Legislature:
Category:
Reset
Active:

MRA — certified installers tas-sistemi solari

Question

Filwaqt li huwa pass pożittiv li tħabbar li sa fl-aħħar l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi se tibda ġġib fuq il-website tagħha lista tas-certified installers tas-sistemi solari f’pajjiżna, jista' l-Minsitru jgħid meta l-gvern beħsiebu jintroduċi regolamenti kif ġie issuġġerit mill-Institute of Engineers sabiex l-istallazzjoni u s-certification tas-sistemi fotovoltajiċi f’pajjiżna jibdew isiru minn tekniċi kwalifikati kif ukoll minn inġiniera bil-warrant?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadha qed tinġabar l-informazzjoni u t-tweġiba għall din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #26601 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

rapport mill-kumpanija Falzon Waste Oils Ltd

Question

Issa li l-Prim Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar Environmental Planning Statement Proposed Waste Oil Processing Plant Marsa li sar għall-Falzon Waste Oils Company Ltd mill-Profs Alf J Vella, Lawrence Micallef u is-Sur Louis Vella, billi fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nhar is-26/3/11 kien intqal li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, illum Direttur għas Servizzi Korporattivi u ftit qabel Direttur għall-Ambjent tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha, kien fl-imgħoddi ġie commissioned mill-Malta University Services Ltd flimkien ma' esperti indipendenti oħrajn biex jagħmel studju dwar l-impact assessment fuq l-istallazzjoni tal-Waste Oils Ltd. meta kien għadu jaħdem mal-privat u qabel ma laħaq Direttur tal-Ambjent, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) jekk dan l-istudju kienx ġie kkummissjonat mill-kumpanija Falzon Waste Oils Ltd innifisha; b) mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar; ċ) ġiex pprezentat lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mal-applikazzjoni għat-tmexxija u t-talba għall-permess tal-impjant; d) meta ġie kkumissjonat u meta tlesta; u e) jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra? Għaliex il-Prim Ministru qal li ma kien jaf bl-ebda studju kkummissjonat mill-Malta University Services Ltd meta staqsejt il-mistoqsija originali tiegħi u id-DOI fi tweġiba għall-kummenti tiegħu rrefera speċifikament għall-istess studju meta kien qed jwieġeb f’isem il-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (dive.com. 28.3.11 – 16.15pm)

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat lir-Rapport li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma kienx eżerċizzju marbut ma’ xi talba fil-MEPA. Il-MEPA la qatt għamlet talba lil-Waste Oils Limited għal dan ir-rapport u lanqas għandha kopja ta’ dan ir-rapport. L-istqarija maħruġa mill-MEPA fis-26 ta’ Marzu 2011 saret propju biex tispeċifika li kuntrarju għal dak li kien qed jiġi allegat, il-persuna li għaliha għamel referenza l-Onor.Interpellant, ma kellha l-ebda kunflitt ta’ interess fil-konfront ta’ Waste Oils Ltd. la meta ħadmet fuq ir-rapport u lanqas issa.

Gozo Channel — suċċess tal-kumpanija

Question

Billi dan l-aħħar il-Ministru ġie rapportat li kejjel is-suċċess tal-kumpanija Gozo Channel min-numru ta' passiġġieri trasportati bejn Malta u Għawdex aktar mis-sena li għaddiet jistax jgħid jekk jaqbilx jew le li l-veru kejl tas-suċċess ta' kumpanija li għandha monopolju jista' jsir biss jekk inkunu nafu l-ispiża għal kull passiġier u vettura li tinġarr mill-Gozo Channel innifisha? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri relevanti għas-snin 2008, 2009, 2010 u l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant konferma tas-suċċess tal-kumpanija Gozo Channel f’dik li hi l-ispiża għal kull passiġġier u kull vettura li tinġarr mill-Gozo Channel. Hija mpressjonanti illi minkejja li l-prezzijiet dejjem għola taż-żejt, iż-żidiet fil-pagi skont il-COLA u l-Collective Agreement, l-Gozo Channel xorta rnexxielha tirreġistra tnaqqis fl-ispiża għal kull passiġġier u għal kull vettura li ġġorr. Spiża totali għal kull sena: 2008 € 2009 € 2010 € Jan-Mar 2011 € Vettura 2.9955 2.6624 2.6902 2.0595 Passengers 2.9955 2.6624 2.6902 2.0595

