kwestjoni fuq kuntrattur li ħażen l-iskart tossiku
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’qed jistenna l-gvern wara li ilu xhur sħaħ li ntebaħ li kuntrattur ewlieni ħażen l-iskart tossiku f'barriera għal tul ta’ snin u uża dan il-materjal biex jagħmel il-konkrit minnu mingħajr ma kellu l-liċenzji meħtieġa? X’inhi l-istrateġija tal-gvern dwar hazardous waste disposal għall-preżent u għall-ġejjieni u meta mistennija tkun kompletament operattiva? Fir-rigward tal-każ imsemmi, billi l-kuntratt mal-kuntrattur involut kien ġie terminat, x’arranġamenti hemm u ma' min kienu saru biex jiġi esportat l-iskart konċernat? Min se jagħmel tajjeb għall-fatt li b’konsegwenza ta' dan kellhom jintfew il-preciptators (filters) fil-Marsa power station u għaliex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadha qed tinvestiga u tiżen l-għażliet legali li għandha quddiemha? Ma jidhirlux il-gvern li dwar issues vitali u sensittivi bħall-iskart tossiku għandu jieħu azzjoni mmedjata b’id soda ħalli juri li mhuwiex lest li jaċċetta kompromessi li jistgħu jpoġġu fil-mira s-saħħa ambjentali?
proġetti fotovoltajiċi finanzjati mill-European Union Funding
Question
Jista' l-Ministru jgħid skont l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kemm hemm proġetti fotovoltajiċi li għandhom l-European Union Funding approvat diġà u li jekk ma jirċevux l-approvazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet lokali qed jirriskjaw li jitilfu l-ERDF funding – dan aktar u aktar billi wieħed għandu bżonn il-permess tal-Awtorità biex jistalla aktar minn 16amp PV system?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għandha quddiemha 53 applikazzjoni għal proġetti fotovoltajici. Irrid jingħad però li dawn il-proġetti jirrikjedu approvazzjoni minn awtoritajiet oħra u li ma jaqghux taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Mediterranean Conference Centre — multi functional theatre
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16149 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'costings għamel il-gvern dwar il-conversion tal-Mediterranean Conference Centre f'multi functional theatre kif ikkonfermat miċ-Chairman mal-istess Mediterranean Conference Centre? Meta l-persuna, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ġie nkarigat mill-gvern skont il-Prim Ministru sa minn sena ilu biex jara kif jista' jsir il-conversion tal-Mediterranean Conference Centre, ingħata xi indikazzjoni baġitarja dwar dan kif jidher li sar lil Renzo Piano fir-rigward tat-teatru l-antik u l-Parlament il-ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 16033 u 16582. Kif joħroġ mill-korrispondenza li ppublikajt f’dawn ir-risposti, il-Gvern ikkummisjona lill-kumpanija RHWL Architects sabiex ilestu proposta biex Dar il-Mediterran jiġi trasformat f’teatru li fih jistgħu isiru rappreżentazzjoni mużikali ta’ l-għola livell. Bħala parti mill-proposta, RHWL Architects iridu jagħtu stima ta’ l-ispiża għal din il-konverżjoni. Il-Gvern ma tax indikazzjoni baġitarja lil RHWL Architects għax huma proprju kumpaniji esperti bħal RHWL Architects li jistgħu jagħmlu tali stimi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16184 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jindika jekk sarx liaison mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jiġi żgurat li l-performance ta' kull segretarju permanenti fil-Ministeri rispettivi jieħu in konsiderazzjoni r-riżultati li jkunu nkisbu mill-green leaders?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li waħda mill-performance targets komuni għas-Segretarji Permanenti kollha hija fil-fatt dwar l-implementazzjoni tal-Green Initiatives bil-kollaborazzjoni bejn il-Ministeri rispettivi u l-ko-ordinatur tal-Green Leaders fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.
