Legislature:
Category:
Reset
Active:

Solar Water Heaters

Question

Billi skont ma qed jintqal min-naħa tal-gvern hawn 13,000 solar water heater stallat f'pajjiżna, tista' l-Ministru tgħid sena b'sena kemm ġew stallati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika minn fejn qed jikkwota din iċ-ċifra.
Leg 11 PQ #27168 Sitting 387 2011-10-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

informazzjoni dwar clerks li għamlu l-eżami

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b’kollox kemm qagħdu nies għall-eżamijiet għal clerk mal-gvern is-sena li għaddiet? Kemm għaddew mill-eżami? Kemm beħsiebu jdaħħal nies minnhom miegħu l-gvern? Kemm iddaħħlu s’issa? Billi huwa mifhum li l-applikazzjoni tagħhom tibqa' valida sal-24 ta' Ġunju 2012, jista' jgħid jekk sa dakinhar dawk kollha li għaddew, ikunu ddaħħlu jew le, kemm-il darba l-għadd ta' dawk li għaddew huwa inqas min-numru ta' nies li għandu bżonn il-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li: 1) Tweġiba għall-ewwel żewġ partijiet ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari diġa ngħatat permezz ta-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 19111, 19351, 21311, W184, 23037, 23049, 22995 ; u 2) mill-waiting list ta’ dawk li għaddew mill-eżami tal-Clerks, sa issa daħlu 40. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ingaġġ tal-Clerks isir skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Publiku u l-prijoritajiet tal-Amministrazzjoni minn żmien għal żmien.

Feed in Tariffs 2011 — photovoltaic applications

Question

B'referenza għal Feed in Tariffs 2011 li għadha kif ppublikat l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, fl-aħħar paġna tad-dokument jintqal li din l-'installation operator may request to be paid any balance due with respect to exported electricity after four consecutive billing periods’, jista' l-Ministru jikkonferma kemm huwa twil il-billing period għal finijiet ta’ dan l-eżerċizzju? X’inhi r-raġuni li dan id-dettal qatt ma ġie spjegat ċar meta il-proċess dwar il-photovoltaic applications ġie riklamat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Billing period imsemmi huwa għal perjodi ta’ sentejn. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li meta l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi ħabbret is-sistema ta’ feed-in tariffs, l-istess awtorità ħadet ħsieb torganizza tliet laqgħat ta’ informazzjoni għall-pubbliku. Dawn il-laqgħat pubbliċi saru fl-1 u fl-4 ta’ Ottubru li għadda ġewwa Project House fil-Floriana u laqgħa oħra li saret fil-5 ta’ Ottubru fil-Lukanda Kempinski f’Għawdex.

informazzjoni dwar oqbra

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma l-applikazzjoni għall-qabar, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn tinstab fil-waiting list billi ilha pendenti dan iż-żmien kollu? Jista' jikkonferma li l-proġett imħabbar ftit qabel l-elezzjoni 2008 fejn kellhom jibnew 2782 qabar ġdid li minnhom 2500 kienu se jiġu allokati lill-pubbliku għadux tal-istess daqs?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru tal-applikazzjoni għall-qabar kif referut fil-mistoqsija ma jeżistix. Il-format huwa DH 39, is-sena tal-applikazzjoni u n-numru tal-applikazzjoni f’dik is-sena eżempju: (DH 39/sena/numru). Rigward l-estensjoni taċ-Ċimiterju nikkonferma li dan għadu tal-istess daqs jiġifieri ta’ 2972 il-qabar ġdid.

Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 — kopji stampati

Question

Jista' l-Ministru jgħid b’kollox kemm ġew stampati kopji tar-Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 għas-sena 2011 tal-ministeru tiegħu u kemm minnhom tqassmu fid-distretti elettorali li l-Ministru jikkontesta u lil min?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kienu stampati 3,000 kopja tar-rapport imsemmi u li ġew imqassma f‘dipartimenti tal-Ministeru u persuni oħra, inkluż dawk li xi darba kienu ndikaw li jinteresshom jirċievu nformazzjoni fuq il-ħidma ta’ dan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #25506 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Rimi ta' skart tal-kostruzzjoni f'Ta' Muxi fil-Qala

