Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29891 u ċioe: Fid-dawl ta’ rapporti li dehru f’sezzjoni tal-istampa lokali li s-senior manager tal-ICT ta’ Transport Malta inqabad iwieġeb it-telefown tal-uffiċċju ta’ kumpanija privata li mhux biss ħadet 26 biċċa xogħol differenti mill-istess awtorità li jaħdem magħha, imma li bħalissa għandha wkoll għadd ta’ tenders oħrajn mitfugħa quddiem din l-awtorità, jista' l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu kontra l-impjegat konċernat, u meta ġiet infurmata l-Pulizija b’dan il-każ? Billi ingħad li Transport Malta nnifisha qiegħda tinvestiga l-każ, jista' jgħid min qed imexxi dan il-każ u jekk huwiex wieħed intern jew ġewx imqabbdin nies indipendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.30198.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29839 u ċioe: Billi ftit jiem ilu ċ-Chief Executive Officer ta' Transport Malta qal lill-istampa li l-entità li huwa jmexxi waħħlet xi multi ta' xi eluf ta' euros minn Settembru 'l hawn, jista' l-Ministru jgħid b'mod aktar konkret għal kemm kienu jammontaw dawn il-multi u kif kienu mifruxa fuq il-medda taż-żmien involut?
Response (GATT, AUSTIN)
Għandi nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Arriva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
MEPA — postijiet vakanti għal assistant junior inspectors
Question
Billi kienu ħarġu postijiet vakanti għal assistant junior inspectors mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar lejn Marzu ta’ din is-sena u saru xi intervisti ftit wara s-sajf, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-postijiet vakanti ġewx mimlija jew le? U jekk le, meta mistenni jsir dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għaddej proċess biex timtela vakanza fil-pożizzjoni ta' junior assistant compliance inspector. Ladarba l-proċess jiġi eżawrit l-pożizzjoni tkun tista' tiġi mimlija. Huwa maħsub li dan isir fi żmien erba’ xhur.
Jista' l-Ministru jgħid jekk b'konsegwenza tal-Budget 2012, il-bolla hijiex se togħla jew le matul is-sena finanzjarja l-ġdida? Jekk iva, b'kemm?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lil Onor Interpellant illi, bħal ma jiġri kull sena, il-bolla togħla bl-effett tal-COLA hekk kif jiġu applikati il-persentaġġi viġenti skont il-kategorija ta’ kontribuzzjoni. Hemm ukoll żieda fil-bolla għall-dawk li huma taħt il-50 sena, skont ir-riforma fil-pensjonijiet li bidet fl-2007, fejn:
· Fil-każ ta’ impjegati, dawk li għandhom salarju li jeċċedi €378.50 fil-gimgħa, se tiżied b’€2.46 fil-gimgħa; u
· Fil-każ ta’self employed, dawk li għandhom net profit li jeċċedi €19,682 fis-sena se tiżied b’€3.70 fil-gimgħa.
Jista' l-Ministru jikkonferma għaliex kien hemm dewmien fl-għoti tal-injection tal-influwenza li soltu tingħata aktar kmieni fis-sena? Kemm hemm verità li din is-sena l-ordni saret tard? Dan kien dovut għall-ippjanar ħażin jew għall-problemi ta’ cash flow?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
ħaddiema part-time li mhux qed jirċievu l-benefiċċji
Question
Tista' l-Ministru tgħid jgħid jekk il-Ministeru hux jirċievi ilmenti minn ħaddiema part-time fil-lukandi li spiss qegħdin jiġu rifjutati benefiċċji pro rata skont is-sigħat li jaħdmu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nifhem li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-benefiċċji pro-rata ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk nitlob l-Onor. Membru biex jibgħat il-mistoqsija tiegħu lil Prim Ministru li taħtu jaqa’ d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u Impiegi.
