Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #27912 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — trabijiet tal-barrieri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi effettivi qed tieħu l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tiżgura li t-trabijiet mill-barrieri qrib iż-żoni residenzjali ma jkunux ta' ħsara u ta' inkonvenjent għas-saħħa tar-residenti tal-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-awtorità qiegħda tirregola l-emissjonijiet ta' trab mill-barrieri permezz tal-permessi ambjentali, u billi tgħin lill-operaturi jagħrfu metodi ta' kif għandhom jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet ta' trab fl-arja permezz ta' apparat apposta jew inkella permezz ta' xi tibdil li jista' jsir fl-operat. F'dawn l-aħħar xhur, l-awtorità ħadet l-inizjattiva li tipprepara qafas ta' moniteraġġ li jindika l-ammont ta' trab li joħrog mill-barrieri; dan se jiġi maħruġ għal konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin. Dan il-qafas huwa mfassal b'tali mod li jgħin lill-awtorità u lill-operatur jidentifikaw minn liema proċessi ta' l-operat qed jiġi ġenerat it-trab u x'tip ta' miżuri jistgħu jittieħdu biex dan it-trab jitnaqqas.

WasteServ — bidliet fl-impjant tar-riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tal-bidliet li l-kumpanija WasteServ biħsiebha tagħmel fl-impjant għar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin u li pproponiet fl-applikazzjoni PA 05076/10 li ressqet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ‘To sanction minor alterations to overall layout and to sanction additions to the shed covering the approved mechanical treatment plant as per PA 4607/06’? Kemm hu stmat li se jiġu jqumu dawn il-"minor alterations to overall layout" u l-"additions to the shed covering"?Kif u minn min se jiġu ffinanzjati l-ispejjeż għal dawn il-bidliet? X’wassal lill-kumpanija WasteServ tapplika għal dawn il-bidliet meta kienu għaddew biss seba' xhur mill-ftuħ komplet tal-impjant (fil-25 ta’ Novembru 2010) meta wieħed iqis li għal dan il-proġett il-WasteServ ħallset eluf kbar ta’ liri Maltin f’konsulenzi u esperti, fosthom il-kumpanija barranija SLR? Peress li l-Ministru f’mistoqsija parlamentari 26124 fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011, kien wieġeb li l-impjant kien għadu fi stadju ta’ commissioning, issa li għaddew għaxar xhur mill-ftuħ komplet tal-impjant, x’inhi s-sitwazzjoni attwali u jekk l-impjant hux qed jitħaddem fil-kapacità massima tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #12953 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delimara — Kalanka - fish farming

