Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proċess tal-ID Cards il-ġodda

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma fiex wasal il-proċess tal-ID Cards il-ġodda, issa li għadda ż-żmien li fih suppost l-Unjoni Ewropea kellha tagħtina jew tallokalna l-fondi meħtieġa? Jista' jikkonferma għaldaqstant meta se jibda dan il-proċess kif ukoll jagħti garanzija li l-proċess ikun intemm kollu sakemm tintemm din il-leġiżlatura fiż-żmien stipulat tagħha? Kemm-il darba l-fondi mill-Unjoni Ewropea mhumiex ġejjin, xi jfisser dan fil-prattika dwar dan il-proċess li diġà ilu żmien twil li waqa' lura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa — informazzjoni fuq l-inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parmalentari 15301, 14744 u 13448 u jgħid kemm ġie jiswa l-impjant tal-inċineratur tal-Marsa biex jiġi stallat? Kemm intnefqu flus fuq ir- retrofitting tiegħu ? Kemm kienu l- operational costs tiegħu sa mill-i start up sal-lum sena b’sena, inkluż il-perjodu qabel ma ġie fully commissioned ? Kemm-il tunnellata skart ġie inċinerat? Kemm kien hemm waqfien tal-impjant li ma kienx skedat u ppjanat bil-quddiem? Kemm-il darba twaqqaf l-impjant għall-manteniment mill-bidu tiegħu sal-lum? Jista' jagħti breakdown dettaljat dwar kemm ġie proċessat skart mill-biċċerija, skart kliniku u skart kimiku f’termini ta’ volumi sena b’sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiza tax-xiori, stallar u kummisonar tal-inċinertur tal-Marsa kienet ta' kwazi €9.32 miljun liema finanzjament sar bħala parti mill-protocol taljan. Rigward l-upgrade tal-impjant li sar biex dan ikun jista' jiproċċesa skart kimiku u skart ieħor li oriġinarjament ma kienx maħsub li jista' jittratta (skont l-ogħla standard possibli ta' saħħa u sigurtà partikolarment dwar dak li jirigwarda l-inkwinament) sar investiment addizjonali iffinanzjat mill-gvern malti b'total ta' kwazi €2.3 miljun. Minn mindu kien istallat l-inċineratur f'Novembru 2007, kien hemm 15-il darba li dan twaqqaf għall-aġġustamenti meħtieġa waqt li l-impjant kien qed jiġi commissioned. Filwaqt għal skopijiet ta' manutenzjoni l-impjant twaqqaf 14-il darba. L-ispejjeż tal-operat tiegħu (operational cost) kienu kif ġej: Sena Ammont 2008 €2,081,085 2009 €2,229,388 Matul l-istess perjodu, kienu inċinerati dawn it-tipi ta' skart Tip ta' skart Kwantita f'Tunnellati 2008 2009 Skart mill-biċċerija 4,863.03 6,528.41 Skart kliniku 260.11 265.05 Skart kimiku 81.00 146.35 Skart ieħor 481.29 228.15 Dan juri li fl-2008, kienu inċinerati 5,685.43 tunellata filwaqt li fis-sena ta' wara (2009) kienu inċinerati 7,167.96 tunellata u li jġib it-total ta' skart inċinerat għal aktar minn 12,850 tunellata. Meta wieħed iħares sew lejn l-ammonti inċinerati wieħed jista faċilment jikkonkludi li kien hemm żieda ta' kwazi 26% fit-tunnellat inċinerat, filwaqt li l-ispiża telgħet biss b 7% li alura tiriżulta fit-tnaqqis tal-ispiża ta' 15% għal kull tunellata inċinerata. Ta' min jgħid l-ispiża tal-fuel din is-sena kienet ta €900, 000 (VAT inkluż) Ta min ifakar li d-disinn oriġinali tal-inċiniertatr li kien inxtara għal; biċċerija kien stmat li se jaħraq kemm jiswew €2.8 miljun fi fuel. Dan iffiser li min hemm biss ġew ifrankati €2 miljun mill-użu tal-fuel u dan peress li l-streamsdifferenti ta' wastesqed jinħarqu f'dan l-inċineratur. dan mingħar ma nsemmu il-flejjes iffranktati f'xiri ta' inċineraturi oħrajn għal Mater Dei u special waste incinerator għall-industrija li kien ikalkulat li kellu jiswa €7.5 miljun addizjonali apparti mil-operational cost addizjonali ta' €830,000 fis-sena.

