Legislature:
Category:
Reset
Active:

animal by product waste and clinical waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hija l-awtorità kompetenti uffiċjali sabiex tirregola l-animal by product waste and clinical waste?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtorità kompetenti uffiċċjali li tirregola animal by-product huwa d-Dipartiment tar-Regolazzjoni tal-Biedja u s-Sajd
Leg 11 PQ #24733 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fortizza ta' Binġemma

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min qed jokkupa l-Fortizza ta' Binġemma bħalissa kif ukoll jekk il-kirja skadietx jew ġietx imġedda? Isir liaison ma' Heritage Malta dwar iż-żamma ta’ dawn it-tip ta’ siti storiċi? X’kundizzjonijiet isiru lil min ikun jokkupa siti simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kirja tal-Fortizza ta' Binġemma ma ġietx imġedda wara 8 t'Ottubru 2009. Madanakollu, l-persuna li kien rikonoxxut f'din il-kirja, baqa' jokkupa din il-fortizza u qiegħed jiddepożita l-ħlas tal-kera fil-Qorti, peress li l-istess persuna qiegħdha tokkupa parti minn din il-forti bħala residenza ordinarja tagħha. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li din il-proprjeta' li għandha valur storiku, tittieħed lura f'idejn il-Gvern. Għal dawn l-aħħar sentejn ilhom għaddejjin diskussjonijiet sabiex jintlaħaq ftehim bonarju mal-persuna li tokkupa din il-forti sabiex il-parti li bħalissa qed tintuża bħala residenza tinfired mil-bqija tal-Forti u l-kumplament tal-Fortizza tittieħed lura mill-Gvern. Fil-fatt, id-Dipartiment tal-Proprjeta' tal-Gvern applika mall-MEPA f'Ottubru tal-2010 sabiex jibni boundary fence biex tinqatgħa l-parti użata bħala residenza għaliha. Madanakollu, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ma’ qablitx ma’ din il-proposta minħabba l-fatt li trid tiġi skavata rampa biex jinħoloq aċċess. Id-Direttur Ġenerali flimkien mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għal darbtejn konsekuttivi kienu impediti milli jkollhom aċċess għal-Forti illi l-entratura tagħha hija mbarrata bi grada tal-ħadid u mgħassa b’numru ta’ klieb u dan wara li l-inkwilini kienu mgħarrfa minn jiem qabel b’dan l-appuntament. F’okkazjoni oħra saħansitra anke s-Segretaru Parlamentari għall-Erarji Pubblici u Artijiet flimkien mad-Direttur Ġenerali zaru il-post u ippruvaw illi jifthilhom xi hadd imma kien kollu ta’ xejn. Fiċ-ċirkustanzi, d-Dipartiment għadu qed jittama f’soluzzjoni bonarja, u permess tal-intervent mill-ġdid ta’ l-avukat u l-perit tal-inkwilin, fl-aħħar ikollu aċċess għal forti biex flimkien mas - Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali jistabbilixxu aċċess xieraq għall-pubbliku. Għaldaqstant, jekk ser jibqa’ ikun hemm din ir-reżistenza min naħa tal-inkwilin u fid-dawl illi l-anqas il-perit ta’ l-individwu koncernat mhu qed iwiegeb ghad-diversi tentattivi tad-dipartiment sabiex jinfetah il-post, id-Dipartiment mhux ser ikollu triq oħra ħlief li jieħu passi ulterjuri. Dwar l-aħħar parti ta’ din id-domanda, preżentament il-prassi hija li qabel ma jsir trasferiment ta’ siti storiċi, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, jitlob il-kummenti tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u jistaqsi wkoll għal xi kundizzjonijiet speċjali li jkunu jridu jdaħħlu fil-kundizzjonijiet tal-kirja.

United Nations Sanctions Committee — kumpaniji reġistrati Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid din is-sena s’issa kemm ġew rapportati kumpaniji reġistrati Malta lil United Nations Sanctions Committee għall-investigazzjoni? Jista' jagħti lista dettaljata dwarhom kif ukoll ta’ liema sanzjonijiet speċifiċi kienu qegħdin allegatament jiksru?

