Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet mis-sena 2008 sal-lum fejn kien hemm qtugħ tal-provvista tad-dawl f’għadd ta’ bliet u rħula Maltin dovuti għall-qtugħ ikkawżat minn ħsarat li saru fuq cables eċċ. minn kuntratturi privati? X’passi ħadet il-Korporazzjoni Enemalta f’kull każ, u x’penali u jew multi ġew imposti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 602W li kienet tirreferi għal ħsarat ikkawżati minn kuntratturi privati sa’ l-aħħar ta’ Awwissu 2012. Sadanittant matul ix-xagħar ta’ Settembru kien hemm 7 kazi oħra fejn kuntratturi privati kkawżaw ħsara fuq il-kejbils tal-Korporazzjoni Enemalta.
F’dawn il-każi l-Korporazzjoni Enemalta timmulta lill kuntratturi il-valur tal-ħsara li tkun saret fuq il-kejbils.
Sptar tal-Onkoloġija — kundizzjonijiet oriġinali għall-bini tal-isptar
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk waħda mill-kundizzjonijiet oriġinali għall-bini tal-Isptar tal-Onkoloġija kienet li ma jistax jsir tibdil fil-pjanta oriġinali? Jista' jikkonferma jekk bedix isir xi tibdil dwar dan? Jista' jikkonferma jekk il-bini huwiex se jsir minn kuntrattur b'esperjenza fil-bini ta' sptarijiet? Jekk iva, u l-għażla saret, x'esperjenza għandu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru mill-gvern minn persuni tekniċi u indipendenti dwar il-possibilità ta' użu ta' partijiet mill-Isptar San Luqa qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni strateġika li jiġi akkwistat għall-użu ta' sptar privat abbandunat bħal Sptar Saint Philip?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
B'referenza għall-istqarrija riċenti dwar regolamenti ġodda dwar kif jistgħu jiġu emendati l-ismijiet f'dokumenti pubbliċi Maltin, jista' l-Ministru jgħid ittieħdetx kunsiderazzjoni tal-fatt li f'ħafna partijiet tal-Awstralja mhuwiex daqstant faċli li wieħed isib kummissarju li jagħti l-ġurament jekk dan ma jkunx xi konslu li għandu l-warrant ta' Commissioner for Oaths? Għaliex ma ssemmewx ukoll il-justice of the peace? Għaliex il-gvern qed jinsisti li t-traduzzjonijiet għandhom issir biss fil-lingwa ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi taplika għall-Atti kollha reġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’Malta jgħix fejn jgħix l-applikant. Ninsab infurmat illi l-Commissioners for Oaths li jinsabu fil-Missions Maltin fl-Awstralja qed joffru dan is-servizz lil kull min jixtieq jissottometti applikazzjoni. Madanakollu l-liġi ma teskludix li l-ġurament jittieħed quddiem justice of the peace jekk dan jista’ jagħti ġurament għax kull ma titlob il-liġi hija talba sostnuta minn dikjarazzjoni maħlufa.
It-traduzzjonijiet għandhom isiru biss bil-lingwa ewropea għax l-ismijijet Ewropej huma aktar familjari għal-uffiċjali tar-Reġistru Pubbliku minn traduzzjonijiet ta’ismijiet b’lingwi li jintużaw f’pajjiżi barra l-Ewropa. Dan għaliex wieħed għandu japprezza li l-uffiċjali ma jistgħux ikunu familjari mal-lingwi u l-alfabeti kollha li jeżistu fid-dinja. Permezz ta’din il-limitazzjoni l-uffiċjali tar-Reġistru Pubbliku ikunu aktar ċerti li l-liġi qed tiġi osservata.
Jista' l-Ministru jikkonferma sa tmiem Settembru kemm kellu kontijiet pendenti xi jħallas l-Isptar St Philips lill-Gvern dwar national insurance contribution, dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma, taxxi dovuti lill-gvern u kull dhul ieħor dovut lill-gvern separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tali informazzjoni ma tistax tingħata għaliex id-Dipartimenti konċernati huma preklużi mil-liġi milli jagħtu informazzjoni bħal din. Tajjeb ninforma lill-Onor. Interpellant illi, jekk hemm, dak kollu dovut se jitnaqqas mill-ewwel pagamenti dovuti skont il-kuntratt.
