Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għat-tender għall-media consultancy tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Liema kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta ma ħarġitx tender għall-Media Consultancy.
L-isem korret tat-tender li probabilment qed jirreferi għalih l-Onor.Interpellant u li ħarġet l-Awtorita’ kien jismu “
Tender for the Provision of Marketing Services in the Destination Marketing to the Malta Tourism Authorithy”
Applikaw tmien (8) kumpaniji għal dan it-tender, li kienu:
M&C Saatchi (UK) Ltd
Touch Worldwide Ltd
MAS Communications
TBWA-ANG
Argonauten G2 Gmbh
Media Consulta International Hoding AG
Bestwerbeagentur
Light House+Ashley
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu energy performance certificates s'issa u fuq liema tip ta' proprjetajiet - tal-kiri, bejgħ jew dawk ukoll li huma at a planning stage? Billi huwa mifhum li nħarġu u qed jinħarġu għadd ta' enforcement letters biex jiġi żgurat compliance ma' dawn iċ-ċertifikati, jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ittri s'issa lil:
a) proprjetà tal-kiri;
b) proprjetà konnessa ma' bejgħ; u
ċ) proprjetà f'xi stadju jew ieħor ta' ippjanar?
Jista' jikkonferma li għalkemm l-onus taċ-ċertifikati huwa fuq min ibiegħ wara li l-proprjetà tkun inbiegħet lill-awtoritajiet kompetenti jistgħu jduru fuq ix-xerrejja kemm-il darba ċ-ċertifikat ma jkunx inħareġ fil-ħin qabel isir il-bejgħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sas-27 ta’ Ġunju ġew irreġistrati 72 ċertifikat dwar “Energy Performance of Buildings”. Minn dawn kien hemm 19 li nħarġu fuq propjeta li ġiet mibjugħa u l-kumplament fuq propjeta li għada fi stadju ta’ ppjanar. Inħargu b’kollox 199 ittra ta’ infurzar. Dawn kienu kollha fuq propjeta li għada fi stadju ta’ ppjanar.
Nista’ nikkonferma li l-onus tac-ċertifikat hu fuq minn ibiegħ jew jikri. Ix-xerrej jew dak li jkun ser jikri għandu dritt bil-liġi li jitlob ċertifikat dwar “Energy Performance” u għal daqstant l-Awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu iċ-ċertifikat lix-xerrejja u jekk dawn ma jiprovduħx fiż-żmien stipulat bil-liġi, li hu ta’ 60 ġurnata, dawn tal-aħħar jistgħu jeħlu multa skond kif tiprovdi l-liġi.”
Irrispettivament minn min se jġorr ir-responsabbiltà politika, jista' l-Prim Ministru jelenka s-sekwenza li waslet biex il-ministri spiċċaw ħadu żieda fl-onorarja tagħhom anki bħala membri parlamentari aktar milli propost għall-membri parlamentari nfushom, kif ukoll x’wassal verament għal hekk imsejjaħ żball amministrattiv li għalih il-Prim Ministru attribwixxa dak li ġara?
Billi anki membri tal-istess partit fil-gvern ilmentaw barra u ġewwa l-Parlament li kien hemm ukoll nuqqas ta’ trasparenza dwar din il-kwestjoni kollha, għaliex il-gvern qatt ma ħabbar dawn iż-żidiet uffiċjalment min-naħa tiegħu kif dejjem għamlu amministrazzjonijiet varji fl-imgħoddi?
Billi huwa mifhum li l-ħaddiema identifikati bħala żejda li minħabba l-pjan ta' ristrutturar tal-Airmalta jistgħu ma jiġux inkorporati fis-settur pubbliku minħabba l-possibilità li dan il-pass jitqies bħala state aid mill-Unjoni Ewropea nnifisha, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet alternattivi hemm maħsuba għall-ħaddiema konċernati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni ma’ tistgħax tingħata peress li għaddej il-pjan ta’ristrutturar.
