Minħabba li għadda ż-żmien mindu l-każ l-aħħar tqajjem fil-Parlament, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra meta mistenni jiġi ppubblikat ir-rapport dwar l-irregolaritajiet li seħħew fil-VAT Departament? Jista' jsir dan proprju f'din is-seduta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 18295.
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħadet wara li allegatament il-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha snin sħaħ tgħaddi bit-trakkijiet tagħha mill-qalba tal-villaġġ tal-Qala bi skart tal-kostruzzjoni fuq diversi proġetti, meta huwa mifhum li l-permessi oriġinali għall-proġetti kienu jispeċifikaw li dawn kellhom jgħaddu biss mir-rotta speċifika li tgħaddi minn barra r-raħal? Possibbli li ħadd qatt ma ġibed l-attenzjoni tal-Ministru jew tal-Ministeru konċernat dwar dan l-abbuż ripetut? Ġie stabbilit jekk b'riżultat ta' dan l-abbuż saritx xi ħsara u nħolqitx xi ħtieġa ta' manutenzjoni għat-toroq konċernati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qatt ma rċieva rapporti dwar dan. Ngħarraf ukoll li l-proġetti tal-Ministeru ma jispeċifikaw l-ebda rotta partikolari li minnha jgħaddu l-vetturi bl-iskart peress li dan huwa regolat mill-kundizzjonijiet li tagħmel il-MEPA dwar ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jinnega li s-Chief Executive Officer tal-Korporazzjoni Enemalta intalab biex fi ftit ġimgħat oħra jirtira jew joħroġ bil-leave u ġie offrut golden handshake li tinvolvi somma flus jew li jibqa jirċievi l-paga sakemm jiskadi t-terminu tiegħu iktar tard din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allegazzjonijiet fid-domanda parlamentari huma infondati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fid-dawl tar-rapport tal-awditur fir-rigward ta' diversi xogħlijiet fuq toroq f'Malta u Għawdex - jekk hemm bżonn b'mod konġunt mal-Ministeru tal-Finanzi li huwa responsabbli għad-Dipartiment tal-Kuntratti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Bord tad-Diretturi fi ħdan Transport Malta permezz tas-Supervisory Committee tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ħa l-inkarigu tar-rapport tan-National Audit Office (NAO) u se jkun qiegħed jara u jeżamina li l-azzjonijiet li huma meħtieġa li jittieħdu, kemm dawk long term u short term,kif ukoll jara li jkunu attwati mill-istess direttorat. Is-Supervisory Committee diġà qiegħed isegwi l-progress, fuq bażi reġolari xahar b’xahar u skont l-ordni tal-mertu, jassigura li l-azzjoni li tittieħed tkun waħda adegwata u sseħħ malajr kemm jista` jkun skont l-urġenza.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi li qed jaħdmu direttament fuq kwestjonijiet marbutin mat-tibdil tal-klima? Jista' jagħti lista – mingħajr ismijiet – tal-karigi u job descriptions li għandhom? Kemm jonqos li jingħaqdu ħaddiema ma' dan id-dipartiment u/jew direttorat sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-ħidmiet kollha mistennija minn din it-taqsima ġdida fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi fis-Sezzjoni fejn jaħdmu direttament fuq kwestjonijiet marbutin mat-tibdil tal-klima hemm sitt (6) ħaddiema. Il-Karigi u n-mumru f’kull grad huma kif ġej:
Chief Officer, Climate Change and Policy 1
Senior Environment Protection Officer 1 (grad tal-MEPA )
Senior Analyst (Scientist) 4
Executive Officer 1 Reduced hours
Sabiex jistgħu jintlaħqu l-ħidmiet kollha mistennija minn din it-taqsima għal din is-sena huwa ppjanat li jkunu mimlija il-karigi ta’ Administrator u żewġ Analysts liema karigi huma approvati.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-“job descriptions” mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern Malti biex jibda joffri faċilitajiet magħrufa bħala gender confiriming surgeries li permezz tagħhom persuna tista' tibdel is-sess tagħha? Dawn l-operazzjonijiet se jibdew jiġu inklużi fl-iskema tas-saħħa pubblika?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s'issa għad m’hemmx ħsieb li jiġu inklużi dawn l-operazzjonijiet fl-iskema tas-saħħa pubblika.