Għargħur — Triq Santa Katarina - spiera tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36806 u 36358 u jara x'jista' jsir peress li fi Triq Santa Katarina, Għargħur allegatament il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhux dejjem jieħdu ħsieb ibattlu l-ispiera tad-drenaġġ bil-konsegwenza li meta tfur, id-drenaġġ joħroġ fit-triq u kull meta l-kunsill jinduna li qed isir hekk, ninsab nfurmat li jgħarrfukhom dwar dan sabiex tibagħtu l-bowser? Hemm xi pjanijiet biex l-ispiera titqabbad mal-main tad-drenaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tagħmel ħilitha sabiex din il-fossa titbattal b’mod regolari. Qed isir studju neċessarju sabiex tiġi installata pompa f’din il-fossa u t-tbattil isir b’mod awtomatiku.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36853 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min qed jieħu ħsieb l-organisation tal 5+5 anki mill-aspett loġistiku? Jista' jikkonferma jekk huwiex involut b’xi mod il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, dan għandu liċenzja ta' DMC u jekk iva meta nħarġet? Kien hemm sejħa għall-offerti u jekk iva meta nħarġet? Kemm se jkun d-dħul tiegħu minn dan l-assignment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija li għamilt f’dan il-parlament nhar it-Tnejn 8 ta’ Ottubru 2012.
Dwar il-persuna li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament, nikkonferma li ġie ingaġġat sabiex jgħin fil-Koordinazzjoni tal-organizzazzjoni loġistika tal-Palazz Verdala.
Il-Kumpanija tal-persuna kkonċernata ingħatat xogħolijiet oħrajn ta’ armar marbutin ma’ venues tas-summit tal-5+5.
Infurmat ukoll li ma jidhirx li sabiex isir dan ix-xogħol kien hemm bżonn liċenzja ta’ DMC kif elenkat f’kapitlu 409 tal-liġijiet ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jinvestiga rapport li ġie filed minn omm mill-Għargħur fil-bidu tas-Settembru ma' Transport Malta wara li tfal żgħar tagħha tardjaw bil-kbir minħabba nuqqasijiet fis-servizzi tal-Arriva, fejn wara li sabu li l-bus 36 kienet titlaq mingħajr avviżż xieraq - l-aħħar fis-7:00pm mill-Belt għall-Għargħur, fejn wara qalulhom li l-bus 35 għal xi raġuni jew oħra naqset li tieqaf fil-lane xierqa, u ħalliethom l-art u b'żieda ma' dan qalulhom li l-bus ta' wara kienet titlaq biss fit-8:45pm iżda anki din telqet fid-9:10pm? Xi jkun sar dwar rapport simili?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mir-‘records’ li għandha Transport Malta, dan ir-rapport ma’ jidhirx li gie ‘filed’ ma’ din l-Awtorita’. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jgħaddi d-dettalji ta’ dan il-każ lill-Awtorita’ sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa fir-rigward ta’ dan il-każ.
Infurmat ukoll li kull rapport li jasal għand l-Awtorita’ jiġi investigat sabiex fejn ikun possibli, jiġi stabbilit xi jkun ġara u jekk fl-affermattiv titieħed azzjoni hekk kif mitlub fil-kuntratt li kien ġie iffirmat bejn Transport Malta u l-operatur tat-trasport pubbliku, Arriva Malta Ltd.
