Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni Enemalta — użu ta' methyl mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta fadlilhiex ħażna ta' kimika magħrufa bħala methyl mercaptan? Il-Korporazzjoni qatt għamlet użu minn din il-kimika fil-passat? X'kien l-użu tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23431.

aċċess biex residenti f'Ta' Xbiex imorru l-Isptar Mater Dei bit-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li residenti ta’ Ta’ Xbiex li jkunu jridu jmorru jżuru l-qraba tagħhom l-Isptar Mater Dei biex jaqbdu t-trasport pubbliku jkollhom imorru jew il-Gżira kważi qrib Manoel Island ħdejn l-ex Whimpey jew inkella qrib Johnson’s Stores, Triq il-Wied, l-Imsida u dan b’inkonvenjent kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li ebda servizz tat-trasport pubbliku ma jista jiggarantixxi servizz dirett minn kullimkien għal kullimkien, ninsab infurmat li s-sitwazzjoni partikolari li qed jirreferi għaliha se tiġi indirizzata fis-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku.

Enemalta — ħaddiema bi qualification allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bi skala 7 jew iktar 'il fuq li qegħdin jieħdu l-qualification allowance fil-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta għandha 24 impjegat bi skala 7 jew iktar ‘il fuq li qiegħdin jieħdu l-qualification allowance.

investiment għall-produzzjoni tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jindika f’liema qasam tal-enerġija nadifa kien il-proġett prospettiv li rrefera għalih il-Kummissarju Ewropew is-Sur J.Dalli riċentement fuq One TV meta qal li kien hemm consortium li kien lest li jinvesti madwar $1 biljun fil-produzzjoni tal-enerġija f’pajjiżna li jista' jwassal biex iraħħas il-piż tal-konsum tad-dawl fuq il-konsumaturi b’medja ta’ 30-40%? X’kienet ir-raguni li, dejjem skont l-istess Kummissarju Ewropew, il-proposta tidher li waqgħet fuq widnejn torox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma llill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi tirċievi numru ta’ proposti minn investituri differenti. Il-gvern janalizza kull proposta li ssirlu għall-enerġija alternattiva jew għal sorsi oħra mnejn jiġġenera l-electriku u, darba jkollu d-dokumentazzjoni sodisfaċenti, jieħu l-passi li jkun hemm bżonn.
Leg 11 PQ #23991 Sitting 322 2011-03-07 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Kummissjoni Ewropea - każ tad-Dwejra

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23213 u jgħid meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar saritilha t-talba għat-tagħrif sħiħ dwar il-każ tad-Dwejra mill-Kummissjoni Ewropea? Sakemm żmien kellu jingħata dan it-tagħrif? X’inhi r-raguni li skont rapporti f’ġurnali indipendenti kelliem tal-kummissjoni ilmenta li dan it-tagħrif kien għadu s’issa ma wasalx Brussels kif u meta mitlub? Kemm-il ittra rċeviet l-awtorità dwar l-obbligi tagħha mill-Kummissjoni Ewropea? Billi l-Unjoni Ewropea ġiet rappurtata li qed tinsisti li bħala sit Natura 2000 id-Dwejra għandha tkun koperta minn management plan jista' jgħid l-Unjoni Ewropea hijiex taċċetta l-argument ripetut tal-awtorità nnifisha li għandha sas-sena 2014 biex pjan bħal dan jibda jitħaddem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Enemalta — Redundencies

Question

Billi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22707 ma kienx hemm ċaħda jew konferma dwar allegazzjoni ta' redundancies mill-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jwieġeb fin-negattiv jew fl-affermattiv?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa ġiet imwieġba il-mistoqsija parlamentari 22707, iċ-Chief Human Resources Officer, waqt il-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2011, spjega li jista’ jagħti l-każ li jkun hemm bżonn li jingħalqu xi sezzjonijiet tal-korporazzjoni u għalhekk l-impjegati jkollhom jiġu trasferiti minn dipartiment għall-ieħor.