Studju tal-working group dwar karozzi li jaħdmu bl-elettriku
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta kellu jitlesta oriġinarjament l-istudju tal-working group dwar il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku? Meta effettivament hu mistenni li jitlesta u jiġi ppubblikat? Indipendentement mill-membri tal-working group, minħabba li dan jirrigwarda ukoll il-qasam tat-trasport li jaqa' taħt Ministeru ieħor, jista' jgħid x'qed isir biex jiġi evitat l-overlap u d-duplikazzjoni ta' xogħol fuq livell governattiv?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-istrateġija nazzjonali li tirrigwarda l-vetturi elettriċi hija konkluża u għalhekk fil-jiem li gejjin din se tigi ppubblikata. Dan il-Kumitat partikolari twaqqaf propju bi skop li jkun hemm rappreżentanza tal-Ministeri rispettivi sabiex tinħoloq Strategija Inter-Ministerjali li twassal biex ikun hemm dejjem aktar azzjoni konsistenti, aktar kollaborattiva u iffukata fuq livell governattiv.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18599 u 18295 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern dwar il-VAT fid-dawl tal-abbużi li kien hemm dan l-aħħar?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 18295.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24731, peress li kont tlabt biex rapporti li għamel l-awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar Natura 2000 sites jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra u fit-tweġiba tiegħu l-Prim Ministru qal li l-erba' rapporti tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li effettivament tqiegħdu biss tnejn mill-erba' rapporti? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawk ir-rapporti li ma tqiegħdux dakinhar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 24731 poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-erba’ rapporti li għamel l-Awditur tal-Awtorita’ dwar Natura 2000 sites.Għal kull bon fini qed nerġa’ npoġġi kopja tal-erba’ rapporti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet tal-gvern biex tiġi rranġata l-qagħda prekarja li jinsab fiha Għar Lapsi speċjalment fejn għandu x'jaqsam mal-istat ħażin tal-blat? Il-gvern għandu quddiemu xi għażliet biex ma jħallix dan il-post sabiħ jkompli jmur għal agħar?
Billi xi żmien ilu kien ingħad li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet qed tiżen l-għażliet legali li kellha quddiemha dwar investigazzjoni li kienet għamlet dwar skart perikoluż li minħabba fl-stop order innifisha wassal lill-Korporazzjoni Enemalta biex titfi l-air filters tal-Marsa Power Station għal għadd ta' xhur, u billi skont kelliem tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ikkwotat f'ġurnal lokali tas-17 ta' April 2011, ir-regolatur kien qed jara flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta nnifisha u l-operatur tal-barriera kif se jiġu determinati ir-responsabilitajiet u liabilities rispettivi ta' kull entità fir-rigward ta' dan il-każ, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'azzjoni konkreta ttieħdet biex ma jiġrix dak li kien se jiġri fil-każ tar-rimi tal-waste oils fid-drenaġġ qrib Hexagon House fejn kulħadd baqa' b'li ħa, u entità governattiva minkejja li ġiet mitluba tieħu azzjoni legali baqgħet m'għamlet xejn fid-dawl tal-assikurazzjoni li min kien għamel ir-reat ma deherx li ħalla r-reat jirrepeti ruħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entita’ kkonċentrata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant u hekk kif dak l-eżerċizzju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24814 u 25026, billi jidher ċar li l-ammont ta' Cohesion Funds li għaddew lil-gvern dwar l-impjant ta' Sant' Antnin s'issa kien ta' madwar €9 miljun u dan minn total ta' €11,723,250, u dan ifisser li hemm diskrepanza ta' €5,024,250 mit-total oriġinali ta' €16,747,500 kif murija fl-estimi tal-2004 u tal-2005 fil-parti li kienet titratta il-finanzjament tal-impjant, b'parti minnu ġej minn sorsi lokali u parti mill-Cohesion Funs tal-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jikkonferma li mar on record għadd ta' drabi jgħid li l-ammont iffinanzjat mill-Cohesion Funds tal-Unjoni Ewropea kien se jkun €16,747,500? Jista' jagħti l-każ li din l-allegata diskrepanza hija dovuta għal xi fondi li l-Unjoni Ewropea żammet lill-gvern mill-fondi oriġinali? Jekk iva, x'wassal għal dan? Jekk le, għalxiex aktar kien dovut dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont eliġgibli għall-finanzjament mill-Cohesion Funds ta’ l-Unjoni Ewropea fir-riġward tal-proġett ta’ Sant’Antnin hu ta` €16,747,500. Bħal ma naħseb li l-Onorevoli Interpellant diġa jaf, ir-rata ta’ ko-finanzjament minn naħa ta’ l-Unjoni Ewropeja hu ta’ 70% ta’ dan l-ammont filwaqt li l-kumplament ta’ 30% ta’ dan l-ammont huma finanzjati minn fondi lokali. Ghalħekk iċ-ċifra ta' €11,723,250 tirreferi għas-70% koperti mill-kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropeja, fil-waqt li ċ-ċifra ta’ €5,024,250 li żbaljatament l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaliha bħala diskrepanza, mhi xejn ħlif il-kontribuzzjoni dovuti mill-fondi lokali.
