Korporazzjoni Enemalta — kwestjoni ta' kif jinħdmu l-pagi ta' ċerta ħaddiema
Question
Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21468 leġislatura XI, il-Ministru qal li "l-pagi kollha tal-Korporazzjoni Enemalta jinħadmu
mid-Dipartiment tal-Finanzi fi ħdan il-korporazzjoni", jista' l-Minsitru jgħid:
Għalkemm il-pagi jinħarġu kollha mid-dipartiment tal-finanzi, il-paga tal-assistenta personali tas-CEO jingħad li ma tinħadimx mill-istess uffiċċju tal-pagi li joħorġu l-pagi kollha tal-impjegati tal-korporazzjoni, iżda l-paga tagħha tinħadem minn terzi persuni li s-soltu ma jaħdmux pagi. Il-paga tagħha ma tinħariġx ma' dik tal-impjegati kollha l-oħra u minflok tinħadem bil-moħbi saħansitra tal-kap tad-dipartiment tal-pagi. Jista' l-Ministru jikkonferma jew jinnega dan?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm kienet l-paga bażika ta' din l-assistenta personali tas-CEO fis-sena 2010 u kemm ingħatat paga f'
overtime
,
perks
u benefiċċji oħra fis-sena 2010?
Il-Ministru ma jħossx li dan l-ammont huwa esorbitanti meta fil-Korporazzjoni Enemalta qed jipprova jiġi mnaqqas l-
overtime
kemm jista' jkun u
meta wieħed iqis li l-paga ta' inġinier b'responsabbiltà ta' impjant sħiħ hija inqas minn din il-paga?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li għandu hi żbaljata. Il-pagi kollha huma maħduma mid-dipartiment tal-finanzi fi ħdan il-Korporazzjoni Enemalta.
Aktar informazzjoni ma tistax tingħata għax inkunu qegħdin niksru d-drittijiet ta’ privazija ta’ l-impjegati ta’ l-Enemalta taħt il-liġijiet applikabbli għad-divulazzjoni u ppubblikar ta’ informazzjoni.
Korporazzjoni Enemalta — informazzjoni dwar bonuses mogħtija lis-CEO
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw bonus bħala persentaġġ tal-pagi u bħala ammonti f'ewro liċ-chief executive officer u c-chief officers tal-Korporazzjoni Enemalta fis-snin 2008, 2009 u 2010? Jista' jgħid x'kienu t-targets tas-CEO u ċ-chief officers l-oħra u kemm minn dawn it-targets intlaħqu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata b’mod individwali peress li din tkun qed tikser id-drittijiet ta’ privazija ta’ l-impjegati taħt il-liġijiet applikabbli għad divulgazzjoni u pubblikar ta’ informazzjoni.
Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi ċ-Chief Officers ingħataw performance bonus bejn 12% u 15%.
CEO tal-Korporazzjoni Enemalta — kwestjoni dwar kamra tal-banju fl-uffiċċju
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21276 dwar kemm ġie jiswa l-uffiċċju tas-CEO tal-Korporazzjoni Enemalta li fit-tweġiba tagħha ġejna nfurmati li r-refurbishment ġie jiswa €6,957 biss, jista' l-Ministru jispjega għalfejn ma saret l-ebda referenza għall-kamra tal-banju li tinsab fl-uffiċċju tal-istess CEOtal-korporazzjoni? Huwa minnu li din il-kamra tal-banju hija waħda ensuite fl-uffiċċju tal-istess CEO u li s-CEO biss jagħmel użu minnha? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħidilna kemm ġiet tiswa kif ukoll jekk fl-uffiċċju tas-CEO hemmx xi aċċessorji jew sarux xi spejjeż oħrajn li ma ġewx imniżżla fl-ammont imsemmi fir-risposta li ngħatat fid-domanda li għaliha qed issir referenza?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-mistoqsija parlamentari numru 21276 indikata f’din il-mistoqsija kienet fuq l-uffiċċju u mhux kmamar oħra.
Il-kamra indikata mhix użata biss mis-CEO. Fil-fatt, dan it-
toilet
huwa wieħed mit-tliet
toilets
li jiġu wżati min-nies fir-raba’ sular kollu.
