Sostenibbli’, li kienet l-unika skema dwar studju mill-Kunsilli Lokali u li għalihom ingħataw fondi, il-Kunsill Lokali tal-Qala ma applikax taħt din l-iskema, u naturalment ma ngħata l-ebda fondi.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika b’mod konkret għall-liema skema qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li hemm referenza għalihom fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13688 tal-konsulenti Lahmeyer International?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 13557 u 13795.
Passi kontra kumpanija li ramiet waste oils fl-ispralli
Question
Billi f’tweġiba għal mistoqsija preċedenti l-Ministru kien stqarr li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet talbet lill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma biex tieħu passi kontra kumpanija qrib Hexagon House li inqabdet tarmi waste oil u skart ieħor fl-ispralli tal-viċin, jista' l-Ministru jgħid it-talba tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar liema data kienet iġġib, kif ukoll x’passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'dan ir-rigward?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba tal-MEPA iġġib id-data tas-6 t’April, 2009. Din l-ittra saret wara spezzjoni fit-2 ta’ April 2009 minn uffiċċjali tal-MEPA u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma fil-kumpanija li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Kienu ttieħdu passi mmedjati minn dik il-Kumpanija biex neħħiet l-irregolarità.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma tieħu ħsieb tagħmel spezzjonijiet regolari fl-inħawi, imma ma jirriżultax li qed jintrema xi skart likwidu industrijali minn dik il-kumpanija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12216, kif wkoll għar-rapport dwar it-trab l-iswed li l-Prim Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fi tmiem id-dibattitu parlamentari dwar il-Budget 2010, jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra :
- Meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar daħlet f’negozjati mal-Prof. Alfred J. Vella mill-Università ta’ Malta (skond item 3 tal-konklużjoni tar-rapport) biex jassisti lill-awtorità fl-investigazzjonijiet li kien baqa x’isiru?
- Billi fl-istess rapport tal-awtorità intqal li l-awtorità kienet qed tistenna l-proposta dettaljata tal-Prof Vella dwar dawn l-investigazzjonijiet, jista' jgħid jekk u meta waslu dawn il-proposti u fiex kienu jikkonsistu?
- Meta mistennija jingħataw il-pariri lill-Awtorità dwar dan?
- L-Awtorità irnexxielha tikseb depożiti ta’ trab iswed adegwati biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa, aktar u aktar meta deputat tan-naħa tal-Gvern stess offra li jgħin f’dan ir rigward permezz ta’ trab iswed mill-ġnien tiegħu privat?
- Liema laboratorju bħalissa qed jagħmel it-testijiet meħtieġa?
- Dan jinsab Malta jew barra l-pajjiż?
- Għaliex intgħażlet biss il-lokalità tal-Fgura għall-kampjuni meta kien hemm lokalitajiet oħrajn milqutin mill-problema?
- Hemm xi data indikattiva li fiha il-Kamra għandha tistenna li jkollha rapport konklużiv dwar dawn l-investigazzjonijiet li ilhom jkaxkru is-snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Novembru 2009 saret laqgħa mal-Prof Vella fejn ġiet diskussa din il-problema. Il-Prof Vella qabel li jgħin lill-MEPA taħdem fuq din il-problema u kellu jibgħat il-proposta tiegħu bil-miktub. Il-MEPA għada qed tistenna din il-proposta.
Milli jidher u skont ma infurmawna r-residenti li joqgħodu fil-madwar, il-problema tal-iddepożitar tat-trab l-iswed ittafiet bil-bosta, fil-fatt il-MEPA ilha ma tirċievi ilmenti fuq dan, dan jixdhu wkoll il-fatt li ftit li xejn qed jiddepożita trab fis-samplers li installat il-MEPA. Il-MEPA taċċetta biss kampjuni ta' trab li jkunu nġabru skont metodu simili għall-BS 1747. Ma jistgħux jiġu aċċettati kampjuni li jkunu nġabru mod ieħor (per eżempju billi jinkines ġnien), u s'issa b'dan il-metodu mhux qed jinġabar biżżejjed trab.
Rigward il-laboratorju li ser jintuża, huwa prematur li l-MEPA tgħid fejn ser jintbagħtu dawn il-kampjuni. Li nistgħu ngħidu huwa li għandna kuntatt ma’ żewġ laboratorji wieħed fl-Awstrija (il-laboratorju tal-Aġenzija Federali għall-Ambjent) u l-ieħor fir-Renju Unit (ALControl). Dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi tagħna. Kif ikollna l-kampjuni nqabblu l-prezzijiet u niddeċiedu fejn sejrin dawn il-kampjuni.
