B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25062, jista' l-Ministru jgħid liema Chief Officer mill-Korporazzjoni Enemalta qed jiġi investigat? Kemm huma serji l-allegazzjonijiet li tressqu? Jista' jgħid għalfejn dan iċ-chief officer baqa' jidħol għax-xogħol u baqa' jaħdem mal-istess persuni li għamlu dawn l-allegazzjonijiet, meta persuni oħra li ġew investigati dejjem kienu sospiżi mix-xogħol sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet hekk kif inhi l-prassi tal-bord dixxiplinarju tal-Korporazzjoni Enemalta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant illi f’dan l-istadju kull m’hemm huma allegazzjonijiet u l-evalwazzjoni għadha għaddejja. Minħabba l-kunfidenzjalità tal-każ mhux opportun li tingħata informazzjoni dwar il-persuna f’dan l-istadju.
Tista' l-Ministru tindika jekk studenti tal-MCAST li qegħdin jagħmlu apprentistat Bigħi fir-restawr jitħallsux abbażi tal-minimum wage u/jew xi rati tal-apprentistat fil-work phase fi żmien il-vaganzi tas-sajf u btajjel oħra bħal tal-Għid, għax kien hemm min allegatament qallhom li jista' jkun hemm problema għax qegħdin wisq fil-course?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda problema fuq studenti li qegħdin jagħmlu apprentistat fir-restawr ġewwa Bighi.
L-istudenti kollha li jaqgħu taħt l-iskema ta’ Extended Skills Training Scheme
kif ukoll dawk li huma reġistrati taħt l-iskema tat-Technician Apprenticeship Scheme
jirċievu l-ħlas tagħhom kif stipulat fl-avviżi legali li jirregolaw l-apprentistat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18295 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern dwar il-VAT fid-dawl tal-abbużi li kien hemm dan l-aħħar?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 18295.
Ta' Xbiex — Qasam tal-Bini tal-Gvern - triq li trid tiġi irranġata
Question
Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata l-qagħda ħażina tat-triq li hija mimlija garaxxijiet li hemm wara d-djar tal-gvern fil-Qasam tal-Bini tal-Gvern Ta' Xbiex fejn jibda l-Housing Estate innifsu qrib l-Imsida, peress li r-residenti ġew infurmati li hija responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali u l-istess residenti ilhom jiktbu dwarha u anke ġabru petizzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija hija nkluża fil-programm ta' toroq residenzjali li jridu jsiru.
Billi ħafna ħaddiema Ġappuniżi kellhom jabbandunaw l-impjant nukleari ta' Fukushima minħabba l-after shock tat-terremot il-ġdid, jista' l-Ministru jgħid x'passi kontinwi u intensivi ta' moniteraġġ qegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet lokali biex jiġi żgurat bl-aktar mod xjentifiku kull ċaqlieqa li jista' jkun hemm fil-livelli ta' radjazzjoni li jistgħu jilħqu lil pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 365.15 dwar Sigurta Nukleari u l-Protezzjoni mir-Radjazzjoni, nistiednu jressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni:
a) x'inhuma l-ħinijiet tal-għeluq tal-
bars
li m'għandhomx mużika f'dawn il-lokalitajiet: Sliema, Buġibba, Paceville, Wied il-Għajn u Birżebbuġa;
b) jekk f'kull lokalità hemmx bars li l-permess għall-ħin tal-għeluq hux differenti minn ta' oħrajn fl-istess lokalità;
ċ) x'inhuma l-kriterji li l-Ministeru qed jimxi fuqhom biex fl-istess lokalità jkun hemm bars li jingħataw permess tal-għeluq mod u oħrajn mod ieħor;
d) x'inhuma l-kriterji li qed jimxi fuqhom il-Ministeru fid-diversi lokalitajiet biex jiddetermina l-ħin tal-għeluq tal-bars f'kull lokalità;
e) jista' jkun hemm każijiet fejn applikazzjoni tkun ġiet approvata mid-Dipartiment tat-Trade u tiġi miżmuma mill-Pulizija? Jekk iva, jista' jgħid għaliex jiġri hekk?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Dwar parti (a) tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħinijiet tal-għeluq ta’ bars huwa regulat bir-Regolamenti dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ – Leġislazzjoni Sussidjarja 441.07.
