Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #19554 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

management committee dwar Kemmuna

Question

Jista' l- Prim Ministru jgħid x'sar mill-pjanijiet li kellha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xi snin ilu biex ikun hemm management committee dwar Kemmuna li jinkludi fost aspetti oħrajn, dawk ekoloġiċi u ambjentali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-MEPA qed taħdem mal-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu u Transport Malta biex tfassal qafas li jista' jintuża biex fuqu jinbena pjan ta' immaniġjar għal dan is-sit protett. L-ewwel laqgħa mal-partijiet interessati (stakeholders) saret aktar kmieni din is-sena. Aktar laqgħat u diskussjonijiet iridu jsiru fil-futur qarib biex jintlaħaq qbil ta' kif ċertu partijiet tal-gżira jistgħu jiġu immaniġjati.

programm ta' mobilità elettrika fil-qasam tal-karrozzi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li esperti Portugiżi ippreżentawlu dwar programm ta' mobilità elettrika fil-qasam tal-karrozzi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-esperti Portugizi ma ppreżentaw l-ebda rapport formali. Dawn l-esperti ġew Malta fuq stedina tal-Kumitat li ħtart biex joħrog bi strateġija għall-karozzi elettriċi sabiex jaqsmu magħna l-esperjenza tal-Portugall f’dan il-qasam qabel il-kumitat jikkonkludi x-xogħol tiegħu.
Leg 11 PQ #19457 Sitting 261 2010-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Audit Trail dwar ir-recovery u recyclable waste

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-certification tal-audit trail tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar ir-recovery u recyclable waste proċessat mill-GreenMT u l-GreenPak rispettivament? Kemm saru spot checks min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji qabel ma saret iċ-ċertifikazzjoni xierqa? Kien hemm każijiet fejn xi waħda minn dawn il-kumpaniji ġiet rifjutata ċertifikazzjoni xierqa? Kif jispjega l-fatt li GreenPak qed jiddikjaraw li mmaniġjaw recovery/recycling ta’ 10,000 tunnellata f’sitt snin ta’ ħidma filwaqt li GreenMT qed jgħidu li rkupraw 12,000 tunnellata fl-ewwel sena ta’ ħidma tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċertifikat tal-audit trail tal-iskat ipproċessat mill-GreenMT u l-GreenPak jinħareġ minn awdituri akkreditati. It-tabella ta' hawn taħt telenka l-permessi differenti li nħarġu mill-2006 u indikazzjoni ta' jekk hemmx certifikazzjoini minn Awditur akkreditat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati mehmużin ma' din ir-risposta. Il-process ta' kif issir iċ-ċertifikazzjoni ma jirrekjedix spot checks mill-MEPA. Tiġi segwita proċedura ta' awditjar li tiġi mħaddma mill-Awditur indipendenti. It- terms of reference għal din il-proċedura li ġew introdotti għar-rappurtaġġ mill-2009 'il qudddiem, qegħdin jiġu mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra (Mehmuż f'Anness III). Kien hemm każijiet fejn ir-rapport tal-Awditur innota xi nuqqasijiet. Kull fejn ikun hemm nuqqasijiet innotati, il-MEPA titlob spejegazzjoni mill-iskema. Skond l-ahhar rapport annuali tal-GreenMT (July 2009 - December 2009), GreenMT qed jiddikkjraw li irreciklaw 3,363 tunellata fl-2009. Mir-rapproti ta' kull 3 xhur jidher ukoll li l-ewwel sitt xhur tal-2010 Green MT rupraw 6189 tunellata. Il-MEPA ma hix f'pozizzjoini li tikkrorabora il-figura msemmija ta' 12,000 tunellata. Ta'min jghid ukoll li-ammont li ghandu jigi rriciklat min skema jiddependi fuq kemm ipoggu fuq is-suq kollettivament il-membri ta'dik l-iskema. Fl-ewwel snin tal-operat tal-iskemi kien hemm ftit membri li kienu fl-iskemi allura l-ammont kumulattiv ta' Packaging li kellu jigi rkuprat kien zghir.
Leg 11 PQ #19458 Sitting 261 2010-10-12 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — liċenzja għall-proġett pilota tal-GreenMT