Inizjalment il-MEPA ikkonċentrat fuq il-Fgura sempliċiment għaliex il-maġġoranza tal-ilmenti oriġinaw minn hemm, pero’ il-MEPA bi ħsieba tinstalla is-samplers f'Paola, Sta Luċija u Tarxien ukoll.
Mhux possibbli li tingħata data meta ser ikun hemm rapport konklussiv. Li nistgħu ngħidu huwa li ż-żewġ laboratorji li tkellimna magħhom huma committed li sa tlett ġimgħat wara li jkunu rċievew il-kampjuni, jkunu bagħtulna ir-riżultati, pero’ s'issa l-ammont ta' trab li nġabar huwa negliġibbli u m'huwiex prevvist li din is-sitwazzjoni ser tinbidel sakemm ma jerġgħax ikun hemm episodji ta' dust soiling bħalma ġew irrapurtati f'Awissu li għadda.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija ftit jiem ilu dwar Air Monitoring Stations, fid-dawl li dawn l-Air Monitoring Stations huma scientific tools ta' ċertu kalibru, u l-fatt li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mhux qed tuża dawn l-istess mezzi biex tgħinha ssib sorsi ta' pollution, fosthom it-trab iswed, jista' l-Ministru jgħid x’għodda u sistemi aktar avvanzati minn dawn l-istazzjonijiet qed tuża l-awtorità u/jew entitajiet oħrajn biex jidentifikaw is-sors tat-trab iswed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-ewwelnett għandu jiġi ċċarat x'inhi il-funzjoni tal-fixed station network tal-MEPA. Dawn l-istazzjonijiet mhux qegħdin hemm sabiex il-MEPA tkun tista' tfittex is-sorsi ta' inkwinament u fil-verità mhux teknikament possibbli li jintużaw dawn l-istrumenti sabiex jiġu identifikati dawn is-sorsi. L-għan ta' dawn l-istazzjonijiet huwa li jieħdu kampjun rappreżentattivi ta' areas differenti bħal per eżempju siti li minnhom jgħaddi ħafna traffiku, siti rurali jew siti urbani u b'hekk il-MEPA tkun tista' tassessja għall-konformità mal-valuri limitu stipulati fid-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja.
Rigward il-problema tat-trab l-iswed, l-eżami permezz tal-i
scanning electron microscope
wera li t-trab l-iswed li kien qed jaqa' fuq in-nofs ta' nhar ta' Malta fil-bidu ta' Awissu 2009 huwa magħmul minn partiċelli li d-daqs tagħhom huwa bejn wieħed u ieħor 100-120 micrometru. L-istrumenti li jkejjlu l-ammont ta' trab fl-arja, jkejjlu biss it-trab fin jiġifieri 10 micrometri jew anqas, għaliex dan it-tip ta' trab (għall-kuntrarju tat-trab ta' daqs ikbar) jibqa’ fl-arja għal ħin twil u huwa meqjus bħala dannuż għas-saħħa. Ta' min jgħid ukoll li Direttiva 1999/30/EC tobbliga lill-Istati Membri li jkejjlu t-trab ta' 10 micrometri jew anqas. Malta nkejjlu dan it-tip ta' trab kif ukoll it-trab ta' daqs 2.5 micrometru jew anqas (li huwa kapaċi jidħol fis-sistema tad-demm).
Sabiex jiġi identifikat is-sors ta' dan it-trab l-iswed, jeħtieġ li jinġabar kampjun ta' dan it-trab permezz ta' metodu simili għall-BS1747 jew VDI 2119(simili għall-metodu li ntuża fl-iStacey Report) imbagħad dan it-trab li jinġabar tkun trid ssirlu analiżi li tistabilixxi s-
size distribution
tiegħu u analiżi kimika skond
CEN standards
għall-ċerti tipi ta' metalli fosthom anki metalli tqal, l-analiżi għandha ssir preferibbilment minn laboratorju akkreditat għal dawn it-testijiet msemmija. Peress li l-problema ittaffiet bil-bosta, mill-aħħar ta' Awissu ’l hawn għadu ma nġabarx l-ammont ta' trab li ntalab mill-laboratorju fejn ser ssir l-analiżi sabiex ikunu jistgħu jsiru dawn it-testijiet. Fil-fatt l-ammont ta' trab li nġabar permezz tal-metodi msemmija huwa negliġibbli.