Enemalta — Xiri ta' żejt

Question

Meta l-Korporazzjoni Enemalta ġiet għax-xiri taż-żejt fis-snin 2008 - 2010 u anke fil-preżent jista' l-Ministru jgħid: a) x'inhu s- supplier selection process; b) min jieħu d-deċiżjoni finali; ċ) għażliet simili għall-approvazzjoni ta' min jkunu suġġetti; d) jkun hemm konsultazzjoni mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi f'xi stadju jew ieħor; e) l-Korporazzjoni Enemalta dejjem tuża l-istess surveryors/survery organisation biex tivverifika u tikkwantifika il-cargo involut; f) l-Korporazzjoni Enemalta tagħmel spezzjonijiet hi stess fit-tankijiet tagħha, indipendentement mis-survey reports kkonċernati; g) fid-dawl taż-żieda fl-attività tal-Malta International Airport kif wieħed jispjega l-fatt li l-importazzjoni ta' Jet A1 tidher relattivament baxxa mit-tweġiba li ngħatat dwar xiri mingħand Total sakemm dan ix-xiri mhuwiex isir mingħand xi kumpanija/i oħrajn ukoll? Jekk iva, mingħand min? ġ) billi dan l-aħħar kien hemm rapporti fil-media li l-Air Malta kienet qed tiġi fuelled fil-Libja biex tgawdi minn price advantages jista' jelabora aktar dwar dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-għażla tas-supplier taż-żejt mill-Enemalta jsir minn Kumitat apposta – l-Fuel Procurement Committee - wara sejħa għall-offerti. Il-Fuel Procurement Committee jiftaħ l-offerti mitfugħa, li jiġu evalwati biex tinstab l-irħas offerta li taqbel ma’ dak li kien mitlub fit-tender. Id-deċiżjoni finali dwar l-aħjar offerta tittieħed mill-Fuel Procurement Committee wara li jkun evalwa l-aspetti kollha tal-offerti, inkluż il-prezz, waqt in-negozjati li jsiru waqt il-Fuel Procurement meeting. Il-Korporazzjoni Enemalta tikkonsulta mal-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi dwar xi tibdil fil-kwalità taż-żejt antiċipat minn din l-Awtorità li jidħol waqt il-ħajja ta’ dak it- tender . Din il-konsultazzjoni issir fl-istadju tat-tħejjija għat- tender . Is- surveyors mqabbda biex jivverifikaw il-kwalità u kwantità tal-cargo mwassal Malta isir wara qbil bejn is- Supplier u l-Enemalta. F’dan il-perjodu l-qbil kien fuq l-istess s urveyors . Peress li fl-2010 kien hemm żieda fin-numru tal-kumpaniji li jistgħu jipprovdu dan is-servizz lokalment, l-Enemalta ħejjiet abbozz ta’ tender għal dawn is-servizzi, liema tender ser joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Korporazzjoni Enemalta tagħmel spezzjonijiet fit-tankijiet tagħha indipendentement mis- Surveyors u dawn isiru wkoll fil-preżenza tal-uffiċjali tad-Dwana. Dan isir sabiex l-Enemalta tkun tista’ tivverifika l-ammont ta’ żejt li tirċievi, u tkun b’hekk tista’ tagħmel claim lill- insurance jekk jirriżulta li tkun irċiviet inqas minn ċertu ammont. Id-Dwana tidħol sabiex ikollha stampa ċara ta’ kull importazzjoni ta’ żejt f’Malta. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xiri tal-Jet f’dan il-perjodu (2008-2010) ma sarx biss mingħand TOTAL imma wkoll mingħand Litasco u BB Energy. Fir-rigward ta’ l-aħħar parti tad-domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li mhuwiex prudenti li nirrispondi din id-domanda minħabba raġunament kummerċjalment sensittivi.
Leg 11 PQ #23803 Sitting 321 2011-03-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati li għalqu l-età tal-irtirar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23119, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li għalqu l-età tal-irtirar u qed jaħdmu fuq bażi ta' kuntratt definit, kumpanija kumpanija u dipartiment dipartiment fis-settur pubbliku u fis-servizz pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23119, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru tal-impjegati li għalqu l-eta tal-irtirar u qed jaħdmu fuq bażi ta’ kuntratt defenit fl-Amministrazzjoni Pubblika, maqsum skont id-dipartiment jew il-kumpanija li jaħdmu fiha.