Il-kamra riferuta ġiet tiswa €1442.71 hu hija ta’ l-istess stil, disinn u kwalita’ ta’
toilets
li saru u qed isiru f’postijiet oħra għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise tistax tikkonferma jew tiċħad jekk il-kumpanija Svizzera SR Technics hijiex se tibni l-hangar il-ġdid ippjanat f’Ħal Safi jew inkella biddlitx il-pjan tagħha biex tibqa' topera biss mill-hangar li għandha bħalissa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22588.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, — nies jirreġistraw taħt it-tielet parti
Question
Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni ta' kemm hemm gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol taħt it-tielet parti tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, sabiex ikollna stampa sħiħa ta’ kemm hemm gradwati li qegħdin ifittxu xogħol aħjar? Dan fid-dawl ta’ diversi rapporti li ħafna gradwati qegħdin bħalissa jagħmlu xogħol ferm aktar inferjuri għall-kwalifiki tagħhom.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-aħħar ta’ Novembru 2010 kien hemm 167 persuna li huma gradwati li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol taħt it-tielet parti tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Qegħdin jaħdmu imma qed ifittxu xogħol differenti.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern qattx ikkunsidra l-possibilità li jibda jistalla solar water heaters fil-housing estates tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar implementat żewġ proġetti pilota f”Birkirkara u Pembroke li fihom twaħħlu 90 solar water heater. Barra minn hekk hija l-prassi tal-Awtorità tad-Djar li tipprovdi pjanta li tindika l-pożizzjoni ideali għat-twaħħil ta’ solar water heater fil-binjiet il-ġodda tagħha.
Public Broadcasting Services — rwol ta' konsulenza
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-individwi kollha li kellhom rwol ta' konsulenza mal-Public Broadcasting Services f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'kien ir-rwol tagħhom? Kemm qala' kull wieħed minnhom? X'kien it-tul u t-termini ta' kull kuntratt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21781 u ċioe: Billi minkejja li ftit ilu kien sar tindif ta' Wied il-Għomor faċċata ta’ Ugo Carbonaro Str., San Ġwann, xorta waħda għad hemm ħafna tankijiet taż-żejt imsaddin flimkien ma' skart ieħor goff, jista' l-Prim Ministru jara li ssir tindifa oħra mill-ġdid u idealment fuq bażi regolari, għalkemm napprezza li dan jiddependi ukoll fuq il-koperazzjoni tal-pubbliku in ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li dipartimenti kkonċernati se jitolbu lil min hu resposabbli sabiex issir it-tindif meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jinvestiga rapporti li għadhom kif wasluli li l-mediċina Temazepam 10mg hija mill-ġdid out of stock mill-Parmacies of Your Own Choice, miċ-Ċentri tas-Saħħa u anki mill-ispizerija tal-Isptar Mater Dei filwaqt li mediċina simili ma tinbiegħx mill-ispiżeriji nfushom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Id-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) ilu li ordna din il-mediċina mis-16 ta’ Lulju 2010, mingħand ‘wholesaler dealer’ Ingliż (il-kuntrattur preżenti). Madankollu dan il-kuntrattur ma setax jissuplixxi dan il-prodott peress illi kien hemm problema ta’ manifattura mingħand il-manifattur. Skont l-aħħar informazjoni li għandna mingħand dan is-supplier l-stokk ġdid mistenni f’Jannar tal-2011. Ta’ min wieħed isemmi ukoll li peress li din hija mediċina kkontrollata, minħabba liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni, il-proċess ta’ mportazzjoni jieħu aktar fit-tul. Sadanittant saru diversi attentati biex din il-medicina tiġi mixtrija mingħand sorsi alternattivi pero s’issa għadu ma nstabx sors alternattiv. L-aħħar darba li din il-mediċina nxtrat b’kuntratt mingħand supplier Malti kien fl-2010. Madankollu wara diversi sejħiet għal-kwotazzjonijiet is-servizzi ta’ Procurement tal-Gvern baqa’ ma rċeviex kwotazzjonijiet mingħand suppliers Maltin.
Fid-dawl tar-rapport tal-European Environmental Agency dwar emissjonijiet, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk Malta laħqitx it-targets tagħha għal NOx u SO2? Jekk le, ma taħsibx li jekk ma nilħqux il-miri tagħna rigward sulphur dioxide emissions dan għandu jitqies bħala wieħed inkwetanti ġaladarba ilna li qlibna għal-low sulphur fuel aktar minn sitt snin ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha il-MEP A jidher li s-"ceiling" għad-dijossidu tal-kubrit mhux ser jinqabeż filwaqt illi l-ammont totali ta' ossidi tal-ażotu ser jaqbżu ic-ceiling mogħti lill-Malta skond Direttiva 2001/ 81 /EC .