Dipartiment tal-Edukazzjoni — part-time clerks

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni f'ċerti kazijiet l-part-time clerks mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni tħallew f'din il-kariga minkejja li għandhom madwar għaxar snin servizz? Hemm xi possibbiltà li l-kundizzjonijiet tagħhom tax-xogħol jiġu mtejba aktar u aktar li naf b'każijiet ta' persuni li ħadu l-aħħar increment madwar tliet snin ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma kien hemm l-ebda każ ta’ xi part-time clerk li n-nomenklatura tiegħu nbidlet minħabba n-numru ta’ snin fis-servizz. Naturalment jekk skrivan Part-time japplika għal post sostantiv mas-Servizz Pubbliku u jintgħażel, allura dan ikun ifisser li ngħata ħatra fi grad fis-Servizz Pubbliku. Rigward it-tieni part tal-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- increments għall- part-time clerks daħlu fis-seħħ bis-saħħa taċ-ċirkulari MF Circular 1/2003 maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi fis-16 ta’ Jannar 2003. Għaldaqstant, il-persuni kkonċernati li kienu fl-impjieg fl-1 ta’ Jannar 2002 ħadu l- increments kollha marbutin mal-iskala tagħhom.

MCAST — Kors ta' Aircraft Maintenance Technicians Certificate B - impjieg ma' Lufthansa Technik

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li ċerti studenti fosthom dawk li qed jistudjaw għall-Aircraft Maintenance Technicians Certificate B fl-MCAST għadhom kif għamluhielhom ċara li m'għandhom ebda garanzija ta' xi kunsiderazzjoni ta' impjieg ma' Lufthansa Technik minkejja li kienu ingħataw x'jifhmu l-kuntrarju fil-bidu tat-traineeship tagħhom ta' sentejn mill-istess diriġenti tal-MCAST u dan minħabba li kif allegat ma kisbux sponsorship għall-kors li ħadu fost raġunijiet oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-kors tal-Category B kif irriklamat fil-Prospectus tal-MCAST huwa fuq bażi ta’ sentejn full-time u ma jifformax parti minn traineeship. Dan il-kors ma jaqax lanqas taħt apprentistat u għaldaqstant l-istudenti m’għandhomx bżonn sponsorship sabiex isegwu l-kors. L-MCAST irriklama dan il-kors fil-prospectus fuq bażi ta’ sentejn full-time li warajhom l-istudent ikun jista’ jibda jaħdem u jikseb l-esperjenza neċessarja sabiex ikun eliġibli għal-liċenzja. L-MCAST la jwiegħed u lanqas jagħti garanziji ta’ xogħol għall-ebda kors li joffri, sew jekk full-time sew jekk taħt apprentistat

Ħaddiem ma' kumpanija ewlenija — kuntratt definit

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tagħmilx sens li ħaddiema ma' kumpanija ewlenija li tipproduċi prodotti għall-esportazzjoni ilha tinżamm taħdem fuq kuntratt definit għal aktar minn tliet snin, li kultant jiġġedded kull xahar jew kull xahrejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tal-VAT — Forensic Advisory Team

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25990 u jgħid min kienu l-membri tal-KPMG Forensic Advisory Team li għenu lill-bord ta' inkjesta dwar l-iskandlu ta' frodi fid-Dipartiment tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25990.
Leg 11 PQ #26595 Sitting 377 2011-07-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każ gravi ta’ vjolenza domestika — dewmien min-naħa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-pulizija naqset li tiċħad u/jew tikkonferma fil-pront rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-istampa li kien hemm dewmien esaġerat min-naħa tagħhom biex jieħdu azzjoni dwar każ partikolari fejn kien ġie rapportat każ gravi ta’ vjolenza domestika?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' risposta għar-rapporti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, li ngħatat mill-Pulizija u li kienet ippubblikata fuq il-gazzetta The Sunday Times nhar is-19 ta' Ġunju 2011.

