Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rapporti ta' vetturi b'emissjonijiet

Question

Billi ma' kull liċenzja mġedda ta' kull vettura, s-sewwieqa qed jiġu mitluba jibagħtu SMS lill-50611899 biex jirrappurtaw vetturi b'emissjonijiet, jista' l-Ministru jgħid: a) kemm ilha taħdem din is-sistema; b) jekk qattx waqfet; ċ) jekk iva, kemm damet wieqfa u meta ġiet riattivata; d) kemm daħlu rapporti simili; e) x'passi ttieħdu s'issa mill-awtoritajiet; u f) x'passi ulterjuri ttieħdu meta daħal aktar minn rapport wieħed fuq l-istess vettura?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi is-sistema sabiex jirrapurtaw vetturi b'emissjonijiet bdiet f'Settembru tal-2005. Din is-sistema qatt ma ġiet imwaqqfa iżda fil-perjodu bejn Jannar u Lulju tal-2009, ġew sospiżi t-testijiet fuq il-vetturi. Infurmat ukoll li r-rapporti tal-vetturi xorta ddaħħlu u ġew miżmuma fir-records ta' Transport Malta, liema vetturi ġew ittestjati bejn Lulju u Settembru ta' l-istess sena. Minn mindu bdiet is-sistema f'Settembru tal-2005 sa Settembru tal-2010, daħħlu 239,606 SMS sabiex jirrapurtaw vetturi b'emissjonijiet. Dawn ir-rapporti kienu jirrigwardaw 99,710 vettura. Sid ta' vettura jiġi notifikat b'appuntament biex tiġi spezzjonata l-vettura nkwistjoni, fil-każ li jkunu ddaħħlu tlett SMS's jew aktar fuq l-istess vettura f’perjodu ta' tliet xhur. Kien hemm 13,223 vettura li sarilhom dan l-ammont ta’ rapporti u li allura ssejħu għal-spezzjonijiet. Għalhekk, fuq rapport wieħed ma' jittieħdu ebda passi iżda jittieħdu passi mat-tielet rapport jew aktar fuq l-istess vettura. F’każ li s-sid tal-vettura jonqos li jressaq il-vettura inkwistjoni għat-test, il-vettura tingħatalha restrizzjoni fejn ma jkunx jista' jġedded il-liċenzja tat-triq sa ma l-vettura tgħaddi mit-test rispettiv. 6,912 il-vettura ma ressqux għat-test meta ssejħu u ttieħdet l-azzjoni kontrihom skont il-liġi. Minn dawk li telgħu għat-test, weħlu 2,057 vettura u ttieħdet l-azzjoni kontrihom skond il-liġi.