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi effettivi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar wara li minkejja li ċ-chairman tal-istess awtorità jingħad li serraħ ras il-kunsill lokali Tal-Qala, li kienu se jittieħdu passi dwar ir-rimi ta' skart tal-kostruzzjoni fiż-żona magħrufa bħala Ta' Muxi, fil-Qala, sal-lum jidher li mhux biss ma ttieħdet l-ebda azzjoni, iżda sa ftit ġranet ilu, trakkijiet reġgħu komplew jarmu skart tal-kostruzzjoni fuq is-sit? Jista' jippubblika kopja tal-korrispondenza elettronika jew bil-posta li għaddiet bejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Pulizija fejn din talbithom jieħdu l-passi neċessarji - dan aktar u aktar sabiex jiġi stabbilit għaliex - u jekk dawn l-istruzzjonijiet ġewx injorati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż għaż-żamma tal-buon ordni? X'kienet ir-reazzjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għat-talba fl-istess rigward li saret minn diversi sidien tar-raba' fl-istess lokal wara li ntefa' l-iskart tal-kostruzzjoni fuq il-proprjetà tagħhom iżjed u iżjed wara li dawn ressqu l-oġġezzjoni tagħhom lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi fl-inħawi ġenerali magħrufa bħala Ta' Muxi fil-limiti tal-Qala, l-Awtorita’ ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar waqqfet 3 każijiet differenti ta' rdim f'areas differenti. L-ewwel każ kien twaqqaf permezz tal-Enforcement Notice ECF574/10. L-irdim kien waqaf u kienet sottomessa applikazzjoni sanatorja, PA5350/10 fit-terminu legali. Rigward dan il-każ, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba rigward il-Mistoqsija Parlamentari PQ 25833. Hemm ukoll appell kontra dan l-Enforcement Notice. It-tieni każ kien jirrigwarda stockpiling li kien qed isir eżatt barra l-konfini ta' barriera. Dan il-każ twaqqaf permezz tal-Avviż ECF 606/10. Riċentement ġie approvat Method Statement li l-MEPA kienet talbet lill-operatur tal-barriera sabiex ineħħi dan l-istockpiling. L-aħħar każ kien kopert permezz ta' ECF159/11, wara li f'April li għadda ġie osservat li reġa' sar irdim ieħor f'żona oħra fl-inħawi. Il-MEPA qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni u tagħmel l-għalmu tagħha sabiex tara li l-irdim ma jerġax ikompli. Apparti spezzjonijiet għal għarrieda, kien investigat immedjatament kull rapport li sar. Primarjament ir-rapporti lill-MEPA kienu qed isiru minn għaqda non-governattiva u indikazzjonijiet juru li dawn it-3 żoni li ntradmu, kif ukoll barriera fl-inħawi, jappartjenu lill-istess individwi/kumpaniji. Għal dan il-għan ukoll, il-MEPA diġa’ infurmat lill-Pulizija bl-okkorrenzi, permezz ta' email fil-5 ta' Novembru u ta' rapport fis-6 t'April primarjament ħalli ż-żona tkun tista’ tiġi nvestigata u mgħassa ukoll mill-Pulizija, liema kopji qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-MEPA qiegħda ukoll tikkunsidra s-sitwazzjoni ħolistika fl-inħawi ħalli tieħu l-iktar passi idoneji biex titreġġa' lura s-sitwazzjoni. F'dan l-istadju mhux qed jiġi eskluż xejn mill-MEPA jekk is-sidien ma jikkoperawx billi jneħħu l-irdim u jsewwu d-danni ambjentali li setgħu inħolqu.

National Pool Area — squash rooms fi stat ħażin

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’wassal biex l-isquash courts fin-National Pool Area jinsabu fl-istat ħażin li jinsabu fih bħalissa u x’passi se jieħu l-gvern dwar dan in-nuqqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport huwa konxju tas-sitwazzjoni preżenti ta’ l-isquash courts li jinsabu fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq u qed jaħdem bi sħiħ sabiex tinstab soluzzjoni permanenti. Fl-2009, inħasset il-ħtieġa li jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-imsemmija squash courts. Fil-fatt, l-Kunsill Malti għall-iSport ħareġ sejħa għall-offerti biex jingħatalhom wiċċ ġdid. Ix-xogħlijiet li saru ma tawx ir-riżultati mixtieqa. Minn dak inhar ġew avviċinati numru ta’ kumpaniji lokali iżda l-materjal offrut ma kienx skont dak mitlub. Bħalissa qed jiġu esplorati metodi alternattivi biex finalment l-imsemmija squash courts jitranġaw b’mod professjonali. Fil-fatt bħalissa, il-Kunsill Malti għall-iSport qed jistenna li jagħmel kuntatt ma’ konsulent barrani sabiex jiġi jara l-imsemmija squash courts u eventwalment jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Kundizzjonijiet tax-xogħol għal dawk li jaħdmu on a day to day basis

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawk li jaħdmu mal-Gvern fuq bażi temporanja on a day to day basis u kif se tolqothom fir-rigward tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà nazzjonali flimkien mal-istatus tagħhom u kundizzjonijiet oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor Interpellant qiegħed jirreferi għall- Learning Support Assistants On Call , nirreferih għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27042.