Response (BORG, TONIO)

S'issa matul l-2011 ma kienet irrappurtata l-ebda kumpanija reġistrata f'Malta lill-Kumitat dwar is-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda fuq ksur ta' xi sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda. Madankollu, fil-25 ta' Marzu 2011, Malta, konformi mal-provvedimenti tar-riżoluzzjonijiet 1970 (2011) u 1973 (2011) adottati mill Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda fuq il-Libja, u permezz tar-rappreżentant Permanenti tagħha għall-Ġnus Magħquda, ġabet għall-attenzjoni tal-Kumitat dwar is-Sanzjonijiet, li vapur li jtajjar il-bandiera Maltija li kien qed ibaħħar lejn il-Libja mill-Greċja b'tagħbija ta' fuel ma tħallix ikompli bil-vjaġġ tiegħu lejn il-Libja u ntalab jirritorna lejn il-Greċja.

uffiċjali tal-Gvern Libjan — talba biex jiġu jew jieqfu Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid il-Gvern Malti f’dawn l-aħħar jiem kellux xi talbiet mingħand membri u/jew uffiċjali tal-Gvern Libjan biex jiġu jew jieqfu Malta? Jekk iva, jista' jelabora dwar dan? X’kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern Libjan talab biex jiġu żewġ uffiċjali f'dawn l-aħħar ġimgħat. L-uffiċjali kkonċernati kienu s-Sotto Segretarju għall-Koperazzjoni Internazzjonali Mohamed Tahir Siala u d-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Abdelati Al-Obeidi. Il-Gvern Malti laqa' dawn it-talbiet u dawn l-uffiċjali kellhom laqgħat f'Malta nhar id-9 ta' Marzu u l-4 ta' April rispettivament. Kien hemm talba waħda mil-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin Abdulati Alobeidi sabiex iwassal messaġġ mill-Gvern Libjan
Leg 11 PQ #25002 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Freedom of Informaiton Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Gvern Malti milli jġib fis-seħħ il-leġislazzjoni sħiħa tal-Freedom of Information Act li kellha tiġi attwata minn tmiem Awwissu li għadda?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bħal ma jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni dwar Freedom of Information kienet wegħda elettorali li effettivament twettqet mill-Amministrazzjoni meta għaddiet il-Liġi dwar l-Att dwar il-Liberta' tal-Informazzjoni madwar sentejn ilu. Bħalissa għaddej il-proċess amministrattiv biex l-istituzzjonijiet kollha fis-Settur Pubbliku jiġu attrezzati kif jixraq biex ikunu jistgħu jimplimentaw il-provvedimenti ta’ din il-Liġi bl-aktar mod effettiv. Dan hu eżerċizju twil u kumpless li jirrikjedi taħriġ intensiv lil numru kbir ta’ uffiċjali kif ukoll investiment f’sistemi ta’ informatika biex jiffaċilitaw il-proċess u jassiguraw implimentazzjoni uniformi għas-sodisfazzjon tal-pubbliku in ġenerali.

MRA — tilwina industrijali bejn l-Enemalta u Trade Unions

Question

Irrispettivament mit-tilwima industrijali li teżisti bejn il-Korporazzjoni Enemalta u trade union ewlenija, jista' l-Ministru jgħid x’inhi il-pożizzjoni tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi dwar id-dewmien fl-istallazzjoni tal-export meters fir-residenzi ta' dawk li nvestew f’sistemi fotovoltajiċi parzjalment sponsorjati mill-gvern, aktar u aktar billi diġà jeżisti ftehim bejn il-konsumaturi li stallaw is-sistemi fotovoltajiċi u l-Korporazzjoni Enemalta li aċċettat li tixtri l-enerġija li jipproduċu? F’ċirkustanzi bħal dawn il-Korporazzjoni Enemalta ma tistax unilateralment tabdika mill-obbligi tagħha quddiem dan il-kuntratt? Jekk il-Korporazzjoni Enemalta qed tgħid li mhuwiex taħt il-kontroll tagħha li tħallas kumpens, l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi bħala regolatur kif se tiżgura li kumpens simili se jitħallas u/jew jiġi onorat? Jekk ma tħallasx il-Korporazzjoni Enemalta dan ma jkunx ifisser li se jkollhom jagħmlu tajjeb minflok il-kiljenti l-oħra tal-Korporazzjoni Enemalta nnifisha permezz ta' xi żidiet fit-tariffi? Ma taħsibx l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi li fil-każ ta' dawk li huma diġà connected mal-grid, il-Korporazzjoni aktar milli tħallas kumpens tkun qed tħallas għall-enerġija li qed tirċievi? L-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi x’passi konkreti se tieħu dwar dan kollu, speċjalment meta b’żieda ma' dan l-inkonvenjent tħallew jgħaddu xi tmien xhur sħaħ sakemm ħarġet il-feed in tariff u issa li dawn il-familji stallaw is-sistemi tagħhom fotovoltajiċi jridu jistennew aktar żmien sakemm jitwaħħal il-meter u jibdew jirċievu l-flejjes dovuti lilhom mill-għotja tal-gvern? Kemm jitla' l-kalkolu tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi dwar electricity generation mitlufa meta wieħed iqis il-feed in tariff kif ukoll l-għadd ta' applikanti għas-sistemi fotovoltajiċi? Meta mistennija l-Korporazzjoni Enemalta tiġi ordnata toħroġ ir-refunds konċernati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Direttiva dwar enerġija rinovabbli