Jirriżulta li r-rapport li qed jirreferi għalih l-onorevoli interpellant huwa bbażat fuq "projections" li l-MEPA stess għaddiet lill-European Environment Agency abbażi ta l-informazzjoni li kellha f'idejha dak iz-żmien. Id-data li fuqha kienu ibbażati l-"projections"
kellha bżonn ta korrezzjoni fis-settur ta emissjonijiet minn "non-road mobile machinery" li irriżulta f'overestimate tal-emissjonijiet totali.
Dawn il-figuri ġew riveduti u korretti mill-MEPA u il-Kummissjoni Ewropeja ġiet infurmata b'dan il-bzonn ta korrezzjoni.
Strategic Environmental Assessment — pjan nazzjonali dwar l-enerġija
Question
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se jiġi finalizzat u ppubblikat il-pjan nazzjonali dwar l-enerġija? L-iStrategic Environmental Assessment li kellu jitlesta sa Novembru tlesta? Jekk iva, jista' jiġi ppubblikat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika ma’ stakeholders identifikati dwar l-SEA li hu marbut mal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni hu ta’ għaxar ġimgħat u jintemm fl-24 ta’ Frar 2011. Ir-Rapport Ambjentali mbagħad ikun aġġornat bil-kontribuzzjonijiet li jkunu daħlu minn naħa tal-istakeholders biex ikun pubblikat ir-rapport finali li jrid jinħareġ għall-konsultazzjoni f’Mejju. Il-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika hu ta’ tmien ġimgħat. Fi tmiem din il-konsultazzjoni jkun jista’ jiġi ppubblikat il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija li jinkorpora fih ukoll il-kontribuzzjonijiet u/jew kummenti li jkunu saru mill-membri tal-pubbliku. Il-pjan hu li dan ix-xogħol kollu jkun tlesta sa Settembru tal-2011.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jinsabx f'qagħda li jistabbilixxi kif se jiġi trasportat l-iskart tossiku mill-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Kemm se jiġi jiswa dan it-trasport fis-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-power station mhux se tiġġenera skart tossiku.
International Institute for Sustainable Development — Rapport tal-Bio fuels
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Malta ma ssottomettiet l-ebda statistika dwar bio fuels meta tħejja rapport mill-International Institute for Sustainable Development dwar Government Support for Biodiesel in the European Union - 2010 Update?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi qatt ma kienet ikkuntattjata mill-Istitut Internazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli biex tagħti informazzjoni biex tiddaħħal fir-rapport imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jistax jgħarraf lill-Kamra dwar il-qagħda attwali tal-esplorazzjoni taż-żejt minn pajjiżna speċjalment fid-dawl ta’ diversi rapporti li ma ġewx miċħuda li għadd ta’ pajjiżi ġirien ressqu claims ta' gurisdizzjoni f’żoni fejn Malta tixtieq tħaffer għaż-żejt? Kif jorbot dan kollu ma' dak li ngħatajna x’nifhmu ftit snin ilu mill-gvern innifsu li ċerti liċenzji għat-tħaffir taż-żejt kienu ngħataw f’ibħra Maltin li kienu undisputed kif ukoll lil hinn minn hekk imsejħa unresolved border areas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-liċenzja ta’ Heritage Oil hi f’żona li fiha hemm interessi ta’ pajjiżi ġara. Din mhux xi ħaġa riċenti għax l-interessi tal-pajjiżi ġara huma l-istess li kienu reġistrati fi żmien il-każ tal-ICJ kontra l-Libja mill-Gvern Malti. Saru diversi laqgħat mal-pajjiżi ġara fuq dan is-suġġett iżda s'issa għadu ma ntlaħaq ebda ftehim konklużżiv. Il-kuntratt ma’ Heritage Oil għandu diversi kundizzjonijiet biex jissalvagwardaw l-interessi tal-Gvern Malti fi kwalunkwe ċirkostanza.
