Legislature:
Category:
Reset
Active:

xogħlijiet fi blokk ta' appartamenti

Question

Fid-dawl ta’ diversi rapporti inklużi uħud fil-media lokali li għad hemm għadd ta’ xogħlijiet li baqgħalhom isiru fil-blokk ta' li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, hekk kif mressqin mill-inkwilini nfushom, jista' l-Ministru jindika meta l-Awtorità tad-Djar se tiżgura flimkien mad-dipartimenti l-oħra kkonċernati, li dan ix-xogħol isir mingħajr aktar dewmien u inkonvenjent għar-residenti?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar kitbet ittra lis-sid ta’ wieħed mill-appartamenti fil-5 t’Ottubru, 2012, sabiex joħroġ is-sehem tal-ispejjeż skont l-Att dwar il-Kondominju, Kap 398. F’każ li ma jonorax l-obbligi tiegħu, il-każ jgħaddi lis-Sezzjoni Legali.

djar tal-anzjani — standards ta' iġene

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk wara l-ħruġ tal-liċenzji meħtieġa jsirux spezzjonijiet biex jiġi żgurat li ċerti standards jinżammu fid-djar privati tal-anzjani u dan f’mod relattiv għall-ħlasijiet li jkunu qegħdin isiru għas-servizzi residenzjali u oħrajn offruti? Jista' jinvestiga ilment li wasalli li minkejja l-ilmenti ta’ bosta residenti anzjani fid-dar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġewwa l-Imsida d-diriġenti tad-dar baqgħu jinsistu li jżommu kelb kbir fl-istess dar tal-anzjani, b’inkonvenjent għal ħafna minnhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara l-ħruġ ta’ liċenzji għall-ftuħ ta’ residenzi għall-anzjani, jibqgħu jsiru spezzjonijiet annwali għal skop tat-tiġdid tal-liċenzji. Isiru ukoll spezzjonijiet mhux avżati u spezzjonijiet biex jiġu investigati lmenti. Dawn l-ispezzjonijiet isiru biex jiġi żgurat li ċerti standards jinżammu fid-djar tal-anzjani mill-lat ta’ kura tas-saħħa. Id-dipartiment bl-ebda mod ma jikkontrolla il-ħlasijiet li jkunu qegħdin isiru għas-servizzi residenzjali u oħrajn offruti. L-ilment illi d-diriġenti ta’ residenza fl-Imsida qed iżommu kelb ġewwa r-residenza diġa ġie investigat. Kien aċċertat illi tali kelb ma kienex qed jikkawża problemi ta’ iġjene fid-dar. Ir-residenti u l-ħaddiema ukoll qalu illi l-kelb kien mans u qatt ma wera sinjali ta’ aggressivita’. Ħafna mill-anzjani ikkummentaw illi tali kelb ma kienx idejjaqhom. Id-dirigenti tal-post qablu mal-ispettorat illi jagħmlu xatba mar-reception desk u illi il-kelb jinżamm maqful wara d-desk mingħajr ma jkun jista joħroġ fil-lobby area. Din ix-xatba qeghda fil-proċess li tiġi installata. Ta’ min jgħid li l-pet therapy hija prattika wżata ħafna barra minn Malta. Residenzi tal-anzjani għandhom kemm jista’ jkun jixbħu l-ambjent tad-dar u m’hemm xejn ħażin li jkun hemm kelb la darba dan ikun mans u ikkurat.

