Billi sakemm qed tiġi sottomessa din il-mistoqsija parlamentari fi tmiem is-sena 2010 għadu mhux magħruf kemm ser jassorbi mit-2% żieda fir-rata tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni, jista' l-Ministru jindika meta din is-sitwazzjoni se tiġi ċċarata aktar u aktar billi l-Gvern kien wiegħed part concession fuq il-kuntratti ffirmati qabel ma tħallset iż-żieda nnifisha?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji dwar l-iskema ta’ għajnuna parzjali lill-Lukandiera li kellhom kuntratti ffirmati bil-quddiem se jitħabbru dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid b'riżultat tas-Summit ta' Cancun dwar it-tibdil tal-klima kif tista' tiġi effettwata l-pożizzjoni tagħna bħala Annex 1 Country f'termini ta' obbligi fl-immedjat u fil-ġejjieni qarib? It-terms of reference tagħna taħt il-UNFCCC ser jiġu b'xi mod effettwati minħabba li f'Ottubru li għadda għamilna dan il-pass u sirna pajjiż Annex 1?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim ta’ Cancun ifformalizza l-wegħdiet volontarji tal-pajjizi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom. L–UE ma bidlitx il-posizzjoni taghha f’dan ir-rigward u għaldaqstant Malta ma ħaditx fuqha l-ebda obbligi ġodda ta’ mitigazzjoni. L-ebda targets tal-mitigazzjoni li jorbtu lill-pajjiżi ma nftiehmu jew ġew adottati fil-konferenza ta’ Cancun u għaldaqstant Malta ma ħaditx fuqha l-ebda obbligi ġodda f’dan ir-rigward.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm proġetti li Malta bbenefikat minnhom qabel ma ħadna l-Annex 1 status fil-qasam tal-klima permezz ta' CDM - Clean Development Mechanism - qabel ma sibna ruħna bl-obbligu li ngħinu lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw permezz tal-fast start finance skond kif jipprovdi is-Summit ta' Copenhagen tal-klima? Kemm minnhom kienu ġew ikkunsidrati mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u kemm ġew approvati u implimentati?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi indikazzjoni meta d-Delimara power station extension mistennija tkun operational? Jekk iva, kif mistenni jsir dan meta l-permessi sħaħ tal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadhom ma nkisbux u għadu lanqas inħareġ l-IPPC permit?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi huwa mistenni li l-extension ta’ Delimara Power Station tkun lesta sa Mejju 2012. Il-proċess biex jiġi emendat l-permess eżistenti tal-IPPC biex tiġi koperta l-impjant il-ġdid beda diġà.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta mistenni jitnieda l-proċess li jmiss biex il-power station extension ta' Delimara tkun soġġetta għall-IPPC permit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-proċess tal-varjazzjoni tal-permess tal-IPPC biex jinkludi l-estensjoni prposta fil-power station ta’ Delimara beda fi Frar tal-2010 meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-varjazzjoni ta’ dan il-permess.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li għalkemm il-Gvern għandu ħsieb li jagħlaq il-Marsa power station fil-ġejjieni qarib, possibilment anke qabel u jew lejn tmiem din is-sena, hi mhix se tiġi deactivated, imma ser tinżamm bħala stand by billi jinżammu mijiet ta' operational hours għall-emerġenzi mingħajr ma wieħed ikun qed jikser ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22826.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk id-data tal-kwalità tal-arja teżistix by segment? Jista' jipprovdi figuri dwar particulate matter għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm-il darba l-gvern jew l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għad m'għandhomx id-data neċessarja, x’time lines jeżistu biex dawn jibdew joperaw skont normi stabbiliti tal-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għall-PQ 17276 kienet tinkludi l-aħħar data rigward il-livelli ta’ PM10 imkejla mill-istazzjonijiet ta’ kejl fiss u li għaddiet mill-proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, d-data tal-2009 għadha ma għaddietx minn dan il-proċess u għaldaqstant il-MEPA m’għandiex aġġornamenti f’dan ir-rigward. Dan il-proċess għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru 2010.
Malta mhijiex imsemmija fir-rapport tal-European Environmental Agency
Question
Billi fir-rapport riċenti tal-European Environmental Agency m'hemmx referenza għal Malta dwar il-green house gas emissions, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan hux dovut għall-fatt li Malta s’issa m'għandhiex Kyoto targets jew għax it-tagħrif meħtieġ ma wasalx fil-ħin mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 20950.