Question

Jista' l-Prim Ministru permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħid matul liema medda ta’ żmien kien qed jopera l-proġett pilota tal-GreenMT qabel ma nħarġitilhom il-liċenzja formali u jekk dan dejjem kellux l-awtorizzazzjoni tal-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha? Kemm kien hemm membri li ħadu sehem f’dan il-proġett pilota? X’kien il-persentaġġ tar-recovery tal-packaging waste kif ukoll x’kien ir-recovery f’termini ta’ volum u l-ammont/persentaġġ riċiklat? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Amjent u l-Ippjanar taċċetta l-ispjegazzjoni pubblika li saret mill-GreenMT li d-dwemien fit-tiġdid tal-operating permit tagħhom kien dovut biss għall-fatt li l-GRTU kienet qed tuża l-Wasteserv bħala r-receiving facility tagħha? Jikkonferma li l-awtorità għamlet żmien ma taċċettax id-dikjarazzjoni tar-riċevuti tal-GRTU mibgħuta lil din il-faċilità mill-Wasteserv? Meta ħarġet il- final receiving certificate tagħha u liema perjodu kien ikopri dan? Billi l-GRTU ddikjarat uffiċjalment li rkuprat 1,427 tunnellata f’sitt xhur, kif wieħed jirrikonċilja d-dikjarazzjoni pubblika li rkupraw 12,000 tunnellata fi 12-il xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Door to Door collection tal-boroż griżi — impatt fuq il-bring-in sites

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-użu tad-door to door collection permezz tal-boroż il-griżi, kienx hemm xi impatt jew tnaqqis mill-użu tal-bring-in sites speċjalment f’termini ta’ ammonti u volum? Fil-fehma tal-Ministeru, ix-shift mill-użu tal-bring-in sites għall-boroż il-griżi tejjeb jew le, is-source seperation tal-iskart? Mingħajr ma wieħed inaqqas il-validità tal-boroż il-griżi, il-Ministeru jaċċetta l-argument li filwaqt li l-bring-in sites jipproċessaw skart li huwa anqas labour intensive għall-waste processor fil-każ tal-boroż il-griżi dawn ikunu jinkludu aktar xogħol manwali ta’ sorting tal-materjal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi minn mindu ġiet introdotta l-borża l-griża l-iskart separat miġbur żdied f’kull qasam inkluż mill-bring-in sites. L-introduzzjoni tal-borża l-griża żiedet sostanzjalment is-separazzjoni mid-djar Maltin u Għawdxin . Il-borza l-griża saret bil-ħsieb illi tgħin lill-individwi li jridu jisseparaw l-iskart iżda li jsibu diffikulta biex imorru jiddepożitaw l-iskart fil-bring-in sites u ċ-ċentri ta’ skart goff. Huwa ovvju li l-proċess tas-separazzjoni tal-iskart tal-boroż griżi huwa aktar labour intensive.

Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, kenitx involuta fit-tfassil tal-konċett u tal-business plan ta' Arms Ltd? Billi kultant tingħata l-impressjoni minn uffiċjali tal-Gvern - inkluż il-Prim Ministru - li Arms Ltd hija xi ħaġa distinta mill-gvern, jista' jikkonferma jekk hux minnu li fost id-diretturi tagħha kien hemm ic-chief executive officer tal-Water Services Corporation u tal-Enemalta kif ukoll persuna oħra, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mis-Segretarjat tal-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni? Jekk dan huwa minnu, dawn għandhom jokkupaw din il-kariga? U jekk le, min huma d-diretturi l-ġodda? Min huwa c-chief executive officer ta' Arms Ltd u meta nħatar? Kemm hemm nies involuti f'Arms Ltd u minn min kienet ittieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq l-uffiċċju tal-Belt u għaliex? Billi kien ġie rappurtat fil-media li Arms Ltd aktarx kienet se tiftaħ uffiċċju ċentrali eqreb lejn il-Belt ħdejn Gattard House, Blata l-Bajda ttieħdet kunsiderazzjoni tal-problemi diġà kbar eżistenti li hemm dwar parkeġġ fl-inħawi - xi ħaġa li żgur iżżid l-inkonvenjent u l-frustrament tal-klijenti prospettivi tal-aġenzija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-persuna imsemmija kienet involuta fit-tfassil tal-kunċett iżda mhux fit-tfassil tal-business plan. Nikkonferma li d-diretturi tal-Arms Ltd. huma dawk indikati mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu u li sal-lum għadhom jokkupaw din il-kariga. Il-post ta’ CEO ta’ ARMS Ltd huwa vakanti. ARMS Ltd fil-preżent timpjega magħha 8 impjegati. Id-deċiżjoni li jingħalaq l-uffiċċju tal-Belt ittieħdet mill-Gvern. L-għeluq ta’ Pjazza Helsien sabiex jibda l-proġett ta’ Bieb il-Belt kienet ir-raġuni għaliex kellu jiġi rilokat dan l-uffiċċju. Rigward il-problemi ta’ parkeġġ fl-inħawi ta’ Gattard House, ninsab infurmat li qegħdin isiru laqgħat ma’ Transport Malta sabiex isiru traffic calming me asures u pelican lights sabiex ħaddiema u klijenti ikun jistgħu jużaw il-parkeġġ fuq in-naħa l-oħra tat-triq u jkunu jistgħu jaqsmu mingħajr periklu. Dawn l-inizzjattivi ser igawdu minnhom wkoll ħaddiema li jaħdmu fil-viċinanzi u llum jużaw l-istess parkeġġ sabiex jipparkjaw. Barra minn dan, hemm il-ħsieb ukoll li fil-futur qarib jinfetħu uffiċji oħra fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ Malta, minbarra dak ezistenti wkoll ġewwa Għawdex, biex il-pubbliku jinqeda aħjar.
Leg 11 PQ #19544 Sitting 261 2010-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Website companies Maltin taħt investigazzjoni mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jidentifika liema huma s-seba' website companies Maltin li qegħdin ibiegħu electronic goods on line li huma taħt investigazzjoni mill-Unjoni Ewropea wara li nstabu li huma qed joperaw b'allegat ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar ħarsien tal-konsumatur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-website companies Maltin li ma kenux konformi mal-liġi tal-konsumatur kienu erbgħa. Wara investigazzjonijiet li saru mid-Direttorat għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, tnejn minn dawn il-kumpaniji irregolarizzaw ruħhom, ieħor ikkomferma li se jikkomforma ruħu mal-liġi, filwaqt li website oħra ġiet iddiżattivata. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkostanzi, ma baqax skop li wieħed isemmi l-ismijiet tal-kumpaniji involuti.

Occupational Health and Safety Authority

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni tas-set up tal-OHSA - Occupational Health and Safety Authority - filwaqt li jagħti lista ta' dawk li ġew ingaġġati fl-aħħar sena? Huwa minnu li fosthom hemm persuna jew persuni li ngħataw senior management positions mingħajr ma kien hemm sejħa għall-post vakanti mkien?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-preżent għandha 26 impjegat, li huma mqassmin f’dawn is-sezzjonijiet : Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv : Policy Development and Strategic Operations, External Programme Implementation, International Affairs , u s-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema tal-awtorità. Corporate Services and External Training, (CS Division) Communications and PR, (Comm &PR Division) u Technical Operations. Is- CS Division hija responsabbli ukoll mill- Information and communications technology . Il- Communications and PR Division taġixxi ukoll bħala Focal Point Nazzjonali għall-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. It- Technical Operations Division tinkorpora l- Machinery, Equipment, Plant and Installation Section , is-sezzjoni għall-Protezzjoni mir-Radjazzjoni, Sezzjoni għal spezzjonar ġenerali f’postijiet tax-xogħol, Sezzjoni tal-Kostruzzjoni u Barrieri, Sezzjoni għall-Investigazzjoni ta’ Nċidenti, Sezzjoni għal Aġenti Kimiċi u Bioloġiċi u Sezzjoni għal Prosekuzzjoni u Qrati. F’din l-aħħar sena, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ma ngaġġat lil ħadd, inkluż fil-pożizzjoni ta’ Senior Manager . Għal kull vacancy li jkun hemm mal-awtorità, dejjem saret sejħa pubblika skont in-normi tas-settur pubbliku. Madanakollu, impjegat tad-Diviżjoni tas-Saħħa (u mhux tal-OHSA), qed jassumi r-responsabbiltajiet ta’ National Focal Point għall-Aġenzija Ewropea fl-assenza tal- Focal Point proprju li qiegħda barra fuq leave fit-tul mingħajr ħlas.
Leg 11 PQ #5087 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija ta' l-Ippjanar u l-Ambjent — Environment impact assessment