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12495 u 12169 u ċioe: B’referenza għall-mistoqsijiet supplimentari li saru in konnessjoni mal-allegazzjoni dwar ilmijiet imniġġsa fil-Kalanka, limiti ta' Delimara, possibilment minħabba fish farming fil-viċin, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) Meta saru l-aħħar tests mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li fuqhom ibbaża t-tweġiba tiegħu? b) Jista' jpoġġi dawn it- tests fuq il-Mejda tal-Kamra? ċ) Dawn it- tests saru in house jew minn xi esperti tekniċi mqabbdin minn barra l-Awtorità? d) Dawn saru f’Malta jew barra minn Malta? e) Fejn eżattament saru u liema metodi ntużaw? f) La kienu se jsiru dawn it- tests għaliex fil-bidu ta’ Ottubru l-Fisheries Control Division qalu li kienu bdew jinvestigaw il-każ huma wkoll u li ttieħdu l-kampjuni u kienu qed jistennew ir-rapporti tal-laboratorju? g) Liema tests saru l-ewwel tal-Fisheries Control Division jew tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? ġ) Jekk mit- tests allegatament ma ġiex stabbilit li dan kien ikkawżat mil-lega bajda tal- fishfarms , x’kienet ir-raġuni li wasslet biex ikun hemm lega bajda fil-baħar? h) Ġiet ikkwantifikata l-ħsara potenzjali li setgħet saret lill- poseidonia , speċi protetta ta' seaweed essenzjali għall-eko sistema Mediterranja marittima? ħ) Il-Gvern kellu rapporti bħalma kellha il- media lokali li dak li deher f’Kalanka deher ukoll f'San Pawl il-Baħar u anke qrib il-kosta tal-Qawra? i) Il-konsultazzjoni saret direttament jew tramite l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mal-esperti barranin li ilhom jgħidu li dan huwa by product inevitabbli tat- tuna ranching industry nnifisha għax il- blue fin tuna minnha nnifisha toħloq wkoll ċertu xaħam? j) Il-Gvern jaqbel ma' dak li ilhom jgħidu bosta esperti lokali u barranin li dan l-aktar li jiġri huwa meta t- tuna tkun konċentrata f’numri kbar fi spazji relattivament limitati? k) Qatt ġie kkunsidrat x’effett negattiv jistgħu jħallu tuna ranches li f’ħafna każi jistgħu jkunu wisq qrib il-kosta nnifisha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: 1 a) It-tests isiru regolarment ma’ tul is-sena u r-riżultati jiġu evalwati mill-MEPA. L-informazzjoni fuq il-lega l-bajda hija biss dik li nġabret waqt spezzjoni illi saret mix-xatt madwar l-inħawi ta’ Delimara. It-tests huma indirizzati lejn parametri ambjentali, per eżempju n-nitrati, li huma fost is-sustanzi li jniġġsu li tipikament jirriżultaw mill-akkwakultura. 2b) Ir-rapport dwar l-aħħar sett ta' tests fuq il-kwalità tal-ilma qed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub. 3c) It-tests isiru mill-Ecoserv Ltd fuq inkarigu tal-MEPA sabiex tieħu l-kampjuni u tanalizzahom. 4d) It-tests saru hawn Malta. 5e) Dawn saru fil-laboratorju tal-Ecoserv; il-metodi huma dawk imsemmija fit-tieni taqsima tar-rapport. 6f) Dawn it-tests li għalihom qed issir referenza fil-paragrafu (f) tal-mistoqsija parlamentari kienu inizzjattiva tal-Fisheries Control Division. 7g) It-tests saru bl-inizjattiva tal-Fisheries Control Division. 8g u 9h ) Il-monitoraġġ illi sar fuq il-Posidonia fuq tul ta' zmien (wara l-2001) viċin dawn il-fishfarms ma ta l-ebda indikazzjoni illi l-operat tal-fishfarm kellu impatt. L-origini ta’ din il-lega għadha mhix ċara. 10h) Waqt li kien hemm varji inċidenti rrapurtati dwar ħut mejjet, boroż, jew fdalijiet tal-ikel, din hija l-ewwel darba illi qiegħda tissemma 'lega bajda'. Għalhekk waqt li mhuwiex eskluż illi dan joriġina minn xi attività tal-akkwakultura, hemm il-possibilità ta' xi oriġini oħra. 11i) It-tonn ġieli huwa assoċjat ma’ żlieġa ta' żejt illi joriġina mill-ikel tal-ħut; 'lega bajda' bħal dik deskritta huwa fenomenu ġdid. 12j) Il-MEPA, waqt il-preżentazzjonijiet tal-EIAs fuq l-akwakultura, kienet innotat illi attività industrijali marittima ta' dan il-kobor għandha jkollha xi effett fuq l-ambjent, u kienet ħarġet bis-suġġeriment msemmi hawn taħt. 13k) L-impatt fuq l-ambjent ta’ qiegħ il-baħar hu ristrett għall-area l-aktar viċin tal-gaġeġ. Minkejja dan, attività ta' skala industrijali fil-baħar bilfors ikollha xi effett sporadiku bħal tixrid ta’ materjal - jew ta' ikel tal-ħut, jew bħala skart tal-ipproċessar. Dawn jistgħu jkunu kkontrollati billi wieħed jgħasses fuq l-operat b'mod kontinwu.
Leg 11 PQ #21793 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Każ tad-Dwejra — ramel użat