Allowance lil anzjani il jagħlqu 80 sena

Question

Fir-rigward tal-benefiċċju speċjali li jingħata f’forma ta' allowance lil min jagħlaq it-80 sena, jista' l-Ministru jikkonferma jekk fis-sena li jagħlaq it-80 sena jiħux l-ammont sħiħ imwiegħed fil-budget jew biss parti proporzjonali għax-xhur tas-sena li fiha jkun għalaq it-80 sena, billi allegatament kien hemm min ingħata €50 biss?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li kif infurmajt din il-kamra fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37440, dawk l-anzjani li laħqu l-eta’ ta’ 80 matul is-sena kurrenti qegħdin jieħdu somma pro-rata ta’ €300 li tkopri mid-data li fiha jilħqu 80 sal-aħħar tas-sena. Inżid ukoll illi kull anzjan li matul is-sena kurrenti irċieva jew ser jirċievi is-somma ta’ €300 jew parti minnha, f’Jannar tas-sena d-dieħla jirċievi l-ammont sħiħ.
Leg 11 PQ #37802 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Community Work Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet introdotta l-Community Work Scheme? Tista' tgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li din flok tapplika biss għal dawk li ilhom ħames snin jirreġistraw issa ġiet estiża għal dawk ilhom sitt xhur jew aktar jirreġistraw? Kemm kien hemm nies li nkitbu f'din l-iskema s'issa? Kemm inqagħtu nies mir-reġistru tal-qagħad minn dak iż-żmein 'l hawn? Ġew deployed xi uħud mill-applikanti u jekk iva, kemm u fejn? Tista' tagħti dettalji tal-age groups ta' dawk li s'issa applikaw taħt din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għall-akkwist ta' oqbra tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din id-darba applikazzjonijiet għall-akkwist tal-oqbra tal-gvern qed ikun suġġett għal depożistu ta' €2,500 kuntrarju għal li kien sar ftit qabel l-elezzjoni tas-sena 2008?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-akkwist għall-oqbra qiegħed ikun suġġett għal depożitu ta’ €2,500 peress li dan huwa mitlub skont Artiklu 9 tal-Avviż Legali 327 tal-2012 liema artiklu jgħid ‘Kull min jiġi mgħarraf bid-dritt li jkollu li jakkwista qabar għandu jħallas nofs l-ammont dovut fl-artikoli 6, 7 jew 8 malli jiġiffirmat il-konvenju dwar dak l-akkwist, hekk li l-bqija tal-ammont titħallas malli jiġi ffirmat il-kuntratt tal-akkwist.". Il-prezz għall-akkwist ta’ qabar mibni huwa ta’ €5000.

Bini tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kemm ilu located fil-Continental Business Centre, Cutrico Buildings, ġewwa Triq Old Railway Tracks f'Santa Venera? Dan il-post inxtara jew qiegħed jintuża b'kera? Jekk il-post huwa mikri kemm titla' l-kera?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ilu allokat fl-indirizz indikat fil-Mistoqsija, mit-13 t’ Awwissu 2012. Il post qiegħed jintuża’ b’kera bir-rata ta’ €126,474.00 fis-sena.

Ċimiterju tal-Addolorata — xiri ta' oqbra tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-lum, kemm inxtraw oqbra tal-gvern ġewwa ċ-Ċimiterju tal-Addolorata sena b'sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul il-perjodu, sena 2008 sal-lum, ma kien hemm l-ebda bejgħ ta’ oqbra tal-Gvern fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

San Ġwann — Triq il-Għargħur u Dun Karm Psaila bypass - speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jitwaħħlu speed cameras fl-inħawi ta' fejn tisbokka Triq il-Għargħur f'San Ġwann fit-Triq Dun Karm Psaila bypass minħabba l-frekwenza ta' over speeding, inċidenti u anke ħbit mal-crash barriers li ta' spiss ikun hemm?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt il-każ għall-kunsiderazzjoni ta' Transport Malta.

MEPA — allowance imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-ex Direttur għal Corporate Services, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament tal-Awtorità ta' Malta tal-Abjent u l-Ippjanar kienx ħallas lura l-flus tal-allowance tal-karozza li kien ħa żejda?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Imsida — Conception Street - stallazzjoni ta' bus stop

Question

Jista' l-Ministru jara li Transport Malta flimkien mal-Arriva tara li jkun hemm bus stop oħra apparti minn dik li hemm ħdejn il-Kennedy u qrib il-BOV fil-Pietà/Imsida Marina, għaliex in-nies li joqgħodu fl-akwati ta' Conception Street, l-Imsida fosthom anzjani, jkollhom jimxu dik id-distanza kollha biex jmorru l-Isptar Mater Dei?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nies li joqgħodu fl-akwati ta’ Conception Street jistgħu jagħmlu użu mill-bus stop ‘MSIDA’ li jinsab quddiem il-Każin tal-Banda u jaqbdu r-rotta 22 li għandha frekwenza ta’ karozza kull għoxrin minuta. Dan il-bus stop jinsab biss madwar 75 metru bogħod mit-triq imsemmija u huwa kkumplimentat b’bus shelter kif ukoll b’pedestrian lights li jinsabu eżatt kif wieħed ikun se jaqbad Triq M.A. Vassalli, mal-ġenb tal-Każin Laburista.