Infurmat ukoll li r-rotta 36 li tgħaqqad lil Ħal-Għargħur mall-Belt Valletta via l-Isptar Mater Dei bi frekwenza ta’ kull siegħa, għandha l-ewwel viagg li jibda minn Ħal-Gharghur fil-5:33 ta’ fil-għodu fil-waqt li l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta jitlaq f’6:35 ta’ filgħaxija. Ir-residenti ta’ Ħal-Għargħur huma ukoll moqdija bir-rotta 35 li għandha frekwenza ta’ kull siegħa u li ukoll teħodhom lejn il-Belt Valletta via l-isptar Mater Dei, fejn l-ewwel vjaġġ jitlaq mill-lokalita fis-6:53 ta’ fil-għodu u bl-aħħar vjaġġ jitlaq mill-Belt Valletta fl-10:10 ta’ filgħaxija. Rotta oħra li topera min din il-lokalita hija r-rotta 136 li tgħaqqad il-lokalita ma’ Birkirkara ta’ kull siegħa.
Transport Malta qegħda tgħamel ukoll moniteraġġ ta’ dawn ir-rotot u fejn jiġi nnutat li jkun hemm xi nuqqasijiet fis-servizz tittieħed azzjoni hekk kif mitlub fil-kuntratt
MCAST — Għalliema għal childcare learning and development
Question
Fir-rigward tal-applikazzjonijiet li kienu ħarġu għal childcare learning and development teachers fl-MCAST, tista' l-Ministru tgħid kemm iddaħħlu s'issa u kemm mistennija jiddaħħlu minn dawk fuq il-waiting list fil-ġejjieni qarib?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST jixtieq jinforma li kellu żewġ vakanzi għal għalliema fl-‘Early Years’. L-ewwel waħda ġiet ingaġġata x-xahar li għadda, it-tieni waħda għandha tibda fil-ġranet li ġejjin, jiġifieri malli taħdem in-notice li hija marbuta tagħti lill-employer tagħha preżenti.
Persuni li jservu fuq boards tal-gvern jew korporazzjonijiet parastatali
Question
Wara s-sejħa li kienet saret għall-persuni interessati biex jservu fuq boards tal-gvern jew korporazzjonijiet parastatali, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intgħażlu minnhom s’issa, min huma u fuq liema boards qegħdin jservu bħalissa?
Laqgħat mas-sidien tal-pet shops — regolamenti ġodda
Question
Wara li kienu saru xi laqgħat ma' xi sidien tal-pet shops, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiddaħħlu xi regolamenti ġodda li jirregolaw dawn l-outlets u jekk iva meta u fuq liema linji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt it-tfassil tar-regolamenti meħtieġa saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa u li preżentement hemm konsultazzjoni inter-ministerjali biex dawn ir-regolamenti jkunu ippubblikati biex jidħlu fis-seħħ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li kien hemm varjanzi konsiderevoli fil-mod li bih pajjiżna vvota dwar l-awtorizazzjonijiet għal genetically modified food and feed fuq livell Ewropew, speċjalment fejn jidħlu food and feed imports, u speċjalment meta wieħed iqabbel kif ivvutajna fi Frar tas-sena l-oħra u f’Novembru li għadda u kien hemm każijiet fejn anki kien hemm varjanzi dwar voti fuq erba' tipi differenti ta’ GM soybeans f’Malta imbagħad tivvota favur f’Diċembru li għadda fl-iStanding Committee favur żewġ tipi ta’ soybeansperess li ninsab nfurmat li fil-laqgħa tal-iStanding Committee Malta astjeniet darbtejn, ivvutat favur darbtejn u fi tmiem ivvutati favurhom kollha wara li kienet oriġinarament astjeniet? X’inhi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti dwar din l-issue speċjalment fid-dawl tal-precautionary principle addottat mill-Gvern Malti fir-rigward tal-awtorizazzjonijiet ġodda marbutin mal-food and feed imports tal-GM? Fuq liema studji xjentifiċi jew kriterji oħrajn il-Gvern Malti bbaża d-deċiżjoni tiegħu li jivvota favur dawn l-erba' tipi ta' soybeans li ġew impurtati taħt ir-regolament 1829/2003 tal-Unjoni Ewropea speċjalment fil-kumitat tal-appell tas-17 ta' Jannar 2012? Kien hemm xi tibdil fil-pożizzjoni oriġinali ta' pajjiżna u jekk iva x’wassal għal dan? Hemm xi ħsieb li pajjiżna jkompli jappoġja awtorizazzjonijiet oħrajn simili dwar il-GMOs fix-xhur li ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l- Onorevoli Interpellant li l-mod li bih Malta tivvota dwar l-awtoriżżazzjonijiet għal genetically modified food and feed fil-laqgħat tal-iStanding Committees kif ukoll fil-laqgħat tal-Kunsill huwa bbażat fuq set ta’ kriterji li ġew stabbiliti speċifikament għal dan il-għan.
