Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — mmebri ingaġġati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom 'political appointment'. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala 'external' Fis-Segretarjat tiegħi, fl-aħħar xahar kien hemm persuna li ġa kienet impjegata tal-Gvern u li spiċċat mis-Segretarjat għaliex ġiet ingaġġata bħala Manager mal--MIMCOL

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Għat-tieni parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta hija fin-negattiv.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Fl-aħħar xhur / ġimgħat ebda membru tas-Segretarjat privat tiegħi ma' ġew ngaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħi, ta' ħaddieħor - sa fejn naf jien - jew xi enti li taqa' taħt il-Ministeru tiegħi.
Leg 11 PQ #37200 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li jservu fuq boards tal-gvern jew korporazzjonijiet parastatali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37025 u cioè: Wara s-sejħa li kienet saret għall-persuni interessati biex jservu fuq boards tal-gvern jew korporazzjonijiet parastatali, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intgħażlu minnhom s’issa, min huma u fuq liema boards qegħdin jservu bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li hemm 36 persuna li isimhom jidher fuq ir-reġistru u li jokkupaw karigi f’bordijiet tal-Gvern skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb niġbed l-attenzjoni li fil-mument li sar ir-reġistru, l-maġġoranza tal-bordijiet kienu diġa mwaqqfa.
Leg 11 PQ #37229 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Organizazzjoni tal-5+5

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 36972, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas min ħa ħsieb l-organisation tal-5+5 conference?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispjega x’informazzjoni jixtieq bil-frażi ‘min ħa ħsieb l-organizzazzjoni tal-5+5 conference’.

tender mabrut mal-pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender marbut mal-pannelli fotovoltajiċi fuq bjut tal-gvern u propjetajiet oħra u jekk l-aġġudikazzjoni saret, kemm hija l-feed in tariff maqbula kif ukoll jekk din il-feed in tariff hix se sservi ta' benchmark għal proġetti oħrajn simili?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Malta Government Investments — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma u jindika x’inhu l-iskop li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed iżomm laqgħat regolari ma' għadd ta' negozjanti fl-uffiċini tal-MGI – Malta Government Investments – wara l-ħin meta l-istaff ikun telaq?

Response (FENECH, TONIO)

Fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu, l-Onorevoli Leo Brincat qed jirreferi għas-Sur Alan Caruana, Chairman Eżekuttiv tal-Malta Government Investments Limited u direttur tal-MIMCOL li t-tnejn huma bbażati f’The Clock Tower, Tigne’. L-istaff imsemmija fl-istess Mistoqsija Parlamentari hu dak tal-MIMCOL. Ninsab infurmat illi l-laqgħat kollha li sejjaħ is-Sur Caruana huma ta’ natura professjonali li fihom ingħatat l-assistenza u kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ l-istaff tal-MIMCOL kif kien meħtieġ u neċessarju. Ta’ min wieħed iżid li l-MIMCOL għandha mpjegati oħra responsabbli mis-sigurta’ fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa. B’hekk, it-tip ta’ laqgħat li għalihom qed jalludi l-Onorevoli Brincat ma setgħu qatt saru.
Leg 11 PQ #37268 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Msida — Triq it-Torri - kwestjoni dwar inġenji fit-triq

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija parlamentari 26604, li ġiet indirizzata lilu rigward il-problemi li għadu qed ikollhom ir-residenti ta' Triq Xmiexi, l-Imsida fejn ħafna drabi qed isibu diffikultajiet kbar biex jidħlu jew joħorġu mit-triq tagħhom minħabba inġenji eċċ. li jkun hemm fi Triq it-Torri f’diversi ħinijiet tal-ġurnata, li ġieli jagħmluha impossibbli biex jagħmlu dan u dan peress li ħafna residenti huma mħassbin serjament li f’każ ta' emergenza anki ambulanza/ambulanzi jistgħu jiffaċċjaw problemi simili jekk jinqala' bżonn ta' emergenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nirreferi l-ilment tal-Onorevoli Interpellant lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga u jieħu dawk il-passi kollha xierqa skont il-liġi.

VAT Department — VAT inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm VAT inspectors fil-VAT Department? Dan huwa l-full compliment jew le? Kemm suppost għandu jkun hemm VAT inspectors biex dawn ilaħħqu mal-work load tagħhom? Jista' jgħid jekk il-VAT inspectors kollha humiex jagħmlu xogħol ta' VAT inspectors, jew jekk hemmx minnhom li qed jingħataw xogħol purament klerikali? Jekk dan huwa minnu kemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Sptar St. Philips — man power

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu mistenni li jeħtieġ man power biex l-Isptar St. Philips jitmexxa kif inhuwa maħsuba? Se jkun hemm bżonn xi reklutaġġ addizzjonali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-man power għall-Isptar St. Philip’s huwa l-istess bħal dak tal-Isptar Karen Grech, peress li l-istess pazjenti fis-swali, kif wkoll l-impjegati, se jiġu trasferiti għall-Isptar St. Philip’s, fl-iventwalità li l-Gvern jasal għal ftehim fuq dan l-isptar.