Dipartiment tas-saħħa — Kumpanija Multigas - ċilindri tal-ossiġenu
Question
Billi hemm arranġament sanzjonat mid-Dipartiment tas-Saħħa biex pazjenti li jbatu bi chronic asthma jissellfu ċilindri tal-ossiġenu mill-Pharma outlet tal-Kumpanija Multigas minn fejn dawn jiġu wkoll refilled u replaced, u billi dawn ġew mgħarrfa li din il-Pharma outlet sejra tagħlaq fi tmiem dan ix xahar, kif ikkonfermaw xi users meta kkuntattjaw l-Isptar Mater Dei, jista' l-Ministru jgħid x’arranġamenti alternattivi jistgħu jsiru għal pazjenti simili li għandhom bżonn urġenti ta’ dawn iċ-ċilindri?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat illi kull ma nbidel mill-arranġamenti ta’ qabel għall- pazjenti kien li:
1. Jiġbru ċ-ċilindri mill-impjant tal-Polygas f’Ħal-Farrug minflok mill-impjant tal-Multigas f’Ħal-Kirkop.
2. Ċilindri ta’ emerġenza matul il-lejl jinġabru mill-Isptar Mater Dei.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim dwar tneħħija tat-tassazzjoni doppja li għadhom qed jiġu negozjati mill-Gvern Malti ma' gvernijiet barranin? Liema huma? Meta mistennija r-ratifika tat-trattat mal-Istati Uniti? Fiex wasal it-trattat mal-Iżrael? Liema huma dawk il-pajjiżi li b'mod żbaljat għadhom jikklassifikaw lill-Malta bħala Tax Haven? Huwa minnu li fl-Istati Uniti l-Gvern Malti qabbad lobbying firm biex timbotta 'l quddiem il-każ tiegħu dwar ratifikar mis-senat tal-ftehim dwar tassazzjoni doppja? Jekk iva, liema hi din id-ditta, kif intgħażlet u kemm ħallasha l-Gvern Malti s'issa? Il-preżenza fostna sa ftit żmien ilu ta' bank Awstraljan li ħafna kienu jqisu li għażel lill-Malta bħala ġurisdizzjoni għal tax driven purposes kellha xi effett negattiv fuq ir-ratifika tal-ftehim mal-Istati Uniti dwar tneħħija ta' tassazzjoni doppja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pożizzjoni kurrenti ta’ Malta dwar ftehim dwar it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja hi skont l-appendiċi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Wieħed jista’ jżid wkoll li fil-futur qarib, se jibdew negozjati mal-Bahrain. Dwar Israel, filwaqt li saru kuntatti, għad m’hemmx data fissa dwar meta jistgħu jibdew negozjati propja.
Għar-rigward tat-trattat mal-Istati Uniti tal-Amerika, dan ġie ffirmat, iżda mhux ratifikat. Ir-raġuni għal dan hi illi l-Kumitat tar-Relazzjonijiet Barranin tas-Senat tal-Istati Uniti għad irid jirratifika dan it-trattat, u wara tagħmel l-istess Malta. Sabiex jassistu lill-Gvern Malti f’dan it-trattat, tqabbdet l-entità Sonnenchein & Rosenthal u dan għas-somma ta’ €69,875.
Ninsab infurmat ukoll illi aħna m’aħniex infurmati li ninsabu fuq xi reġistru ta’ xi pajjiż partikolari li nitqiesu bħala
Tax Haven
għaliex dawn m’humiex listi normalment uffiċjali u għaldaqstant ma jiġux ippublikati. Il-lista globali u uffiċjali li tiġi ppublikata hi dik tal-OECD, u Malta qegħda fuq il-
White List
tagħha.
Il-preżenza f’Malta ta’ banek ta’ reputazzjoni għolja, inkluż dawk Awstraljani, jgħinu fir-reputazzjoni ta’ Malta u jagħtu spinta fin-negozjar ta’ trattati simili. Dan hu xhieda ta’ kemm Malta tifforma parti minn infrastruttura finanzjarja internazzjonali b’saħħitha u li tħaddan regoli reputabbli. Tant hu hekk, illi t-trattat li għandna mal-Istati Uniti jinkludi wkoll lill-Awstralja u l-benefiċċji li jġib miegħu dan il-kontinent.