Joint Commission — laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta ltaqgħet l-ewwel darba l-joint commission bejn Malta u ċ-Ċina? Kemm-il darba ltaqgħet? F'liema dati ltaqgħet u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dil-Kummissjoni Konġunta hija ta natura ekonomika. Mill-informazzjoni li għandu dal-Ministeru, dil-Kummissjoni iltaqgħet l-ewwel darba fit-20 / 08 / 2009, iltaqgħet tmien (8) darbiet, bl-aħħar laqgħa f'Ġunju 2009. Għal aktar dettalji, peress li l-Joint Commission bejn Malta u ċ-Ċina hija waħda ta' natura ekonomika u kummerċjali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

National Insurance tal-Learning Support Assistants

Question

B'referenza għall-facilitators - Learning Support Assistant mad-Direttorat tal-Edukazzjoni, tista' l-Ministru tgħarraf lill-Kamra jekk hux minnu li wara li dawn kienu qed jitħallsu xi €43.80 kuljum + €4.635 għall-break time (fix-xhur tax-xitwa biss) bl-Education Department inaqqsilhom 15% taxxa u mingħajr ma jkunu intitolati għas-sick leave u/jew vacation leave, b'bonus pro rata u National Insurance titħallas biss meta jaħdmu, issa għadhom kif saru jafu li lanqas se jkun hemm bżonn li jkollhom FS4 form u li se jiġu meqsjusa bħala self employed fuq contract of service ? Peress li dawn saru jafu ukoll li l-FS4 għandha tiġi mitluba biss fil-każ ta' part-timers li jkunu ġew apporvati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawn il-ħaddiema fir-rigward tan-National Insurance, aktar u aktar billi huma jħallsu n-National Insurance biss meta jaħdmu u b'hekk ma jkunux koperti fil-vaganzi tas-sajf, tal-Milied u tal-Għid fost oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor Interpellant li hemm żewġ kategorija ta’ Learning Support Assistants mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Hemm Learning Support Assistants li jiġu nġaġġati fuq kuntratt ta’ servizz ( contract of service ) wara sejħa li toħroġ mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dawn jingħataw kuntratt ta’ sena u għandhom id-drittijiet kollha ta’ leave u sick leave u għal skop ta’ sigurta’ soċjali huma kkunsidrati bħala persuni impjegati ( employed ). Dawn jitħallsu fix-xahar u jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali bħal impjegati skont il-paga tagħhom. Barra minn dawn, toħroġ sejħa ( expression of interest ) għal servizzi ta’ Learning Support Assistants fuq bażi ta’ ħtieġa. Dawn l-LSA’s jagħtu s-servizzi tagħhom skond il-ħtieġijiet tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni fejn ikun hemm nuqqasijiet għal perjodu qosra ħafna (normalment ġranet). Dawn l-LSA’s huma inġaġġati biex jagħtu servizz ( contract for service ) u għalhekk għal finijiet ta’ sigurta’ soċjali mhumiex ikkunsidrati bħal persuni impjegati iżda jista’ jkunu meqjusa bħala persuni li jaħdmu għal rashom ( self occupied ). Infatti dawn jistgħu jkunu dovuti jħallsu kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali bħala persuni li jaħdmu għal rashom kemm il-darba d-dħul tagħhom minn dan is-servizz jaqbeż id-€910 fis-sena. Irid jingħad ukoll li peress li din il-kategorija ta’ LSA’s mhumiex inġaġġati bħala impjegati ma tistax timtliehlom il-formola FS4 għal skop ta’ taxxa.
Leg 11 PQ #27088 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Landfill Directive targets

