Legislature:
Category:
Reset
Active:

Priġunieri li jiskontaw il-piena fit-Taqsima tal-Forensika

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min qed issir l-għażla tal-priġunieri li qed ikollhom il-privileġġ li jiskontaw il-piena ta’ ħabs fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm hemm priġunieri f’din it-taqsima bħalissa u t-taqsima propja kemm tesa' pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #29095 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kap tas-Segretarjat — pożizzjoni dwar każ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex aċċettabbli li l-Kap tas-Segretarjat tiegħu minflok joħroġ stqarrija uffiċjali, jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar każ partikolari ta' natura kontroversjali, bħal tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fuq il-website personali ta' terzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dak li qed jirreferi għalih l-Onor.Interpellant huwa bbażat fuq storja vvintata mill-Malta Today.

Kap tal-Bord Editorjali — passi kontra l-PBS

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet fejn il-Kap tal-Bord editorjali ħa passi kontra xandara tal-Public Broadcasting Services talli kisru l-imparzjalità fix-xandir tagħhom fuq l-istazzjon tal-Istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-ħatra tiegħu minn Mejju tat-2008, il-Kap tal-Bord Editorjali tal-PBS dejjem ħa l-passi meħiteġa fil-konfront ta’ xandara. Kull meta kien hemm il-ħtieġa skont deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir, kemm jekk l-Awtorità ħasset li kella tilqa’ l-ilment imressaq quddiema parzjalment jew fit-totalità tiegħu. Dan minkejja li l-awtorità qatt ma ħasset il-ħtieġa li f’allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ imparzjalità fix-Xandir timponi sanzjoni aktar impenjattiva mill-qari ta’ sunt tad-deċizjoni tagħha. Eżempji tal-passi li ttieħdu f’każijiet minn Mejju tal-2008 ‘l hawn huma: 1. Ir-rimarki tal-Awtorita’ tax-Xandir dwar il-ħtieġa ta’ policy dwar ir-rappurtagg mill-Parlament. Saret diskussjoni dwar din il-ħtieġa u jidher ċar li fil-fatt il- policy diġa kienet teżisti. 2. Deċiżjoni li tabelli mxandra mill-preżentatur kienu jirrappreżentaw kalkoli tiegħu (flimkien mal-għarfien li dawn gew ikkorreguti ‘on air’ minn esperti fil-programm ta’ wara) Il-prezentatur ingħata struzzjonijiet biex meta jipprezenta tabelli jaghmilha cara jekk dawn ikunu uffiċjali u jekk le għandu jintqal dan b’mod ċar u għandhom jintużaw biss biex jixprunaw id-diskussjoni. 3. Deċiżjoni li wara intervista minn Membru Parlmentari li fiha ssemmew disa’ Membri Parlamentari oħra, li meta dawn intbattilhom email b’mistoqsijiet dwar il-kontenut u ma wieġbux imissu saret intervista individwali magħhom, il-preżentatur ingħata struzzjonijiet biex isegwi il-linja gwida fil-futur. 4. Id-deċiżjoni li n-nuqqas tas-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista li ma jattendix għall-programm ma kellux jipprekludi lill-preżentatur li jistieden kelliem ieħor uffiċċjali tal-Partit Laburista. Il-preżentatur ġie mogħti struzzjonijiet biex dejjem jimxi fuq din il-linja. Fil-każ ta’ deċizjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-allegazzjoni ta’ żbilanc meta id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin kien l-uniku mistieden waqt programm ma ttieħdet l-ebda azzjoni peress li din id-deċiżjoni qed tkun ikkontestata fil-Qorti. Meta jkun hemm deċiżjoni mill-Qorti jittieħdu l-passi kollha li jkunu meħtieġa fid-dawl tad-deċiżjoni.