LSA — kundizzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-Learning Support Assistants li jagħmlu xogħol ta' facilitators, billi għad hemm xi ftit minnhom li saħansitra qegħdin biss on call u jitħallsu skont is-sigħat li jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kundizzjonijiet tal-LSA ġew miftehma mal-Union tal-Għalliema fi ftehim li sar ftit tax-xhur ilu. L- LSAs on call jiġu msejħa biss meta LSA regolari jew supply tkun ma tiflaħx jew assenti mix-xogħol. Dawn infatti f’sena jaħdmu ftit siegħat biss u għalhekk jitħallsu b’rata ta’ kull siegħa.
Leg 11 PQ #26385 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Waste Electrical and Electronic Equipment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid il-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar meta ħarġet it-temporary waste storage facility permit għall-WasteServ ħdejn it-Thermal Treatment Plan, billi ninsab infurmat li dan il-permess għadu ma nħariġx bil-konsegwenza li kumpaniji u individwi għad m'għandhomx fejn jieħdu l-bulkta' Waste Electrical and Electronic Equipment f'termini ta' faċilità konformi mal-liġi li jistgħu jużaw? Filwaqt li nifhem li individwi jistgħu jagħmlu deliveries ta' ammont żgħar tal-Waste Electrical and Electronic Equipment fis-civic amenity sites, dan japplika għall-intrapriżi kummerċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li s-sit li kien licenzjat bhala ‘Temporary Waste Storage Facility’ ma ggedidlux il-permess tal-ambjent peress li l-Wasteserve qeghda tippjana biex tuza dan il-post bhala estensjoni tal-Inicineratur tal-Marsa (Thermal Treatment Facility). Il-Wasteserve identifikaw sit iehor fil-Marsa biex jinhazen l-iskart eletroniku (WEEE) u applikaw ghal-permess ambjentali ghal dan l-iskop, liema applikazzjoni qeghda tigi pprocessata. Ic-Civic Amenity Sites tal-Wasteserv mhumiex attrezzati biex jaccettaw ammonti kummercjali ta' WEEE minn entitajiet privati, pero' jezistu ammont ta' kumpaniji privati li ghandhom permess tal-MEPA sabiex jaccettaw dan it-tip ta' skart f'ammonti kummercjali; u lista ta' dawn il-kumpaniji tinstab fuq il-website tal-MEPA.

Dwana — importazzjoni ta' żebgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm isir moniteraġġ mid-dwana dwar importazzjoni ta' żebgħa biex jiġi stabbilit jekk għandhomx VOC's jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi jekk kunsinna ta’ żebgħa ġejja minn pajjiż barra mill-Unjoni Ewropeja tintagħżel għal eżami fiżiku, u d-Dwana tiċċekja mal-Malta Standards Authority jekk dik it-tip ta’ żebgħa tkunx irreġistrata magħhom.

tniġġiż marittimu — national contingency plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25706 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta tlesta n-national contingency plan ta’ pajjiżna dwar it-tniġġiż marittimu? Minn min sar u/jew ġie kordinat? Kemm ilu li nbeda x-xogħol fuqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-national contingency plan ta’ pajjiżna dwar it-tniġġiż marittimu kien parti minn proġett b’fondi mill-mekkaniżmu tal-EEA Norwegian Grants. It-tender għal dan il-proġett ġie mogħti lil Alpha Briggs Mediterranean wara sejħa pubblika Ewropea, liema proġett kien jinkludi studji neċessarji sabiex jitfassal in-National Marine Pollution Contingency Plan kif ukoll xiri ta’ apparat għal kontra t-tniġġiż. Il-proġett beda fis-27 ta’ Mejju 2008 u tlesta fit-8 ta’ Lulju 2010. Dan il-proġett ġie koordinat mid-Direttorat għall-Portijiet u Yachting fi ħdan Transport Malta, u qabel is-sena 2010, mid-Direttorat tal-Portijiet tal-Awtorità Marittima ta’ Malta.