proġett ta' Bieb il-Belt, it-teatru u l-Parlament — żjara minn uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan l-aħħar kienx hawn uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li ġew fostna dwar il-possibilità ta' EU Funding għall-proġett ta' Bieb il-Belt u/jew tat-teatru l-ġdid u l-Parlament Malti ġdid propost? Jista' jagħti dettalji dwar dak li qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern Malti f'dan ir-rigward? X'laqgħat kellhom f'pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Grand Harbour Regeneration Corporation li hija responsabbli mill-proġetti imsemmija ma kellha l-ebda laqgħat bħal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Kunsilli lokali — skema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14766 jista' l-Prim Ministru jwieġeb u jikkonferma meta approva l-policy għall-għajnuna finanzjarja biex ikun jista’ jsir rapport tekniku socjo-ekonomiku (E.I.A.) dwar l-impatti li jkunu se jolqtu lil-lokalità tagħhom negattivament, liema għajnuna finanzjarja ma taqax taħt l-Art 33 tal-Att Dwar il-Kunsilli Lokali. Il-policy qegħda taħt il-heading, “Għajnuna lill-Kunsilli Lokali sabiex jippreparaw rapporti dwar proġetti ta’ ċertu kobor li jkunu proposti li jsiru fil-lokalità tagħhom”.
1) Meta l-policy ġiet fis-seħħ?
2) Meta ġew mgħarrfa formalment il-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex?
3) Meta applika l-Kunsill Lokali tal-Qala?
4) Il-Kunsill Lokali tal-Qala qatt tħallas taħt din il-policy jew le, dan aktar u aktar billi fil-gazzetta The Times tad- 9 ta' Ġunju 2008, intqal li l-Kunsill Lokali tal-Qala kienu tħallsu taħt din l-policy?
5) Kemm kien hemm talbiet oħrajn pendenti?
6) Kemm minnhom ġew aċċettati?
7) Kemm minnhom ġew rifjutati u liema kienu fiż-żewg każi?
8) Inkisbet awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi qabel ma nħarġet din l-policy?
9) Jista' jgħid jekk għadhiex fis-seħħ?
Nitolb lill-Prim Ministru ġentilment tirreferi ukoll għall-kopja tal-policy relevanti li ngħatat mill-Ombudsman lil terzi, liema policy ingħata lilu minn Dr Chris Said innifsu, kif ukoll għal dak li qal verbatim Dr Chris Said waqt il-program fuq SMASH TV "KLIEM U FATTI" flimkien ma' artiklu li kien deher f'The Times tad-9.6.08 in konnessjoni mal-mistoqsija 14766 li qatt ma ġie kkoreġut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15798.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15332 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14749, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għar-rigward tas-snin 2007, 2008 u 2009?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15960.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15303, 14746 u 13685 u ċioe: billi dan l-aħħar poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ internal email tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn deher ċar li l-Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar kien irrikkmanda li m'għandhom isiru ebda kuntatti diretti mal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jirrikonċilja dan ma' tweġiba parlamentari preċedenti fejn ingħatajt x’nifhem li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ma kienet ħarġet struzzjonijiet simili?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15959.
Korporazzjoni Enemalta — kumitat imwaqqaf wara l-qtugħ tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-ad hoc committee li l-Ministru kien talab lill-Korporazzjoni Enemalta twaqqaf wara l-qtugħ tad-dawl nhar il-Ġimgħa il-Kbira? Jista' jippubblika t-terms of reference tagħhom? Jista' jgħid jekk miż-żmien li twaqqaf il-kumitat sal-lum irrikorrewx għas- servizzi ta’ inġiniera barranin? Jekk iva min huma, x’terms of reference kellhom, kif intgħażlu u minn min?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Il-Membri kollha ta’ dan il-kumitat huma ta’nazzjonalità Maltija.
power station ta' Delimara — consumer research study
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn min sar il-consumer research study dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku f'pajjiżna, inkluż l-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Meta ġie kkummissjonat u meta tlesta? Kemm ġew intervistati nies? Liema kumpanija nediet dan l-istudju? Kemm tħallset tiegħu? Jista' jqiegħed kopja tal-findings tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15905 u jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali biex isir proġett għal kontra l-għargħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewg applikazzjonijiet, dik ta' B'Kara - Msida u dik ta' Żabbar - Xagħjra, bħalissa għaddejjin mill-proċess ta' l-Environment Impact Assessment. L-applikazzjoni ta' Żebbug u Qormi qegħda fil-proċess ta' konsultazzjoni pubblika ma' l-entitajiet konċernati.