Transport Malta — tibdil fir-rotot tal-Arriva

Question

Billi l-Ministru qal li Transport Malta kienet kompletament responsabbli għall-istudji dwar l-istess rotot li fil-biċċa l-kbira issa se jiġu mibdula u anki modifikati minnha stess għall-buses tal-Arriva, jista' jgħid: a) kemm saru studji b’kollox qabel biss ħarġu l-offerti għall-operaturi; b) minn min saru; ċ) kemm ġew jiswew d) kif intgħażlu l-konsulenti konċernati; e) jekk hux se jsiru studji ġodda biex isir it-tibdil mill-ġdid; f) jekk dawn humiex se jsiru minn Transport Malta stess jew minn xi konsulenti mill-ġdid; ġ) kemm mistennija jiġu jiswew dawn l-istudji ġodda jekk verament se jsiru; u h) jekk se jitqabbdu konsulenti, kif se jintgħażlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #29236 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Proġett Eko-Għawdex — Direttorat Ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tgħid, mingħajr ma jissemmew ismijiet, x’inhuma il-karigi, gradi u job descriptions tal-membri tal-istaff tal-Ministeru li jagħmlu parti mid-direttorat ambjentali għall-Eko-Għawdex u żvilupp reġjonali msemmi f’mistoqsija parlamentari 27906 flimkien mal-impjegata li tinsab fuq parental leave?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata tal-membri tal-istaff f'dan id-direttorat kif mitluba.

WasteServ — bidliet fl-impjant tar-riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28155 u jagħti spjegazzjoni tal-bidliet li l-kumpanija WasteServ biħsiebha tagħmel fl-impjant għar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin u li pproponiet fl-applikazzjoni PA 05076/10 li ressqet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ‘To sanction minor alterations to overall layout and to sanction additions to the shed covering the approved mechanical treatment plant as per PA 4607/06’? Kemm hu stmat li se jiġu jqumu dawn il-"minor alterations to overall layout" u l-"additions to the shed covering"?Kif u minn min se jiġu ffinanzjati l-ispejjeż għal dawn il-bidliet? X’wassal lill-kumpanija WasteServ tapplika għal dawn il-bidliet meta kienu għaddew biss seba' xhur mill-ftuħ komplet tal-impjant (fil-25 ta’ Novembru 2010) meta wieħed iqis li għal dan il-proġett il-WasteServ ħallset eluf kbar ta’ liri Maltin f’konsulenzi u esperti, fosthom il-kumpanija barranija SLR? Peress li l-Ministru f’mistoqsija parlamentari 26124 fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011, kien wieġeb li l-impjant kien għadu fi stadju ta’ commissioning, issa li għaddew għaxar xhur mill-ftuħ komplet tal-impjant, x’inhi s-sitwazzjoni attwali u jekk l-impjant hux qed jitħaddem fil-kapacità massima tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Oneroveli Membru li l-kuntratt ta’ l-impjant ta’ Sant Antnin kien wieħed ta’ natura ‘Design & Build’, jigifieri l-kuntrattur kien marbut li jipprovdi d-disinn dettalat kif ukoll l-bini tal-istess impjant abażi ta’ disinn kunċettwali li fuqu tkun inħarġet is-sejħa għall-offerti. Tul dan il-proċess, fejn id-disinn kunċettwali jiġi approfondit, huwa normali li joħorgu xi tibdiliet żgħar sabiex jimmeljora t-tħaddim tal-impjant b’iktar faċilità. Għaldaqstant, l-applikazjoni PA 05076/10 saret biex ikunu adottati l-emendi żgħar li saru biex ikun hemm titjib fil-proċess ta’ diġestjoni u l-emendi li saru fit-tined kien specifikament biex jakkomodaw it-trakkijiet biex jimmanuvraw aħjar. Dan sar biex jinżamm l-għan ewlieni li l-processi kollha ta’ trattament tal-iskart, inkluż l-ħatt tal-iskart, isir fil-magħluq. Il-volum ta’ l-iskart li se jkun ipprocessat se jibqa' kif kien u mhux se jkun hemm żieda ta’ volum ta’ skart. Mhu se jsir l-ebda ħlas addizjonali għal dak li diġà sar. Kunsulent SLR u oħrajn kienu nvoluti biex isiru l-istudji ambjentali kif ukoll biex jiġi żviluppat d-disinn kunċettwali. Nixtieq ninforma li kull sezzjoni tal-impjant, inkluża dik tal-biodigestjoni, qiegħda taħdem. Beda issa wkoll process ta’ optimizazzjoni tal-impjant b’mod li tirrikonoxxi l-kundizzjonijiet lokali bil-għan li tkun tista tintlaħaq l-kapaċità massima ta’ l-iskart li hija awtorizzata skond permessi maħruga. Ovvjament kif wieħed kien jantiċipa, l-impjant għad ma laħaqx il-kapaċità massima tiegħu.