Jista' l-Ministru jgħid Malta xi kemm tesporta hazardous waste – skart perikoluż – f’tunnellati kull sena? Lejn liema pajjiżi jiġi esportat dan l-iskart? X’kienu l-figuri mis-sena 2008 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-età medja taċ-ċittadini Maltin? Kif tipparagunaha mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropa kif ukoll mal-medja tal-istess Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-età medja taċ-ċittadini Maltin hija 39.6. Il-medja tal-EU27 hija 40.7.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26090 fejn minkejja li jien staqsejt dwar kemm-il darba fl-aħħar erba’ snin il-kumpanija li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, inqabdet b’diesel u fuel tal-kuntrabandu u x’passi ttieħdu, ġejt infurmat uffiċjalment li l-Ministru jinsab infurmat li d-dipartiment tad-dwana ma qabad l-ebda diesel u fuel tal-kuntrabandu mingħand il-kumpanija konċernata, jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-fatt qattx saru xi rapporti dwar dawn l-allegati każi minn uffiċjali tad-dwana li saħansitra ġew mgħoddija lis-superjuri tagħhom fl-istess dipartiment? Jekk iva, x’sar minn dawn ir-rapporti u x’data jġibu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi uffiċjali superjuri tad-Dipartiment tad-Dwana rċevew rapport wieħed biss minn uffiċjali tad-Dipartiment dwar allegat każ ta’ kuntrabandu ta’ diesel u fuel mill-kumpanija konċernata. Dan ir-rapport sar fit-28 ta’ Mejju 2010. Ninsab infurmat ukoll illi mill-investigazzjoni li saret ma rriżulta ebda ksur tal-liġijiet tad-Dwana.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26091 meta jiena staqsejt minħabba l-istop notice fuq l-MOBC, jistax il-Ministru jgħid minn fejn qed iġib ir-requirements tal-fuel il-gvern bħal fost oħrajn il-fuel oil, ġejt infurmat li l-klijenti tal-Korporazzjoni Enemalta ġew infurmat li billi l-Korporazzjoni Enemalta ma setgħetx tkompli tagħmel użu minn dawn is-servizzi, il-klijenti tal-korporazzjoni ġew infurmati b’dan u ntalbu biex jixtru t-thin fuel oil mingħand operaturi oħra fis-suq, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux kopja tal-operaturi l-oħra fis-suq mingħand min sar dan ix-xiri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li dan ix-xiri qed isir minn kumpaniji privati li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-Enemalta, l-Enemalta m’għandha l-ebda record mingħand min qiegħed isir dan ix-xiri.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-gvern li suppost kellu jiġi fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2011? Meta mistenni li jiġi konkluż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-negozjati dwar il-Ftehim Kollettiv il-ġdid għall-Ħaddiema fis-Servizz Pubbliku jinsabu fi stadju avvanzat. Huwa ttamat li dawn in-negozjati jiġu konklużi fl-iqsar żmien possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ivvutati flus għall-proġett Eko Għawdex? Tista' tagħti breakdown ta' kemm u kif u fuq liema proġett intnefqu s'issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari 12748, 14210, 22019 u 26204.
Jiena nfurmata wkoll li għas-sena 2011, il-Gvern alloka €6 miljuni għall-proġett Eko-Għawdex. Dan il-fond qed jintuża biex jitkomplew proġetti u inizjattivi mibdija fis-snin ta' qabel u biex jitwettqu diversi inizjattivi mibdija matul din is-sena.