Kunsill tal-Ewropa — vjolenza fuq in-nisa

Question

Fid-dawl tal-konferenza li kien organizza l-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħtieġa ta’ kampanja kontra l-vjolenza fuq in-nisa, li tinkludi l-vjolenza domestika, li kienet inżammet fis-sena 2008 fejn kien hemm anki rappreżentanza tal-Kunsill tal-Ministri apparti mill-Assemblea Parlamentari, tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan ta’ azzjoni konkret tal-Gvern Malti biex jimxi fuq ir-rakkmandazzjonijiet ta’ din il-konferenza u anke ta' kampanja intensiva li kienet mifruxa fuq medda ta’ sentejn sħaħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul il-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija, l-Kummissjoni ġiet mistiedna sabiex tattendi diversi konferenzi u seminars li ġew organizzati matul iż-żmien tal-kampanja. Għal dawn il-konferenzi u seminars attendew kemm membri tal-Kummissjoni kif ukoll membri oħra mis-sottokumitat dwar ir-Riċerka u Ġbir ta’ Data u mis-Sottokumitat dwar l-Iżvilupp tas-Servizzi. F’dawn is-seminars organizzati mill-Kunsill tal-Ewropa ngħataw anki preżentazzjonijiet mill-parteċipanti dwar is-sitwazzjoni tas-settur f’Malta. F’Novembru u Diċembru tat-2007, inkitbu seba’ artikli fil-ġurnali lokali sabiex tkun imfakkra l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa. Fl-istess perjodu, ċ-Chairperson u l-membri tal-Kummissjoni ħadu sehem f’diversi programmi tar-radju u telviżjoni. Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali u l-Ministeru organizzat il-Malta White Ribbon Campaign. Kampanja ta’ Għarfien permezz ta’ posters f’Bus Shelters tnediet fis-7 ta’ Jannar 2008. Din il-kampanja ġiet organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika bil-kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u li kienet ibbażata fuq il-Kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għas-settur li ġie bażat fuq il- Blueprint tal-Kunsill tal-Ewropa għall-kampanja sabiex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali jinsab fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni fejn qiegħed dejjem jiġi aġġornat skont dak li jkun twettaq matul is-sena ta’ rappurtar. Sabiex tkompli fil-ħidma tagħha, il-Kummissjoni applikat u ngħatat fondi mill-Fond Soċjali Ewropej għall-Proġett ESF 3.43 Dignity for Domestic Violence Survivors . Dan il-proġett jinkludi fost l-oħrajn Studju ta’ riċerka bl-isem A Nationwide Research Study on the Prevalence of Domestic Violence against Women in Malta and its Impact on their Employment Prospects . Sar ukoll taħriġ għall-professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-vjolenza domestika jew jiġu f’kuntatt ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika. Dan il-proġett jinkludi wkoll kampanja nazzjonali ta’ għarfien. Permezz ta’ din il-kampanja ser titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika li ser issir matul is-sena 2011 filwaqt li tippromovi li x-xogħol jagħti ndipendenza lill-vittma ta’ vjolenza domestika. Il-kampanja hija ndirizzata wkoll lejn il-persuna li twettaq vjolenza u lejn il-pubbliku ġenerali sabiex jkun konxju li l-vjolenza mhix aċċettabli.

National Economic Strategic Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jigi finalizzat dak li Angelou Economics ħabbru f’Novembru 2009 fuq il-website tagħhom bħala n-National Economic Strategic Plan tal-Gvern Malti? Dan se jkun ippubblikat? L-ewwel draft tiegħu tlesta? X’time frames kellu dan l-eżerċizzju mingħand dawn il-konsulenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan strateġiku “Vision 2015 and Beyond” qiegħed fi stadju ta’ abozz finali. Madankollu huwa maħsub li jiġi maħruġ fil-ġimgħat li ġejjin; dan wara li jiġi rivedut u jkun assigurat li dan il-pjan strateġiku huwa konformi mas-sitwazzjoni ekonomika globali u kif ukoll mal-qagħda ekonomika preżenti fil-“Eurozone”.
Leg 11 PQ #22375 Sitting 303 2011-01-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Probation Officers Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid i Kemm hemm Probation Officers Għawdxin u kemm minnhom qed jagħmlu xogħol f’Għawdex? ii Meta sar l-aħħar appointment ta’ Probation Officers Għawdxin? iii Jaħseb il-Ministru li hemm bżonn ta' aktar Probation Officers f’Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6900.
Leg 11 PQ #22376 Sitting 303 2011-01-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Consumer Division

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-Consumer Division fil-Ministeru tal-Finanzi dwar programmi li ġew imxandrin minn service providers f'Malta mingħajr ma kellhom id-drittijiet legali biex jagħmlu dan? L-element ta' kumpens għall-konsumaturi se jiġi kkunsidrat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni qed janaliizza x-xandir tal-imsemmija programmi fi sfond tal-poteri li jagħtih l-Att l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap 378). F’ dan l-istadju l-elementi kollha relevanti qed jiġu kkunsidrati inkluż l-eventwali kumpens lil konsumaturi milquta.

Malta Communications Authority

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Malta Communications Authority tagħmel stqarrija uffiċjali u kategorika dwar ix-xandir ta' żewġ stazzjonijiet partikolari li sar minn service providers f'pajjiżna mingħajr ma kellhom id-drittijiet legali meħtieġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Gvern hi li r-regolaturi tas-swieq kummerċjali għandhom jintervjenu biss fil-limitu tal-kompetenzi u l-poteri li ttihom il-liġi.