Sussidju fuq sistemi fotovoltajiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm wieġbu għas-sejħa għas-sussidju fuq sistemi fotovoltajiċi taħt l-iskema li għalqet f'Awwissu li għadda? Kemm minnhom ġew proċessati? Kemm minnhom ġew approvati? B'kollox kemm mill-applikazzjonijiet mistennija jintlaqgħu minħabba raġunijiet baġitarji tal-Gvern innifsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 28943, sallum ġew proċessati madwar 1,500 applikazzjoni. Ninfurmah ukoll li l-proċess relatat mal-iskema li għalqet f’Awwissu għadu għaddej u għalhekk ma nistax nagħtih l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #28961 Sitting 398 2011-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permanent link bejn Malta u Għawdex

Question

B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa lokali li wasal biex jiġi sottomess ir-rapport preliminari tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, dwar il-feasibility ta' permanent link bejn Malta u Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid ir-rapport kemm ġie jiswa? Kemm ġew ikkonsidrati konsulenti oħrajn qabel waqgħet l-għażla fuq l-individwu u kif saret l-għażla ta' dawn il-konsulenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-informazzjoni tal-Onorevoli interpellant, Mott Macdonald mhux persuna imma kumpanija. Ftit riċerka bl-internet twasslek fuq is-sit elettroniku ta’ Mott Macdonald li dwar din il-kumpanija jgħid hekk. ‘As one of the world's largest employee-owned companies with over 14,000 staff, we have principal offices in nearly 50 countries and projects in 140.’ Għall-informazzjoni tal-Onorevoli interpellant, qed nagħti l-indirizz l-elettroniku tas-sit ta’ Mott Macddonald. www.mottmac.com Ir-rapport li qed jitfassal minn Mott Macdonald, u li wasal biex ikun ippreżentat, se jitħallas kollu kemm hu mill-Unjoni Ewropea. Kienet l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea JASPERS (Joint Assistance to Support Projects in European Regions), li għandha l-missjoni li tassisti lil 12-il pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fit-thejjija ta’ proġetti kbar qabel jiġu sottomessi għall-finanzjament taħt il-Fondi Strutturali jew ta’ Koeżjoni, li għażlet lil Mott Macdonald biex tlesti r-rapport preliminari. L-għażla saret skont proċeduri li timxi bihom din l-Aġenzija. Is-servizzi ta’ JASPERS jingħataw b’xejn. Jiġifieri Malta ma ħallsitx u mhux se tħallas lil JASPERS. Fl-istess ħin, għat-tfassil ta’ dan ir-rapport, il-kumpanija Mott Macdonald se titħallas 100 fil-mija mill-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, il-Gvern Malti m’hu se jħallas xejn biex sar dan ir-rapport.