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26331 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk Malta laħqitx il-Landfill Directive targets tas-sena li għaddiet u jekk le, b’kemm marret żmerċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba dewmien fil-kummisjunar tal-impjant tat-trattament għall-iskart solidu (l-impjant ta’ Sant’Antnin) Malta ma kienetx f’pożizzjoni li tikseb il-mira għall-2010 fil-ħin. Dan id-dewmien irriżulta minħabba problemi li nqalgħu waqt il-bini tal-impjant. Il-proċess ta’ diġestjoni anaerobika fl-impjant ġie kkummissjunat fl-aħħar ta’ Novembru 2010 u jkun kompletament operattiv fix-xhur li ġejjiin. Sa dan il-perjodu Malta għandha tkun qrib li tilħaq il-mira għall-2010. Skont l-aħħar data standariżżata disponibbli mill-Eurostat (is-sena 2002) għal Malta, Malta kienet permessa tiddisponi sa 106,109 tunnellata ta’ skart muniċipali bijodegradabbli fil- landfills . Skont l-aħħar cifri miġbura mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, bejn l-1 ta’ Lulju tal-2009 u t-30 ta’ Ġunju tal-2010 Malta ddisponiet minn 146,668 tunellata ta’ skart muniċipali bijodegradabbli. Dan ifisser 42,649 tunellata ‘l fuq mill-mira stipolata għal Malta għall-istess sena. F’dan ir-rigward, Malta qed tieħu diversi miżuri sabiex jigi ddivjat kemm jista’ jkun skart muniċipali bijodegradabbli sabiex tkun konformi mal-mira ta’ l-2010. Dawn il-miżuri jinkludu fost l-oħrajn, l-esportazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ skart solidu miniċipali trattat, u inizjattivi oħra bħal tkabbir fis-separazzjoni fis-sors ta’ karti u kartonċin permess tal-inizjattiva “recycle Tuesdays” u “bring in sites”. Dawn il-miżuri huma antiċipati li jiddevjaw 6,000 tunellata metrika oħra, sabiex it-total bijodegradabbli ta’ skart muniċipali devjati fil-2011 jammonta għal 50,000 tunellata. Fażijiet addizzjonali tal-pjan, fosthom l-ikkummissjonar ta’ “Mechanical Biological Treatment Plant” fit-Tramuntana ta’ Malta u ieħor f’Għawdex, għandhom jikkontribwixxu lejn il-ksib tal-miri stabbiliti.
Leg 11 PQ #27111 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsaxlokk — Kavallerizza - planning guidance

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta beda l-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-Kavallerizza Planning Guidance li jifforma parti mill-Marsaxlokk Bay Local Plan? F'liema stadju wasal dan il-proċess u meta beħsiebu japprova dan il-planning guidance? Jista' jgħid x'qed isir sadanittant mill-applikazzjonijiet pendenti mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'din iż-żona tal-Kavallerizza f'Marsaxlokk u jgħid liema huma l-applikazzjonijiet effettwati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-proċess ta' reviżjoni tal-Kavallerizza Planning Guidance beda f'2007 meta tnieda l-proċess ta' konsultazzjoni pubblika. Ġew evalwati d-diversi issues li tqajjmu waqt il-konsultazzjoni pubblika, li xi wħud minnhom jista' ikollom implikazzjonijiet strateġiċi. Għaldaqstant saret re-evalwazzjoni ta' din il-Gwida b'tali mod li l-proċess jintemm fil-ġejjieni qrib. L-applikazzjonijiet pendenti qegħdin jiġu pproċessati permezz ta' evalwazzjoni ta' jekk jistgħux jippreġudikaw d-direzzjoni tal-Gwida jew le. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-applikazzjonijiet affettwati.
Leg 11 PQ #21223 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — sit ta' bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20506 u jgħid x'passi ttieħdu dwar is-sit, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn il-bini sar b'tali mod li qed jieħu parti sew mill-bankina, tant li omm lanqas tista' tgħaddi bil-pushchair minn fuqha, fejn ma kienx hemm rispett lejn il-linja li suppost żammet il-binja, kif ukoll nuqqas ta' netting xieraq u dan kollu kien ta' inkonvenjent għar-residenti? Kif wieħed jispjega l-fatt li kuntrarju għal kull bini ieħor f'din it-triq żgħira inħareġ il-permess biex saħansitra jibnu basement u garaxx? X'passi ttieħdu s'issa fid-dawl tad-diversi rapporti li waslu għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll minħabba artiklu li deher fit-Times of Malta aktar kmieni dan ix-xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi wara l-intervent tal-Awtorita, is-sid żgombral-bankina u bena l-istekkat (hoarding) il-ġewwa mill-linja uffiċjali. Għaldaqstant il-bankina qed titħalla għall-passaġġ liberu publiku.
Leg 11 PQ #24697 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