Wieħed ma jistax ma jfakkarx li kieku kien għall-Onorevoli Joesph Muscat, illum Kap tal-Oppożizzjoni, illum m’ aħniex nitkellmu dwar allegata diskrepanza ta’ fondi għax bl-intervent tiegħu biex l-Unjoni ma tgħaddix fondi għal dan il-proġett kien kollna noħorġu mhux biss il-€5,024,250 iżda it-total kollu ta’ €16,747,500
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Pulizija wara diversi rapporti li trakkijiet tal-kumpanija ewlenija fil-qasam tal-kostruzzjoni f'Għawdex, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fil-jiem li għaddew komplew jarmu skart tal-kostruzzjoni fiż-żona magħrufa bħala Ta' Muxi, fil-Qala, u dan meta ma kienx l-ewwel każ li trakkijiet ta' din il-kumpanija nqabdu jordmu skart tal-kostruzzjoni f'dan is-sit li jkun ġej minn proġetti tal-gvern li l-istess kumpanija qegħda tagħmel f'Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet l-investigazzjonijiet u għaddiet ir-rapporti tagħha lill-Awtorità tal-Ippjanar u qiegħda tistenna r-risposta mingħand l-istess awtorità
MEPA — Rimi ta' skart tal-kostruzzjoni f'Ta' Muxi fil-Qala
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi effettivi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar wara li minkejja li ċ-chairman tal-istess awtorità jingħad li serraħ ras il-kunsill lokali Tal-Qala, li kienu se jittieħdu passi dwar ir-rimi ta' skart tal-kosturzzjoni fiż-żona magħrufa bħala Ta' Muxi, fil-Qala, sal-lum jidher li mhux biss ma ttieħdet l-ebda azzjoni, iżda sa ftit ġranet ilu, trakkijiet reġgħu komplew jarmu skart tal-kostruzzjoni fuq is-sit? Jista' jippubblika kopja tal-korrispondenza elettronika jew bil-posta li għaddiet bejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Pulizija fejn din talbithom jieħdu l-passi neċessarji - dan aktar u aktar sabiex jiġi stabbilit għaliex - u jekk dawn l-istruzzjonijiet ġewx injorati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż għaż-żamma tal-buon ordni? X'kienet ir-reazzjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għat-talba fl-istess rigward li saret minn diversi sidien tar-raba fl-istess lokal wara li ntefa' l-iskart tal-kostruzzjoni fuq il-proprjetà tagħhom iżjed u iżjed wara li dawn ressqu l-oġġezzjoni tagħhom lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entita’ kkonċentrata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant u hekk kif dak l-eżerċizzju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar l-investigazzjonijiet li saru dwar abbużi li rriżultaw fl-operat intern tad-Dipartiment tal-VAT?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 18295.
Fir-rigward tal-appell li qed jiġi kkunsidrat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni għall-iżvilupp tar-Ramla l-Ħamra għal liema raġuni ġie aċċettat li jinstema' dan l-appell meta l-kunsiderazzjoni tiegħu fiha nnifisha - kif ġie mfisser mill-Flimkien għal Ambjent Aħjar - suppost li lanqas biss ġie reġistrat billi ma kienx hemm prova li tħallsu il-fees tal-appell kollha u mhux biss parti minnhom? U dan aktar u aktar meta huwa mifhum li talbiet oħrajn simili li saru minn ċittadini oħrajn lanqas biss ġew kunsidrati għall-istess raġuni - li ma kenitx tħallset is-somma sħiħa tal-appell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entita’ kkonċernata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant u hekk kif dak l-eżereċizzju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24984 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid b’kollox kemm huwa mifhum li kienu jaħdmu Maltin fil-Libja sakemm feġġet il-kriżi hemmekk? Kemm minnhom hu mifhum li kienu jaħdmu ma' kumpaniji b’investiment Malti, kif ukoll kemm minnhom kienu jaħdmu ma' kumpaniji totalment barranin?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 24865 u 24986.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24502, billi r-residenti għadhom jilmentaw minn irwejjaħ jintnu, speċjalment qrib Block 10a, jista' l-Ministru jara jekk tistax issir investigazzjoni aktar fil-fond?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li ngħatat it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24502, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda ilmenti rigward riħa qawwijja ta’ drenaġġ madwar il-blokk 10, Triq Pietru Darmenia, Pembroke.
Minkejja dan, fl-14 ta’ April 2011, uffiċċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali wettqu spezzjoni oħra fit-triq indikata u fl-inħawi tal-madwar iżda ma ġew innotati l-ebda rwejjaħ jintnu. Ġie kkonfermat ukoll li ma kien hemm l-ebda sadd fid-drenaġġ pubbliku kif ukoll li l-pumping station ħdejn Pembroke Football Club kienet qed taħdem regolari. Bħala prekawzjoni u sabiex dejjem titnaqqas il-possibilita` ta’ ħruġ ta’ rwejjaħ l-għatu tal-fossa (sump) tal-istess pumping station gie ssiġġillat b’rubber lining, liema xogħol sar mill-ħaddiema tas-Sezzjoni tad-Drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24503 dwar problema ta' rwejjaħ tad-drenaġġ qrib Block 10a Pembroke, billi l-problema għadha waħda akuta, jista' l-Ministru jara li ssir investigazzjoni mill-ġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tieħu l-passi biex isiru bidliet meħtieġa fis-sistema tad-drenaġġ tal-akkwati biex dawn l-irwejjaħ jispiċċaw. Huwa ppjanat li dawn il-bidliet isiru fi ftit xhur oħra. Sadattant, il-Korporazzjoni qed tara x’jista’ jsir biex tittaffa l-impatt tal-problema.