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk fil-każ tad-Dwejra, l-materjal li ripetutament bosta persuni inklużi s-Segretarju Parlamentari de Marco nnifsu irreferew għalih bħala sand fil-verità kien ramel tal-qawwi magħruf aħjar bħala corraline limestone material u mhux marine sand?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21694. Rigward il-mistoqsija nnifisha, fejn l-Onor Interpellant isemmi li “bosta persuni inklużi s-Segretarju Parlamentari de Marco nnifsu irreferew għalih bħala sand” nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi ħadd qatt ma ndika, inkluż is-Segretarju Parlamentari de Marco, li l-materjal kien marine sand .
Leg 11 PQ #22431 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti li Malta bbenefikat minnhom

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm proġetti li Malta bbenefikat minnhom qabel ma ħadna l-Annex 1 status fil-qasam tal-klima permezz ta' CDM - Clean Development Mechanism - qabel ma sibna ruħna bl-obbligu li ngħinu lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw permezz tal-fast start finance skond kif jipprovdi is-Summit ta' Copenhagen tal-klima? Kemm minnhom kienu ġew ikkunsidrati mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u kemm ġew approvati u implimentati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li ma kienx hemm proġetti li Malta bbenefikat minnhom fil-qasam tal-klima permezz ta' CDM (Clean Development Mechanism) qabel ma ħadet l-istatus ta' Annex 1. Bejn Lulju 2007 u Lulju 2010, kien hemm proposta għall-proġett (Ta' Żwejra Landfill Gas) li ġie sottomess formalment biex jiġi kkunsidrat mill-MEPA fir-rwol tagħha bħala Designated National Authority (DNA) tal-Clean Development Mechanism (CDM). Il-MEPA kienet approvat din il-proposta f'dan ir-rwol fl-2008, iżda aktar tard, l-applikant (WasteServ) kien immodifika din il-proposta. Il-MEPA reġgħat approvat il-proġett fir-rwol tagħha bħala DNA fl-2009. Ftit tax-xhur wara, Malta ħabbret li se tieħu l-istatus ta' Annex 1, u l-applikant irtira l-applikazzjoni.
Leg 11 PQ #23208 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marine Strategy Framework Directive

Question

Billi Malta kienet obbligata li tikkonferma lill-Unjoni Ewropea li kienet għamlet it-traspożizzjoni tal-Marine Strategy Framework Directive sa nofs Lulju li għadda u sal-lum jidher li għadha ma għamlitx dan, jista' l-Prim Ministru jagħti data indikattiva meta mistenni jsir dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Marine Strategy Framework Directive ġiet trasposta permess tar-Regolamenti ta’ l- 2011 dwar Qafas fil-Politika Ambjentali tal-Baħar (LN73/11). Dawn ir-Regolamenti ġew ippublikati f’ 4 ta’ Marzu 2011 u ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta’ Marzu 2011.
Leg 11 PQ #23737 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Belt Valletta — sit għall-bejgħ bħala mega projects

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema proprjetajiet tal-gvern ġew identifikati bħala siti għall-bejgħ bħala mezz ta' finanzjament għal mega projects kontemplati fil-Belt b’mod li allegatament ma jmurx kontra l-kriterji ta’ Maastricht? Dan ifisser li l-fond oriġinarjament propost fil-budget tas-sena li għaddiet ġie abbandunat fil-prinċipju? Tikkonferma li dawn jinkludu, fost oħrajn, il-Pixkerija u l-Isptar Sir Paul Boffa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor.Interpellant illi dak li tħabbar fil-bagit se jitwettaq. Fir rigward ta’ dan il-Fond, se nkun qed nagħti dettalji lill-Parlament fil-viċin.
Leg 11 PQ #23991 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Kummissjoni Ewropea - każ tad-Dwejra