Dwar parti (b) (c) u (d) tal-mistoqsija, kif diġà kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tal-kummerċ m’għadhomx jinħarġu mill-Pulizija.
Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi r-regolament 38 (2) tar-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ, jenħtieġ illi s-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ tikkonsulta mal-Awtorità tat-Turiżmu biex tara jekk id-drittijiet rilevanti tal-liċenzja fir-rigward ta’ dak il-post kummerċjali humiex imħallsa, kif ukoll għandha titlob l-approvazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija, qabel ma jiġi estiż il-ħin tal-għeluq. Dawn għandhom sittin ġurnata żmien sabiex jibagħtu t-tweġiba bil-miktub.
Il-Pulizija tagħti l-kummenti tagħha skont fejn ikun sitwat il-ħanut, fis-sens jekk tkunx żona turistika u jekk il-ħanut ikunx f’area residenzjali, kif ukoll skont ir-rapporti li jkollha dwar it-tmexxija tal-ħanut li dwaru jkun qed jintalab l-estensjoni tal-ħin tal-għeluq.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24953 u ċioe: Ġaladarba l-gvern ħass li m'għandux jagħti dettalji dwar l-assi Libjani ffriżati f'Malta, jista' l-Ministru almenu jagħti figura indikattiva?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ġew iffriżati numru ta’ assi b’valur ta’ miljuni ta’ ewro. Twaqqaf unit apposta biex jimmonitorja u jieħu l-azzjoni approprjata biex jiġu friżati dawn l-assi.
Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, mhux se tingħata l-ebda figura marbuta ma’ dawn l-assi.
Billi fil-mistoqsija parlamentari 24911 għidt li l-estrazzjoni tal-ilma huwa stmat li jlaħħaq 18miljun metru kubu u billi fis-sena 2006 l-FAO qalet li l-istima għas-sena 2002 kienet ta' 15-il miljun metru kubu, jista' l-Ministru jispjega kif hemm din iż-żieda fil-konsum meta l-gvern suppost kien qed jikkontrolla jew almenu jrażżan l-abbuż mill-boreholes?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif spjegajt fit-tweġiba parlamentari 24911, sallum jeżistu biss stimi jew statistika minn diversi sorsi li mhumiex eżawrjenti. Huwa għalhekk ukoll importanti li jitwaħħlu l-meters sabiex tkun stabbilita l-figura reali tal-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan minn setturi differenti.
MEPA — Wasteserv - ħruġ tad-drenaġġ minn qrib Albertown fil-Marsa
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-aspett ambjentali wara li ripetutament il-WasteServ kienet responsabbli għall-ħruġ tad-drenaġġ mill-bini li għandha qrib Albertown, il-Marsa - xi ħaġa li l-kunsill lokali lmenta uffiċjalment dwarha anki fil-media għadd ta' drabi? Apparti mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ġiet rrakkmandata xi azzjoni konkreta oħra minn xi entitajiet oħrajn minħabba xi ħaġa li sfortunatament qed tiġri spiss?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-'Water Services Corporation' tirregola emissjonijiet fis-sistema tad-drenaġġ minn impjanti industrijali; fil-passat il-MEPA ġibdet għall-attenzjoni tal-WSC din in-nuqqas ta' konformita', għall-azzjoni neċessarja mill-WSC bħala r-regolatur tal-emissjonijiet fis-sistema tad-drenaġġ.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Ittra
Question
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kitbu lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nhar is-6 ta' April, 2009 fejn talbuhom jikkunsidraw li jieħdu azzjoni legali kontra kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, dwar il-każ tar-rimi ta’ skart taż-żejt fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-MEPA bagħtet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kif mitlub.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24734, billi l-Prim Ministru għoġbu jikkwota ir-regolamenti tal-1997 dwar il-ħitan tas-sejjieħ u strutturi rurali u r-regolamenti tal-2004 li jemendawhom, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li l-ħitan tas-sejjieħ huma konformi mal-liġi, billi f'ħafna każijiet dawn qed jogħlew b'żewġ piedi jew tlieta, tmur fejn tmur? Hemm xi pjan ħolistiku dwar dawk il-ħitan tas-sejjieħ kollha li mhumiex skont il-liġi, speċjalment dawk li telgħu wara l-1992?
