Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħlijiet fuq vened

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li intnefqet matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena b'mod separat f'xogħlijiet fuq vened ġodda fil-Belt Valletta, fir-Rabat Għawdex u fiċ-ċentru turistiku ta' Buġibba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa kienet ta' €11,145.35 fuq il-venda tal-Belt, €360.99 fuq dik tar-Rabat Għawdex u €58.23 fuq il-venda ta' Buġibba. Dan l-infieq sar fuq xogħol preparatorju u nifhem li l-Onor. Interpellant jaf li qabel jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni l-ewwel irid isir dan it-tip ta' xogħol.

Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li ntnefqet matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena b'mod separat f'xogħlijiet ta' espansjoni tal-park and ride tal-Blata l-Bajda u fl-iżvilupp ta' park and rides ġodda, fil-Marsa u f'Pembroke?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena (minn Jannar sa Settembru 2010) l-ispiża li ntefqet għal kull proġett imsemmi kienet kif ġej: a) Park and Ride – Blata l-Bajda € 44,147.47 b) Park and Ride – Marsa € 30,561 c) Park and Ride – Luxol € 59.94 Peress li x-xogħlijiet fuq il-proġetti msemmija għadhom ma bdewx, ma kienx hemm infieq relatat mal-kostruzzjoni tal-istess proġetti.

xogħlijiet fuq proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li ntnefqet matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena b'mod separat f'xogħlijiet fuq dawn il-proġetti: a) promenade ġdida f'San Pawl il-Baħar; b) ġnien u heritage trail f'Pembroke; u ċ) visitor attraction fil-Qawra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti in kwistjoni ma jaqgħux taħt id-dekasateru tiegħi.

Gżira — problemi ta' għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani konkreti għandu l-Gvern biex jindirizza l-problema tal-għargħar fil-Gżira u meta mistennija li jiġu implimentati, dan b’mod partikulari fl-inħawi ta’ Gżira Road kif ukoll minħabba li Wied Għollieqa m'għadux jassobri ilma daqs qabel minħabba għadd ta’ żviluppi fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

Arms Ltd — Meter tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li f'każ ta' armla li tkun trid tibdel il-meter tad-dawl u l-ilma għal fuqha wara li jkun miet ir-raġel jkollhiex tħallas xi ħaġa lill-Arms Ltd għas-servizz? Jekk iva, kemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħlas biex jsir trasferiment ta’ meter minn fuq persuna għal fuq oħra, huwa ta’ €4.66. Dan il-ħlas ta’ €4.66, huwa applikabli f’kwalunkwe ċirkostanza fejn jidħlu tibdil ta’ meters minn fuq persuna għal oħra u għalhekk, ma ssir l-ebda distinzjoni tal-każijiet. Il-ħlas ta’ €4.66 huwa ħlas li kien diġà fis-seħħ sa minn qabel ma inħolqot l-ARMS Ltd. ARMS Ltd. applikat l-istess ħlasijiet li kienu diġà fis-seħħ mill-Korporazzjoni ta' l-Ilma.

sussidju fuq kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’qed jżomm lill-Ministeru tal-Finanzi milli jawtorizza il-ħlas ta’ €80 bħala kumpens lil għadd ta' persuni li ma jkunux eligibbli għas-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma meta għandi għalfejn nifhem li l-Ministeru tas-Servizzi Soċjali huwa biss intermedjarju f’dan kollu għalkemm ħafna nies qegħdin jressqu t-talba tagħhom lil dan id-dipartiment/ministeru? Kemm hemm talbiet pendenti f’dan ir-rigward u meta mistennija jiġu settled? Kif wkoll x’qed jwassal għal dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi l-energy allowance li ngħata mill-Gvern biex jikkumpensa ż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, ingħata lil dawk il-familji li ma jikkunsmawx aktar minn 10,000 unit fis-sena f’konsum ta’ dawl, u li ma jingħatawx diġà għajnuna soċjali mill-Gvern. Dan il-kumpens huwa maħdum fuq bażi tan-numru ta’ nies li jgħixu fid-djar. Wara li nħarġu ċ-ċekkijet f’Lulju li għadda, kien hemm numru ta’ familji li għamlu kuntatt mal-ARMS u mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jilmentaw dwar tibdil li, skont huma, kien hemm bżonn fid-dettalji tal-kontijiet tagħhom. L-ARMS qegħda fil-proċess li tivverifika dawn l-ilmenti, u jekk jiġu konfermati, se jinħareġ l- allowance skont id-data verifikata.