Imsida — Triq Giorgio Mitrovich - katusi tad-drenaġġ mifqugħa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29549 u ċioe: Billi ġewwa Triq Giorgio Mitrovich, Msida hemm katusi tad-drenaġġ mifqugħin b’tali mod li qed jolqtu lir-residenti kollha ta’ din it-triq bl-overflowing drainage, jista' l-Ministru jgħid x’passi beħsiebha tieħu l-korporazzjoni/dipartiment konċernat, speċjalment wara r-rapporti li saru xi xahar ilu, billi l-problema kompliet taggrava u billi ġejt infurmat li s-sistema hija mqabbda mal-mains prinċipali tad-drenaġġ li hemm fi Triq Testaferrata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li qed isiru l-preparamenti biex it-tender documents jiġu mgħoddija lil Transport Malta ħalli joħroġ it-tender.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29731 u 29104 u ċioe: Billi l-Ministru qal li Transport Malta kienet kompletament responsabbli għall-istudji dwar l-istess rotot li fil-biċċa l-kbira issa se jiġu mibdula u anki modifikati minnha stess għall-buses tal-Arriva, jista' jgħid:
a) kemm saru studji b’kollox qabel biss ħarġu l-offerti għall-operaturi;
b) minn min saru;
ċ) kemm ġew jiswew
d) kif intgħażlu l-konsulenti konċernati;
e) jekk hux se jsiru studji ġodda biex isir it-tibdil mill-ġdid;
f) jekk dawn humiex se jsiru minn Transport Malta stess jew minn xi konsulenti mill-ġdid;
ġ) kemm mistennija jiġu jiswew dawn l-istudji ġodda jekk verament se jsiru; u
h) jekk se jitqabbdu konsulenti, kif se jintgħażlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li ngħarraf lill-Onor Interpellant li mhux minnu illi l-"biċċa l-kbira tar-rotot se jiġu mibdula" qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-mistoqsijiet mill-(a) sad-(d).
Għar-rigward tal-mistoqsijiet e), f), ġ) u h), irrid infakkar lill-Onor. Interpellant li s-sistema tat-trasport pubbliku qed tiġi aġġustata biex jerġa’ jkollha konnessjonijiet diretti mill-lokalitajiet kollha lejn il-Belt Valletta u l-Isptar Mater Dei u dan skont il-feedback miġbur minn diversi suġġerimenti u lmenti mibgħuta lill-Ministeru u Transport Malta. Dan l-eżercizzju tħejja minn Transport Malta u Arriva Malta u għaldaqstant mhux jintużaw konsulenti esterni.
Transport Malta — Chief Executive Officer - range tas-salarji
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29838 u ċioe: Billi l-Ministru ftit ilu ta indikazzjoni tar-range tas-salarji taċ-Chief Officers ta' Transport Malta, jista' jkun aktar speċifiku u jabbina s-salarji indikati mal-karigi speċifiċi taghom, skont l-areali huma responsabbli għaliha? Din ir-range tinkludi ukoll il-pakkett finanzjarju li qed igawdi minnu iċ-Chief Executive Officer ta' Transport Malta? Jekk le, jista' jgħid fiex jikkonsisti dan il-pakkett?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministrru jgħid kemm hemm kapijiet ta’ direttorati fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li jieħdu allowances biex jużaw il-karozzi tagħhom? Min huma? Jista' jiċħad jew jikkonferma rapporti li hemm direttur partikolari li minkejja li jieħu din l-allowance fil-fatt qatt ma juża l-karozza tiegħu u minflok juża karozza tal-awtorità kemm biex imur d-dar u anke matul il-weekend?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li hemm 3 Diretturi li jieħdu l-allowance biex jużaw il-karozzi tagħhom. Dawn huma d-Direttur tal-Ippjanar, id-Direttriċi tal-Ambjent u d-Direttur tas-Servizzi Korporattivi. Wara investigazzjoni li għamlet l-awtorità f'dawn l-aħħar jiem irriżulta li d-direttur tas-Servizzi Korporattivi kien qiegħed ukoll jagħmel użu minn karozza mikrija għand l-awtorità. L-istess Direttur irriżenja mill-kariga tiegħu mal-awtorità.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koppja ta’ stqarrija li ħarġet il-MEPA, rigward il-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant. M’għandi xejn x’inżid ma’ dak li hemm f’din l-istqarrija.