Energy Performance on Buildings,

Question

Dwar l-Energy Performance on Buildings fir-rigward tan-non dwellings, hemm xi ħsieb li jibdew jingħataw it-taħriġ il-persuni interessati biex ikollna assessors għal din it-tip ta' certification ukoll bħalma għandna għall-preparazzjoni ta' EPC ta' dwellings? Peress li s-sistema se tibda taħdem f'April li ġej, il-gvern għamel xi studju biex jara x'impatt ekonomiku se jkollhom dawn iċ-ċertifikati neċessarji? Jekk iva, kemm huwa antiċipat li se jiġu jiswew għal kull tip ta' bini li jeżisti (bħal appartamenti, maisonettes, terraced houses eċċ.)? Dawn l-ammonti kif jikkomparaw ma' pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea? Kemm huwa antiċipat li se jkun qed idaħħal il-gvern mingħand iċ-ċittadini għal kull ċertifikat li jkun maħruġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li l-Gvern għandu pjanijiet biex jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-persuni interessati biex ikollna assessors għal din it-tip ta' certification. Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li l-korsijiet diġà ġew imfassla u qegħdin fil-fażi tal-konferma tal-metidoloġija. L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija inġabret iżda għadha qed tiġi evalutata

containers ta' recyclable wastes

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li xi containers ta' recyclable waste esportati minn Malta lejn Singapore kellhom fihom numru kbir ta' bales li kienu jinkludi waste li ma kienx separat kif suppost tant li kien jinkludi municipal solid waste u li b'hekk ġie esportat lejn Singapore taħt il-pretest li kien jikkonsisti f'karta għar-riċiklar jew plastik għar-riċiklar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li dwar l-esportazjoni ta' recyclable waste lejn Singapore, l-WasteServe għamlet rapport formali lill-Pulizija kif ukoll infurmat lill-MEPA b'dan il-każ. Għaldaqstant, f'dan l-istadju, mhux opportun li ngħaddi aktar informazzjoni.