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data meta d-direttiva dwar enerġija rinovabbli saret parti mil-leġislazzjoni nazzjonali? Dan sar qabel id-data stipulata tal-5 ta' Diċembru 2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant li d-Direttiva imsemmija kienet trasposta f’fażijiet, permezz tal-Avviż Legali 538 tal-2010, Avviż Legali 553 tal-2010 u l-Avviż Legali 126 tal-2011 rispettivament. L-Avviż Legali 68 ta’ l-2011 daħħal fis-seħħ miżura obligatorja sabiex jintlaħaq l-oġġettiv nazzjonali għar-rigward l-użu ta’ biofuels fit-trasport. Huwa maħsub li iktar miżuri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva se jiġu adottati għar-rigward tas-suq tal-elettriku.

Enemalta — investigazzjoni interna fuq Chief Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx xi bord ta' inkjesta jew hux qed issir xi investigazzjoni interna ta' xi tip fuq xi Chief Officer fil-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni qabdet organizzazzjoni indipendenti biex tevalwa allegazzjonijiet li tressqu minn grupp ta’ ħaddiema fil-konfront ta’ Chief Officer.

Abbozz dwar ir-rapport dwar l-addattazzjoni tat-tibdil tal-klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kien mistenni jagħlaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni tal-abbozz dwar ir-rapport dwar l-addattazzjoni tat-tibdil tal-klima? Meta mistenni jiġi finalizzat u propost lill-Ministru għall-Affarijiet Parlamentari sabiex jiġi diskuss fil-parlament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-perjodu ta’ konsultazzjoni għalaq fl-aħħar ta’Jannar ta’ din is-sena. Ir-rapport issa qiegħed jkun revedut abbażi tal-feedback riċevut u għaldaqstant r-rapport mistenni li jkun finalizzat f’Lulju ġej.

Malta Enterprise — kumpaniji li investew fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu l-gvern jikkwantifika l-investiment totali Malti fil-Libja sal-lum ġaladarba ċ-Chairman tal-Malta Enterprise mar on record jgħid f’"Il-Mument" tas-27 ta' Marzu 2011 li ma teżisti l-ebda statistika uffiċjali, lanqas min-naħa tal-gvern, ta’ kemm dawn il-kumpaniji Maltin investew fil-Libja?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kumpaniji li jesportaw barra minn xtutna mhumiex marbutin li jinfurmaw lill-Malta Enterprise bl-inizzjattivi u l-investimenti tagħhom. Għalhekk din l-informazzjoni mhux possibbli tinkiseb sakemm in-negozji ikkonċernati ma jagħtux l-informazzjoni b’mod volontarju huma stess.

Ħaddiema Maltin fil-Libja

Question

Tista' l-Ministru tgħid b’kollox kemm huwa mifhum li kienu jaħdmu Maltin fil-Libja sakemm feġġet il-kriżi hemmekk? Kemm minnhom hu mifhum li kienu jaħdmu ma' kumpaniji b’investiment Malti, kif ukoll kemm minnhom kienu jaħdmu ma' kumpaniji totalment barranin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għajnuna mill-Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji Maltin li bbenefikaw minn miżuri speċifiċi tal-Malta Enterprise sabiex tgħin lil dawk il-kumpaniji milquta mill-kriżi fil-Libja jiffaċilitaw problemi ta’ cash flow li kienu qed jiffaċċjaw? Għal kemm kienet tammonta b'kollox din l-għajnuna s’issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise mhux qed tagħti assistenza finanzjarja diretta lill-kumpaniji milquta mis-sitwazzjoni fil-Libja. Madankollu, fejn hu possibbli, il-Malta Enterprise qeda tiffaċilita il-proċess ta’ rifużjoni jew pagamenti mingħand jew lill-gvern permezz ta’ direzzjoni lid-Dipartimenti u entitajiet konċernati.