Jikkonferma l-Prim Ministru li minkejja li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena għajr għall-ġimgħa tax-xahar ta' Ġunju, s-soċjetà Green MT ma kellhiex permess jew awtorità mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tagħmel hekk, xorta waħda baqgħet topera l-istess skema u tagħti servizzi ta’ waste management u dan bi ksur dirett tal-artikolu 6 ta’ l-Avviz Legali 337 ta’ l-2001? Jikkonferma li fl-istess perjodu Green MT Ltd saħansitra rkuprat 'il fuq minn sitt elef tunnellata ta’ skart minn wieħed u erbgħin kunsill lokali differenti ġewwa pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 21222.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet qed tmur kontra kull prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta fis-suq, meta minkejja li l-liċenzja li ġiet maħruġa lis-soċjetà Green MT Ltd inħarġet fil-25 ta' Ġunjun 2010, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha kontra dak li jsir is-soltu tat permess lill-istess kumpanija sabiex tkopri l-obbligazzjonijiet tal-membri tagħha b’effett mill-1 ta' Jannar 2010 u sabiex tirrapporta l-attività tagħha tal-irkupru u riċiklaġġ tal-iskart fil-perjodu meta l-istess skema kienet qed topera b’mod allegatament illegali?
Jekk dan huwa minnu, ma jaħsibx li dan imur kontra l-permess innifisu għaliex fl-istess liċenzja hemm indikat illi l-permess huwa validu mill-bidu tas-sena 2010 u għaldaqstant b’dan l-aġir l-istess awtorità kienet b’mod konxju qed tissanzjona attivitajiet illegali altru minn proċess pubbliku u trasparenti kif qal fi stqarrija riċentement Ministru tal-Kabinett tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 21220.
MEPA — investigazzjoni fuq il-każ ambjentali tad-Dwejra
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta bdiet l-investigazzjoni dwar il-każ ambjentali tad-Dwejra min-naħa tal-awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Din ġiet imnedija minn rajh jew fuq talba tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirefferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 21696.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ġie approvat il-Management Plan tad-Dwerja Għawdex? Min kien responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa m’hemmx Management Plan għas-sit Natura 2000 tad-Dwejra (Għawdex), liema pjan irid jiġi mfassal sa sitt snin minn meta l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara sit bħala Site of Community Interest (SCI). Id-Dwejra ġiet dikjarata bħala SCI fl-2008, u Malta għandha sa l-2014 biex tfassal dan il-pjan. F’dan ir-rigward, il-MEPA talbet u ħadet fondi Ewropej (mill-EAFRD) biex tlesti dan il-pjan kif mitlub, u qed taħdem biex tappunta site manager mill-aktar fis permezz ta’ tender .
Għalkemm m’hemmx
Management Plan
, fid-29 ta’ Novembru 2005 ġie approvat Pjan ta’ Azzjoni, li l-implementazzjoni tiegħu kien amministrat minn
Steering Committee
appuntat mill-Ministru responsabbli għall-Ambjent f’dak iż-żmien. Dan il-kumitat qed jiġi rivedut, u se jsir
Management Board
ġdid biex jammistra s-sit Natura 2000 skont il-parametri legali stipulati mir-Regolamenti ta’ l-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed iservu bħalissa ma' diversi entitajiet, fergħat stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u jew dipartimenti tal-Waste Serve li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba ta' JF Security Services jew xi kumpanija sussidjarja tagħha? Jista' jagħti breakdown - mingħajr ismijiet - tad-diversi postijiet fejn dawn qed iservu u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-WasteServ qed tixtri s-servizz ta’ 231 ħaddiem full time li qegħdin fuq il-kotba tal-kumpannija indikata mill-Onor. Interpellant. Dawn il-ħaddiema jaħdmu kemm fl-uffiċċji kif ukoll fis-siti, li huma l-impjant ta’ Sant’ Antnin, l-Għallies, l-Inċineratur, Wied Fulija, Ċentri ta’ Skart Goff ta’ Hal Far, Mrieħel, Ħal Luqa, Magħtab u tal-Kus, il-Qortin u t-TREE Centre. Skont tender pubbliku, dawn il-ħaddiema huma mqassma kif ġej: 10 Uffiċjali eżekuttivi, 27 skrivan, 32 Xufiera, 7 Supervisors, 16 Operatives, 122 Waste Sorters, 5 Technical Officers u 12 Weighbridge Operators.Ninforma lill-Onor Interpellant li filwaqt li l-impjanti l-ġodda li fetħu ħolqu domanda għal impjiegi ġodda, pajjiżna għadu qed jikseb esperjenza fit-tħaddim u fl-operat ta’ dawn l-impjanti u għalhekk hija meħtieġa flessibilità fl-ingaġġ tal-ħaddiema kkonċernati.
Wara li tħabbar li l-iskart li ġie dumped fil-landfills pubbliċi naqas b'6% fis-sena 2009, jista' l-Prim Ministru jgħid permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar :
X'inhi l-qagħda attwali dwar l-iskart?