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4895 u jgħid kemm saru Environment Impact Assessments b'kollox kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent? Kemm minnhom kienu jikkonċernaw proġetti b'interess governattiv? Kemm minnhom ġew ippubblikati? Kemm minnhom wasslu biex il-proġetti kkonċernati kemm tal-gvern u tal-privat twaqqfu? Kemm saru Strategic Environmental Assessmentsminn kemm ilha li twaqqfet l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4895.
Leg 11 PQ #8673 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Environment enforcement notices

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8432, 8266, 7712, 7358 u 7236 u jgħid kemm inħarġu environment enforcement notices mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqigħ ta’ ħitan tas-sejjieħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma nħarġux environment notices matul il-perjodu ndikat fil-mistoqsija parlamentari Nru PQ 8887 minħabba li l-Enforcement Notice mhix għodda li hija disponibbli għall-ispetturi tal-ambjent peress li dawn jaġixxu f’l-ambitu tal-poteri mgħotija lilhom taħt l-Att dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent u l-Avviż Legali 1 ta’1994. Minkejja dan, ittieħdu passi b’mezzi oħra sabiex jiġu infurzati regolamenti ambjentali maħruġa taħt l-istess Att..
Leg 11 PQ #8887 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Environment enforcement notices

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8673, 8432, 8266, 7712, 7358 u 7236 u jgħid kemm inħarġu environment enforcement notices mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqiegħ ta’ ħitan tas-sejjiegħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 8673.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijeit Rurali — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi hemm 7 persuni ngaġġati bħala konsulenti fil-Ministeru tiegħi. Id-dettalji dwar x’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom u kemm jitħallsu jinsabu fit-tabella t’hawn taħt: Xogħol ta’ Konsulenza Salarju Kif impjegat Adviser - Agriculture & Fisheries €25,654 Full-time Adviser - Food Health and Veterinary Enforcement €25,654 Full-time Adviser – Appraising project proposals and programmes for maintenance works €22,211 Full-time Adviser – EU Affairs €16,034 25 siegħa fil-ġimgħa Adviser – Malta Centre for Fisheries Sciences €22,800 Full-time Adviser – Rehabilitation Projects €25,654 Full-time Legal Adviser – On various issues related to the environment particularly on emission reduction legislation, etc. €25,654 Full-time Dawn il-konsulenti jitħallsu b’mod fiss u l-ebda wieħed m'hu specifically assignment based.

One time payment subsidy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għax persuna anzjana tinsab tgħix ma' wieħed minn uliedha u ħadet €16 energy benefit, il-familja nnifisha ġew mċaħħdin mill-one time payment subsidy ta' €150 kif imniżżel fil-Budget 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

Msida — Triq il-Wied, bini li twaqqa'

Question

Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni tat-time frames li hemm biex jinbena l-bini li qed jitwaqqa' bħalissa fi Triq il-Wied, Imsida kif ukoll dwar il-pjani tal-Gvern f'dan ir-rigward flimkien mal-għadd ta' housing units li hemm ikkontemplati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-raba fażi tal-proġett ta’ Urban Renewal fi Triq il-Wied Msida ser jinkorpora blokk ta’ 62 appartament u 14-il garaxx. Indikazzjoni ta’ time frame tkun tista’ tingħata aktar ‘il quddiem, wara li jkunu saru l-istudji ġeologiċi meħtieġa tas-sit.