kumpaniji li waqgħu lura fil-ħlas tal-pagi u bonuses
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16015 u jgħid kemm hemm kumpaniji li d-dipartiment kkonċernat tax-xogħol waslulu rapporti li waqgħu lura fil-ħlas tal-pagi u bonuses dovuti lill-ħaddiema reġistrati magħhom? Tista' ġentilment tagħti lista ta’ dawk il-kumpaniji li dwarhom rriżulta li dawn l-ilmenti u allegazzjonijiet huma veritieri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li matul is-sena 2009, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impjieg investiga 348 każ relatati ma kumpaniji li allegatament ma ħallsux il-pagi u l-bonuses fil-ħin. Dawn ir-rapporti kienu jikkonċernaw 185-il kumpanija. Minn dawn ir-rapporti, 133 kienu riżolti amikevolment u 167 kienu mressqa l-qorti. Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impjieg għadu qiegħed jinvestiga 48 rapport l-oħra.
Id-diretturi ta’ 47 kumpanija tressqu l-Qorti akkużati li ma ħallsux paga jew
bonuses
skont il-liġi. S’issa ġew misjuba ħatja d-diretturi tas-seba’ kumpaniji li jinstabu hawn taħt:
ALLEGRO ANDANTE LTD.
FAR-FETCHED MEDIA LTD
PRESIDENTIAL HOLDINGS LTD
SCHEMBRI & SONS LTD
G4S SECURITY SERVICES (MALTA) LTD (GROUP 4)
PMN INTERNATIONAL LTD
THE GOLDEN SHEPERD
Billi oriġinarjament kien intqal f’mistoqsijijet parlamentari preċedenti li l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-ID cards il-ġodda kellu jagħlaq fi tmiem Frar li għadda u issa fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16030 intqal li l-proċess li għandu jalloka fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan il-għan għadu ma ngħalaqx, jista' l-Ministru jindika:
a) meta issa mistenni jagħlaq dan it-terminu ta' żmien;
b) jekk id-dewmien biex tiġi pproċessata l-applikazzjoni tistax twassal biex jkun hemm aktar dewmien milli maħsub biex jsir it-tiġdid ta' ID
cards
ġodda; u
ċ) kif jolqot l-iskadenzi li l-gvern oriġinarjament kellu f’moħħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li rċevejt minn persuni li huma reġistrati li jbatu bid-depression fejn dawn wara li ġew mgħarrfin li minflok Efexxor kienu se jkunu intitolati għal pilot Venlafaxine, l-ewwel bagħtuhom għand il-pharmacy of their own choice, li in turn bagħtuhom iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, u wara li dawn qalulhom li l-pilloli in kwistjoni kienu out of stock, qalulhom mid-dipartiment konċernat biex jixtru l-pilloli huma, iżommu r-riċevuta u xi darba jitħallsu tagħhom? Minħabba l-inkonvenjent li dawn u possibilment familji oħra simili jinsabu suġġetti għalihom, jista' l-Ministru jara li dan il-każ jissolva?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 15857.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija proċedura normali li meta mediċina tkun
out of stock
mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek il-pazjenti jiġu mitluba jmorru jew fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew fl-Ispiżerija tal-Isptar Mater Dei biex jinqdew. Id-Direttur tas-Saħħa Primarja għandu l-assigurazzjoni tal-impjegati u tas-
Senior Pharmacist
ta’ l-ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira li ħadd minnhom ma qalu lill-pazjenti biex imorru jixtru l-pilloli huma u mbagħad xi darba jitħallsu tagħhom.