Malta ġeneralment tivvota kontra applikazzjonijiet għal ikel ġenetikament modifikat intiż għal konsum minn nies u mill-annimali li jinvolvu l-introduzzjoni ta’ ġeni li jipprovdu reżistenza kontra l-antibijotiċi. Barra minn hekk, Malta tivvota b’kawtela f’każijiet fejn l-applikazzjoni tkun tinkludi
stacked events
. Applikazzjonijiet li jkunu jinvolvu
stacked events
huma dawk li jkun fihom iktar minn ġeni wieħed li ġie modifikat, bl-iskop li dawn il-ġeni modifikati jirriżultaw fi tratti speċifici fl-organiżmu. Malta teżerċita kawtela anke f’dawk il-każijiet fejn il-ġeni individwali kienu diġa ġew awtoriżżati singolarment fil-passat. Ir-raġuni hija li preżentement jeżistu dubji dwar l-effett sinerġistiku li jista’ jirriżulta meta iktar minn ġeni wieħed li ġie modifikat ikun preżenti fl-istess organiżmu.
Minn-naħa l-oħra, Malta ġeneralment tappoġja applikazzjonijiet għal
genetically modified food
and
feed
f’każijiet fejn ġew indirizzati b’mod adegwat kwistjonijiet ta’ riskji fit-tul għas-saħħa tal-bniedem. Malta ġeneralment tappoġja wkoll applikazzjonijiet fejn b’mod ċar m’hemmx riskju ta’ proliferazzjoni, anki jekk b’mod aċċidentali.
Fil-każ speċifiku imsemmi mill-Onorevoli interpellant, l-erba’ tipi ta’ GMOs ingħataw opinjonijiet favorevoli mill-EFSA (European Food Safety Authority) skont Artikli 6 u 18 tar-Regolament (KE) 1829/2003. L-EFSA kkonkludiet li dawn il-GMOs ma jippreżentawx periklu għal dak li ghandu x’jaqsam mas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali, jew ma’ l-ambjent. Għalhekk Malta vvutat favur dawn l-erba’ GMOs.
Ta’ min wieħed jgħid li Malta dejjem tikkunsidra f’dettal l-istudji li tkun ippublikat il-
European Food Safety Authority
(EFSA) għal kull applikazzjoni li tkun sa tiġi vvutata. B’mod speċjali, Malta tikkunsidra fid-dettal is-sezzjoni tal-istudju li tkun għamlet l-EFSA rigward it-tossikoloġija u testijiet li jsiru fuq annimali li jinkludi studji dwar l-għalf ta’ annimali madwar medda ta’ 90 jum, sabiex tkun determinata s-sigurtà tal-użu ta’ ikel ġenetikament modifikat intiż għal konsum minn nies u mill-annimali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inħarġu xahar b'xahar citazenship authorisations mill-awtoritajiet kompetenti mill-bidu tas-sena u ta' liema nazzjonalistà kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'citizenship authorizations qed nifhem għan-numru ta' persuni li lilhom ingħatat iċ-ċittadinanza Maltija. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Il-figuri ta' dawn it-tliet tabelli jkopru il-perjodu xahar b'xahar minn Jannar sa Settembru 2012.