Ristoranti Ewlenin u take away chains — kaloriji f'kull dish li jservu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux ħsieb li jintroduċi kif għamlu għadd ta' pajjiżi oħra Ewropej, fosthom riċentament ir-Renju Unit, skema voluntarja fejn ir-ristoranti ewlenin u t-take away chains jaġġornaw lill-klijenti tagħhom dwar kemm fihom kaloriji f'kull dish li jservu sabiex tingħata spinta lil dik li qed jissejjaħ public health responsability?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa qed titħejja strateġija nazzjonali dwar l-obeżita minn kumitat intersettorali mwaqqaf apposta. Wieħed mill-aspetti li din l-istrateġija se tindirizza huwa il-koperazzjoni mal-industrija tal-ikel li tinkludi restoranti u postijiet oħra li jservu l-ikel biex dawn ukoll joffru ikel li huwa bnin u jnaqqas kemm jista’ jkun l-effett negattiv għas-saħħa. Il-proposta tal-Onor. Interpellant tkun trid tiġi ikkunsidrata f’dan l-isfont.

Kappara — no go zones għall-buses u coaches

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Trasport Malta laqgħetx it-talba tal-kumitat amministrattiv tal-Kappara sabiex il-partijiet tal-Kappara speċjalment fl-inħawi ta' Antonio Schembri street jkunu kkunsidrati bħala no go zone għall-buses u coaches ħlief għall-użu ta' minivans?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm talba mill-Kumitat Amministrattiv tal-Kappara sabiex ma jitħalliex aċċess għall-buses u coaches fil-konfini tal-Kappara. Din it-talba qiegħda tiġi kkunsidrata flimkien ma’ aspetti oħra ta’ immaniġġjar tat-traffiku fosthom dik fi Triq A. Schembri u l-madwar sabiex tinstab soluzzjoni ħolistika li biha se jiġi mgħarraf il-Kumitat Amministrattiv. Mhux normali iżda li ħlief f’każi ta’ toroq dojoq jinħolqu restrizzjonijiet għal servizzi ta’ trasport pubbliku f’żoni residenzjali.

Testijiet fuq commercial vehicles għal emissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm commercial vehicles li ġew tested għall-emissjonijiet is-sena li għaddiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi kummerċjali li ġew spezzjonati minn Transport Malta, waqt roadside checks, għall-emissjonijiet fis-sena 2009 kien ta’ 2406.

Air quality tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm skejjel fejn ġiet tested l-air quality tagħhom u fil-madwar kif għamlu dan l-aħħar fl-Italja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Min-naħa tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada sar air quality test fl-iskola Sekondarja Subien f’Ħal Qormi u fil-madwar.

Fondi Ewropej għat-tibdil tal-karta tal-identità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-Fondi Ewropej u l-proċess għat-tibdil tal-karta tal-identità? Jista' jagħti l-aħħar dettalji sħaħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19725.
Leg 11 PQ #19564 Sitting 263 2010-10-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta’ interkonnessjoni ma’ Sqallija — Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk hemmx xi riskju li jintilfu xi fondi Ewropej konnessi mal-proġett ta’ interkonnessjoni ma’ Sqallija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li bħalissa għaddej il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tat-tender għall-interconnector. Sakemm dan il-proċess jitkompla kif mistenni u jintemm sal-aħħar tas-sena, m’hemmx riskju ji jintilfu fondi Ewropej b’rabta ma’ dan il-proġett.

Korporazzjoni Enemalta — proġett tal- interkonnessjoni ma' Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jindika skont rapporti interni tal-Korporazzjoni Enemalta nnifisha kemm mistenni jgħaddi żmien sakemm jitlesta l-proġett tal- interkonnessjoni ma' Sqallija minn mindu jiġi ffirmat il-ftehim? Meta mistenni jinbeda l-proġett? Fiex waslu n-negozjati li kellhom jinfetħu mill-ġdid mal- preferred bidders?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinghata f’seduta ohra.