Msida — Ta' Xbiex Sea Front - kwestjoni dwar dgħajjes li jużaw is-slipway
Question
F’isem għadd ta’ residenti ta’ Ta’ Xbiex Sea Front, Msida jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk huwiex permess mil-liġi li apparti minn dgħajjes żgħar tas-sajd qed jitħallew jużaw is-slipway li hija għal kollox maqtugħa mill-marina nnifisha, għall-fishing boats ta’ aktar minn 40 pied u ġieli anke għall-commercial boats ta’ madwar 45 pied, minflok ma dawn jużaw private boatyard kif jagħmlu f’postijiet oħrajn? Jista' jgħid jekk iħossx li dan imur lil hinn mill-iskop oriġinali ta' din il-facilità? Saru konsultazzjonijiet mal-kunsill lokali tal-lokal dwar dan is-suġġett matul is-snin? Jista' jgħid jekk il-gvern għandux jiżgura li din il-quay għandha tintuża biss mis-sajjieda u mid-dgħajjes normali għas-sajd?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din is-slipway hija wżata u mmexxija mis-sidien tal-opri tal-baħar li jirmiġġaw fid-daħla tal-Imsida. Wieħed isib sorġuti kemm bastimenti tas-sajd, kif ukoll commercial vessels, u hija ħaġa normali li dawn jagħmlu użu mill-faċilita` ta’ slipway li tinsab fiż-żona tal-Imsida. M'hemm l-ebda regolament dwar il-qies ta' bastiment li jista' juża’ din il-faċilità.
Florida Centre for the Advancement of Human Rights — kummenti dwar traffikar uman
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tal-Gvern Malti għall-kummenti li għamel fil-media lokali l-Professur Terence Coonan, direttur eżekuttiv tal-Florida Centre for the Advancement of Human Rights fejn stqarr li meta wieħed iqis li bejn is-snin 2002-2010 ġew investigati biss għaxar każijiet ta’ traffikar uman f’pajjiżna li rriżultaw f’14-il conviction, u dan kien biss the tip of the iceberg għaliex skont hu jista' jkun hemm għadd ta’ każijiet oħrajn li mhumiex jiġu indirizzati, kif ukoll każijiet oħrajn fejn il-prosekuzzjoni mhijiex issir bil-ħeffa meħtieġa? Peress li l-istess professur ġie kkwotat li qal li dan jista' jkun ġej ukoll minn nuqqas ta’ għarfien xieraq u taħriġ dwar il-problema ta' kif wieħed għandu jindirizza każijiet simili ta’ traffikar uman, jista' jgħid x’passi konkreti qed jieħu u/jew beħsiebu jieħu l-Gvern Malti quddiem l-osservazzjoni tiegħu li hemm bżonn ta’ major awareness campaign f’pajjiżna, mhux biss għall-pubbliku Malti iżda wkoll għal-law enforcement officials tagħna, il-prosekuturi u anke l-ġudikatura? Peress li huwa għamel rakkmandazzjoni oħra li hemm bżonn ta’ għarfien fost il-vittmi nfushom u l-gruppi vulnerabbli li għandhom iħossuhom protetti mil-liġi u għandhom jingħataw assikurazzjoni xierqa li mhumiex se jiġu ttrattati bħala kriminali jekk jersqu 'l quddiem biex jikxfu dak kollu li kienu u/jew għadhom għaddejjin minnu, jista' jgħid x'se jsir f'dan ir-rigward?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-ewwel nett ta’ min wieħed jgħid li s’issa ma kellniex indikazzjonijiet li t-traffikar uman f’Malta huwa ferm ikbar milli jixhdu in-numru ta’ każijiet li ttelgħu quddiem il-Qrati. Naturalment, dan ma jfissirx li ma jistgħax ikun hemm każijiet oħra, u lanqas ma jfisser li nistgħu nserħu rasna. Dan minħabba l-fatt li t-traffikar uman huwa, fl-aħħar mill-aħħar, forma ta’ skjavitu’. B’hekk, il-vittmi ta’ dan ir-reat spiss jibżgħu jitkellmu. Dawn il-persuni jkunu soffrew vjolenza, fiżika jew psikoloġika, u jkunu wkoll mhedda b’azzjoni kontrihom jew kontra l-familja tagħhom jekk jitkellmu mal-awtoritajiet.