IPPC permits

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24433 u jgħid kemm hemm Integrated Pollution, Prevention and Control permits fis-seħħ bħalissa? Tista' tagħti lista sħiħa tal-proġetti jew attivitajiet ekonomiċi/industrijali li jikkonċernaw, inkluż dawk tal-privat? Kemm hemm nies fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li qed jieħdu ħsieb il-moniteraġġ kontinwu ta' dawn l-IPPC permits sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet qegħdin jiġu osservati bl-aktar mod strett? Kemm kien hemm każijiet s'issa fejn instab li xi ditta, ażjenda, jew intrapriża, inkluż dawk tal-gvern, instabu li kienu qed jiksru l-kundizzjonijiet tal-IPPC permits tagħhom u x'passi ttieħdu s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li bħalissa hemm għaxar permessi tal-IPPC (Intergrated Pollution Prevention and Control) fis-seħħ. Dawn jikkonċernaw attivitajiet f’dawn is-setturi f’Malta: immaniġjar ta’ l-iskart, manifattura ta’ kimiċi/farmaċewtiċi, u ġeenerazzjoni tal-eletriku. Iktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-website tal-MEPA (http://www.mepa.org.mt/ippc-applications-installations) Bħaissal-l-MEPA għandha disa impjegati li fost dmirijiet oħra għandhom responsabilitajiet ta’ moniteraġġ ta’ impjanti li huma regolati b’permess ta’ IPPC. Qed issiru audits u spezzjonijiet b’ mod regolari skont il-livell ta’ riskju assoċjat mal-opperazzjoni ta’ l-impjant. Mill-ispezzjonijiet li jsiru ħareġ li kien hemm (7) każijiet fejn operaturi ma kienux qed jimxu skond il-kundizzjonijiet tal-permess. Il-MEPA ħadet azzjoni neċċessarja skont il-każ. L-azzjoni s’issa varjat minn twiddiba sa multa.
Leg 11 PQ #25212 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett dwar Ethanol

Question

Billi ngħad li l-proġett dwar Ethanol mill-iskart ta' €435 miljun ser ikun qed jopera fil-ġejjieni qarib, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar rċevietx xi applikazzjoni dwar dan u jekk tinsabx infurmata li ġiet ikkummissjonata xi environmental impact assessment mill-promoturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru.25980
Leg 11 PQ #25263 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħitan tas-sejjieħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24734, billi l-Prim Ministru għoġbu jikkwota ir-regolamenti tal-1997 dwar il-ħitan tas-sejjieħ u strutturi rurali u r-regolamenti tal-2004 li jemendawhom, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li l-ħitan tas-sejjieħ huma konformi mal-liġi, billi f'ħafna każijiet dawn qed jogħlew b'żewġ piedi jew tlieta, tmur fejn tmur? Hemm xi pjan ħolistiku dwar dawk il-ħitan tas-sejjieħ kollha li mhumiex skont il-liġi, speċjalment dawk li telgħu wara l-1992?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Illegalitajiet li jikkonċernaw ħitan tas-sejjieħ jiġu ndirizzati mill-MEPA bħal kwalunkwe żvillup illegali ieħor, u f’ dan l-istadju f’dak li għandhu x’ jaqsam ma’ infurzar, ma hemm l-ebda pjan partikolari li jindirizza unikament dan l-aspett speċifiku.
Leg 11 PQ #25977 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Enforcement orders kontra dipartimenti tal-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25215, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet enforcement orders kontra dipartimenti tal-Gvern u aġenziji pubbliċi mill-2007 sal-lum? Jista' jqiegħed lista tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi wara analiżi mis-sistema diġitali tal-MEPA bejn l-2007 u Mejju 2011 ħarġu dawn l-enforcement orders: 27 Enforcement Order kontra Kunsilli Lokali, li minnhom ingħalqu 5 Enforcement Orders ; 81 Enforcement Order kontra d-Dipartimenti Governattivi, mill-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra minnhom ingħalqu 22 Enforcement Order ; Inoltre inħarġu għadd ta’ Enforcement Orders kontra l-Gvern bħala sid l-art (jiġifieri kontra d-Diviżjoni tal-Artijiet u kontra l- Joint Office ). Dan ma jfissirx illi l-Gvern ikkommetta xi illegalita’ iżda l-proċedura hija li l- Enforcement Order toħroġ fuq is-sid tal-art, f’dan il-każ il-Gvern. L-illegalita’ fil-fatt tkun saret minn terzi li attwalment ikunu qed jokkupaw l-art in kwistjoni.
Leg 11 PQ #26279 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — total salary bill