Nefqa fuq l-interconnector

Question

Jista' l-Ministru jgħid, apparti min-nefqa kapitali fuq l-interconnector, il-gvern għamel xi studji dwar maintenance costs approssimattivi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa tal-operat u tal-maintenance costs tal-interconnector hija stmata li se tkun ta’ 1.5% tal-capital cost fis-sena. Din l-istima hija tipika għal interconnectors ta’ dan it-tip, u tkopri maintenance u inspections tat-terminal station u tal-cable, minbarra l-ispiża biex jopera l-cable.

Marsa Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-gvern biex tiġi decommissioned il-Marsa power station? Il-Gvern għamel stima tan-nefqa involuta? Dawn il-pjani jinkludu xi miżuri għat-tneħħija tal-asbestos qadim li hemm kif ukoll dwar id-disposal minnu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta qed taħdem biex, kif ippjanat, tipproċedi bl-egħluq tal-Power Station tal-Marsa. Fil-fatt, ġiet ippubblikata tender biex jibdew il-preparamenti għad-decommissioning ta’ din il-power sation. La darba dan il-proċess ta’ tendering jintemm u jiġu approvati u finalizzati dawn il-pjanijiet, ikun jista’ jsir il-budgeting tal-ispejjeż neċessarji. Tajjeb li nirrimarka li l-pjan in kwistjoni jinkludi l-proċessi kollha, inkluż dak imsemmi mill-Onor. Interpellant dwar it-tneħħija tal- asbestos .

Interconnector — costs

Question

Dwar l-interconnector, jista' l-Ministru jikkwantifika l-cost sabiex jutilizza l-HV infrastructure Taljan kif ukoll in-nefqa relatata mat-transmission losses li jistgħu jirriżultaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dawn il-costs huma suġġett tat-tariffi li jiġu rregolati mir-Regulatur Taljan tal-enerġija u jiddependu mid-distanza tal-provvista tal-elettriku mill-Interconnector kif ukoll mill-ammont tal-energija li tiġi trasmettita. Similarment il-losses huma dipendenti kemm fuq l-ammont ta’ enerġija li jiġu trasmetti u wkoll fuq it-temperatura tal-baħar.

Pubblikazzjoni fuq il-wind data

Question

Billi l-gvern wera li issa jinsab lest li jippubblika l-wind data dwar is-Sikka l-Bajda u proġetti oħrajn iġġenerati mir-riħ, jista' l-Ministru jimpenja ruħu li wind data simili tiġi trasmessa permezz tal-internet online ħalli tkun ta' public domain għal kull investitur prospettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħalma jaf l-Onor. Interpellant, kwalunkwe data li hemm bżonn biex investitur prospettiv jagħmel użu minnha għandha tinġabar minn proċess formali u mhux minn fuq l-internet.

Low interest concessional loan fuq l-ekonomija ħadra

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk qattx saret xi offerta lill-Gvern Malti mill-Gvern Ċiniz għal-low interest concessional loan marbut ma' inizjattivi marbuta mal-ekonomija l-ħadra, b’mod partikolari bl-appoġġ ta' GNERI, wieħed mill-istituti ewlenin tar-riċerka fl-enerġija solari madwar id-dinja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li sal-lum ma saret l-ebda offerta bħal din.

Leġislazzjoni fuq solar roof rights

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-leġislazzjoni li kien qed jikkunsidra l-gvern dwar solar roof rights kif kienet issuġġeriet l-Oppozizzjoni Laburista żmien ilu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-qafas legali li jista' jirregola s-solar roof rights għad irid jiġi determinat fil-kuntest ta' liġijiet oħra bħalma huma dawk tal-ippjanar u l-proprjetà privata. Qed isiru laqgħat bejn uffiċjali tal-MRRA u entitajiet oħra għal dan il-għan.