xiri ta’ karozzi fuel efficient

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25713 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra u jew għandux public procurement conditions li permezz tagħhom jagħti prijorita' b’mod ċar ix- xiri ta’ karozzi mill-aktar fuel efficient minn entitajiet governattivi, parastatali kif ukoll dipartimenti tal-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħabbar riforma fit-trasport li juża li twassal biex it-trasport ikun immaniġjat b'mod iżjed effiċjenti. Kif kien imħabbar il-gvern se jkun qed iħares lejn l-aspetti kollha, inkluż l-użu, ippjanar, manutenzjoni, fjuwil, manutenzjoni u tiswija tal-vetturi, kif ukoll l-aspett ambjentali fejn il-gvern jara li jkollu flotta iżgħar u aktar moderna ta' vetturi li jniġġsu anqas. Hemm rabta intrinsika bejn l-emmissjonijiet ta' dijosidju tal-karbonju u l-effiċjenza ta' vettura fl-użu tal-fjuwil, b'hekk vetturi li jniġġsu anqas u huma allura aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil ikollhom prijorità.

transport and energy intensiveness

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25710 li oriġinajrament saret lill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Billi ħafna pajjizi qegħdin janalizzaw kif jinkwadra pajjiżhom f’kuntest Ewropew dwar transport and energy intensiveness marbut ma' dan is-settur, jista' l-Ministru jgħid kemm qed nikkunsmaw transport fuel per unit of GDP u kif jipparaguna dan mal-medja tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba dwar ċifri fuq il-konsum tal-fjuwil għat-trasport tul dawn l-aħħar ħdax-il sena, kif ukoll ċifri dwar il-prodott domestiku gross (GDP) bil-prezzijiet tas-suq qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. M’għandniex informazzjoni dwar il-paragun mal-medja tal-Unjoni Ewropea.

Rapport tal-Bord t'inkjesta dwar il-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-consultancy firm KPMG li tissemma' fir-rapport tal-bord t'inkjesta dwar il-VAT ġiet magħżula? Kien hemm xi avviż ta' expression of interest? Jista' jgħid kemm se jħallas jew ħallas it-taxpayer għal dan ir-rapport?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Rapport t'inkjesta dwar il-VAT

Question

Billi l-kummissarju tal-VAT mhux imsemmi fl-appendiċi B fir-rapport t'inkjesta dwar il-VAT rigward il-lista ta' nies li saritilhom interview mill-Bord t'inkjesta, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan sarx bi żvista jew le? Jekk mhux bi żvista, x'inhi r-raġuni li l-bord tal-inkjesta ma talabx il-veduti tal-Kap tad-Dipartiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport tal-Bord intbagħat lill-Kummissarju tal-VAT għal veduti tiegħu f’Ġunju 2010. Il-Kummissarju ressaq l-pożizzjoni tiegħu bil-miktub fil-15 ta’ Lulju 2010 u l-Bord ikkonsidrahom u rrisponda. Fl-4 ta’ Frar 2011, il-Bord iltaqa’ mal-Kummissarju u żewġ diretturi tal-VAT fejn reġgħu ġew diskussi punti mir-rapport li ried iqajjem il-Kummissarju.

KMPG — każ ta' frodi tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kontribut tal-kumpaniji KMPG fir-rigward tal-każ tal-frodi tal-VAT kienx limitat biss biex jassisti l-Bord t'inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-KPMG ġie mqabbad biex jassisti l-Bord ta’ Inkjesta biex isir systems audit.
Leg 11 PQ #26369 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment tal-VAT — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tal-VAT Department li ġew arrestati fit-3 t'April 2009 u fil-ġranet ta' wara? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati li tressqu l-qorti? X'kienu s-sentenzi mogħtija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi b’riżultat tal-investigazzjoni lill-Pulizija kienet għamlet fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, kienu ġew imressqa quddiem il-Qorti sitt persuni. Minnhom wieħed kien ġie liberat, wieħed weħel sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba' snin flimkien ma' multa ta’ €450 u interdizzjoni ġenerali, filwaqt li ieħor weħel sentejn priġunerija sospiżi għal erba' snin flimkien ma' multa ta’ €500 u interdizzjoni ġenerali. Infurmat ukoll illi t-tliet każijiet l-oħra għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Leg 11 PQ #26370 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment tal-VAT — Uffiċċju tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni investigax il-każ ta' korruzzjoni fid-Dipartiment tal-VAT? Jekk fl-affermattiv, il-Ministru għandu l-ħsieb li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport relattiv?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kummissjoni hija prekluża milli tagħti informazzjoni dwar il-każijiet li qed tinvestiga u dan skont l-Artikolu 9 (2) tal-Kap 326.
Leg 11 PQ #26383 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — physical training