Foundation for Medical Services — proġett tal-Isptar St. Philips

Question

Minħabba x-xogħol li mistennija jkollha l-Foundational for Medical Services in konnessjoni ma' dan il-proġett ta' St. Philip, jista' l-Ministru jassikura lill-Kamra li dan m'huwa fl-ebda mod se jaffetwa x-xogħlijiet fuq l-Isptar tal-Onkoloġija u taċ-ċentri varji tas-saħħa f'tali mod li dawn jistgħu jaqgħu lura fl-iskedar tagħhom speċjalment billi huwa mifhum li l-Foundational for Medical Services kważi diġà qabżet il-limiti tar-riżorsi finanzjajri u umani tagħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li m’hemm l-ebda indikazzjoni li x-xogħolijiet fuq iċ-ċentru tal-Onkoloġija u fuq proġetti oħra li qiegħdha taħdem fuqhom il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ser jaqa’ lura minħabba l-Isptar St. Philip’s.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — diplomats

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kemm-il diplomats daħlu dawn l-aħħar erba' snin, din l-aħħar sena u dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm-il diplomat daħal wara sena li għamel l-eżami? Fuq liema kriterji jintagħżlu id-diplomats Maltin, biex imorru jservu fl-ambaxxati?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar erbgħa (4) snin ġew ingaġġati b'kollox sebgħa u tlettin (37) Second Secretaries. Minn dawn is-37 daħlu dsatax (19) f'din l-aħħar sena u minn dawn id-dsatax (19) daħlu għaxra (10) f'dawn l-aħħar sitt xhur. Ġeneralment meta jkun hemm vakanzi fl-ambaxxati ta' Malta, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin joħroġ ċirkulari nterna li tinġieb għall-attenzjoni tal-uffiċjali tal-Ministeru u l-Korp Diplomatiku Malti kollu. Dawk interressati jintalbu jissottomettu 'expression of interest' li fiha jindikaw il-preferenzi tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn jaħsbu li għandhom jiġu ikkunsidrati għakk-dawn il-vakanzi. Wara, issir evalwazzjoni interna ta' dawn l-expressions of interest' inkluż esperjenza, disponibilita, kif ukoll kwalitajiet professjonali pertinenti li jkunu meħtieġa ghal vakanzi nfushom. Wara li jittiehdu d-deċiżjonijiet, dawn jiġu ppubblikati f'posting order'. Ta' min jinnota li f'dawn l-aħħar snin, sar sforz kbir minn naħa tal-Ministeru tiegħi sabiex jiġu promossi u jintbgħatu jservu barra minn Malta kemm jista jkun dawk hekk imsejħa 'career officers' tal-korp diplomatiku Malti fil-livelli kollha inkluż dak ta' ambaxxaturi.

Dar tal-Anzjani fil-Gżira

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir mid-dar tal-anzjani tal-Gżira la titbattal kompletament? X'inhi r-raġuni li meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq dan iċ-ċentru, il-familjari konċernati allegatament ma ġewx konsultati, tant li kien hemm ilmenti ta' rabja kbira mill-familjari li għandhom xi ġenitur, li dan iċ-ċentri qed jitbattal u li l-qraba qegħdin jinferxu f'bosta postijiet mingħajr konsultazzjoni ta' xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s’issa ma ġiex identifikat kif ħa tintuża d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira la darba titbattal. Meta ttieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq id-Dar tal-Gżira il-kap ta’ din id-Dar beda proċess ta’ diskussjoni kemm mar-residenti kif ukoll il-qraba tagħhom biex b’hekk jindikaw il-preferenza tagħhom għal djar oħra fejn tista’ tiġi offruta kura fit-tul.

Promenade ta' bejn il-Gżira u Sliema bla dawl

Question

B'referenza għall-problemi li hemm fil-promenade bejn il-Gżira u Sliema li qed ikun għal ġranet sħaħ bla dawl fuq in-naħa ta' mal-baħar, jista' l-Ministru jgħid jekk din hiex problema purament tal-kunsilli lokali jew jekk hemmx xi xogħol jew għajnuna li hija mistennija ukoll mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi rimedjata din il-problema li qed twassal għal ħafna ilmenti mill-pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħsara f’dawn il-lampi tul il-promenade bejn il-Gżira u Tas-Sliema kienet ħsara estensiva għax partijiet mill-lanterni kienu mkissrin u mmermra u kawża ta’ dan beda anke jsir ksur fil-globi. Għaldaqstant ix-xoghol ta’ tiswija kien jirrikjedi ħafna ħin u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà kellha tinqata` l-provvista tad-dawl għal dawn il-lampi. Ix-xogħol fuq it-tiswijiet issa tlesta u d-dwal ġew mixgħula. Independentament minn din il-ħsara, kien hemm ukoll aċċident fejn il-kuntrattur li qed jaħdem fuq ix-xogħol tal-promenade laqat kejbil li jissuplixxi parti minn dawn id-dwal. Għaldaqstant, il-parti affetwata minn dan l-aċċident se tibqa` mitfija sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji.