karozzi scrapped — proċess tan-number plates

Question

Billi ninsab infurmat li Transport Malta waqfet milli tipproċessa number plates ta' karrozzi li ġew scrapped, f'ċerti każi sa mill-25 ta' Novembru 2010, jista' l-Minsitru jiggwida kif suppost jinħarġu l-invoices meħtieġa għaliex ġejt infurmat li kulmin għamel xi forom ta' enquiries ħa l-impressjoni li għad jista' jkun hemm konfuzjoni sħiħa bejn id-Dipartiment tal-VAT, Transport Malta u l-ACIM (Association of Car Importers) tant kemm semgħu verżjonijiet differenti dwar il-mod kif l-affarijiet għandhom jiġu proċessati? B’konesgwenza ta’ dan smajt b’każi ta’ nies li kellhom il-karrozzi scrapped aktar minn ġimgħa ilu u għadhom bla karrozzi xi jsuqu.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma waqfitx tipproċessa number plates ta’ karozzi li ġew skrappjati, tant li fl-ewwel ħmistax-il ġurnata mindu daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ għotja mill-Gvern, Transport Malta approvat l-eliġibbiltà ta’ aktar minn 500 talba għal din l-iskema filwaqt li ġew rreġistrati aktar minn 30 vettura ġdida. Jien infurmat ukoll li l-unika problema li kien hemm kienet fir-rigward tal-fattura u l-irċevuti li l-aġenti jagħtu lill-klijenti iżda ninsab infurmat li din ġiet riżolta f’laqgħat li saru bejn id-Dipartiment tal-VAT, Transport Malta, l-aġenti u l-Ministeru tal-Finanzi. L-aġenti huma obbligati li jgħaddu riċevuta lill-klijent, bl-ammont tal-għotja indikat fiha u dan sabiex il-gvern jassigura trasparenza assoluta bejn l-aġent u l-konsumatur.
Leg 11 PQ #22230 Sitting 301 2011-01-17 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

European Union Flood Directive — Msida - Triq il-Wied

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21650, 21273, 20948 u 20217 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19443 dwar il-bini li twaqqa' fi Triq il-Wied, Msida, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk Malta hijiex timplimenta f'dan il-kuntest kif ukoll fil-kuntest tal-bini li jrid jitla' l-European Union Floods Directive?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #22256 Sitting 301 2011-01-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Lija — studji dwar il-livell ta' particulate matter

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar 20 sena sarux xi studji mill-awtoritajiet konċernati dwar il-livell ta' particulate matter (PM10) fl-inħawi residenzjali f'Ħal Lija u nħawi oħra fil-qrib li jinsabu viċin l-impjant tal-Blokrete qrib iċ-ċimiterju ta' Ħal Lija? Fil-każ li f'dan il-perjodu saru xi studji jew rapporti ta' din ix-xorta, jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li t-trabijiet li jtiru minn impjanti bħal dak li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-maġġor parti tagħhom huma komposti minn partiċelli li jkunu ikbar minn 10 microns u għalhekk ma jinqabdux minn studju li jkejjel l-PM 10. Studju tal-livelli tal-PM 10 f’Ħal-Lija u l-lokalitajiet tal-madwar ftit jista’ jitfa dawl fuq l-impatt tal-impjant in-kwistjoni fuq il-kwalità tal-arja. Il-MEPA għandha monitoring station f’Ħ’Attard li qed jintuża biex ikejjel il-livell ta’ Ożonju fl-arja. Il-MEPA qiegħda tikkunsidra jekk tużax dan l-istazzjon sabiex tkejjel ukoll il-livell ta’ PM 10.

Proprjetajiet mikrija mingħand il-privat

Question

Jista' l-Ministru jissottometti lista tal-proprjetajiet kollha mikrija mingħand il-privat li qed juża: il-gvern innifsu? id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern? il-kunsilli lokali? F'kull kaz, x'inhu l-ammont tal-kirja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — charge għas-servizz tal-użu tal-parking space

Question

Jista' l-Ministru jgħid Transport Malta kemm qed iżżomm bħala charge għas-servizz tal-użu tal-parking place li hemm fi triqat pubbliċi minn hawkers, bħal fil-każ tar-Ramla l-Ħamra, Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi fir-rigward tas-servizz tal-użu tal-parking place minn hawkers fi triqat pubbliċi, Transport Malta ma żżomm l-ebda charge.

Tħaddim tal-Interconnector

Question

Peress li waqt id-dibattitu dwar l-istrateġija dwar tibdil tal-klima l-Ministru Austin Gatt kien qal fil-Parlament li l-interconnector se jkun qed jaħdem sas-sena 2012, jista' l-Ministru jikkonferma dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt għandu data tal-commissioning tal-interconnector f’Ottubru 2013, u għaldaqstant huwa fil-ħsieb li jitlesta sa dak iż-żmien.