Qegħdin niġġeneraw aktar skart jew anqas fuq bażi ta' sena b'sena speċjalment meta wieħed iqis li ħafna pajjiżi Ewropej m'għadx għandhom rabta bejn tkabbir ekonomiku u żieda fl-iskart minħabba l-istandards qawwija ambjentali tagħhom? Fil-fatt qegħdin niġġeneraw anqas jew aktar skart C & D (construction and demolition) (total ta' skart depożitat f'landfills pubbliċi, dawk privati u fil-baħar) kif ukoll fir-rigward ta' non C & D waste (li jinkludi skart li qed jiġi riċiklat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-aħħar figuri miġbura mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jidher li kien hemm tnaqqis medju ta’ għoxrin fil-mija (20%) fuq bażi ta' sena b'sena fl-ammont totali ta’ skart li ġie iġġenerat mis-sena 2004 sa l-2009.
Dan it-tnaqqis globali huwa primarjament riżultat tat-tnaqqis fl-ammont ta’ skart iġġenerat mis-settur tal-kostruzzjoni u demolizzjoni mis-sena 2004 sa l-2009. Infatti l-ammont ta’ skart minn dan is-settur naqas b’medja ta’ erbgħa u għoxrin fil-mija (24%) bażi ta' sena b'sena mis-sena 2004 sa l-2009. Dawn il-figuri huma t-total ta' skart depożitat f'landfills pubbliċi, dawk privati u fil-baħar. Dan it-tnaqqis huwa dovut għal diversi fatturi fosthom l-impatt ekonomiku fuq is-settur tal-kostruzjoni kif ukoll minħabba l-fatt li d-data għas-sena 2009 ta’ skart idepożitat fil-‘inert landfills’ privati għadha qed tiġi iffinalizzata.
Fir-rigward ta’ skart muniċipali jidher li kien hemm żieda medja ta’ tnejn fil-mija (2%) bażi ta' sena b'sena mis-sena 2004 sa l-2009. Mis-sena 2008 għal-2009 jiriżulta li kien hemm tnaqqis ta’ erbgħa fil-mija (4%) fl-ammont ta’ skart muniċipali depożitat fil-landfills pubbliċi, u żieda ta’ tletin fil-mija (30%) fl-ammont ta’ skart muniċipali rriċiklat.
Dan it-tnaqqis ta’ erbgħa fil-mija (4%) fl-ammont ta’ skart muniċipali depożitat fil-landfills pubbliċi m’għandux ikun konfuż mat-tnaqqis ta’ sitta fil-mija (6%) ta’ skart li ġie depożitat fil-landfills pubbliċi. Dan għaliex it-tnaqqis ta’ sitta fil-mija (6%) hija figura globali li tinkludi skart muniċipali u kull tip ta’ skart ieħor depożitat fil-landfills pubbliċi.
Billi illum ħafna pajjiżi għandhom business councils ma' pajjiżi u reġjuni oħra b’riżultat dirett jew indirett ta’ ħidma diplomatika, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika kemm hemm business councils bejn Malta u pajjiżi terzi, liema huma, meta ġew stabbiliti u kemm-il darba ltaqgħu fis-snin 2008-2010?
Response (BORG, TONIO)
Fil-ħidma diplomatika tiegħu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jaħdem mal-Għaqdiet Kostitwiti sabiex jitwaqqfu Kunsilli Kummerċjali bejn Malta u pajjiżi opħra. Dawn il-Kunsilli jgħinu fit-tisdiq ta' kuntatti ġodda, jippromwovu aktar kummerċ u investiment, filwaqt li jservu wkoll ta' bażi għal informazzjoni ta' natura kummerċjali.
Il-Ministeru huwa nfurmat illi fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija hemm imwaqqfa numru ta' Kunsilli Kummerċjali (business councils) kif ġej:
Pajjiż
Stabbilit
Laqgħat
It-Tuneżija
2010
2 (2010)
L-iSkandinavja
2009
8 (2010)
L-Eġittu
2009
3 (2009)
Il-Ġermanja
2010
3 (2010)
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar l-istatus tar-Rappreżentanza Diplomatika tal-Palestina f'Malta fil-ġejjieni?