Msida — Triq it-Torri - kwestjoni dwar inġenji fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi dwar il-fatt li t-traffiku two way fi Triq it-Torri l-Imsida, speċjalment meta jiġi biex jidħol jew joħroġ minn Triq Xmiexi, Msida ħafna drabi jiġi ostakulat mill-fatt li spiss isib quddiemu fork lifters u inġenji oħrajn ta' xi mħażen tal-merkanzija li hemm fl-istess Triq it-Torri f'diversi ħinijiet tal-ġurnata li ġieli jagħmlu dan impossibbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-Taqsima ta’ traffic management fi ħdan Transport Malta ma tirċeviex talbiet għal xogħlijiet li jirrikjedu l-użu ta’ fork lifters u inġenji oħra, speċjalment jekk it-triq in kwistjoni tkun taqa taħt ir-responsabbilta tal-kunsill lokali konċernat. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Billi hemm xi tappieri fi Triq Reġjonali li tiġi fuq Triq Xmiexi Msida, li jagħmlu ħsejjes kbar meta jgħaddi t-traffiku regolarment minn fuqhom ftit 'il bogħod mir-roundabout li hemm qabel Triq il-Punent Msida, fejn l-iskating rink, jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jiġu rranġati billi dawn qed ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti ta’ parti sew minn Triq Xmiexi, Msida?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qed tagħmel il-preparamenti neċessarji biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex jilqgħu kontra l-għargħar li jkun hemm fi Triq Belvedere l-Gżira fin-naħa t'isfel minħabba l-ilmijiet li jinżlu mill-parti li tiżbokka f'Rue D'Argens Gżira, ftit aktar 'l isfel mis-Savoy?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din il-problema qed tkun studjata u evalwata biex tintsab soluzzjoni vijabbli u tkun inkluza mill-aktar fis possibbli fil- programm ta’ xogħol li għandu x’jaqsam mal-problemi tal-għargħar.
Jista' l-Ministru jindika meta se jerġa' jkun hemm aċċess għal Tas-Simblija, limiti ta' Ħad-Dingli wara li din kienet ingħatat fondi mill-Unjoni Ewropea taħt l-iskema ARAMIS u miftuħa uffiċjalment mill-Ministru bil-lapida b’kollox? X’qed iżomm milli jsir dan l-aċċess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru responsabbli għad-Dipartiment tal-Artijiet.
Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jitlob għal żieda fil-fondi allokati għall-enerġija rinovabbli għall-implimentazzjoni ta' dik li hija msejħa Strategic Energy Technology Plan li tinkludi research and development fuq enerġija nadifa kif ukoll għal funding ġdid u addizzjonali biex isostnu l-wegħdiet tal-Unjoni Ewropea f'Copenhagen u f'Cancun, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern Malti dwar dan u jekk jaqbilx fil-prinċipju dwar żieda f'din it-tip tal-allokazzjoni għall-budget tal-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi talbiet għall-finanzjament ġdid jew żieda fil-livelli ta’ finanzjament kurrenti, jiġu evalwati sabiex jiffurmaw parti mill-proċess annwali tal-baġit. Għalhekk, f’dan il-każ ukoll, it-talba li għaliha qiegħed jirreferi l-Onorevoli interpellant tiġi kkunsidrata fil-qafas tal-parametri tal-baġit, skont ir-riżorsi finanzjarji.
Fil-każijiet tal-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li jaħdmu fl-Għammieri, jista' l-Ministru jgħid b'mod separat kemm:
a) ħadmu overtime mis-sena 2010 sal-lum kemm f'dawk li huma sigħat u anke fi flus, xahar b'xahar;
b) jekk u kemm kwalifikaw għal scholarships matul dawn l-aħħar snin; u
ċ) jekk u kemm ħadu promotions f'dawn l-aħħar snin u x'tip ta' promotions kienu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li il-ħlas ta’ salarji mal-gvern ma jsirx fuq bażi kalendarja iżda fuq cikli ta’ erba’ ġimgħat. Barraminhekk il-ħlasijiet Addizzjonali li mhumiex regolari ma jikkoinċidux u ma jirrapreżentawx il-ħlas dovut la għall-perjodu tas-salarju u wisq inqas għal perjodi ekwivalenti tal-ħlas tas-salarju u mhux neċessarjament jitħallsu lill-kullħadd kontemporanjament għall-istess perjodi. Din il-prattika hija waħda użata b’mod wiesgħa fid-dinja tax-xogħol b’mod partikolari fl-ambjent Governattiv fejn il-proċess ta’ approvazzjoni huwa twil u metikoluż biex ikun żgurat kemm it-trasparenza kif ukoll l-accountability.