migration tad-data tal-konsumaturi tal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien responsabbli għall-migration tad-data tal-konsumaturi tal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal fuq is-sistema tal-billing ta’ Arms Ltd? X’passi ttieħdu biex l-integrità totali tad-data tiġi salvagwardjata? Min se jġorr ir-responsabbiltà politika għall-mismanagement u falliment totali fit-tmexxija ta’ Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħal kull proġett simili ta’ dan il-kobor, il-migration tad-data saret mill-IBM, bħala l-kumpanija li ġiet magħżula biex tikkummissjona s-sistema l-ġdida u team kompost min riżorsi lokali taż-żewġ korporazzjonijiet u l-MITA. Qabel ma saret il- migration tad- data , sar proċess ta’ mass data cleansing minħabba li kien jeħtieġ li jsiru xi korrezzjonijiet fid- data tas-sistema l-antika, kif ukoll minħabba l-fatt li s-sistema l-ġdida, kienet tirrikjedi aktar informazzjoni. Għaldaqstant minħabba kumplessita tal- mass migration u tibdil fil-proċessi, huwa impossibli li tantiċipa ċertu problemi, u għalhekk bħal f’kull proġett ieħor irid ikun hemm żmien biżżejjed biex is-sistema tistabilizza. Saru varji verifikazzjoni fuq data integrity, kif ukoll fuq il-bilanċi tal-kontijiet tal- konsumaturi. Minbarra li s-sistema l-ġdida għandha Audit - Trail , ġie ppjanat ukoll li d- data mis-sistema l-antika tibqa’ aċċessibli, dan jagħti lok biex l-informazzjoni tal-konsumaturi tkun tista’ tiġi vverifikata. Giet imqabbda ukoll kumpanija ta’ l-Awdituri, biex din tevalwa u tikkonferma li l-kontijiet li jkunu qed jintbagħtu lill-klijenti, jkunu jew maħduma u nħargu b’mod korrett. Meta tqiż il-kobor u il-kumplessità ta’ dan il-proġett, li kien jinkludi tibdil sħiħ fis-sistemi finanzjarji taż–żewġ korporazzjonijiet, sistemi ġodda biex joħorġu il-kontijiet, sistemi ġodda għal Customer Care u l-introduzzjoni ta’ sistemi oħra, ikun impossibli li ma tiltaqax ma’ numru ta’ problemi partikolarment fl-ewwel xhur ta’ wara l-implimentazzjoni tas-sistema.
Leg 11 PQ #19587 Sitting 263 2010-10-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gżejjer artifiċjali in konnessjoni mal-proġett tal-interconnector ma' Sqallija

Question

Billi huwa mifhum li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nefqet madwar €0.5 miljun fuq feasibility studies dwar gżejjer artifiċjali in konnessjoni mal-proġett tal-interconnector ma' Sqallija, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-findings u r-riżultati ta' dawn l-istudji, aktar u aktar billi huwa mifhum li dawn l-istudji ġew finalizzati madwar sentejn ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti ikkommisjona dawn l-istudji speċifiċakement biex jiġi evalwat jekk hux possibli l-iżvilupp ta' gżejjer artifiċjali u estensjonijiet tax-xatt minn aspett ambjentali kif ukoll tekniku u ekonomiku. L-iskop ta' dan l-istudju kien li jipprovdi biżżejjed informazzjoni lill-Gvern sabiex jara jekk Malta għandhiex tmur għal dan it-tip ta' żvilupp jew le. Ma kien qatt fl-iskop ta' dan l-istudju li jħares lejn elementi oħra bħal dik tal-interconnector. L-istudju ħares lejn żewg postijiet : l-inħawi ta' Qalet Marku u dawk tax-Xagħjra. L-ewwel konkluzjoni li joħrog biha l-istudju huwa li minħabba il-fond tal-baħar, l-iżvilupp ta' gżejjer artificjali iżid ħafna l-prezz tal-kostruzzjoni u għalhekk mhux ekonomikament vijabbli. Għalhekk l-istudju kkunsidra li jevalwa numru ta' forom ta' estenzjonijiet mix-xatt lejn il-baħar. Il-prezz ta' kostruzzjoni ta' dan it-tip fil-baħar kien ġiet ikkalkulata bejn €15 to €40 għal kull metru kubu. Ir-rapport ħares lejn il-possibilità li jintuża r-radam għal dan it-tip ta' kostruzzjoni iżda jidher li għalkemm Malta ġġenerat ammont konsiderevoli matul is-snin, hemm bzonn li wieħed iħares b'mod strateġiku u fit-tul sabiex jara jekk hux ha jkun hemm biżżejjed materjal u f'kemm tul taż-żmien qabel wieħed jiddeċidi jintużax jew le bħali sors għall-kostruzzjoni. Ta' min jgħid il-prezz biex wieħed jarmi dan ir-radam fil-barrieri jew fil-baħar huwa madwar €3 u €4 kull metru kubu rispettivament. Mill-11-il forma ta' estenzjonijiet li ġew evalwati l-istudju identifika li jekk għandu jsir xi estenzjoni mix-xatt l-aħjar sit li għandu jikompla jiġi investigat huwa fiż-żona tax-Xgħajra. Minn mindu tlesta dan l-istudju kien hawn tibdiliet ekonomici kif ukoll ġew fis-seħħ regolamenti ġodda dwar il-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-baħar. Għalhekk il-valur ta' dawn ir-riżultati għandu jiġu meqjus fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom illum.
Leg 11 PQ #19588 Sitting 263 2010-10-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Project Development Statement — interconnector