Billi diversi media qegħdin jikkwotaw sorsi qrib l-Korporazzjoni Enemalta li jirriferu għall-crude oil prices, jista' l-Ministru jgħid kif jista' wieħed jirrikonċilja dan mal-fatt li effettivament l-Enemalta tixtri fuel oil, u anke f'każi fejn jista' jirriżulta li tkun qed tixtrih crude u ġġibu raffinat, xorta waħda jkun hemm refining fee x'jiġi factored in?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta tixtri kif irrefera l-Onorevoli Interpellant, Fuel Oil u anke Gas Oil biex jiġi maħruq għal ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan il-Fuel jinxtara dirett u għaldaqstant f’dan il-proċess l-element ta’ Crude ma jidħolx. Il-Korporazzjoni Enemalta tirreferi għal Crude għar-rigward ta’ hedging. Il-policy tal-korporazzjoni hija li tagħmel hedge ta’ Crude Oil għaliex din hija l-aktar hedge li hija likwida fis-suq. Tajjeb li wieħed jikklarifika li l-Korporazzjoni Enemalta tista’ tieħu crack ta’ fuel oil fuq l-istess crude li effetivament ifisser li tkun ħadet pożizzjoni diretta fuq il-fuel oil.
Jista' l-Ministru jgħid fl-istudju tiegħu dwar sourcing ta' enerġija mill-interconnectoril-Gvern qed jieħu konsiderazzjoni tal-fatt:
(i)Sqallija tant għandhom power outages li l-Unjoni Ewropea saħansitra qablet li tagħtihom inċentivi fiskali għall-konsumaturi l-kbar li jista' jkollhom emergency generation capability problems, bħala sussidju mingħajr ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea jekk jaqblu li jiġu disconnected fl-eventwalita' ta' power shortages?
(ii) Billi ħafna drab il-media lokali tikkwota skond għejun tal-Enemalta stess b'kemm Franza qed tbiegħ l-elettriku lill-Korsika li magħha dejjem kellha relazzjonijiet mill-qrib, għaliex qatt ma jiġu kkwotati l-prezzijiet li bihom jinbiegħ l-elettriku lill-pajjiżi terzi minn Franza bħar-Renju Unit?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni miġbura minn Terna, l-Operatur tat-Trasmissjoni Taljana, l-outages imsemmijin ta’ Sqallija huma fuq il-110kV u 11kV tas-sistemi tad-distribuzzjoni u mhux fuq il-220kV tat-trasmissjoni fejn huwa ntenzjonat li jaqbad l-interconnector. Korsika, li hija gżira fit-territorju Franċiż tixtri l-elettriku mill-Italja minn ġo Sardenja barra minn ġenerazzjoni lokali. Barra minn hekk, il-bejgħ tal-elettriku li jinkludi dak minn Franza għal pajjiżi oħra huma suġġetti għal arranġamenti kummerċjali, li mhux kollha huma pubbliċi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għandux ħjiel ta' kemm ser tkun f'mod approssimattiv l-ispiża tat-transmission tal-enerġija permezz tal-interconnector mill-Italja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi huwa mistenni li l-ispiża tat-transmissjoni tal-elettriku tal-interconnector mill-Italja hija madwar €25/MWh u din se tinkludi l-ispejjeż tal-operat u tal-ROCE.
Korporazzjoni Enemalta — ilmenti rigward kwalità ta' diesel
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar jiem il-Korporazzjoni Enemalta daħlulhiex xi ilmenti dwar il-kwalità tad-diesel li ngħata minn ċerti pompi tal-petrol? Jekk iva, kemm?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi huwa kkonfermat li f’dawn l-aħħar jiem daħlu għand l-Enemalta xi lmenti dwar il-kwalità tad-diesel imqassam minn xi stations. Peress li l-istations jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi, min għamel l-ilment intalab sabiex jgħamel l-ilment tiegħu ma' din l-awtorità.
Jista' l-Ministru jgħid l-inċineratur tal-Marsa f’liema data ġie uffiċjalment dikjarat fully commissioned?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-impjant ġie fully commissioned u ċċertifikat f’Jannar tal-2010. Il-WasteServ kellha xi riżervi fuq il-performance partikularment fl-apparat li jitratta s-solvents u ġibdet il-performance guarantee tal-upgrade, ġaladarba din il-parti tal-apparat kienet parti mill-upgrade li saret fuq id-disinn oriġinali.