Sadanittant ninsab infurmat li bejn it-22 ta’ Marzu u s-6 ta’ April 2010 id-Dipartiment tal-Procurements irċieva żewġ konsenji ta’ pilloli venlafaxine (Efexor®), waħda ta’ 4858 x 28 pillola u l-oħra ta’ 8404 pillola.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern ma jipprovdix pilloli Omnic 04 għall-pazjenti li jbatu bil-prostata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-pilloli Tamsulosin (Omnic) jintużaw għal kundizzjoni li ma tagħmilx parti mill-lista ta’ mard kroniku fuq Skeda V ta’ l-Att tas-Sigurtà Soċjali, għalhekk ma jingħatawx mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-imgħax fuq bilanċ dovuti fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma huwiex jiġi charged fuq estimates ukoll, jew fuq il-kont uffiċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħala regola ġenerali m’hemmx interessi fuq kontijiet stima. Hemm biss eċċezzjoni waħda għal din ir-regola li hi meta kont stima ikun ta’ sitt xhur u suppost joħrog fuq qari attwali, imma l-meter reader ma jkollux aċċess għall-qari ta’ l-arloġġ u allura l-kont joħroġ fuq stima.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mistennija tonfoq f'riklami fil-printed media u fuq mezzi tax-xandir oħrajn il-Korporazzjoni Enemalta bħala parti mill-kampanja pubbliċitarja dwar l-impjanti tal-enerġija f'pajjiżna, fosthom l-estensjoni tad-Delimara Power Plant? Liema kumpanija qed tieħu ħsieb dawn ir-riklami? Kif intgħażlet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-kampanja informattiva li għandha mħejjija l-Korporazzjoni Enemalta għandha ħsieb li tonfoq madwar €34,000 f’riklami. Il-kumpanija li qed tieħu ħsieb dawn ir-riklami hija 26th frame. Il-kumpanija intgħażlet wara li l-Korporazzjoni ħarġet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess f’Jannar tal-2008.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie kkummissjonat ir-rapport intern dwar l-operat tal-VAT? Meta tlesta? Jekk għadu ma tlestiex, sa meta għandu jitlesta? Ġew attwati xi rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali biex issir reviżjoni ta' ċerti prattiċi fi ħdan dan id-dipartiment u jekk iva, jista' jindika x'kienu?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Administrative Law Enforcement — suġġerimenti tal-FKNK u l-BirdLife
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fl-Administrative Law Enformcement bħalissa? Kemm kien hemm fl-aħħar erba' snin? X'sar minnu s-suġġeriment tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konsevazzjonisti u tal-BirdLife biex jitwaqqaf Wild Life Crime Unit?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar erba' snin, kif ukoll, fil-preżent hemm 24 membru jservu fit-Taqsima ta’ l-Administrative Law Enforcement tal-Korp tal-Pulizija. Dan in-numru jkun awmentat minn żmien għal żmien skont in-neċessità. Infurmat ukoll li din is-sena, b’effett mit-23 ta’ April, kien hemm 25 membri oħra tal-Korp li ġew temporanjament assenjati xogħol ma' din it-taqsima. Dan barra li l-Pulizija l-oħra li jaħdmu fid-Distrett jassistu wkoll fl-infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa. Għaldaqstant ma jidhirx li għalissa hemm il-ħtieġa li tinħoloq xi sezzjoni oħra fil-Korp tal-Pulizija.
Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni meta mistenni jiġi stallat il-lift fil-block A3, Triq il-Watar, Ta’ Xbiex billi ninsab infurmat li diġà kien hemm qbil dwar dan fil-prinċipju? Tista' tara li dan il-lift jiġi stallat peress li hemm ċerti familji b’kundizzjoni medika serja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Applikazzjonijiet għall-installar ta’ liftijiet jiġu l-ewwel identifikati mill-awtorità bħala li huma eliġibbli, jiġifieri li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha. Wara dan, l-awtorità tieħu l-passi meħtieġa biex jiġi stallat il-lift skont l-ordni ta’ prijorità ta’ diżabilità stabbilita minn bord maħtur apposta.
Fil-każ ta’ Block A3, Triq il-Watar, Ta’ Xbiex, din l-applikazzjoni kienet oriġinarjament ġiet denominata mill-Bord ta’ Diżabilità bħala prijorità baxxa. Issa li s-sitwazzjoni nbidlet għal waħda ta’ prijorità għolja, l-awtorità ressqet dan il-każ aktar ‘il quddiem fil-lista ta’ prijorità u għaldaqstant l-istallazzjoni ta’ dan il-
lift
tqiegħdet fil-programm tas-sena 2011.