Legislature:
Category:
Reset
Active:

Estimi tal-Budget — miscellaneous receipts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30676 u 30274 u cioè: B’referenza għal-line item 0917 taqsima XIV miscellaneous receipts fl-Estimi tal-Budget, jista' l-Ministru jgħid għalxiex inhi attribwita l-qabża ta’ concession fees għal €28 miljun?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30274.

pazjenti li jitilgħu għall-kura taħt Puttinu Cares — biljetti tal-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jiċħad jew jikkonferma rapporti li wasluli li pazjenti li jitilgħu għall-kura taħt Puttinu Cares qabel kien ikollhom il-biljett tal-ajru mħallas kollu, filwaqt li dan l-aħħar jingħad li nbidlet il-policy u kulma qed jingħataw huwa skont fuq il-biljett tal-ajru? Jekk dan huwa minnu, jista’ jgħid meta nbidlet il-policy u għal liema raġuni? Jekk dan ir-rapport mhuwiex għal kollox korrett, jista’ jgħid x’inhi l-policy attwali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali u għaldaqstant informazzjoni fuq il-klijenti tagħha ma tingħatax. Ninsab infurmat ukoll illi Puttinu Cares mhix entità tal-gvern.

Ministeru tal-Finanzi — approvazzjoni tal-feed-in tariffs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni vera għaliex il-Ministeru tal-Finanzi għadu m’approvax il-feed-in tariffs fil-qasam tal-enerġija alternattiva? Huwa minnu li minkejja d-diversi talbiet formali li saru lill-gvern minn operaturi u investituri kemm attwali u prospettivi f’dan is settur, ir-raġuni hija waħda purament finanzjarja, billi feed-in tariff fiha nnifisha hija forma ta’ sussidju favur l-użu tal-enerġija alternattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviż Legali Nru 422 tal-2010.
Leg 11 PQ #31278 Sitting 441 2012-02-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

applikazzjonijiet minn ċittadini Maltin u Għawdxin biex iservu fuq boards tal-gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid s’issa kemm daħlu applikazzjonijiet minn ċittadini Maltin u Għawdxin biex iservu fuq boards tal-gvern wara s-sejħa li kienet saret ftit ilu mill-gvern biex persuni interessati li jiġu nominati jersqu ‘l quddiem? Jista’ jippubblika lista sħiħa tal-applikanti flimkien mal-kwalifiki tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa, wara sejħa ta’ interess, daħħlu 242 applikazzjoni minn ċittadini Maltin u Għawdxin biex iservu fuq bordijiet u kumitati tal-Gvern. Lista tal-applikanti flimkien mal-kwalifiki tagħhom ma jkunux disponibbli għall-pubbliku sakemm mal-applikanti ma jinħatrux f’Bord jew Kumitat Governattiv.

tħaddim tal-ispecial purpose vehicle sabiex jiġu finanzjati proġetti kbar

Question

Jista’ l-Ministru jfisser fid-dettal kif se taħdem u titħaddem l-ispecial purpose vehicle li beħsiebu joħloq il-gvern sabiex jiffinanzja proġetti bħall-parlament il-gdid, it-teatru l-ġdid u xi progetti oħrajn, kif ukoll x’sehem se jkollhom il-banek kummerċjali f’dan kollu, kif ukoll possibbilment proġetti kbar eżistenti tal-privat li għad għandhom djun pendenti x’jagħtu lill-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija duty f’fixed points — ilqugħ għall-kesħa u l-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jara jistgħux jittieħdu passi immedjati biex dawk il-Pulizija li jkunu duty f’fixed points, bħal ngħidu aħna qrib ċerti ambaxxati, jkollhom bieba għall-gardjola li tingħalaq bħala ilqugħ għall-kesħa u l-maltemp, kif spiss ikollhom membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, speċjalment billi hemm min ġieli jdum iservi aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa f’postijiet esposti għall-elementi kollha, b’mod partikolari f’jiem ta’ kesħa u maltemp?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni li ninforma lill-Kamra, il-gardjola qiegħda hemm sabiex il-Pulizija li jkun qed jagħti protezzjoni jew sigurtà, jkollu fejn iqiegħed l-affarijiet personali tiegħu u mhux biex joqgħod fiha huwa matul l-ħin tal-għassa. Dan sabiex jagħti l-aħjar protezzjoni u sigurtà fuq il-post lilu ordnat. Barra minn hekk, il-lum il-ġurnata l-istess protection duty qiegħda tiġi maqsuma b'shifts ta’ 4 sigħat kull għassa.