applikazzjonijiet għal photovoltaics u solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-photovoltaics u solar water heaters f’Malta u Għawdex taħt l-iskema l-ġdida li ġew skwalifikati? Jista' jagħti lista sħiħa ta’ dawk li ġew skwalifikati, u jekk kien hemm xi kunsilli lokali involuti jagħti dettalji dwarhom ukoll?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Taħt l-iskema l-ġdida s'issa kienu skwalifikati għaxar applikazzjonijiet għal għotja fuq xiri ta' pannelli fotovoltajċi. Dettalji jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma kien hemm ebda Kunsill Lokali li ħa sehem fl-iskema. Rigward l-iskema tas-solar heaters, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema għadha miftuħa.
Leg 11 PQ #15798 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — skema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14766, jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15417 u jikkonferma meta approva l-policy għall-għajnuna finanzjarja biex ikun jista’ jsir rapport tekniku socjo-ekonomiku (E.I.A.) dwar l-impatti li jkunu se jolqtu lil-lokalità tagħhom negattivament, liema għajnuna finanzjarja ma taqax taħt l-Art 33 tal-Att Dwar il-Kunsilli Lokali. Il-policy qegħda taħt il-heading, “Għajnuna lill-Kunsilli Lokali sabiex jippreparaw rapporti dwar proġetti ta’ ċertu kobor li jkunu proposti li jsiru fil-lokalità tagħhom”. 1) Meta l-policy ġiet fis-seħħ? 2) Meta ġew mgħarrfa formalment il-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex? 3) Meta applika l-Kunsill Lokali tal-Qala? 4) Il-Kunsill Lokali tal-Qala qatt tħallas taħt din il-policy jew le, dan aktar u aktar billi fil-gazzetta "The Times" tad- 9 ta' Ġunju 2008, intqal li l-Kunsill Lokali tal-Qala kienu tħallsu taħt din l-policy? 5) Kemm kien hemm talbiet oħrajn pendenti? 6) Kemm minnhom ġew aċċettati? 7) Kemm minnhom ġew rifjutati u liema kienu fiż-żewg każi? 8) Inkisbet awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi qabel ma nħarġet din l-policy u 9) Jista' jgħid jekk għadhiex fis-seħħ? Nitolb lill-Prim Ministru ġentilment jirreferi ukoll għall-kopja tal-policy relevanti li ngħatat mill-Ombudsman lil terzi, liema policy ingħata lilu minn Dr Chris Said innifsu, kif ukoll għal dak li qal verbatim Dr Chris Said waqt il-program fuq SMASH TV "KLIEM U FATTI" flimkien ma' artiklu li kien deher f'The Times tad-9.6.08 in konnessjoni mal-mistoqsija 14766 li qatt ma ġie kkoreġut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-policy biex tingħata għajnuna lill-Kunsilli Lokali sabiex jippreparaw rapport dwar proġetti ta’ ċertu kobor li jkunu proposti li jsiru fil-lokalità tagħhom ġiet fis-seħħ f’Mejju tal-2008. Din saret sabiex nassiguraw li fejn ikun hemm proposti dawn it-tip ta’ proġetti l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna biex jgħamlu dan ir-rapport dejjem taħt il-kundizzjonijiet indikati fl-istess policy. Il-Kunsill tal-Qala ġie mgħarraf li ser jingħata din l-għajnuna permezz ta’ ittra datata 2 ta’ Ġunju 2008 iżda sallum dan il-Kunsill għadu ma ngħata l-ebda għajnuna peress li ma ppruvax li mexa mal-kundizzjonijiet imposti f’dik il- policy . Meta ġiet introdotta din il- policy kien hemm żewġ Kunsilli li għamlu talba għal studji li kienu diġà għamlu snin qabel daħlet din il- policy fis-seħħ. Dawn it-talbiet ma ġewx aċċettati għaliex l-istudju sar ferm qabel ġiet introdotta din il- policy u għalhekk dawn ma setgħux imxew mal-kundizzjonijiet. Wieħed minn dawn il-Kunsilli meta rċieva r-risposta li t-talba tiegħu ma tistax tintlaqa’ ħa l-każ quddiem l-Ombudsman u dan ġie deċiż ftit ilu fejn dan il-Kunsill ma ngħatax raġun. Din il- policy għandha fis-seħħ iżda sallum applika biss il-Kunsill Lokali tal-Qala u l-ebda Kunsill għadu ma ngħata l-ebda għajnuna.
Leg 11 PQ #15799 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Power Station ta' Delimara

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15421 u ċioe: Jekk huwa minnu li diġà nbeda xi xogħol fuq l-extension tal-power station ta’ Delimara, jista' jgħid a bażi ta’ xiex sar dan meta s’issa kull ma nħareġ kien outline development permit u għadu ma nħariġx ir-rapport tal-awditur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet permess għal “Soil Investigation at Delimara Power Station Block 4 (through removal of layer of material) (PA 2933/09), li ġie deċiż fit-28 ta’ Jannar 2010.
Leg 11 PQ #13798 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Internal audits f'awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta’ dawk l-awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu li: a) għandhom internal auditor ? b) għad m'għandhomx internal auditor ? ċ) f'każ ta' dawk li għandhom internal auditor jgħid kemm ilu li nħatar u min huwa? d) filwaqt li jagħti raġuni għaliex m'hemmx internal auditor f’dawk l-entitajiet li s’issa għad m'għandhomx wieħed, jindika ukoll meta dan il-vojt mistenni jimtela'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemmx awditur intern fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li għalkemm ma hemmx awditur intern f’xi entità partikolari dan ma jfissirx li ma hemmx sistema ta’ awditjar intern għar-raġuni li peress illi l-awditjar intern fid-Dipartimenti u Entitajiet isir skond l-artikoli 4 u 5 ta’ l-Att dwar Awditjar Intern u Investigazzjonijiet Finanzjarji, Kap 461.
Leg 11 PQ #15092 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Manoel Island — maspterplans