Gżira — Proġett intiż fuq l-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex verament wasal il-proġett intiż biex itaffi l-għargħar fl-inħawi tal-Gżira li huwa rapportat li ilu abbandunat għal diversi ġimgħat? X'passi ttieħdu dwar il-ħofra kbira li saret fil-ġenb tat-triq li hija mimlija kollha ilma u qed toħloq inkonvenjent u periklu kbir għar-residenti fl-inħawi? Meta mistenni jitlesta l-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-hofra kbira li qed jirriferi għalija hi l-ewwel fazi ta' proġett għal kostruzzjoni ta' Soakaway Reservoir u l-entratura għal mina li ser tiehu fiha l-ilma tax-xita tal-overflow ta' dan il-gibjun kif ukoll tal-ilma li jinżel għall-inħawi tal-Gżira mir-Regional Road. It-tenders għal bini tal-ġibjun kif ukoll tal-mina nħarġu u huwa mistenni li jkunu mogħtija fi żmien ftit ġimgħat oħra. Ix-xogħol għal bini tal-ġibjun irid jitlesta f'perjodu li ma jaqbisx it-tnax-il xahar minn meta jinbeda. Sadanittant tajjeb li wieħed jifhem li xogħol bħal dan preferibbilment isir fil-perjodu xott.

Good Causes Fund — job description

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu l-membri tal-Good Causes Fund? X'inhuma l-job description fil-professjoni tagħhom u rwol tagħhom fil-ħajja pubblika?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-membri tal-Bord huma appuntati skont Sezzjoni 50 tal-Lotteries and Other Games Act (2001). Il-Bord preżenti hu ffurmat minn: Ms Davinia Galea – Executive Director Malta Council for Culture & the Arts (MCCA) Mr. Charles Grech – Director of Youth and Community Centre Ms. Edwina Gouder – Manager u Social Worker (Foundation for Social Welfare Services).

Pjan ta' Azzjoni dwar Enerġija Alternattiva

Question

Wara li kien hemm bdil ta' korrispondenza ta' kjarifiki mal-Korporazzjoni Enemalta dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar Enerġija Alternattiva li biha Malta għandha tilħaq il-miri tagħha ta' 10% sas-sena 2020, jista' l-Ministru jgħid l-energy mix ta' enerġija alternattiva kif inhu finalment kompost u kemm minnu jiddependi fuq enerġija mir-riħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jelabora aktar dwar dak li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija Parlamentari. Dettalji dwar kif inhu kompost l-energy mix ta’ enerġija alternattiva u kemm minnu jiddependi fuq enerġija mir-riħ u sorsi oħra jinstabu f’paġni 67 sa paġna 70 tan-National Renewable Energy Action Plan, (Nota: Kopja tan-National Renewable Energy Action Plan jinstab fuq is-sit: http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform/action_plan_en.htm )

Dipartiment tax-Xogħlijiet — gallariji f'qagħda ħażina

Question

Tista' l-Ministru permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet tinvestiga l-qagħda ħażina u perikoluża li jinsabu fiha l-gallariji mxaqqin kemm fil-ġenb u taħt l-appartamenti li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament ? Tista' tgħid jekk hux possibli jsiru t-tiswijiet meħtieġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-customer care tal-Awtorità tad-Djar qatt ma rċeviet talba s’issa minn dawn l-inkwilini sabiex isiru xi xogħlijiet taħt l-iskema SM.

Għammieri — informazzjoni rigward ħaddiema

Question

Billi għaddew aktar minn tliet xhur minn mindu saret il-mistoqsija parlamentari 27631 dwar overtime, time off in lieu, allowances u qualification allowances ta’ ħaddiema partikolari, jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija??