Peress li anke l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IGM) dan l-aħħar ħass li kellu juri pubblikament il-preokkupazzjoni tiegħu dwar id-dewmien biex l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni – FOI – jiġi fis-seħħ sħiħ; peress li l-gvern diġà semma dati li fihom kellu jiġri dan biex imbagħad baqa’ m’onorahomx; u peress li anke l-Prim Ministru kien għamel dikjarazzjoni li dan l-att kien jibża’ minnu biss min għandu x’jaħbi, jista’ l-Ministru jgħid għaliex seħħ dan id-dewmien? Kemm jikkalkula li għad baqa’ biex l-att jiġi fis-seħħ sħiħ? X’qed iżommu milli jara li jkun attivat immedjatament u b’mod komplet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 25002. Infurmat li l-proċess issa jinsab fi stadju avvanzat u hi l-intenzjoni tal-Gvern li jġib fis-seħħ l-att b’mod komplet wara li jaċċerta ruħu li l-proċess amministrattiv ikun ġie kompletament finalizzat.
kampanja referendarja — kwestjoni dwar vacation leave lil deputat segretaju
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li kien nuqqas serju ta’ etika li f’mument delikat u sensittiv bħall-kampanja referendarja dwar id-divorzju, l-kap taċ-Ċivil għażel li jawtorizza xaghrejn vacation leave lid-deputat segretarju tal-Kabinett sabiex jikkampanja kontra d-divorzju, meta rrispettivament mill-eżitu prospettiv tar-referendum, b’għemilha din il-persuna li suppost għandha tgawdi l-fiducja pubblika ta’ kulħadd minħabba l-kariga għolja li tokkupa, se tispiċċa skreditata minn sezzjoni jew oħra taċ-ċittadini Maltin talli għażlet li pubblikament turi nuqqas ta’ imparzjalità dwar kwestjoni pubblika taħraq?
Iħoss li sehem bħal dan huwa kompatibbli jew le mal-Public Management Code u jekk iva, għaliex?
Kif jorbot deċiżjoni simili mad-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li tiżgura li d-dibattiti fuq il-media dwar l-istess issue tad-divorzju - għandhom ikunu suġġetti għar-regoli li jiżguraw imparzjalità sħiħa fuq issue bħal din b’element ta’ kontroversja politika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-Kap taċ-Ċivil diġà stqarr pubblikament illi d-deċiżjoni tiegħu kienet imsejsa fuq il-fatt illi fl-opinjoni tiegħu din mhix materja ta’ partiġġjaniżżmu politiku imma materja ta’ kuxjenza personali. Għaldaqstant hu tal-fehma li regoli dwar parteċipazzjoni politika minn uffiċjali pubbliċi ma japplikawx fil-każ tar-referenum dwar id-divorzju.
Dwar id-deċiżjoni li tista’ tagħti l-Awtorità tax-Xandir biex tassigura l-imparzjalita bejn il-kamp tal-iva u dak tal-le, ma jidhirli li hemm l-ebda rabta mad-deċiżjoni tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Billi ġie rrappurtat fil-media li ċ-chairman eżekuttiv tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar se jkompli jgawdi mill-pakkett finanzjarju li għandu sakemm jgħaddi ż-żmien tranżitorju meħtieġ wara li ħa l-ħatra tiegħu ta' CEO ġdid, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jkun twil dan iż-żmien tranżitorju għall-finijiet ta’ dan il-pakkett finanzjarju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-Chairman tal-MEPA ser iżomm ir-rwol taċ-chairman eżekuttiv b’mod tranżitorju. Fil-perjodu ta’ transazzjoni ċ-chairman, fost affarijiet oħra, se jieħu ħsieb li jiġi implimentat il-proċess ta’ riforma tal-MEPA. Fil-frattemp, jingħata bidu għall-proċess ta’ migration tal-poteri eżekuttivi lill-CEO.