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23213 u jgħid meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar saritilha t-talba għat-tagħrif sħiħ dwar il-każ tad-Dwejra mill-Kummissjoni Ewropea? Sakemm żmien kellu jingħata dan it-tagħrif? X’inhi r-raguni li skont rapporti f’ġurnali indipendenti kelliem tal-kummissjoni ilmenta li dan it-tagħrif kien għadu s’issa ma wasalx Brussels kif u meta mitlub? Kemm-il ittra rċeviet l-awtorità dwar l-obbligi tagħha mill-Kummissjoni Ewropea? Billi l-Unjoni Ewropea ġiet rappurtata li qed tinsisti li bħala sit Natura 2000 id-Dwejra għandha tkun koperta minn management plan jista' jgħid l-Unjoni Ewropea hijiex taċċetta l-argument ripetut tal-awtorità nnifisha li għandha sas-sena 2014 biex pjan bħal dan jibda jitħaddem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar saritilha t-talba għat-tagħrif sħiħ dwar il-każ tad-Dwejra mill-Kummissjoni Ewropea fit-8 ta' Novembru 2010. L-awtorità wieġbet lura fil-11 ta' Novembru 2010. Wara li ġiet sottomessa l-informazzjoni neċessarja, il-kummissjoni talbet lill-awtorità biex iżżomha infurmata fuq il-każ u tirreferi informazzjoni fuq l-immaniġjar ta' dan is-sit, u bagħtet ittra f’dan is-sens fis-17 ta’ Frar 2011. Malta bagħtet it-tagħrif mitlub lill-Kummisjoni Ewropea fis-27 ta’ April 2011. Rigward il-pjan tat-tmexxija jew management plan għas-sit tad-Dwejra, Malta għandha sa mhux aktar minn sitt snin żmien minn mindu s-sit ikun adottat mill-Kummisjoni bħala sit Natura 2000 biex tistabilixxi dan (skont il-proċedura stabbilita minn Artklu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-ambjenti naturali u tal-fawna u l-flora Selvaġġa). Dan il-pjan ta’ tmexxija jista’ jsir permezz ta’ mezzi statutorji, amministrattivi u/jew kontrattwali. Is-sit tad-Dwejra fuq l-art ġie adottat bħala Sit ta’ Importanza għall-Komunita fl-2008 u għaldaqstant Malta hija obbligata li tikkonkludi dan il-pjan fuq is-sit sal-2014. Ħarġet sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta’ Site Warden liema persuna jkun jirrispondi lill-Dwejra Management Committee.

ġebel għall-bini tal-Parlament il-ġdid

Question

Jikkonferma l-Ministru r-rapporti li dehru fil-media li uħud mill-ġebel li qed jintuża għall-bini tal-Parlament il-ġdid se jittieħed minn barriera partikolari f'Għawdex li għandha notifika ta’ infurzar li minħabba f’hekk għadu ma nħarġilhiex il-permess ambjentali?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #27873 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

swieqi — talba għal round the clock police presence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi konkreti qed tieħu l-Pulizija biex ikun hemm pjan ħolistiku dwar l-inkonvjenzi regolari għar-residenti tas-Swieqi, kif ukoll dwar it-talba li saret saħansitra minn kunsilliera ta’ kull orjentament politiku sabiex ir-residenti tas-Swieqi jkunu intitolati għal round the clock police presence – xi ħaġa li fil-fatt jidher li ġiet imwiegħda lilhom madwar 20 xahar ilu mill-awtoritajiet infushom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dan is-sajf il-Pulizija żiedet il-preżenza tagħha ġewwa Paċeville. Parti mix-xogħol ta’ dawn il-Pulizija, kif ukoll ta’ dawk stazzjonati San Ġiljan, huwa li jagħmlu ronda fl-inħawi tas-Swieqi. Barra dan isiru ukoll rondi b’mod regolari mill-Pulizija tal-Iskwadra Mobbli.

KSI — problema tad-drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24503, billi għadhom jasluli sal-lum stess ilmenti ripetuti dwar riħa qawwija ta’ drenaġġ f’Pembroke fl-inħawi indikati, jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, billi din il-kwestjoni ilha li nġiebet għall-attenzjoni tal-Ministeru minn Marzu ta’din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu ħsieb li din il-problema se tissolva permezz ta’ xogħol meħtieġ fuq is-sistema tad-drenaġġ tal-lokal. Dan ix-xogħol qed isir bħala parti mil-proġett ta’ Pembroke Gardens imniedi mill-Awtorità tat-Turiżmu (MTA). Hu mistenni li x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ jitlesta aktar tard din is-sena.