MEPA — siġar protetti

Question

Billi l-gvern spiss qed jgħid li ċerti siġar m'għandhomx bżonn permess tal-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax mhux kollha huma speċi protetti, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jikkunsidrax li joħroġ emergency legal notice li tiddikjara s-siġar kollha f’żoni urbani bħala protetti sakemm ma jkunux aljeni taħt skeda numru tlieta, sakemm l-awtorità ma toħroġx permess hi nnifisha għat-tneħħija tagħhom b’element ta' planning gains ġo fihom permess tal-planting ta' siġar indiġeni minflokhom u dan għaliex huwa mifhum li l-awtorità faslet legal notice li tħalli ħafna siġar f’żoni urbani mhux protetti?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità diġà qed tħaddem dan il-mekkaniżmu ta' tħawwil kompensatorju, fost oħrajn taħt il-forma ta' planning gains, kull fejn ikun rilevanti. Anzi, kemm-il darba jkun xieraq, l-Awtorità ġieli tesiġi wkoll miżuri aktar stretti, jiġifieri li s-siġar eżistenti ma jitħallewx jinqalgħu, jew inkella li jkunu trapjantati. Madankollu, l-Awtorità stess qed tipproponi wkoll salvagwardji legali ġodda biex itejbu l-ħarsien ta' siġar maturi fl-ispazji pubbliċi urbani.

tibdil ta' siġar

Question

Billi l-gvern stqarr li ċerti siġar ġew mibdula ma' mature quercus tress li huma ta’ oriġini Maltija, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn huma siġar maturi tal-ballut li kibru minn native oak trees jew inkella kienx hemm fosthom li ġew impurtati minn barra?

Response (MARCO, MARIO DE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara dwar liema każ qed jirreferi, sabiex il-mistoqsija tkun tista' tkun mgħoddija lill-ministeru responsabbli għall-proġett.

Transport Malta — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36854 u jgħid kemm u f'liema karigi ġew ingaġġati nies ma' Transport Malta xahar b'xahar mill-bidu tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li minn Jannar ta' din is-sena Transport Malta ingaġġat 18-il persuna. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni l-oħra mitluba.

San Ġwann — Triq Jacaranda - użu tal-art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28983 tal-leġislatura li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid li l-art li tagħti għat-Triq Jacaranda f'San Ġwann u li qed tiġi użata, hijiex konformi mal-liġi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-art li qed jagħmel referenza għalija hija art tal-Gvern u mhix mikrija.
Leg 11 PQ #37502 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Gżira — Triq ir-Rebħa - ilmenti rigward garaxxijiet kummerċjali

Question

Fid-dawl tad-diversi ilmenti li wasluli mingħand residenti ta’ Triq ir-Rebħa, Gżira li għandhom twieqi jagħtu għal Triq il-Kubrit fejn hemm ħafna garaxxijiet kummerċjali, jista' l-Prim Ministru jikkonferma dan li ġej: a) jekk dawn il-garaxxijiet humiex koperti bil-liċenzji meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti; b) hemmx minnhom li ma għandhomx liċenzji; c) sa x’ħin jistgħu jibqgħu joperaw billi hemm min idum jopera sad-9.30pm – dejjem skont ma ġejt infurmat; u d) jekk minħabba l-impatt li dawn qed jkollhom fuq is-saħħa ambjentali tar-residenti huwiex il-każ li jiġi kkunsidrat relocation ta’ uħud minnhom wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra kompetenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-pulizija, jirriżulta illi fl-inħawi indikati hemm 5 garaxxijiet. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni dwar kull wieħed minn dawn il-garaxxijiet. Ma jirriżultax illi dawn qed joperaw wara s-7.00pm kif huwa permess bil-liġi.