Din hija riforma wiesgħa li qed tmiss kull aspett operattiv ta’ din l-awtorità. Setgħet ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi impjegat charge manager. Minflok li l-proċess tal-bidla qed jitmexxa direttament miċ-chairman u s-CEO. Hu prematur għalissa li tingħata data fissa iżda żgur li qed inħarsu lejn xhur mhux ġimgħat.
Billi f’Ġunju li għadda l-Prim Ministru kien ħabbar li l-proġett tal-White Rocks ta' €200 miljun b’investiment dirett barrani kellu jkun finalizzat sa tmiem is-sena li għaddiet, jista' l-Prim Ministru jgħid x’wassal għal dan id-dewmien u x’time frames għandu quddiemu l-gvern biex ikun jista' jżomm kellmtu li jiġi quddiem il-Parlament bid-dettalji kollha? Meta mistennija tiġi konkluża t-technical evaluation li skont il-media għadha qed issir minn grupp ta' professjonisti li nifhem ilhom jaħdmu u jitħallsu għal żmien pjuttost twil? Ix-xogħol tagħhom huwa fuq retainer basis jew ir-remunerazzjoni tagħhom kienet ġiet iffissata mill-bidu nett, indipendentement minn kemm idum il-proċess ta’ tħejjija?
Kemm-il darba dal-proġett m'għadux taħt ir-responsabbiltà diretta tiegħu, jista' l-Prim Ministru jgħid liema Ministru hu konċernat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li ingħatat f’ Mistoqsija Parlamentari nru 21644 mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u Familja.
Jista' l-Ministru jissottometti lista tal-proprjetajiet kollha mikrija mingħand il-privat li qed juża:
il-gvern innifsu?
id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern?
il-kunsilli lokali?
F'kull każ, x'inhu l-ammont tal-kirja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi informazzjoni mitluba għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, qed titpoġġa fuq il-Medja tal-Kamra.
Fir-rigward ta’ proprjetà mikrija minn Ministeri oħra nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri rispettivi.
Bir-risposta li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 24859, l-Ministru qiegħed jassumi r-responsabilta’ ta’azzjonijiet futuri li l-Unjoni Ewropea tista’ tieħu fir-rigward ta’ “particulate emissions” eċċessivi mill-boilers ta’ Delimara? Jista’ l-Ministru jikkonferma illi :
(a) m’hemmx periklu ta’ tali azzjoni mill-Unjoni Ewropea ;
(b) ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-boilers jitħaddmu fuq fuel iżjed nadif u għali ħalli jintlaħqu l-istandards li tesiġi l-Unjoni Ewropea?
Finalment u indipendentement minn dak li titlob l-Unjoni Ewropea , il-Gvern huwa konvint li s-saħħa tal-pubbliku ħa tkun imħarsa fin-nuqqas ta’
equipment ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis li madwar id-dinja llum huwa standard fuq dan it-tip u daqs ta’ boilers?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalma diġà ġie spjegat f’risposti parlamentari preċedenti, il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda konformi ma’ dust emission limits kif stipulat mad-Direttiva Ewropea Large Combustion Plant Directive. Il-modifiki tekniċi li saru, wasslu biex l-emissjonijiet mill-boilers jitnaqqsu. Dan propju għaliex il-gvern impenjat li jtejjeb il-kwalità tal-arja fl-aħjar interess tal-poplu in ġenerali.
Billi ngħad li l-proġett dwar Ethanol mill-iskart ta' €435 miljun ser ikun qed jopera fil-ġejjieni qarib, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar rċevietx xi applikazzjoni dwar dan u jekk tinsabx infurmata li ġiet ikkummissjonata xi environmental impact assessment mill-promoturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entità kkonċernata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant u hekk kif dak l-eżerċizju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies fuq id-Direct Action Team bħalissa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entità kkonċernata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant u hekk kif dak l-eżerċizzju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.