Response (BORG, TONIO)
B'rikonoxximent kemm tar-rabtiet storiċi ta' ħbiberija mal-poplu Palestinjan kif ukoll tad-dritt għal stat, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li tat lir-Rappreżentanza Dipkomatika Palestinjana l-istatus ta' Ambaxxata. Għaldaqstant l-Ambaxxata, l-Ambaxxatur Palestinjan u d-diplomatiċi Palestinjani oħra akkreditati għal Malta huma mogħtija l-privileġġi li huma mogħtija lill-Ambaxxati l-oħra f'Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk għandux xi ħsieb li jagħmel stqarrija fil-Parlament u/jew jagħti rendikont dettaljat taż-żjara riċenti tiegħu f’Iżrael u fil-Palestina quddiem il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti? Iż-żjara prospettiva tal-Prim Ministru Malti f’Izrael u l-każ BWSC ġew diskussi f’xi livell jew ieħor? X’inhuma l-oqsma ta’ koperazzjoni ekonomika u kummerċjali li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi bħalissa? Meta mistenni jidħol fis-seħħ id-double taxation agreement bejn iż-żewġ pajjiżi u x’oqsma ġodda ta’ koperazzjoni ġew identifkati mill-Gvern Malti bħala oqsma li joffru potenzjal għal pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li beħsiebni nirraporta fuq din iż-żjara fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta' Affarijiet Barranin u Ewropej; dwar "Double Taxation Agreement" sar progress sostanzjali; fil-laqgħat li kelli ġiet diskussa ko-operazzjoni fil-qasam tas-saħħa u kultura. Fit-Territorji Palestinjani ġie ffirmat ftehim dwar l-IT u l-Gvern ta' donazzjoni ta 30,000 euro lill-UNWRA f'Gaża.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta delegazzjonijiet governattivi u/jew dawk immexxija mill-ET il-President tar-Repubblika jżuru pajjiżi terzi u jkollhom fosthom rappreżentanti mis-settur kummerċjali u intraprenditorjali Malti, kemm bħala ditti individwali u/jew bħala organizazzjonijiet u għaqdiet kostitwiti, min-naħa tal-Gvern liema entita’ tassumi r-responsabbilta’ biex tiżgura li jsiru l-follow ups mistennija mal-pajjizi u mal-entitajiet tal-pajjizi li jkunu għadhom kif żaru, primarjament il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin innifsu, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jew il-Malta Enterprise innifisha?
Response (BORG, TONIO)
Il-ħidma sabiex jitkattar il-kummerċ u l-investiment Malti tagħmel parti integrali mill-ħidma tal-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment kif ukoll mill-ħidma wiesa' tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. F'okkażjonijiet meta rappreżentanti mis-settur kummerċjali u intraprenditorjali Maltin jissieħbu biex jiffurmaw parti minn delegazzjonijiet Presidenzjali, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jikkoordina mal-Uffiċċju tal-President, mal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, mal-Malta Enterprise kif ukoll mal-Għaqdiet Kostitwiti bil-għan li jsiru l-preparamenti meħtieġa b'mod partikolari fejn jidħlu kuntatti ma' entitajiet barranin fejn id-delegazzjoni tkun sejra.
Fil-każ ta' follow ups wara żjajjar li jkun saru, dan ġeneralment isir kemm mill-Malta Enterprise kif ukoll mill-intraprendituri nfushom. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kif ukoll il-Malta Enterprise dejjem jibqgħu lesti biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-intraprendituri f'dan il-qasam kull fejn u meta jkun hemm il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet fejn l-MGI u l-MIMCOL talbu ministerial consent meta ġew biex jagħżlu jekk jaddottawx restricted jew negotiatied procurement procedures? Dan l-arranġament kemm ilu fis-seħħ? Sal-lum, kien hemm każijiet fejn dawn bagħtu r-rapport annwali ta' kull kuntratt pubbliku mogħti lid-direttur tal-kuntratti? Min-naħa l-oħra kien hemm każijiet fejn id-direttur tal-kuntratti nnifsu talab rapport simili u jekk iva, meta? Billi dan l-aħħar, il-Ministru għarraf lill-Kamra li saru arranġamenti biex dawn it-tender documents ikunu skrutinizzati mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppubblikati, jista' jgħid jekk dan l-arranġament sarx mill-bidu jew fi stadji ulterjuri? Jekk fi stadju ulterjuri, meta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22106.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21250 u jgħid kemm hemm każijiet fejn l-MGI u l-MIMCOL talbu ministerial consent meta ġew biex jagħżlu jekk jaddottawx restricted jew negotiatied procurement procedures? Dan l-arranġament kemm ilu fis-seħħ? Sal-lum, kien hemm każijiet fejn dawn bagħtu r-rapport annwali ta' kull kuntratt pubbliku mogħti lid-direttur tal-kuntratti? Min-naħa l-oħra kien hemm każijiet fejn id-direttur tal-kuntratti nnifsu talab rapport simili, u jekk iva meta? Billi dan l-aħħar, il-Ministru għarraf lill-Kamra li saru arranġamenti biex dawn it-tender documents ikunu skrutinizzati mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppubblikati, jista' jgħid jekk dan l-arranġament sarx mill-bidu jew fi stadji ulterjuri? Jekk fi stadju ulterjuri, meta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22106.