ERDF Innovation — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li applikanti taħt l-ERDF Innovation (Environment Grant Scheme) Tat-3 ta' April 2012 li applikaw fiż-żmien stipulat, ġew mgħarrfin li l-Malta Enterprise kienet qiegħda toħroġ approvals u/jew tweġibiet li uħud biss mill-applikanti? X’qed isir min-naħa tal-Malta Enterprise biex kull applikant ikollu moħħu mistrieħ li l-proċess huwa wieħed trasparenti u mhux diskriminatorju mal-applikanti kollha kkonċernati? Fuq liema kriterji qed jiġu mgħarrfa ċerti kumpaniji qabel kumpaniji oħrajn? Kif tispjega l-fatt li ċerti applikanti ngħataw x’jifhmu li kienu se jieħdu tweġiba fi żmien 3 xhur u issa jingħad li għaddew 'il fuq minn sitt xhur u għadhom bla tweġiba? Min se jġorr ir-responsabilità għal kull dewmien eċċessiv jekk dak kollu allegat huwa minnu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi numru ta’ grant agreements diġa nħarrgu u beda l-proċess mal-benefiċjarji konċernati. Minħabba li kien hemm numru ta’ applikazzjonijiet li setgħu kellhom xi kwistjoni teknika jew li kienu borderline, dawn l’applikazzjonijiet qed jiġu awditjati indipendentament sabiex jkun hemm deċiżjoni finali. Dan il-proċess qed isir sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm każijiet ta’ applikazzjonijiet li ma jibbenefikawx mill-iskema purament fuq bażi ta’ interpretazzjoni teknika jew fuq xi ġudizzju suġġettiv. Dan il-proċess ta’ verifika jinsab fl-aħħar stadju. Ta’ min ifakkar li applikanti li ma jinagħatawx il -grant taħt l-iskemi ERDF ser ikollhom l-opportunita’ li jappellaw. Dan l-appell jinstema’ minn bord tekniku indipendenti. Fejn ikun applikabbli, tingħata direzzjoni għal xi assistenza alternattiva bħal m’huma l-Microinvest jew l-Investment Aid.

Online shops lokali — ħlas ta' VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi żgurat li l-online shops lokali jiġbru u jħallsu l-VAT kif suppost?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li kemm-il darba l-online shops ikunu qegħdin jagħmlu provvisti ta’ servizzi u prodotti li fuqhom hemm l-obbligu li titħallas il-VAT, id-dipartiment juża dawk il-metodi ta’ monitoraġġ ġeneralment applikabbli fuq persuni oħra reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT biex jassigura li dawn jħallsu l-VAT kif suppost.

nurses li se jindew jippreskrivu l-mediċini

Question

Filwaqt li napprezza li din setgħet kienet talba tal-MUMN u ma għandi ebda interess li nidħol fi kwestjonijiet ta' natura ta' relazzjonijiet industrijali, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm konsultazzjoni man-nurses kollha minn qabel, billi uħud minnhom kuntrarju għal dak li qed jingħad ma riedux li jiġu mgħobbijja bir-responsabilità li jippreskrivu mediċini ġaladarba la huma tobba, dentisti u fil-każ tal-annimali – veterinjarji? X’preparamenti qed isiru biex dawn jippreskrivu mediċini flok tobba bħala nurses fil-qasam tal-ambulanzi? A bażi ta’ liema liġi se ssir din il-bidla peress li huwa reat kriminali li wieħed jippreskrivi mediċini jekk ma jkunx kwalifikat biex jagħmel dan? X’tahrig se jingħataw dawn l-infermiera biex jibda jsir xogħol simili minnhom? Huwa minnu jew le li kien hemm uħud minnhom li saħansitra ġew mhedda mill-avukat tal-Isptar Mater Dei? X’inhi l-urġenza ta’ din il-bidla peress li hu fl-interess pubbliku li l-Kamra tiġi aġġornata dwar policy simili dwar Nurses fl-Accident And Emergency Department?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm konsultazzjoni sħiħa u twila mal-infermiera kollha sakemm dawn kollha qablu li din il-proċedura tista’ sseħħ. Il-preparamenti saru billi ingħata t-taħriġ neċessarju lill-infermiera biex fl-ambulanza jamministraw ċertu mediċini partikulari. L-avukat tal-Isptar ma hedditx lill-infermiera, iżda spjegat lill-infermiera kollha nvoluti u affermat li dak li qed isir teknikament m’huwiex preskrizzjoni ta’ mediċini. L-Infermiera se jkunu qed jagħtu l-mediċina taħt direzzjoni medika, u għalhekk ma jirrikjedi l-ebda bdil fil-leġiżlazzjoni. Dan il-proċess ta’ taħriġ kien ilu li beda u għalhekk l-infermiera kollha issa kisbu dan it-taħriġ. L-infermiera kollha qablu li jsir u jieħdu dan it-taħriġ.
Leg 11 PQ #37541 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel tal-Istat — każijiet ta' scabies

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta' scabies fl-iskejjel tal-Istat din is-sena, xahar b'xahar? Tista' tindika ukoll il-lokalitajiet ikkonċernati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tender tal-electric vehicles

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal it-tender tal-electric vehicles? Kemm kien hemm bidders? Saret l-aggudikazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi għas-sejħa għall-offerti b’referenza CT3003/2012 kien hemm offerta waħda għal Lot 1, offerta waħda għal Lot 2, u żewġ offerti għal Lot 3. Bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni ta’ l-offerti li ntefgħu.