Question

Billi l-Ministru Fenech ftit ilu għarraf lill-Kamra li l-emendi għall-masterplan ta' Manoel Island tal-MIDI li jolqtu ukoll il-bini ta' football ground ġdid għall-Gżira Utd FC ilhom li ġew sottomessi mill-11 ta' Ottubru 2006, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-approvazzjoni ta' dan il-masterplan minħabba li qed iżomm l-iżvilupp tal-football ground konċernat, apparti minn żviluppi oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess relatat ma’ din l-applikazzjoni għadu għaddej u fil-fatt ġew sottomessi emendi oħra għall-masterplan ta’ Manoel Island, l-aħħar emenda waslet għand il-MEPA fl-4 ta’ Diċembru 2009. Il-fatturi li qed jiġu kkunsidrati huma marbuta ma’ diversi aspetti fosthom l-impatt viżwali, l-aspett storiku kif ukoll l-ippjanar tas-sit kif ipparagunat ma’ dak li diġà kien approvat bil-permess ‘Outline’ oriġinali li kien maħruġ fl-1999. Wara dan l-istadju ta’ din l-applikazzjoni, id-direttorat ta’ l-ippjanar ikun jista’ jipproċedi bir-rakkomandazzjoni għall-Bord ta’ l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Strateġija dwar it-tibdil tal-klima

Question

Billi l-istrateġija nazzjonali dwar it-tibdil tal-klima ġiet finalizzata f’Settembru 2009, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar dan li ġej: a) fiex waslu l-istudji dwar dawk il-proposti kollha speċifikati fir-rapport li skont l-istess daħla kien għad iridu jiġi approfonditi aktar? b) il-pjanijiet għall- awareness campaign mudellata fil-kampanja tal-introduzzjoni tal-ewro? ċ) it-twaqqif tal- climate change division fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi? d) it-twaqqif tal- climate change consultative council ? e) l- inter ministerial committee on climate change and energy taħt ic- chairmanship tal-Prim Ministru? f) il-ħatriet ta’ climate change policy analysts fid-diversi korporazzjonijiet tal-Gvern? g) jekk il-Gvern għadux marbut li b’seħħ mill-1 ta' Lujlu 2010 jesiġi li l-provedimenti dwar bjar f’residenzi privati jiġu infurzati? ġ) sarux taħdidiet mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta biex jiġu introdotti middle third lane għal bi - directional use ? h) billi sa Lulju kellu jiġi introdott national shadow price for carbon , fiex waslu l-pjanijiet tal-gvern jekk jirriżulta li l- climate division għadha lanqas twaqqfet? ħ) ir-riżultati miksuba s’issa mill-pjan dwar effiċjenza fl-użu tal-enerġija? għ) il-wegħda li jiġi introdott ‘ a market incentive mechanism ’ għall- users industrijali u intraprizi li skont id-dokument għandu jkun ferm aktar attraenti milli huwa sal-lum fl-użu tal-enerġija alternattiva? i) l-applikazzjoni u l-użu ta’ low grade geothermal technology ? j) il- carbon footprint reduction plans fl-entitajiet governattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