Matul Ġunju ta’ din is-sena kienu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ għal benefiċċju ta’ entitajiet governattivi u non-governattivi involuti fis-settur, fosthom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Pulizija, l-Aġenzija Appoġġ, l-ETC, il-Caritas u l-JRS. Dan it-taħriġ sar minn esperti ta’ IOM (Washington) u kien ko-finanzjat mill-Gvern Malti u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti.
Bil-għan li jirċievu l-għarfien u t-taħriġ meħtieġ uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jipparteċipaw f’diversi konferenzi u laqgħat li jiġu organizzati fil-pajjiżi tal-Ewropa fir-rigward ta’ dan is-suġġett.
Huwa mistenni li jsir aktar taħriġ għall-entitajiet ikkonċernati matul l-ewwel tlett xhur tal-2012, hekk kif ikkontemplat mill-Pjan t’Azzjoni rigward it-Traffikar tal-Persuni, li kien ippublikat fl-4 ta’ Ottubru ta’ din is-sena fil-website tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern.
L-istess Pjan jagħmel ukoll referenza għal kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku in ġenerali, li għanda wkoll tkun imwettqa matul is-sena d-dieħla.
Rigward il-prosekuzzjonijiet, ta’ min wieħed jgħid li każijiet ta’ traffikar ta’ persuni qed jingħataw priorita’ minn naħa tal-Pulizija preċiżament minħabba n-natura serja ta’ dan ir-reat, kif ukoll minħabba il-vulnerabilita’ tal-vittmi.
Rigward ir-rakkomandazzjoni li hemm bżonn ta’ għarfien fost il-vittmi nfushom u l-gruppi vulnerabbli li għandhom iħossuhom protetti mil-liġi, l-imsemmi Pjan t’Azzjoni jipprovdi għal inizjattivi ta’ awarness għal dawk il-persuni li jitolbu ażil, li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, kif ukoll għal persuni vulnerabbli oħra.
Fl-aħħar nett, ta’ min wieħed jgħid li skont Artikolu 248E (6) tal-Kodiċi Kriminali, persuna li ikkommettiet ir-reati imsemmija fis-sezzjoni “Fuq it-traffikar ta’ persuni” tal-istess Kodiċi ma tistgħax tingħata kastig għal dawk ir-reati jekk wettqithom minħabba l-fatt li kienet imġiegħlha minn persuna oħra. B’hekk il-Liġi Maltija tipprovdi għal protezzjoni adegwata għal vittmi ta’ traffikar tal-persuni.
Tista' l-Ministru tivverifika rapporti li fis-7 ta' Novembru 2011 rappreżentant tad-ditta Yorkie dar l-ewwel klassi tal-iskola primarja A ta' San Ġwann biex jiddentifika tfal, li għalkemm kienu lebsin qalziet griż bħall-kulur tal-uniformi tal-iskola, ma kenux inxtraw mid-ditta Yorkie? Tista' tivverifika rapporti li tfal li nstabu mhux lebsin uniformi provduti mill-Yorkie ġew mhedda li mhux se jiġu aċċettati l-iskola nhar il-Ħamis li ġej? Jekk dawn ir-rapporti huma minnhom, taħseb li huwa aċċettabli li t-tfal u l-ġenituri tagħhhom jiġu stmati hekk? Jistgħu jew ma jistgħux ġenituri jixtru l-uniformi jew partijiet minnha mhux bilfors mingħand kumpanija partikolari li tkun ħadet il-kuntratt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mhux veru li rappreżentant tad-ditta Yorkie dar l-ewwel klassi tal-Iskola Primarja A ta’ San Ġwann biex jiddentifika tfal, li għalkemm kienu lebsin qalziet griż bħall-kulur tal-uniformi tal-Iskola, ma kenux inxtraw mid-ditta Yorkie.