Billi qed ikun hemm diversi rapporti fil-media tax-xogħol allegatament prekarju billi qed jingħaq li f'ħafna każijiet ċerti security firms qegħdin jingħataw kuntratti fejn il-kumpaniji qed jingħataw kuntratti għal ħlas li meta jitnaqqas minnhom il-VAT ikun ifisser li jkunu qegħdin iħallsu lin-nies saħansitra anqas mir-rata ta' paga minima nazzjonali, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm inkoraġġiment ta' saħansitra aktar xogħol prekarju fejn b'dan il-ħlas ma jkunx hemm flus biżżejjed biex ikunu koperti l-ħlasijiet minimi bażiċi tal-ħaddiema?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fatt li tikkwota rata anqas f’tender ghal servizzi ta’ sigurta’ jew servizzi ohra mir-rata li hi applikabbli bhala minimu nazzjonali mhux necessarjament ikun ifisser li d-drittijiet minimi tal-impieg mhumiex qed jinghataw. L-istess jista’ jinghad li jekk ir-rata kwotata tkun oghla bilfors id-drittijiet tal-impjegati jigu osservati.
Fuq bazi regolari l-ispettorat tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg iwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet dwar kundizzjonijiet tal-impieg f’setturi differenti tal-industrija, inkluz f’dak tas-servizzi ta’ sigurta’.
Mill-investigazzjonijiet li jsiru, kull fejn jirrizultaw nuqqasijiet minn naha tal-
employer
, l-istess employer jintalab jirranga l-irregolarita’ u japplika dak li hu stabbilit bhala l-kundizzjonijiet applikabbli bil-ligi. Fejn l-
employer
jonqos li jimxi mal-ligi jittiehdu l-passi necessarji kontrih quddiem il-qorti.
Fejn irrizulta li hemm decizjonijiet tal-Qorti li sabet kundizzjonijiet tal-haddiema gew miksura, l-kuntratt gie xolt.
B'referenza għall-każ ta' housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li bħalissa qed tgawdi minn sussidju ta' xi €80 fix-xahar fuq l-appartament tagħha u peress li l-kera tlaħħaq madwar €360 u xorta mhix f'pożizzjoni li tlaħħaq mal-ispejjeż involuti tal-akkomodazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibli li tingħata post alternattiv?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda proċessata mal-applikazzjoni l-oħra għall-akkommodazzjoni alternattiva. Id-dħul tal-applikanta għas-sena 2011 kien jammonta għal €7438.13. Hija tikri post mis-settur privat izda tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għal €966.69 fis-sena. Il-lokalita’ preferuta tal-applikanta hija Raħal Ġdid.
L-Awtorita’ tad-Djar prezentament għandha 239 persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera izda li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36502 u cioè: Billi suppost li dawk kollha li jimpurtaw plastic bags bil-handle huma suġġetti għal Eco-Tax ta' 15ċ il-borża, jista' l-Ministru jgħid:
a) kemm kien hemm kumpanji/
department stores
u
super
u
mini markets
li ġew immultati talli naqsu milli jħallsu
eco tax
simili;
b) liema kienu;
ċ) meta sar dan peress li hu mifhum li s-suq Malti u Għawdex jinsab mifquħ b'dawn it-tip ta' boroż? Jista' jgħid x'proċeduri u metodi ta' verifika jintużaw mid-dipartiment tal-VAT sabiex jiġi żgurat enforcement xieraq f'dan ir-rigward kif ukoll sabiex jinżamm level playing field f'dan is-settur?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li kien hemm 11-il kumpanija/department store jew super/mini market li ġew immultati mid-Dipartiment tal-VAT talli naqsu li jħallsu l-Eko Kontribuzzjoni simili fuq plastic bags bil-handle.
Mhux possibbli li tingħata informazzjoni dwar dawn il-kumpaniji minħabba l-proviżjonijiet ta’ segrettezza fil-liġi tal-VAT.
Ninsab infurmat ukoll li dawn il-Kumpaniji ġew immultati bejn Lulju 2008 u Mejju 2012. Il-proċeduri ta’ verifika użati huma dawk ta’ kontrolli mis-sistema komputerizzata tal-Eko Kontribuzzjoni, informazzjoni mid-Dwana,
spot checks
u investigazzjonijiet fuq rapporti.