Pembroke — ilment dwar riħa qawwija ta' drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24502 , jista’ l-Ministru jerġa’ jinvestiga l-każ peress li l-ilmenti dwar riħa qawwija ta’ drenaġġ f’Pembroke għadhom jasluli regolarment minn residenti fl-inħawi indikati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-Mistoqsija Parlamentari 24502, jiġifieri mis-17 ta’ Marzu 2011, ‘l hawn ma daħlu l-ebda lmenti dwar irwejjaħ jintnu fit-Triq Pietru Darmenia, Pembroke. Uffiċċjal mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għamel spezzjoni fis-17 ta’ Awwissu, 2011 fit-triq indikata u ġie kkonfermat li ma kien hemm l-ebda rwejjaħ jintnu, u l-anqas sadd ta’ drenaġġ. Madankollu, uffiċċjal fil-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma gie infurmat biex jiċċekja l-main sewer f’din l-akwata. Wara ġie kkonfermat mill-istess Korporazzjoni li ma sabu l-ebda sadd fil-main sewer iżda minkejja dan xorta waħda sar flush tas-sistema.

Good Causes Fund

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jamministraw il-Good Causes Fund?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Good Causes Fund huwa amministrat minn Kumitat magħmul minn 3 membri li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Kumitat huwa responsabbli sabiex jilqa’ l-applikazzjonijiet li jsiru, jara li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Fond, u jevalwa liema huma l-kawżi li għandhom ikunu mgħejjuna. Huwa kompitu tal-Kumitat li jagħmel ir-rakommandazzjonijiet tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-awtoriżżazzjoni għall-ħlas.
Leg 11 PQ #27904 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Revenue Security Corps — complement

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien il-complement tar-Revenue Security Corps mis-sena 2008 sal-lum? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern dwar dan il-corps għall-ġejjieni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li, il-Complement tar-Revenue Security Corps mis-sena 2008 sal-lum huwa kif jidher hawn taħt: Sena Complement 2008 124 2009 119 2010 110 2011 (sat-12 ta’ Settembru 2011) 79 Il-pjanijiet tal-Armata dwar dan il- corps għall-ġejjieni hu li ma jirreklutax aktar rekluti f'din it-taqsima tal-Forzi Armati ta' Malta peress li Il- Complement preżenti hu biżżejjed biex ilaħħaq max-xogħol eżistenti mogħti lill-korp.

Data Cenres tal-MITA — emails stored

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema mid-data centres tal-MITA se jiġu stored l-emails tal-gvern? Għal liema medda ta' żmien se jinżammu dawn ir-records li jgħaddu mill-Gov.mt portal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-soluzzjoni ta’ email użat mill-gvern huwa fil-fatt implementat b' mod tali li tista’ topera minn kull data centre tal-MITA sabiex f’kaz ta’ downtime f’xi waħda mill-faċilitajiet, is-servizz jibqa’ jiġi pprovdut b’mod normali. It-tul ta’ żmien li email tinżamm tiġi ddeterminata mill-utent li jirċievi l-email u mhux mis-sistema li tikkomunika dik l-email.

PC leasing tender — suppliers

Question

Dwar il-pc leasing tender il-kbir li nħareġ ftit xhur qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid jekk l-obbligi kuntrattwali ta' kull supplier ġewx onorati minn dak iż-żmien 'l hawn? F'dawk il-każijiet fejn dan ma kienx il-każ, jista' jgħid liema kienu d-ditti li ma żammewx mal-ftehim u x'passi ttieħdu dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Santa Venera — Corporate Data Centre - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti tal-parkeġġ hemm għal dawk kollha li b'xi mod se jkollhom x'jaqsmu mal-Corporate Data Centre tal-Malta Information and Technology Agency f'Santa Venera? Dan aktar u aktar minħabba l-limitazzjonijiet ta' parkeġġ li hemm bħalissa fl-akwati.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-binja li ħa tintuża bħala Corporate Data Centre f’Santa Venera kienet binja eżistenti li ma kellhiex parkeġġ. Il-MITA għamlet tibdil fil-bini pero' dan ma jinkludix faċilita’ ta’ parkeġġ. Id-dettalji kollha jinsabu fil-permess maħrug mill-MEPA bin-numru PA/03987/10. Infurmat ukoll li, sabiex ikun evitat l-iskariġġ għall-impjegati kif ukoll biex itaffi l-impatt fuq ir-residenti ta’ Sta Venera, l-Aġenzija ser tkun qed tuża ix- shuttle service intern tagħha biex tiffaċilita t-trasport tal-impjegati bejn il-parkeġġ fi Blata l-Bajda u Santa Venera.
Leg 11 PQ #27727 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — recycled paper u remanufactured toners