Ħadd ma ġie mhedded li mhux se jiġi aċċettat l-iskola. Dawn ir-rapporti m’humiex minnhom.
Għall-fini tal-uniformità importanti li l-kuluri jkunu dawk stabbiliti fl-espressjoni ta’ interess li ħarġet, irrilevanti minn liema kumpanija jinxtraw.
Economist Intelligence Unit — esportazzjoni u importazzjoni ta' żejt
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29361 u jgħid x'inhi r-reazzjoni uffiċjali tal-gvern għall-fatt li Malta kif indikat l-Economist Intelligence Unit tidher li esportat żejt aktar milli importat meta pajjiżna mhuwiex produttur taż-żejt?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika investiga dak li rrappurtaw l-importaturi u l-esportaturi taż-żejt, u fid-9 ta’ Novembru ħarget News Release 215/2011, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi għadd ta’ pajjiżi jużaw bħala definizzjoni għal dak li jissejjaħ fuel poverty persentaġġ tad-dħul nett tagħhom li jitħallas fuq il-kontijiet tagħhom tal-enerġija, jista' l-Ministru jgħid f’pajjiżna fuq liema persentaġġ tad-dħul medju tal-individwi jiġi kkalkulat dan? Kemm huwa stmat b’mod approssimattiv li hawn familji Maltin li qegħdin isofru minn fuel jew energy povertyperess li f'pajjiżi bħar-Renju Unit il-fuel poverty huwa mifhum li jiġi fis-seħħ meta wieħed iħallas f’kontijiet tad-dawl u ilma flimkien ma' spejjeż oħrajn relatati mal-enerġija 'l fuq minn 10% tad-dħul net tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika jekk il-Gvern Malti qattx jiġi offrut scholarships fl-Astral Physics? Jekk iva, kemm isir dan regolarment u minn liema universitajiet barranin?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern Malti qatt ma ġie offrut direttament boroż ta' Studju fl-Astral Physics.
Bħala Gvern Malti ikollna diversi offerti ta' boroż ta' studju f'diversi oqsma fosthom il-Fiżika b'mod speċjali mill-Gvernijiet tal-Italja, Ċina, Ġermanja u Ġappun. Dawn il-boroż jiġu offruti fil-livell ta' Graduate u Post Graduate. L-istudenti li japplikaw iridu jagħżlu liema suġġett iridu huma dejjem jekk l-istess suġġett ikun offrut mill-Università konċernata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti ma' ditti ewlenin lokali għall-maintenance tal-Isptar Mater Dei? X’inhuwa l-valur u t-terminu ta’ kull kuntratt? Id-disturbance allowances li ġew imwiegħda l-ħaddiema tal-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dawn il-kuntratti se jitħallsu mis-somma miftiehma tal-kuntratt jew għad irid isir provvediment ieħor supplementary, speċjalment billi l-ħaddiema ġew imwiegħda żiediet simili minn mindu beda jopera l-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kontijiet awditjati tal-kumpanija parastatali WasteServ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja l-aħħar kontijiet awditjati tal-WasteServe Malta Ltd li huma għas-sena 2009. Dawk għall-2010 se jitressqu għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali annwali li ppjanata li ssir fit-30 ta’ Novembru 2011.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wieħed jieħu d-dejn nazzjonali u jżid miegħu d-dejn li għandu l-gvern fil-korporazzjonijiet u entitajiet kollha parastatali b’mod kumulattiv, kemm jammontaw bħala persentaġġ tal-ġid nazzjonali tal-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
studji li waslu biex Malta għandha l-għola ekonomija sewda
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra, u jekk huwa possibbli jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll, analiżi u/jew studji li setgħu saru min-naħa tal-gvern u/jew minn xi konsulenti mqabbdin minnu flimkien ma' entitajiet oħrajn parastatali li setgħu ġew imqabbdin biex janalizzaw il-fatturi ewlenin li wasslu biex pajjiżna għandu waħda mill-ogħla ekonomiji sewda fl-Unjoni Ewropea bħalissa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.