Question

Billi huwa mifhum li l-Project Development Statement li ġie mħejji dwar l-interconnector jista' jkun li diġà qiegħed f'idejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jek huwiex minnu li dan issa tlesta? Meta tlesta, u x'inhuma l-assessments u cost-benefit analysis conclusions tiegħu dwar l-għadd ta' soluzzjonijiet tekniċi involuti? Kemm-il darba l-Project Development Statement għadu m'għaddiex f'idejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' ġentilment jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkonferma li l-Project Description Statement (PDS) li tħejja dwar l-interconnector fil-fatt tlesta u wasal għandha. Il-proġett propost fil-PDS jeħtieġ valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali (EIA), li għad trid issir. Il-PDS ma jagħtix dettalji dwar cost-benefit analysis, peress li analiżi bħal din normalment ma tkunx inkluża f’dan it-tip ta’ dokument.

Spezzjonijiet fil-kmamar tan-nar mill-OHSA

Question

Billi huwa kompitu tal-OHSA (Occupational, Health and Safety Authority) li tagħti pariri lill-Ministru dwar ħarsien tas-saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, jista' l-Ministru jgħid jekk qattx tat xi pariri simili fuq ix-xogħol fil-kmamar tan-nar? Jekk iva, meta u x'kienu? Billi l-OHSA għandha dritt li tidħol, tispezzjona u zzur kwalunkwe post tax-xogħol kif ukoll li anke tikkonfiska apparat u materjal meħtieġ għall-investigazzjonijiet tagħhom, jista' jgħid kemm għamlu żjarat simili u spezzjonijiet fi kmamar tan-nar? L-OHSA qatt talbet xi risk assessment dwar l-operat li kull employer huwa obbligat li jagħmel skond dak li hemm stipulat fil-legal notices 36 tas-sena 2003? L-OHSA għandha reġistru tal-istallazzjonijiet, apparat, makkinarju, sustanzi, kimiċi eċċ f'dawn il-postijiet u fil-fehma tagħha, jistgħux jitqiesu li qed joħolqu occupational, health and safety risk? L-OHSA qatt għamlet xi accident investigation dwar inċidenti fi kmamar tan-nar f'dawn l-aħħar snin u jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom? L-OHSA għandha nies kompetenti sabiex jagħmlu dan it-tip ta' xogħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kmamar tan-nar u l-manifattura tal-logħob tan-nar, huma regolati mill-Ordinanza dwar Splussivi (kif emendata). Għaldaqstant, l-Awtorità Dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qatt ma għamlet spezzjonijiet jew intervjeniet fl-operat ta’ dawn il-kmamar.
Leg 11 PQ #19547 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

objection dwar l-iżvilupp propost għall-isports hall u faċilitajiet anċillari fil-Għargħur Football Ground