Question

Fid-drill tal-physical training li jagħmlu lill-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid jekk isirx grading tal-level of physical activity skont l-età u l-kundizzjoni fiżika tal-membri tal-korp konċernati billi f'ċerti każijiet dan qed joħloq stress fiżiku żejjed għal uħud minnhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sabiex il-pajjiż ikollu Pulizija li kemm jista jkun, ikunu effiċċjenti u kapaċi fill-qadi ta' dmirijiethom, il-Korp dejjem investa fit-tagħlim u taħriġ. Kien għalhekk li fl-1988 twaqqfet l-Akkademja tal-Pulizija. Għalkemm mill-1988 'l hawn it-taħriġ qatt ma waqaf, fl-2007, il-Korp beda programm ta' taħriġ kontinwu fejn illum kull membru tal-Korp jattendi fl-Akkademja tal-Pulizija darbtejn kull xahar. Din l-attendenza issir bħala parti mill-ħin tax-xogħol. Fl-ewwel attendenza tagħhom, il-membri jipparteċipaw fi-programmi ta' taħriġ fiżiku, un-armed combat , kif ukoll taħriġ fl-użu ta’ l-armi tan-nar u apparat ieħor. Fit-tieni attendenza, l-membri jirċievu tagħlim dwar liġijiet u suġġetti oħra relatati max-xogħol tal-Pulizija u li hu importanti għall-membri tal-Korp li jkunu aġġornati fihom. Dwar it-taħriġ fiżiku ninsab infurmat illi t-tabib tal-Korp jeżenta kemm temporanjament kif ukoll b'mod permanenti membri tal-Korp li fl-opinjoni tiegħu ma jkunux f'kundizzjoni fiżika jew medika addattata sabiex jipparteċipaw f'wieħed jew f'aktar mitt-tlett elementi ta’ taħriġ fiżiku. Minn barra dan, kull tant żmien, kull-membri jiġi mitlub jimla u jiffirma formola li fiha jindika xi mard jew sitwazzjonijiet u/jew kundizzjoni oħra li l-individwu jkun għaddej minnhom f'dak iż-żmien. F'każ li jkunu ndikati xi mard jew sitwazzjonijiet oħra ta' ċertu portata , l-formola ta' l-individwu tintbagħat lit-tabib tal-pulizija, sabiex dan jagħti direttivi u struzzjonijiet li jidhirlu li għandu jagħti lill-Kmandant tal-Akkademja. Minbarra dan, f'kull ġurnata li jkun ser isir dan it-tip ta' taħriġ, qabel jibda t-taħriġ, dawk il-membri preżenti, li għal xi raġuni jidhrilom li ma jkunux f'kundizzjoni li jipparteċipaw f'xi wieħed jew aktar mit-taħriġ li jkun ser isir f'dik il-ġurnata, għandhom jinfurmaw b'din is-sitwazzjoni lill- instructors tagħhom. Għalkemm il-membri tal-Korp jiġu mħeġġa sabiex jipparteċipaw fit-taħriġ, ħadd ma jiġi sfurzat jagħmel dan jekk l-individwu jidhirlu li ma huwiex f'kundizzjoni ta’ saħħa tajba li jkun jista’ jipparteċipa. Jekk xi membri jħossu mhux f''siktu, anke meta it-taħriġ ikun beda, dejjem ikun jista jieqaf milli jkompli bit-taħriġ. Jekk ikun hemm il-bżonn, dak il-membru jittieħed għal aktar eżamijiet jew assistenza medika. Kull tant żmien, sabiex isir kejl tal- performance tal-membri, isiru wkoll eżerċizzji ta' assessments . Dan l- assessment isir skont l-eta' u sess. F'kull każ kull membri jiġi nfurmat dwar jekk ikunx għamel progress jew le. Din l-informazzjoni tingħata sabiex il-membri jiġu nkoraġġiti jaddottaw kwalita' ta' ħajja tajba.