Ta' Xbiex Housing Estate — ilmenti fuq nemus u ġrieden

Question

Billi għadd ta' residenti fil-Housing Estate ta' Ta Xbiex ilhom snin jilmentaw dwar l-għadd kbir ta' nemus u insetti oħrajn kif ukoll ġrieden li spiss jkun hemm qrib l-appartamenti tagħhom minħabba plot kbira tal-privat abbandunata li hemm quddiem Blokk C1 u qrib Blokk B2 ta' Ta Xbiex Housing Estate, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex jiġi indirizzat dan l-ilment li jmur lura żmien twil?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva tliet ilmenti rigward akkumulu ta’ ilma fil-plot imsemmija. Tnejn minn dawn l-ilmenti daħlu fl-2009 u wara investigazzjonijiet li saru fiż-żewġ ilmenti l-ilma tneħħa minn sid il-plot u dan ġie kkonfermat minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat fis-27 ta’ Mejju, 2009. Fl-14 t’Ottubru ta’ din is-sena dan id-Direttorat irċieva ilment wieħed rigward akkumulu ta’ ilma fl-istess plot , wara spezzjoni li saret minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat, is-sid reġa' ingħata ordni sabiex ineħħi l-ilma u dan l-ilma ġie kkonfermat li tneħħa minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat fil-15 ta’ Novembru, 2010. Rigward ir-referenza li l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel dwar il-problema tal-ġrieden fl-inħawi tal-istess plot , nixtieq ninformaħ li matul din is-sena daħal ilment wieħed fl-10 ta’ Settembru rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fit-triq il-Watar u wkoll fil- housing estate tal-istess inħawi. Trattament għal kontra l-ġrieden sar mill-ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan l-istess Direttorat fil-15 ta’ Settembru. L-istess trattament ġie repetut fit-2 ta’ Diċembru, 2010.

MGI u MIMCOL — ministerial consent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21627 u 21250 u jgħid kemm hemm każijiet fejn l-MGI u l-MIMCOL talbu ministerial consent meta ġew biex jagħżlu jekk jaddottawx restricted jew negotiatied procurement procedures? Dan l-arranġament kemm ilu fis-seħħ? Sal-lum, kien hemm każijiet fejn dawn bagħtu r-rapport annwali ta' kull kuntratt pubbliku mogħti lid-direttur tal-kuntratti? Min-naħa l-oħra kien hemm każijiet fejn id-direttur tal-kuntratti nnifsu talab rapport simili, u jekk iva meta? Billi dan l-aħħar, il-Ministru għarraf lill-Kamra li saru arranġamenti biex dawn it-tender documents ikunu skrutinizzati mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppubblikati, jista' jgħid jekk dan l-arranġament sarx mill-bidu jew fi stadji ulterjuri? Jekk fi stadju ulterjuri, meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kemm l-MGI kif ukoll il-MIMCOL jaqgħu taħt Skeda Nru 3 tal-Public Procurement Regulations 2010. Dawn ir-regolamenti jipprovdu li dawn l-entitajiet jamministraw huma stess il-public procurement tagħhom dejjem skont il-provvedimenti ta’ l-istess regolamenti. Dan l-arranġament ilu fis-seħħ mill-1987 meta dawn iż-żewġ entitajiet ġew imwaqqfa. Kull sena, ir-rapporti finanzjarji ta’ dawn iż-żewġ entitajiet jiġu skrutiniżżati minn awdituri esterni skont kif titlob il-Companies Act 1985. L-awdituri huma Ernst & Young fil-każ tal-MIMCOL u PriceWaterhouseCoopers fil-każ tal-MGI. Barra minn hekk, matul is-snin dejjem saret rikonċiljazzjoni annwali tal-kontijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u sa s-sena l-oħra dan l-eżerċizzju dejjem sar mal-Finanzi. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-ispejjeż huma konsulenzi li kellhom x’jaqsmu ma’ xogħol ta’ privatiżżazzjoni u xogħol relatat mal-Ministeru.