pjanijiet biex titfassal National Policy on Environment Education

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanijiet iddikjarati tal-gvern biex titfassal National Policy on Environment Education sa din is-sena biex tiġi introdotta s-sena d-dieħla bħala parti integrali mill-kurrikulu nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ilu li għaraf l-importanza ta’ dan l-aspett fl-edukazzjoni sħiħa tal-istudenti, u ippromwova l-edukazzjoni ambjentali billi: · Għal dawn l-aħħar snin iffaċilità l-implementazzjoni tal-programm EkoSkola (ikkordinat min-Nature Trust) billi appunta ħames għalliema li jgħinu lill-iskejjel fl-implimentazzjoni tal-programm. Illum il-ġurnata hemm 102 skola (tal-istat, tal-Knisja u privati) – 59% tal-iskejjel kollha – li qed jipparteċipaw fil-programm. · Poġġa l-inkluzjoni tal-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli bħala waħda mill-prijoritajiet li għandha tidher fid-dokument il-ġdid tal-Kurrikulu Nazzjonali - li l-abbozz tiegħu jinsab f’fażi avvanzata biex ikun ippreżentat għall-konsultazzjoni.

background briefs dwar delegazzjoni lil ċertu ġurnalisti lokali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Minsitru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma rapporti li għandi li saru arranġamenti ‘informali’ ma' ċerti ġurnali lokali fejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qed jgħaddilhom background briefs imħejjija mill-istess Ministeru dwar pending bilateral issues u background information dwar il-pajjiżi li minnhom ikunu ġejjin u/jew lejhom sejrin delegazzjonijiet uffiċjali bil-ftehim li dan il-materjal jintuża' fil-ġurnali speċifiċi biss? Jista' jikkonferma jekk dan sarx fil-każi ta’ delegazzjoni riċenti Maltija lejn l-Indja kif ukoll dwar żjara ta’ Ministru mill-Estonja f’pajjiżna, tant li f’ċerti każi ċerti kwotazzjonijiet ġew lifted kważi verbatim mill-briefing notes tal-istess Foreign Office?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jinforma lil pubbliku permezz tal-media dwar il-ħidma li jkun qed iwettaq. Dan sabiex iċ-ċittadin jifhem l-importanza tal-ħidma diplomatika li jwettaq pajjiżna. Huwa fid-dmir tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li jispjeġa lill-pubbliku r-relazzjoni ta' Malta ma' pajjiżi oħra kif ukoll l-opportunitajiet li joffru dawn il-pajjizi.
Leg 11 PQ #15677 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

re-use, recycling u recovery

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15332 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14749, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għar-rigward tas-snin 2007, 2008 u 2009?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15678 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15303, 14746 u 13685 u ċioe: billi dan l-aħħar poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ internal email tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn deher ċar li l-Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar kien irrikkmanda li m'għandhom isiru ebda kuntatti diretti mal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jirrikonċilja dan ma' tweġiba parlamentari preċedenti fejn ingħatajt x’nifhem li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ma kienet ħarġet struzzjonijiet simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15475 Sitting 201 2010-03-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Manoel Island — maspterplans

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15092 u ċioe: Billi l-Ministru Fenech ftit ilu għarraf lill-Kamra li l-emendi għall-masterplan ta' Manoel Island tal-MIDI li jolqtu ukoll il-bini ta' football ground ġdid għall-Gżira Utd FC ilhom li ġew sottomessi mill-11 ta' Ottubru 2006, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-approvazzjoni ta' dan il-masterplan minħabba li qed jżomm l-iżvilupp tal-football ground konċernat, apparti minn żviluppi oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess relatat ma’ din l-applikazzjoni għadu għaddej u fil-fatt ġew sottomessi emendi oħra għall-masterplan ta’ Manoel Island, l-aħħar emenda waslet għand il-MEPA fl-4 ta’ Diċembru 2009. Il-fatturi li qed jiġu kkunsidrati huma marbuta ma’ diversi aspetti fosthom l-impatt viżwali, l-aspett storiku kif ukoll l-ippjanar tas-sit kif ipparagunat ma’ dak li diġà kien approvat bil-permess ‘Outline’ oriġinali li kien maħruġ fl-1999. Wara dan l-istadju ta’ din l-applikazzjoni, id-direttorat ta’ l-ippjanar ikun jista’ jipproċedi bir-rakkmandazzjoni għall-Bord ta’ l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