Skont il-proċedura stabbilita, qabel ma fil-fatt jinħadem l-overtime kull tlett xhur tkun sottomessi għall-approvazzjoni estimi tal-overtime li huwa previst meħtieg. Infakkru wkoll li filwaqt li hija l-prattika li kemm jista’ jkun l-
overtime
jitqassam b’mod ekwu fis-sezzjoni, dan jiddependi totalment fuq in-natura tax-xogħol tas-sezzjoni/Dipartiment kif ukoll mill-ħilit mitluba fl-okkazzjoni partikolari li dan ix-xogħol ikun irid iseħħ.
Għal każ partikolari tal-ħaddiema fis-sezzjoni li dwarha qiegħed jistaqsi, nassumi li Onorevoli Interpellant jifhem sew li s-sezzjoni tal-Annimal Welfare huwa meħtieġ li tipprovdi servizz tul-24 siegħa tal-ġurnata għas-seba’ tijiem tal-ġimgħa kif ukoll li attivitajiet promozzjonali mmirata lejn il-pubbliku organizzati mill Promotion and Information Unit iseħħu wara il-ħin tax-xogħol u/jew partikolarment fi tmiem il-ġimgħa nhar ta’ Ħadd. Barra minhekk l-ispiża tal-overtime għall-attivitajiet promozzjonali jitħallas mid-dħul mill-istess attivitajiet. Id-dewmien fil-ħlas tal-overtime lill-impjegati f’din is-sezzjoni kien ħtija taż-żmien meħud biex jkunu kjarifikati il-kontijiet tal-attivitajiet. Għaldaqstant il-ħlasijiet magħmula fil-perjodu mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jirriflettux il-ħlas għall-overtime fl-istess perjodi imma għal perjodu li jmur aktar lura.
Ta’ min għid ukoll li wieħed ikun skorrett jekk wieħed jipprova jagħmel ezerċizzju komparattiv abbażi tas-sigħat ta’ Over Time imħallas peress l- l-impjegati tal-Gvern għandhom l-għażla li jieħu ‘
time-off in lieu
’ għas-sigħat kollha jew part minnhom li jkunu ħadmu barra l-ħin tagħhom.
Għaldaqstant fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija hawn qabel partikolarment kif spjegat fl-ewwel parti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi dokument bl-informazzjoni tal-individwi identifikati mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu mitlub bħala total.
Ninforma lill-Onor Interpellant li kontra l-impressjoni li tista tagħti din il-mistoqsija parlamentari, hemm numru konsiderevoli ta’ ħaddiema oħrajn li minħabba n-natura tal-impjieg tagħom qed jaħdmu ammont qawwi ta’
overtime
.
Billi l-Ministru dehrlu li seta' jippreġudika s-sensittività tal-ħidma li tinsab għaddejja fi ħdan id-Dipartiment tal-VAT kontra l-evażjoni mit-taxxa, jekk jiġi ppublikat ir-rapport sħiħ tal-KPMG li ġie mgħoddi lid-Direttur tal-VAT fi Frar 2010 flimkien mar-rapport tal-bord t’inkjesta, jista' l-Ministru almenu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra executive summary ta’ dan ir-rapport ħalli wieħed ikollu idea ċara tan-nuqqasijiet amministrattivi fid-dipartiment li setgħu ġew identifikati u elenkati fl-istess rapport?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25987.