Green House Gas Emission allowance Trading Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi pjanijiet dwar Green House Gas Emission Allowance Trading Scheme taħt l-EU ETS?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi L-Emissions Allowance Trading Scheme Ewropeja tippermetti fabbriki u impjanti ta’ l-enerġija li jirċievu ‘l hekk imsejħa “emission allowances” (jew permessi għall-emissjonijiet) illi jkunu jistgħu ibiegħu u jixtru mingħand xulxin skond il-bżonn. Il-bejgħ bl-irkant ta’ dawn l-permessi kienu illimitati matul l-ewwel u t-tieni perjodi ta’ kummerċ. Fit-tielet perjodu li jibda’ fl-2013, nofs l-permessi huma mistennija jiġu irkantati fuq livell Ewropew. Malta bi ħsiebha tieħu sehem f’dawn l-irkanti billi se tipparteċipa fi pjattaforma komuni Ewropeja illi se tieħu ħsieb it-tmexxija ta’ l-irkant ta’ dawn l-allowances.

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — third energy package

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kif it-third energy package mistenni jsaħħaħ b'mod effettiv il-poteri tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Third Energy Package, li huwa dokument pubbliku, jesiġi t-tisħiħ tal-awtorità regolatorja nazzjonali, li fil-każ ta' Malta hija l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi. Dan it-tisħiħ jikkonċerna l-aktar l-operat tal-Awtorità Regolatorja, inkluż il-proċess li bih jittieħdu deċizzjonijiet, kif ukoll il-mod li bih jiġi appuntat il-bord.

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — New Electricity Directive

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li b'mod konformi man-New Electricity Directive u n-New Gas Directirve, l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi tibda terfa' r-responsabilitajiet tagħha dwar il-konsumaturi b'mod distint mill-Consumers and Competition Division tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direttivi mkien ma jesiġu li dawn il-kompetenzi għandhom ikunu tal-awtorità regolatorja, kif inferit mill-Onorevoli Interpellant. Għall-kuntrarju, id-Direttivi jispeċifikaw li “il-punti ta’ kuntatt jistgħu jkunu parti minn punti ta’ informazzjoni ġenerali għall-konsumatur” kif ukoll tikkontempla "mekkaniżmi indipendenti” bħal “entità tal-konsumatur”.

intelligent traffic management system

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-intelligent traffic management system fil-qasam tat-trasport ġietx implimentata sabiex isir moniteraġġ tal-main road traffic kif ukoll biex inaqqas it-traffic congestion?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett in kwistjoni għadu mhux implimentat għalkemm tlestew l-ippjanar u d-disinn infrastrutturali tiegħu. Jien infurmat ukoll li se ssir applikazzjoni għall-fondi Ewropej għal dan il-proġett.
Leg 11 PQ #23692 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett tal-White Rocks

Question

Billi xhur ilu l-Prim Ministru kien ħabbar li se jagħti id-dettalji kollha dwar il-proġett tal-White Rocks, jista' jgħid fiex wasal dan il-proġett? Jista' jikkonferma l-ismijiet tad-ditti, konsulenti, periti, avukati, nies tekniċi, consortia eċċ. involuti, kemm Maltin kif ukoll barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 21644.
Leg 11 PQ #23693 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Eco-Għawdex