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jerġa’ jitlob l-informazzjoni dwar ħlas ta’ overtime ta’ impjegat fis-Servizz Pubbliku xahar b’xahar meta kont diġa spjegat fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26738, se jkolli nerġa’ nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li il-ħlas ta’ salarji mal-gvern ma jsirx fuq bażi kalendarja iżda fuq ċikli ta’ erba’ ġimgħat. Barraminhekk se jkolli nerġa’ infakkru wkoll li l-ħlasijiet Addizzjonali li mhumiex regolari ma jikkoinċidux u ma jirrapreżentawx il-ħlas dovut la għall-perjodu tas-salarju u wisq inqas għal perjodi ekwivalenti tal-ħlas tas-salarju u mhux neċessarjament jitħallsu lill-kullħadd kontemporanjament għall-istess perjodi u l-anqas neċessarjament għal perjodi fl-istess sena kalendarja. Din il-prattika hija waħda użata b’mod wiesgħa fid-dinja tax-xogħol b’mod partikolari fl-ambjent Governattiv fejn il-proċess ta’ approvazzjoni huwa twil u metikoluż biex ikun żgurat kemm it-trasparenza kif ukoll l-‘accountability’. F’każ li l-Onorevoli Interpellant mhux kurrenti mar-regolamenti viġenti fis-Servizz Pubbliku, kif mitlub mill-istess regolamenti u proċeduri stabbiliti, qabel ma fil-fatt jinħadem l-overtime kull Kap ta’ Dipartiment kull tlett xhur jisottometti estimi ta’ x’inhu l-overtime li jkun previst meħtieg għall-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti. Suġġetta għal din l-approvazzjoni, kull overtime jkun ordnat mill-Kap tad-Dipartiment u li skont l-istess proċedura il-Kap tad-Dipartiment jissottometti rikomandazzjoni għall-ħlas għall-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti. Tajjeb li nerġa ngħidlu wkoll li filwaqt li hija l-prattika li kemm jista’ jkun l- overtime jitqassam b’mod ekwu fis-sezzjoni, dan jiddependi totalment fuq in-natura tax-xogħol tas-sezzjoni/Dipartiment kif ukoll mill-ħiliet mitluba fl-okkazzjoni partikolari li dan ix-xogħol ikun irid iseħħ. Nissuggerixxi lill-Onorevoli Interpellant jerġa’ jaqra t-tweġiba li tajt għall Mistoqsija Parlamentari 26738 li kien ressaq l-istess interpellant għal aktar informazzjoni Għaldaqstant fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija hawn qabel partikolarment kif spjegat fl-ewwel parti, kif ukoll fid-dawl ta’ dak li kont spjegat fitt-tweġiba li tajt għall Mistoqsija Parlamentari 26738, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi dokument bl-informazzjoni tal-individwi identifikati mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu mitlub.

Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 — kopji stampati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27171, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-kopja tar-rapport ta' ħidma tal-Ministeru tiegħu tqassmu fid-distretti elettorali li l-Ministru jikkontesta u lil min, billi kien hemm min irċieva kopji tagħhom mingħajr ma talab għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tqassmu madwar 500 kopja f’indirizzi ta’ persuni li jiġu mid-9 u mill-10 Distrett. Nirrepeti li dawn intbagħtu lill-persuni li kienu matul is-snin li għaddew indikaw li kienu interessati li jirċievu nformazzjoni fuq il-ħidma ta’ dan il-Ministeru u tal-Gvern ingenerali. M’inix infurmat li kien hemm min ilmenta għax irċieva kopja tar-rapport imsemmi. F’kaz li l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni f’dan ir-rigward, inkun grat jekk jgħaddihili ħalli ma terġax tintbagħat din l-informazzjoni lill-persuni kkonċernati.

Pembroke — Triq Pietru d'Armenia - ilmenti mir-residenti - nuqqas ta' dawl fit-triq

Question

Jista' l-Ministru, flimkien mal-Ministru responsabbli mid-Djar jinvestiga l-ilment ta' għadd ta' residenti ta' Triq Pietru d'Armenia, Pembroke, minħabba n-nuqqas ta' dawl madwar il-blocks fl-area, tant li ftit ilu kien hemm min ġie saħansitra misruq minħabba dan in-nuqqas ta' dawl, għax għalkemm hemm il-bozoz dawn ma jixegħlux? Apparti minn hekk, b'riżultat ta' dan id-dlam ġejt infurmat li qed ikun hemm għadd ta' abbużi, inkluż dawk tad-droga fil-basements ta' ċerti garaxxijiet.