Ċimiterju tal-Addolorata — kwestjoni ta' aktar viġilanza
Question
Jista' l-Ministru jara li ssir viġilanza akbar fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata għax spiss nirċievi ilmenti mingħand kostitwenti li apparti atti ta' vandaliżmu li jistgħu jsiru wara l-ħin u li dwar uħud minnhom ġieli qrajna anki fil-media, ġieli anki fjuri li jkunu ilhom ftit siegħat li tqiegħdu fuq l-oqbra ta' nies mejtin mill-familjari tagħhom jogħsfru minnufih?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat Għas-Saħħa Ambjentali qiegħed jieħu kull azzjoni disponibbli biex isaħħaħ is-sigurtà fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. Wieħed mill-passi huwa li kull min jirrapporta xi atti ta’ vandaliżmu qiegħed jiġi riferut lill-pulizija tad-distrett ħalli jinbdew l-investigazzjonijiet meħtieġa. B’sodisfazzjon tressqu wkoll il-qorti xi persuni u ngħataw il-pieni skont il-liġi. Pass ieħor huwa rapport tekniku sabiex issir l-installazjoni ta’ cameras ta’ sigurta`, liema sistema tkun tista tissorvelja postijiet strateġiċi fiċ-Ċimiterju.
Missile Technology Control Regime — applikazzjoni ta' Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta Malta applikat biex tissieħeb mal-Missile Technology Control Regime fejn ikunu jgħoddu l-provedimenti kollha tiegħu? Meta fil-fatt issieħbet u ntrabtet ma' dawn il-provedimenti kollha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Malta applikat biex tissieħeb fil-Missile Technology Control Regime fid- 29 ta’ Awwissu 2003. Flimkien ma’ seba’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, Malta għadha qed tistenna d-deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni min-naħa ta’ din l-għaqda.
Tas-Sliema — Pjazza Sant'Anna - bini mhux awtorizzat mill-MEPA
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif wieħed jista' jispjega l-fatt li bini mhux awtorizzat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fi Pjazza Sant' Anna Tas-Sliema u li dwaru kien għad hemm appell pendenti tħalla jitmexxa l-kostruzzjoni fuqu saħansitra bi cranes fil-viċin, filwaqt li d-data tal-planning appeals board dwar il-każ meta ġiet mċaqilqa nġabet 'il quddiem minflok ma ġiet posposta b’tali mod li ċerti residenti lanqas kienu fil-ħin biex jattendu l-laqgħa msemmija?
Jista' l-Prim Ministru jispjega l-fatt li fis-sena 2007 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija mifhuma li ġeddet il-permess meta kien għad hemm appell pendenti?
X’passi ttieħdu dwar min fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien responsabbli biex fuq il
-website
tagħha dehru permessi li jirrelataw għall-faċċata ta’ bini ieħor b’tali mod li r-residenti lanqas setgħu jindunaw għal liema proprjetà l-awtorità kienet qiegħda effettivament tirreferi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi s-seduta tal-25 ta' Jannar 2011 kienet ġiet mibdula u s-seduti ġew appuntati mit-Tribunal il-Ġdid li estabbilixxa dati differenti tas-seduti. L-appellanti ġew infurmati b'ittra reġistrata bil-bdil tad-data, madankollu huma m’attendewx għax kienu msefrin. L-appellanti attendew għas-seduta tal-10 ta' Mejju 2011 u kellhom l-opportunità li jressqu l-każ tagħhom.
Il-liġi kif kienet meta ġie mġedded il-permess ma kienetx twaqqaf lill-MEPA milli toħroġ permess u lanqas kienet twaqqaf lill-applikant milli jibda jibni skont l-istess permess, irrispettivament mill-fatt li jkun hemm appell minn terzi. Il-permess mill-MEPA jinħareġ "saving third party right”.
Meta l-MEPA kellha lmenti fuq is-servizz mogħti mill-kuntrattur ta' twaħħil ta' site notifcations kif ukoll uploading fuq is-sistema tal-website tal-awtorità, l-awtorità ħadet il-passi neċessarji u bidlet il-kuntrattur.