Question

Tista l-Ministru tagħti data indikattiva meta ser jigi ppubblikat il-pjan sħiħ dwar Eco-Għawdex aktar u aktar billi dan ilu jigi mwiegħed minn Novembru 2009?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan t'Azzjoni għal Eko-Għawdex għas-snin 2010-2012 li ġie ppublikat u mqassam nhar id-9 ta' Novembru 2009 flimkien mad-diskors tal-Baġit 2010, jinkludi 80 rakkomandazzjoni li ntagħżlu minn fost dawk kollha miġbura waqt il-konsultazzjoni pubblika wara li ġew ukoll analizzati minn grupp ta' esperti. Għaldaqstant għadu għaddej xogħol biex il-kumplament tar-rakkmandazzjonijiet validi li nġabru fl-eżerċizzju ta' konsultazzjoni jiġu ppubblikati f'dokument ieħor li jħares lejn il-proġett Eko-Għawdex iktar fit-tul. Filwaqt li fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex qed jagħti prijorità lit-twettiq tat-80 miżura inklużi fil-Pjan t'Azzjoni 2010-2012 hu ppjanat li dan id-dokument jiġi ppublikat qabel jagħlaq il-perjodu kopert mill-Pjan t'Azzjoni għal Eko-Għawdex imsemmi hawn fuq.
Leg 11 PQ #23736 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — kwestjoni fuq it-triq ta' Ħondoq ir-Rummien

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23014 u jikkonferma rapporti li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed taħdem fuq proposti biex bl-iskuża li tiġi abbandunata l-Marina ta’ Ħondoq ir-Rummien titwitta t-triq biex jiġu approvati l-appartamenti kif oriġinarjament kien maħsub mill-promoturi tal-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' ta’ Malta dwar L-Ambjent u l-Ippjanar m'għandha l-ebda informazzjoni li l-proposta qed tinbidel u qed tiġi mneħħija l-marina.
Leg 11 PQ #23737 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Belt Valletta — sit għall-bejgħ bħala mega projects

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema proprjetajiet tal-gvern ġew identifikati bħala siti għall-bejgħ bħala mezz ta' finanzjament għal mega projects kontemplati fil-Belt b’mod li allegatament ma jmurx kontra l-kriterji ta’ Maastricht? Dan ifisser li l-fond oriġinarjament propost fil-budget tas-sena li għaddiet ġie abbandunat fil-prinċipju? Tikkonferma li dawn jinkludu, fost oħrajn, il-Pixkerija u l-Isptar Sir Paul Boffa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi saeduta oħra.

kontroll fuq landfills

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sistema hemm imħaddma bħalissa biex tikkontrolla l-landfill leachate jew gases?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sistemi sabiex jiġu ikkontrollati l-leachate u l-gassijiet fl-engineered landfills huwa żewġ sistemi differenti. Nitlob għaldaqstant lill-Onorevoli interpellant jiċċara liema informazzjoni jixtieq.
Leg 11 PQ #23799 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marine Strategy Framework Directive

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23208 u ċioe: Billi Malta kienet obbligata li tikkonferma lill-Unjoni Ewropea li kienet għamlet it-traspożizzjoni tal-Marine Strategy Framework Directive sa nofs Lulju li għadda u sal-lum jidher li għadha ma għamlitx dan, jista' l-Prim Ministru jagħti data indikattiva meta mistenni jsir dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

‘Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-traspożizzjoni tal-Marine Strategy Framework Directive tlestiet u ġiet approvata. Ir-Regolamenti ser jiġu pubblikati fil-jiem li ġejjin iżda mhux iżjed tard minn nofs dan ix-xahar. Il-Kummissjoni Ewropea għanda tkun informata dwar din t-traspożizzjoni skont il-proċedura stabilità.
Leg 11 PQ #23686 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — żviluppi fuq ir-roundabout tal-Kappara

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-proġett tar-roundabout tal-Kappara min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fl-ipproċessar ta' l-applikazzjoni bin-numru PA4917/09 l-awtorità qed tistenna sottomisjonijiet mingħand l-applikant (l-Awtorità Dwar it-Trasport). Dawn is-sottomissjonijiet prinċiparjament jikkonsistu fl-Environment Impact Assessment li għandu jikkonsidra ukoll alternattivi li se jiġu proposti mill-applikant. Hemm ukoll xi dettalji tekniċi u oħrajn relatati mad-disinn li intalbu mingħand l-applikant.