każ ta' korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15013 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'passi ħa l-Gvern Malti flimkien mal-awtoritajiet kompetenti wara li minn bipartisan report ta' 330 faċċata li ġie released waqt hearing tal-investigations subcommittee permanenti tas-Senat Amerikan, irriżultaw four case histories waqt hearing on keeping foreign corruption out of the united states li fihom irriżulta fost affarijiet oħra li kienet intużat Malta biex isiru wire transfers ta' xi $9.2 miljun in konnessjoni mal-ex-President, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jikseb appoġġ fl-Istati Uniti permezz ta' lobbyist account biex ikun jista' jixtri US made armored cars u C-130 military cargo planes?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-riposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Biċċerija — dumping ta' demm fis-sewer system

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15095 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12758, jista' l-Ministru jikkonferma għaliex impjant state of the art bħal TTF ma jistax jinċinera id-demm fil-biċċerija? Jista' jagħti l-każ li m'hemmx apparat available? X'passi ttieħdu wara li irriżulta li kien sar dumping tad-demm fis-sewer system?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjant li għandna għandu l-kapaċità li jinċenera d-demm. Fil-fatt preżentement diġa qed ikun inċinerat demm li qed jkun ġġenerat meta l-karkassi jiġu pproċessati mix-shredder. Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 13420 fejn intqal li preżentement qiegħda tinħadem soluzzjoni għall-problema ta’ transport ta’ dan il-volum konsiderevoli ta’ demm bejn il-Biċċerija u l-inċeneratur sakemm qed jiġu meqjusa possibilitajiet oħra biex id-demm iġġenerat mill-qatla jiġi utilizzat, bħal per eżempju, billi mill-ġdid jerġa' jiġi prodott il-mazzit sakemm id-demm jinġabar b'sistemi ta' iġene kif stipulat fl-istandards Ewropej.

Double taxation agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu it-taħdidiet fuq ftehim dwar double taxation agreement mal-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15567 Sitting 201 2010-03-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Triq tal-Ibraġġ — bankina okkupata - periklu tar-residenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15194 u ċioe: Peress li għal dawn l-aħħar ħames snin, residenti tal-Ibraġġ Road faċċata tal-Halland Hotel, qed ikollhom jimxu f'nofs ta' triq minħabba li l-bankina hija okkupata u l-awtoritajiet lokali minflok ma ħadu passi preventivi, ħallew titwaħħal tabella tal-iSmart Meters u l-insistenza biex tiġi ppjanata zebra crossing ħalli ttaffi mill-ispeed li karozzi jsuqu bih lejn/minn Paceville weħlet fuq l-ixkaffa, jista' l-Prim Ministru jikkonferma min hu lest li jerfa' kull responsabilità f'kull każ ta' aċċident fatali, kif ukoll li jinsisti mal-awtoritajiet lokali biex jittieħdu passi preventivi għas-sigurtà tar-residenti tal-lokal? Minħabba l-gravità tal-każ, ma jemminx il-Prim Ministru li l-Gvern Ċentrali għandu jagħti l-input tiegħu direttament f'din il-kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-MEPA ħarġet Enforcement Notice minħabba li hemm front garden wall li huwa mibni barra l-linja uffiċjali tal-bini. Din l-Ordni ta' Twettiq madankollu ma tistax tiġi esegwita mill-MEPA għax ġiet appellata fiż-żmien stipulat fil-liġi. Ninsab infurmat ukoll illi għar-rigward tal- pedestrian crossing fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq tal-Ibraġġ, fl-aħħar seduta tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi li saret nhar il-Erbgħa 17 ta’ Frar 2010, ġie deċiż illi jintalbu kwotazjonijiet tax-xogħlijiet rikjesti. Il-Kunsill kiteb ukoll lil Transport Malta sabiex issir żjara fuq il-post u jiġi identifikat eżatt fejn din trid issir.