Question

Bħala Ministru responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista’ l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra x’kienet il-kunsiderazzjoni li ħadet il-MEPA dwar l-objection dwar l-iżvilupp propost għall-isports hall u faċilitajiet anċillari fil-Għargħur Football Ground, Triq Gaspare Formica c/w G Gafa c.w. Triq il-Balal, Għargħur minn fejn irrizulta li għalkemm l-indirizz tas-sit jirreferi għall-Għarghur Football Ground fil-fatt l-applikanti m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-Għargħur FC? L-applikanti ma jirrappreżentawx residenti tal-Għargħur iżda biss il-Birkirkara St Joseph Sports Club li m’huma relatati fl-ebda mod mal-Għargħur. Ic-CMLP kienet għamlet designation tas-sit għall-isport suppost in line mal-policies GR01 u CG18. Policy 7.1.6 ta’ CGR01 tac-CMLP tagħmilha ċara li is-sit huwa earmarked għal area ta’ rikreazzjoni fi ħdan ix-Xwieki HOS u li hemm siti oħrajn designated bħala ġonna pubbliċi jew football ground area. Li jekk wieħed ineħħi l-faċilitajiet sportivi eżistenti il-Għargħur jinsab taħt il-livell medju bi kwart f’dawk li huma spazji rikreazzjonali fejn jidħol standard nazzjonali u li policy 7.1.7 ta’ GR01 tas-CMP tagħmilha ċara li s-sit li tirreferi għalih bħala new public recreational space titkellem b’dan il-mod dwaru “higher level district sport provision in the form of sport complexes are more suitably located elsewhere, and thus no such development are planned within Għargħur in order to safeguard its quiet and low key character”. B’żieda ma’ dan, fil-fehma tiegħi, konferma ta’ kemm dan il-proġett mhuwiex maħsub biex iħares l-interessi tar-residenti, ġej mill-fatt li l-iżvilupp propost jimmira li jimmassimizza l-potenzjal tal-iżvilupp billi jinkludi wkoll blokk amministrattiv ta’ żewġ sulari flimkien ma’ parkeġġ taħt l-art. L-applikant mhuwiex sid is-sit li huwa proprjetà tal-gvern u għaldaqstant jeħtieġ li jippreżenta dokumenti legali bħala prova tad-dritt rappreżentattiv u l-applikazzjoni ma tirrappreżentax 70% tas-sit skond kif titlob il-masterplan. Ma taħsibx li dan kollu jikkonferma li l-iżvilupp propost mhuwiex in line mal-provvedimenti tas-CMLP u se jservi biss ta’ inkonvenjent għall-ġirien li apparti milli ilhom joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp jemmnu li mhux se jsir fl-interessi tal-komunità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-applikazzjoni li ġġib in-numru PA 2441/10, għall-iżvilupp ta’ Sports Hall u faċilitajiet anċillari fuq is-sit tal-Għargħur Football Ground li jmiss ma’ Triq Gaspare Formica, Triq G. Gafa u ma Triq tal-Balal fil-Għargħur, għadha fi stadju bikri u għadha ma ittieħdet l-ebda deċiżjoni. Din l-applikazzjoni hija ‘outline’ u għalhekk qed jintalab permess fil-prinċipju. L-oġġezzjonijiet li tirċievi l-MEPA fuq applikazzjonijiet għall-iżvilupp jiġu kkunsidrati fuq bażi ta’ ppjanar. Dan il każ mhux differenti u l-oġġezzjonijiet sottommessi dwar dan l-żvilupp propost jiġu nnotati u trattati bl-istess proċedura. L-applikazzjonijiet għall-iżvilupp ma jiġux deċizi skond l-applikant (ossija a bażi ta’ ‘ownership’) imma skont l-iżvilupp u jekk dak propost hux konformi mal-liġijiet u l-policies stabbiliti ta’ l-ippjanar. Wieħed għandu jserraħ moħħu li l-istudji, proposti u policies tal-Pjan Lokali, f’dan il-każ, għaċ-Ċentru ta’ Malta, jiġu kkonsidrati waqt il-proċess ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp u din l-applikazzjoni mhux differenti. L-applikazzjoni tinkludi ċertifikat li s-sit tal-proprjetà huwa l-applikant. Madankollu se ssir verifika dwar dan skont proċeduri stabbiliti. Rigward x’se tkun id-deċizjoni tal- MEPA dwar din l-applikazzjoni, għadu ftit prematur biex wieħed jikkonkludi minħabba li preżentament intalbet aktar informazzjoni, lill-applikant dwar l-iżvilupp propost. Wara li tiġi sottomessa din l-informazzjoni, jkun għad iridu jsiru konsultazzjonijiet ma’ Dipartimenti u Aġenziji oħra Governattivi fejn imbagħad tkun tista tingħata rakkommandazzjoni lill-Board għal deċiżjoni.

Marina tal-Imsida — skall tad-dgħajjes

Question

B’referenza għall-iskall li hemm qrib il-Marina l-Imsida, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex is-sidien tad-dgħajjes ikunu jistgħu jibqgħu jtellgħu u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom fil-baħar mingħajr xkiel, fl-inħawi quddiem il-Lucky Bar, billi minħabba li hemm ħafna karrijiet fin-nofs u speed boats mitfugħin għall-bejgħ qed jiġu mxekkla milli jagħmlu dan? Dan l-ilment qed jitressaq f’isem għadd ta’ sidien tad-dgħajjes Misidjani.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-immaniġjar tal-mollijiet jaqa taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta u għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #19550 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kuntratt tal-BWSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba formali tal-gvern lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kuntratt tal-BWSC li dwaru l-istess Unjoni Ewropea ressqet għadd ta' mistoqsijiet? It-tweġiba tal-gvern minn min tħejjiet fuq livell tekniku? Jista' jsemmi l-persuni kollha nvoluti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar- risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 19648. Kif inhi l-prassi normali, il-persuna u l-enti li ffirmat t-tweġiba tassumi r-responsabiltà sħiħa għall-kontenut tagħħa.