Kumpaniji Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa mifhum li hemm kumpaniji Maltin li joperaw fil-Libja li huma kumpaniji fil-qasam tal-kostruzzjoni jew tal-infrastruttura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kumpaniji Maltin jirreġistraw l-operazzjoni tagħhom mal-MFSA, u ma tinkludix jekk l-operat isirx lokalment jew ġewwa pajjiz partikolari.

Impact Assessment tal-kriżi tal-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda u fiex wasal l-impact assessment tal-kriżi tal-Libja fuq dawk l-għadd ta’ kumpaniji li fi kliemu fit-"The Times" tal- 31 ta' Marzu, 2011 bħal Medavia li huma direttament dipendenti fuq il-Libja? Minn min qed isir dan l-eżerċizzju? B’kollox kemm hemm kumpaniji Maltin li huwa mifhum li jiddependu direttament fuq il-Libja għall-esportazzjoni tagħhom jew fil-biċċa l-kbira tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa mill-ewwel ta’ Marzu 2011, il-Malta Enterprise bdiet tiġbor informazzjoni minn individwi u negozji b’interess kummerċjali fil-Libja biex jinżamm rekord ta’ kwistjonijiet li nqalgħu minħabba din il-kriżi, u biex tkun tista tiffaċilità l-affarijiet fejn hu possibbli. Din l-inforazzjoni kienet tirrigwarda: · Il-kumpaniji Libjani ma’ min kien isir in-negozju · Kwantifikazzjoni ta’ ordnijiet pendenti jew dubjużi · Pagamenti pendenti · Numru ta’ impjegati li jistgħu jiġu affetwati · Investmenti/ stocks fil-Libja · L-impatt immedjat mistenni fuq in-negozju · Rimborżi pendent mill-Gvern ta’ Malta (eż. VAT) · Kummenti Informazzjoni dwar kemm negozji jiddependu mill-esportazzjoni lejn il-Libja hija kif muri fid-dokument li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24934 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Degree fil-Kriminologija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24656 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk se jsiru xi sejħiet , Degree fil-Kriminologija, jpoġġix l-applikant f'vantaġġ għall-pożizzjoni ta' spettur minn barra, jew inkella l-entry requirement tkunx b'Degree fil-Kriminologija kif inhu l-każ għas-sejħiet ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-paragrafu 3ċ tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta’ Marzu 2010 li jgħid: " ċ) ikollhom first degree minn Università rikonoxxuta, jew ġew approvati mill-Università għall-għotja ta’ first degree jew għandhom kwalifiki oħra xierqa, komparabbli u rikonoxxuti. Tingħata kunsiderazzjoni lil dawk il-kandidati li għandhom first degree jew kwalifiki oħra xierqa, komparabbli u rikonoxxuti f’dawn l-oqsma: Management, Accounting, Economics, Banking, Finance, Studju Legali, Xjenza, Studju Soċjali, Psikoloġija u Kriminoloġija. "

Assi Libjani ffriżati — figura indikattiva

Question

Ġaladarba l-gvern ħass li m'għandux jagħti dettalji dwar l-assi Libjani ffriżati f'Malta, jista' l-Ministru almenu jagħti figura indikattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Laqgħa mal-uffiċjali tal-Libyan Transitional Council

Question

Billi kien mifhum li l-Ministru kellu jiltaqa ma' uffiċjali tal-Libyan Transitional Council waqt li kien għall-konferenza dwar il-Libja f'Londra, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk din il-laqgħa saritx? Jekk le, għaliex jidher li nbidlu l-pjanijiet ddikjarati fil-media tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienx minnu r-rapport li deher li kienet ippjanata laqgħa ta' dan it-tip.
Leg 11 PQ #24974 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-immigranti irregolari kollha li ġew Malta sal-lum mill-Magħreb mindu feġġet il-kriżi tal-gwerra, kemm minnhom kienu b'refugee status u kemm minnhom kienu economic migrants? Ta' liema nazzjonalità kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din is-sena, s’issa kien hemm:- 55 applikazzjoni għall-ażil. 35 minnhom huma relatati mal-kriżi fil-Libya,19 mill-Eritrea, 1 mill-Iraq, 4 mill-Palestina, 10 mill-Libja, 1 mis-Sudan. Fost dawn il-35, 4 diġa’ ngħataw l-istatus ta’refuġjat, 8 ingħataw il-protezzjoni sussidjarja, u 4 kellhom it-talba rtirata għax m’għadhomx iktar interessati fil-proċess. 7 talbiet sussugwenti u 3 talbiet ta' reviżjoni tal-każ. L-ebda wieħed ma kellu relazzjoni mal-Libya. 819 il-wasla fuq tlett dgħajjes li kollha allegatament ġew mil-Libya. Minn dawn xi wħud diġa' applikaw għall-ażil, l-oħrajn għadhom fiż-żmien li jagħmlu dan. Rigward il-mistoqsija ta’ kemm minnhom għandhom status ta’ refuġat u kemm jitqiesu li m’għandhomx dritt għall-protezzjoni, it-tweġiba tkun tista' tingħata wara li jinħadem il-proċess tal-ażil.
Leg 11 PQ #24975 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Immigranti mill-Libja