GreenMT u Wasteserv — arranġamenti kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti kummerċjali jeżistu bejn il-Wasteserv u il-GreenMT tal-GRTU aktar u aktar billi ġieli kien hemm riklami fil-media ta' ħidmet konġunti fejn il-GRTU saħansitra kellhom il-logo tal-Wasteserv f'mod prominenti fl-istess riklam? Billi l-Wasteserv hija finanzjata minn fondi pubbliċi u billi jingħad li, fost affarijiet oħra l-Wasteserv isservi ta' receiving facility għall-GreenMT, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn l-arranġamenti kummerċjali u kull arranġament ieħor, inkluż kull kuntratt u dettalji finanzjari dwarhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-WasteServ Malta Ltd kienet ħejjiet abbozz ta’ proposta li ġiet sottomessa liż-żewġ skemi u diskussa mar-rappreżentanti tagħhom. Il-proposta kienet ibbażżata fuq il-fatt li l-WasteServ tista' tkun service provider għall-dawn l-iskemi. It-taħditiet mal-iskemi baqgħu javvanzaw, saħansitra il-WasteServ tipprovdi servizz ta’ sorting u esportazzjoni ta’ skart riċiklat għall-Green MT u Green Pak fuq bażi kummerċjali skont il-proposta oriġinali. Rigward ir-riklami l-Wasteserv ma tagħmel l-ebda kontribut għal dawn l-ispejjeż.

GreenMT — recovery tar-recyclable waste

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-fatt li skont id-Direttur Ġenerali tal-GRTU ir-recovery tar-recyclable waste tal-GreenMT kien duly certified mill-Wasteserv meta s-certifying authority waħdanija fil-pajjiż hija l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biss u l-Wasteserv hija mifhuma li hija operatur daqs kemm hija l-kumpanija GreenMT nnifisha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li l-Wasteserv hija service provider u għaldaqstant kull ammont ta’ skart illi hi tirċievi mingħand terzi, toħroġ riċevuta.
Leg 11 PQ #19456 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

GreenPak u GreenMT — liċenzja ta' waste packaging

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilha teżisti l-liċenzja tal-kumpanija GreenPak fil-qasam tal-waste packaging u f’liema dati ġiet imġedda? Kemm ilha teżisti l-liċenzja tal-kumpanija GreenMT fil-qasam tal-waste packaging u f’liema dati ġiet imġedda? Għal liema perjodu ta’ żmien il-kumpanija GreenMT ma kenitx koperta minn liċenzja f’dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers? Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tiegħu li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Segretarjat Ministerjali tiegħi hemm 18-il membru. Is-salarji u allowances li għandhom huma skont il-linji gwida fl-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats maħruġ f’Ottubru 2007 u li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn hemm 3 membri b’kuntratt definit li mhumiex miċĊivil jew Public Sector: wieħed jokkupa l-kariga ta’ Head of Secretariat u t-tnejn l-oħra huma Driver/Security Officer . Il-Kuntratti tal-membri kollha tal-istaff fis-Segretarjat tiegħi huma għal sena u jistgħu jerġgħu jiġġeddu. L-uniku membru li jservi fuq xi bord huwa l-Head of Secretariat li qiegħed fil-University Board u fil-bord ta’ Finance Malta. Ma jirċievi ebda remunerazzjoni għal dan.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers? Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tiegħu li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi hemm 18–il persuna. Is-salarji u allowances ta’ kull kariga u designation jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-persuni qegħdin kollha fuq kuntratt definit għal perjodu ta’ sena. Fl-istaff Ministerjali hemm tlettax-il persuna li huma uffiċjali pubbliċi jew li ġejjien mis-settur pubbliku . Fit-tabella hemm indikazzjoni ta’ liema karigi huma okkupati minn uffiċjali pubbliċi u uffiċjali fis-settur pubbliku. Hemm uffiċjal (Projects Co-ordinator) li jservi bħala segretarju fir- Rehabilitation Committees tal-Imdina, Valletta & Floriana u Cottonera. Dan l-uffiċjali m'għandu remunerazzjoni talli jservi fuq dan il-kumitat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Staff

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hawn tmien (8) konsulenti li jaħdmu minimu ta' 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta' sittin (60) siegħa fix-xahar. Id-dettalji huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.