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tuża recycled paper u remanufactured toners b'kollox?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Informat li Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tagħmel sforzi biex tnaqqas l-użu ta' karta żejda bill tiffoka fuq ipproċessar ta' files online u tagħmel użu aktar ta' digital files/documents. It-tip ta' karta użata mill-MEPA ġej kollu minn foresti sostenibbli u ċċertifikati. Għadha kemm saret ordni għal-karta riċiklata għal użu speċifiku u nisperaw li nestendu l-użu ta' din it-tip ta' karta. Rigward remanufactured toners, il-MEPA ma tixtrix dawn it-tip ta' toner cartridges minnħabba garanziji mogħtija mis-suppliers fuq il-printing machines tagħna li ma jkoprux dawn it-tip ta’ toner/ink cartridges. Madanakollu il-MEPA tibgħat it-toner/ink cartridges użati biex jiġu riċiklati u l-MEPA tinagħta rebate għalihom.

Arms Ltd — kontijiet tad-dawl kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment li li għamlu diversi nies fis-settur kummerċjali fejn dawn qed jallegaw li kif qiegħed jinħadem il-kont tad-dawl kummerċjali qegħdin jiġu misruqin, fis-sens li skont huma, il-problema hi minħabba li l-kontijiet qed joħorġu fuq stima, u li skont huma l-iżball qiegħed isir għax il-units ma jitħallsux kollha l-istess u meta ma jinqasmux eżattament skont kemm hemm ġranet ħafna drabi qegħdin jispiċċaw iħallsu aktar? Jista' jara l-każ peress li meta n-nies spjegaw dan lill-customer care tal-Arms Ltd, dawn qalulhom li m'hemmx x'wieħed jagħmel għax hekk qiegħda s-sistema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kontijiet ta’ konsumaturi li jaqgħu taħt l-iskema ‘Mhux Residenzjali’, qegħdin jiġu kkalkulati bl-istess metodu li kienu jiġu kkalkulati fis-sistema preċedenti. Il-kalkoli huma bbażati fuq żewġ kontijiet stima u wieħed attwali, għad-differenza, sabiex jiġu evitati problemi relatati ma talbiet ta’ rifużjoni tal-VAT fuq kull kont. Dan ma jiġix applikat f’każijiet ta’ kontijiet li jkunu jaqgħu taħt l-iskema ‘Residenzjali’, fejn dawn jiġu maħruġa kont għal sitt xhur b’lura u m’humiex intitolati li jagħmlu talba għal refużjoni tal-VAT. Konsumaturi, kemm ‘Residenzjali’ kif ukoll dawk ‘Kummerċjali’, għandhom l-għażla li massimu darba fix-xahar, mingħajr ebda ħlas, jitolbu għall-kont elettroniku aġġornat, permezz tas-sit elettroniku tagħna, www.smartutilities.com.mt.
Leg 11 PQ #27839 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Non Alcoholic Beverages Containers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed tiġi implimentata b'mod rigoruż in-Non Alcoholic Beverages Containers Notice SL 504.10 li s'issa għadha tagħmel parti mis-subsidiary legislations taħt l-Enivornment and Development Planning Act Cap 204 minħabba li l-gżira hija miżgħuda bi fliexken tal-plastic?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-Non Alcoholic Beverages Containers Notice SL 504.10 kien ġie amendat permezz ta' l-Avviż Legali 183 ta' 1994. Dan l-Avviż Legali kien ġie revokat permezz ta' l-Avviz Legali 158 ta' 1998, (kif amendat minn l-Avviż Legali 11 ta' 2000). L-Avviż Legali 158 ta' 1998 ġie imħassar permezz ta' l-Avviż Legali 419 ta' l-2007, li kien ippubblikat fis-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta tas-17 ta’ Diċembru, 2007