Transport Malta — Traffic Impact Assessment fuq Kappara Junction
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36758 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkumissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru, u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta' Transport Malta dwar din l-issue, fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma Ministeri u entitajiet governattivi oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Malita Investment Plc — tender għall-kampanja ta' riklamar u media
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamenti 36808 u 36310, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk inħariġx tender għal kampanja ta' riklamar u media marbuta mal-promozzjoni tal-€15 miljun f'ishma fil-Malita Investments Plc li nħarġet dan l-aħħar? Jista' jgħid liema kumpanija tal-advertising ħadet dan l-assignment? Kif intgħażlet? X'jiswa bejn wieħed u l-ieħor dan l-account ta' riklamar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Malita Investments plc twaqqfet fit-3 ta’ Ġunju 2011 bħala entita ġdida sabiex tixtri, tiżviluppa, tamministra u tħaddem portafoll ta' assi immobbli li jinkludu proprjeta` ta' importanza nazzjonali.
Għal dan il-għan il-bord tad-diretturi ried jingaġġa kumpanija tar-reklamar sabiex fost affarijiet oħra tiżvuluppa l-identita tal-kumpanija, tiġi żviluppata websajt u ‘l-
collateral
amministrattiv kif ukoll sabiex jingħataw proposti dwar l-kampanja ta’ reklamar marbuta mat-tnedija ta-ishma tal-kumpanija lill-pubbliku. Għal dan il-għan ġew identifikati żewġ kumpaniji, D-Max and Associates Limited u JP Advertising Limited, li huma t-tnejn attivi fil-qasam tar-reklamar u l-media elettronika, fejn dawn intalbu jagħmlu l-proposti tagħhom.
Wara l-preżentazzjonijiet li taw l-management ta’ dawn l-kumpaniji kif ukoll wara l-
evalwazzjoni tal-proposti imnedija, il-bord tad-diretturi iddeċieda li l-brand identity tal-
kumpanija u l-kampanja tar-reklamar marbuta mal-IPO tal-Malita Investments plc tiġi
mogħtija lill-JP Advertising Agency Limited.
In-nefqa totali tal-kampanja tar-reklamar marbuta mat-tnedija tal-ishma tal-Malita
Investments plc kienet tammonta ghal Ewro 76,638.96 (exc VAT). Dan l-infiq sar
f’kampanja ta’tlett ġimgħat fuq il-midja audio viżiva, diversi gazetti lokali u numru ta’
stazzjonijiet tar-radju.
Jista' l-Ministru jinvestiga, flimkien mal-kumpanija Arriva, l-ilmenti varji mingħand residenti fl-akwati tal-Ibraġġ li filwaqt li qabel kellhom ir-rotta 64 li kienet teħodhom il-Belt u Tas-Sliema b'regolarità kbira, u llum hemm il-bus 233 li teħodhom Tas-Sliema biss kull siegħa u n-numru 33 li teħodhom il-Belt, bir-riskju li jekk wieħed jitlef waħda minnhom għax kważi qatt ma jiġu fil-ħin u tant qed ikun hemm nuqqas ta' puntwalità li f'ħafna ċirkostanzi, r-residenti lanqas biss ikunu jafu l-karozza tal-linja tkunx diġà għaddiet mill-bus stop jew le u b'hekk jispiċċaw ikollhom idumu jistennew xi sagħtejn għad-destinazzjoni tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-Rotta 33 topera b’servizz ta’ kull siegħa mill-lokalita’ tal-Ibraġġ lejn il-Belt Valletta u tgħaddi via l-Isptar Mater Dei. Ir-Rotta 233 topera wkoll kull siegħa u tgħaqqad il-lokalita` tal-Ibraġġ ma’ San Ġiljan u tas-Sliema. Ir-Rotta li kienet topera qabel it-3 ta’ Lulju 2011 kienet topera minn tal-Ibraġġ għall-Belt Valletta via tas-Sliema u San Ġiljan iżda r-residenti ma kellhomx servizz dirett lejn l-isptar Mater Dei. Dan it-tibdil fir-rotot kien sar wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Swieqi.
Infurmat ukoll li minn stħarriġ li għamlet Transport Malta fuq iż-żewġ rotot imsemmija, jirriżulta li ma kinux irrappurtati każijiet fejn xi passiġġieri tħallew l-art għaliex ix-xarabank kienet mimlija.