Question

Billi l-komunità internazzjonali kellha tifħir kbir għall-appoġġ loġistiku li tat Malta fl-evakwazzjoni tal-eluf ta' ċittadini ta' nazzjonalitijiet varji mill-Libja wara li faqqgħet il-kriżi hemmhekk, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi konkreti ħa l-gvern Malti biex jara li dan l-apprezzament jissarraf f'solidarjetà tanġibbli ma' pajjiżna fir-rigward tal-influss ta' immigranti lejn gżiritna mill-Libja u pajjiżi oħrajn tal-Magħreb? Il-gvern huwa konxju u/jew qed jagħmel lobbying dwar il-ħtieġa ta' pjan konkret u ħolistiku min-naħa tal-komunità internazzjonali fosthom dawk li ddikjaraw no fly zone għal raġunijiet umanitarji biex tiġi mtaffija u indirizzata din il-problema għal pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ambaxxati akkreditati għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ngħataw struzzjonijiet biex iressqu l-pożizzjoni tal-Gvern Malti mal-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-preparamenti għall-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li qed issir fil-Lussemburgu bejn illum u għada.Il-Ministeru għall-Ġustizzja u Intern ukoll kien f’kuntatt mal-Kummisjoni Ewropea u ma’ diversi Ministeri tal-Intern ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bi preparazzjoni għal dan il-kunsill.Il-viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin min naħa tiegħu se jinsisti fuq ħtieġa ta’ appoġġ konkrett mill-pajjiżi membri matul il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li ser issir għada, ukoll fil-Lussemburgo.

Low carbon Strategy

Question

Billi skont newsletter tal-ENDS l-Ministru ġie rrappurtat li sejjaħ għall-roadmap speċifika for cooling in southern europe because it is more important than heating, jista' l-Ministru jikkonferma speċifikament x’kienet il-proposta Maltija li tqajmet waqt ministers-only closed lunch? Meta ġie rrappurtat li Malta se tiżviluppa il-low carbon strategy tagħha biss? Wara li tanalizza l-istrateġiji settorali kollha tal-Kummissjoni Ewropea, jista' jagħti data indikattiva sa meta mistenni jsir dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kuntrarju għal dak li kien irrappurtat fin-newsletter Ends il-pożizzjoni ta’ Malta ma kienetx li għanda ssir roadmap speċifika fuq cooling għax din l-issue hija aktar importanti mill-issue ta’heating. L-argument li għamilt waqt il-laqgħa nformali tal-Ministri tal-Ambjent kien li filwaqt huwa tajjeb li jkun hemm enfasi fuq l-issue ta’ heating u passive measures fid-djar għal dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea trid tapprezza wkoll li għal istati Membri li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-Ewropa t-talba għal elettriku tkun l-aktar għolja fis-sajf milli fix-xitwa. Għaldaqstant cooling huwa mportanti ferm ghal dawk l-istati Membri u għandha tingħata mportanza wkoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dan għidtu għax fl-opinjoni tiegħi d-dokument imqassam mill-KE jonqos milli jagħti l-importanza dovuta lil dan il-fatt. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor Interpellant li l-pajjiżi żviluppati kollha qablu li flimkien inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’aktar minn 80% fil-mija sas-sena 2050 mqabla mal-livell ta’emissjonijiet tas-sena 1990. Bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja, Malta għandha tagħti s-sehem tagħha ukoll. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li dwarha kienu qed jiddiskutu l-ministri titkellem dwar roadmap dwar kif l-UE tista’ tilħaq dan l-oġġettiv; iżda għadha biss komunikazzjoni u allura għadu prematur biex wieħed jispekula x’forma jista’ jieħu l-isforz Ewropew. Kif fissret l-istess kummissjoni meta ppubblikat ir-roadmap din għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti simili settorjali. Fl-istess ħin, biex kull pajjiż jkun jista’ jikkontribwixxi b’mod proattiv għal dan l-isforz, jkun jeħtieġlu jiżviluppa politika nazzjonali dwar dan.