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn kemm ilha li saret ir-riforma tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn u kemm inħolqu impjiegi ġodda fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Minn liema lokalità ġejjin (ismijiet mhux meħtieġa)? X'kien it-total salary bill qabel daħlet ir-riforma? Minn dawn kemm se jmorru u/jew qed imorru fuq boards u sub committees ġodda mindu nħolqu postijiet ġodda full-time? Kemm huwa t-total salary bill bħalissa? Kemm mistennija titla' la jiddaħħlu l-impjegati kollha li maħsuba li jiġu ngaġġati? Saret xi konsultazzjoni mal-management efficiency unit qabel ma ġiet imfassla u approvat l-istruttura u l-organigram il-ġdida tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dettalji li turi kemm ilha li saret ir-riforma tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fejn u kemm inholqu impjiegi godda fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u minn liema lokalità gejjin. It- total salary bill qabel dahhlet ir-riforma kien ta' Euro786,972.27 kull erba' gimghat li jikkonsistu f'salarji gross, board/commissions honoraria, overtime, cash allowances, allowances li huma taxxabli u li m'humiex u l-bolla tal-kumpanija .Il membri tal-EPC biss jpoggu fuq il-bordijiet. It- total salary bill bhalissa huwa ta' Euro890.135.69 kull erba' gimghat li jikkonsistu f'salarji gross, board/commissions honoraria, overtime, cash allowances, allowances li huma taxxabli u li m'humiex u l-bolla tal-kumpanija . Impjegati oltre dawk maqbula, se jkunu decizi wara studju apposta li l-MEPA qed tagħmel.

MRA — budget edukattiv dwar enerġija alternattiva

Question

Billi skont tweġiba parlamentari 26101, l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi għandha budget edukattiv ta' €542,800 dwar enerġija alternattiva li jridu jintużaw sas-sena 2013, jista' l-Ministru jikkonferma kemm u kif intnefqu minnu s'issa u b'seħħ minn liema data?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett huwa ko-iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u ġie approvat biss nhar it-3 ta’ Mejju 2011. Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi mingħajr telf ta’ ħin diġa fasslet il-qafas ta’ dawn il-programmi għall-ħtiġijiet edukattivi identifikati u bħalissa għaddejja bil-proċess biex tiffinalizza t-tenders ħalli tkun tista’ ssir sejħa għall-offerti, kif jitolbu l-proċeduri tal-ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-kampanja.
Leg 11 PQ #26894 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

recycling performance ta' pajjiżna

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26140 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jippubblika figuri li juri r-recycling performance ta' pajjiżna minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea sena b’sena u jekk id-data neċessarja tal-waste streams tagħna dejjem kenitx available fil-ħin lill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk Malta jew qattx talbet u/jew ingħatat xi perijodu tranżitorju biex tilħaq dawn ir-recycling targets? Jista' jagħmel dan b’mod komparattiv mal-istati membri ġodda li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-istess żmien tagħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi għar-rigward tal-figuri tar-recycling performance ta' pajjizna minn kemm Malta ilha membru tal-Unjoni Ewropea sena b'sena, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument f'dan ir-rigward. Malta ġieli kellha xi dewmien fir-rapportar ta' xi data lill-Unjoni Ewropea li kienu l-aktar minħabba l-fatt li kellhom jinħarġu tenders għall-ġbir tad- data. Għar-rigward tal-fatt jekk Malta qatt talbet u/jew ingħatat xi perjodu tranżitorju biex tilħaq dawn ir-recycling targets, Malta kienet ingħatat derogi meta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, li kienu jinkludu derogi vis a vis t-targets tal-ippakkjar, t-tagħmir ta' l-elettriku u elettroniku, u t-terraferma, liema derogi ngħataw ukoll xi Stati Membri ġodda oħra. Riċentament, Malta talbet ukoll li tingħata estenzjoni tad-dati sabiex tilħaq ir-rati ta' kollezzjoni tal-iskart mill-batteriji u akkumulaturi, liema talba għadha qed tiġi kkunsidrata.