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-bozoz fi Blocks A9, A10 u A11, li wieħed jassumi li saret referenza għalihom, ma jaqgħux taħt ir-responsabiltà tal-Enemalta. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-ilment tiegħu lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke.

Visas lill-persuni Libjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inħarġu visas lil Libjani xahar b'xahar minn kemm ilha li reġgħet infetħet l-Ambaxxata ta' Malta fi Tripli?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel xahar minn kemm ilha li reġgħet infetħet l-Konsolat ta' Malta fi Tripli, jiġifieri mis-16 ta' Settembru, inħarġu 117-il visa lill-ċittadini Libjani.

PC leasing tender — suppliers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27706 u ċioe: Dwar il-PC leasing tender il-kbir li nħareġ ftit xhur qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid jekk l-obbligi kuntrattwali ta' kull supplier ġewx onorati minn dak iż-żmien 'l hawn? F'dawk il-każijiet fejn dan ma kienx il-każ, jista' jgħid liema kienu d-ditti li ma żammewx mal-ftehim u x'passi ttieħdu dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-obbligi kuntrattwali ġew onorati kollha ħlief għal kwistjoni waħda li tikkonċerna l-bidla ta’ dawk il-batteriji li ma baqgħux jipprovdu uptime skont l-ispecifications tal-kuntratt. Il-kuntratt jipprovdi li l-batteriji għandhom ikollhom uptime minimu ta’ tliet siegħat. Dawk il-batteriji li qegħdin jipprovdu uptime ta’ inqas minn tliet siegħat qed jiġu mibdulin mill-kuntratturi.

Msida — Sqaq Dun Ġużepp Mifsud - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-2007 bdew jitqiegħdu l-kanen tal-ilma fi Sqaq Dun Ġużepp Mifsud, Msida biex jingħata servizz u fi Frar 2007 ix-xogħol twaqqaf bil-konsegwenza li l-applikant baqa' sal-lum mingħajr is-servizz tal-ilma? Jista' jgħid meta se jitkompla t-tqegħid tal-kanen tal-ilma biex l-applikant, wara aktar minn erba' snin, jingħata dan is-servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2007 irċeviet talba għal servizz tal-ilma ġewwa fond fil-lokal imsemmi. Ta’ min jgħid li dan il-post jinsab qalb l-għelieqi. Meta l-ħaddiema tal-korporazzjoni bdew ix-xogħol biex jingħata s-servizz, ġew imwaqqfa minn xi residenti ġirien oħra li qalu li l-kanen kienu għaddejjin minn post privat. Fil-fatt, ġew ukoll il-pulizija li qalu lill-ħaddiema tal-korporazzjoni biex ma jqegħdux kanen f’dak il-post. Minn dak iż-żmien, il-korporazzjoni ma ġietx avviċinata biex jitkompla x-xogħol, la mill-Pulizija u lanqas mill-applikant li ried is-servizz tal-ilma.

Msida — Rue D'Argens - djar abbandunati

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-awtoritajiet jistgħux jieħdu l-passi neċessarju peress li f'Rue D'Argens, Msida, partikolarment in-naħa t'isfel, hemm ħafna djar qodma abbandunati u fi stat perikoluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar m’għandhiex propjetà tagħha fi triq imsemmija, imma toffri diversi skemi għal sidien u inkwilini ta’ djar substandard jew fi stat perikoluż.

San Ġiljan — Bay Junction - ilmenti dwar sub station tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu investigati l-ilmenti pendenti ta' għadd ta' residenti ta' Bay Junction, San Ġiljan speċjalment dawk li joqogħdu f’Mirador Flats dwar is-sub station tal-Korporazzjoni Enemalta li jidher li ġiet riattivata b’inkonvejenza kbira għar-residenti tal-inħawi? Jista' jinstab xi sit alternattiv b’anqas inkonvenjent?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret irriżulta li s-substation kienet ilha taħdem u mhux inxtegħlet issa. Ma jirriżultax li hemm xi nkonvenjent ikkawżat minn din is-substation.