Transport Malta — Traffic Impact Assessment fuq Kappara Junction

Question

ista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36952 u 36758 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkumissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru, u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta' Transport Malta dwar din l-issue, fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma Ministeri u entitajiet governattivi oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istudji li saru rigward dan il-proġett huma aċċessibbli mill-website tal-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) u dawn jinkludu diversi studji ambjentali hekk kif speċifikati mill-MEPA stess u studji ta’ Cost Benefit Analysis li jinkorporaw fihom traffic modelling tat-tip ta’ junctions proposti. Minbarra dawn l-istudji, ġew ikkummissjonati wkoll Health and Safety Plan, Geotechnical Investigation, Acoustic Studies li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra permezz ta’ CD. Ġie kkummissjonat ukoll studju dwar performance specifications ta’ strutturi iżda dan għadu mhux finalizzat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll, lista ta’ l-istudji li għadni kif irreferejt għalihom flimkien mad-dettalji dwar meta saru, minn min u meta ġew ikkummissjonati. Dwar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni li saret, jien infurmat li kien hemm diversi diskussjonijiet dwar dan il-proġett fil-livelli tas-Senior Management ta’ Transport Malta tul l-andament tal-istudji u anke wara. Tul dawn id-diskussjonijiet saru konsultazzjonijiet ma’ diversi residenti tal-inħawi, rappreżentanti ta’ Kunsilli Lokali, il-MEPA, kumpaniji ta’ servizzi bħal GO, Melita, Enemalta, Water Services Corporation, Planning and Priorities Coordination Department, Superintendence of Cultural Heritage u l-MRRA. Minbarra hekk, saret ukoll konsultazzjoni pubblika li għaliha attendew diversi residenti tal-inħawi. F’din il-laqgħa kienu spjegati l-alternattivi li qed jiġu kkunsidrati mal-MEPA biex l-istess MEPA tieħu deċiżjoni dwar dan il-Proġett. Kien ġie diskuss illi ż-żewġ alternattivi huma proġetti tajbin li jtaffu il-konġestjoni fl-inħawi u waħda minnhom kellha potenzjal li timpatta inqas fuq il-flow tat-traffiku waqt il-kostruzzjoni. Bħalissa qed isiru wkoll preparamenti għal studji oħrajn biex ikompli l-proċess ħalli tinstab soluzzjoni li ttaffi l-konġestjoni f’din il-junction bl-inqas impatt fuq l-ambjent tal-madwar u biex ikunu kkunsidrati s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet bħalha parti mill-konsultazzjoni msemmija.

Raħal Ġdid — Paola Square - - tneħħija ta' siġar

Question

Meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dan l-aħħar awtorizzat it-tneħħija tas-siġar f’Paola Square, Raħal Ġdid – waħda mill-aktar pjazez fejn hemm tniġġiż anki tat-traffiku – u fejn is-siġar huwa mifhum li kienu jassorbu ħafna emmissjonijiet tossiċi, jista' l-Ministru jgħid jekk din l-applikazzjoni kenetx ġiet approvata wara li saret konsultazzjoni mad-direttorat tal-ambjent tal-awtorità?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Transport Malta — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36854 u jgħid kemm u f'liema karigi ġew ingaġġati nies ma' Transport Malta xahar b'xahar mill-bidu tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #37111 Sitting 515 2012-10-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Public services calls

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36855 u jgħid kemm saru public services calls, xahar b'xahar mill-bidu tas-sena fid-diversi dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet parastatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul din is-sena, ħarġu 1,493 sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew vakanzi ta’ impjieg: 1,081 sejħa fis-Servizz Pubbliku u 412-il sejħa fis-Settur Pubbliku, kif spjegat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar St. Philips — sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jippjana xi tibdil strutturali fi ħdan l-Isptar St. Philips biex jakkomoda aktar sodod u biex jiżgura li l-Isptar jista' jintuża bħala rehab hospital? Jekk iva, x'tibdil huwa meħtieġ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-pjanijiet tal-Gvern fir-rigward tal-isptar St. Philip’s huma maqsuma f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, l-isptar ser ikun jista’ jintuża minnufih wara li jiżi ffirmat il-ftehim u wara li jsiru xi alterazzjonijiet minuri sabiex ikun jista’ jiġi konvertit fi sptar ta’ riabilitazzjoni. F’din il-fażi m’hemmx il-ħtieġa għal tibdil strutturali. Fit-tieni fazi, wara li jsiru l-applikazzjonijiet dovuti u joħorġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA, il-Gvern qed jippjana li jwettaq dak it-tibdil strutturali sabiex bejn wieħed u ieħor jirdoppja n-numru ta’ sodod.

Sptar St. Philip — apparat li iridu jinbidlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-apparat li hemm fl-Isptar St. Philips, liema apparat hemm bżonn li jinbidel? Kemm huwa stmat li se jkun jiswa? Jekk hemm xi nfiq kapitali (capex costs) dawn se jitnaqqsu mill-ammont tal-kirja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Sakemm isir il-ftehim dwar l-Isptar St. Philips, ma jistgħux isiru verifiki dettaljati fuq l-apparat.