Tqassim ta' kalendarju għas-sena 2012

Question

B’referenza għall-kalendarju kulurit għas-sena 2012 ta’ 16-il paġna, li tqassam mill-Ministru fid-distretti elettorali li jikkontesta taħt it-titlu: PROĠETTI TA’ KWALITÀ GĦALIK li l-biċċa l-kbira huma proġetti maħsuba għad-distretti li huwa jikkontesta, jista' l-Ministru jindika jekk kienx hemm xi fondi pubbliċi, tal-gvern u/jew ta’ xi aġenziji governattivi u/jew parastatali li kienu involuti fl-iffinanzjar tat-tħejjija, stampar u distribuzzjoni tiegħu? Jista' jgħid: a) Kemm ġew stampati kopji? b) Kif u minn min tqassmu? ċ) Fejn tqassmu? d) Fejn ġew stampati? e) Għal kemm kien jammonta dan l-iffinanzjar? f) Jekk fl-affermattiv, minn liema entitajiet ġew finanzjati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ma ppublika l-ebda kalendarju għas-sena 2012.

MEPA — figuri għall-refuse derived fuel

Question

Jista' l-Ministru jara jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tipprovdix l-aħħar figuri għall-refuse derived fuel f’pajjiżna? Jeżistu figuri dwar il-methane ġġenerat mill-fermented wastes fl-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' Sant Antnin u s-sewage plants, kif wkoll mill-Magħtab Landfill? Jekk iva, tista' l-awtorità tipprovdi dettalji sħaħ dwar il-volum ta' methane ġġenerat kif ukoll l-enerġija li ġiet derived minn dan il-methane?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2010 kien iġġenerat 2,727.04 tunellata refused derived fuel mir-Riċiklaġġ ta' Sant Antnin. Il-MEPA m'għandhiex informazzjoni rigward il-volum ta' methane li ġie ġġenerat mir-Riċiklaġġ ta' Sant Antnin u l-Magħtab Landfill. Il-Wasteserv u WSC huma l-entitajiet li jistgħu jiġu kkonsultati biex iwieġbu din il-parti tal-mistoqsija.

MEPA — ħlas tan-national insurance contributions

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hix regolari fil-ħlas tagħha tan-national insurance contributions lill-gvern? Jekk le, kemm kellha tagħti b’lura sal-20 ta' Diċembru 2011 u għal liema medda ta’ żmien?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjana m'għandha l-ebda bilanċ dovut lill-Inland Revnue b'konnessjoni mal-NI u l-FSS.

Marsa — Spencer Hill - postijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31009 u jgħid kemm-il post għandu l-gvern ġo Spencer Hill fil-Marsa? Kemm minnhom huma vojta? Il-gvern għandu xi ħsieb li jikrihom u/jew ibiegħhom jew għandu ħsieb li jagħmel użu minnhom huwa stess? Dawn jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Artijiet jew taħt l-Awtorità tad-Djar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġewwa Spencer Hill fil-Marsa, l-Gvern għandu 21 post li huma kollha postijiet residenzjali. Minn dawn il-postijiet, hemm wieħed li huwa vojt. Peress li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma jikriex postijiet residenzjali, jekk dan il-post vojt ser jinkera fil-futur dan isir min-naħa tal-Awtorità tad-Djar. Il-21 post li hemm fi Spencer Hill jaqgħu kollha taħt id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern.

Msida — Triq G. Mitrovich - tendering process

Question

Jista’ l-Ministru jindika fiex wasal it-tendering process li kellu jinħareġ biex isiru xogħlijiet fi Triq G. Mitrovich, Msida minn Transport Malta kif ġie mwiegħed fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari preċedenti 30022?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol ser jiġi mgħoddi lill-kuntrattur Road Maintenance Services Ltd.

Gżira — Triq Nazju Ellul - asfaltar

Question

Billi fil-leġislatura l-oħra r-residenti ta’ Triq Nazju Ellul, Gżira kienu ġew infurmati li x-xogħol tal-asfaltar kellu jitlesta sa tmiem is-sena 2008, jista’ l-Ministru jindika meta mistenni jsir dan, peress li minn dak iż-żmien ‘l hawn għaddew ‘il fuq minn tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

familji li qegħdin iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bl-installments

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li qegħdin iħallsu l-kontijiet tagħhom tad-dawl u l-ilma bl-installments, kemm b’kuntratt jew mingħajr kuntratt miftiehem mal-ARMS Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kontijiet domestiċi jew residenzjali li qed jitħallsu permezz ta’ installments huwa ta’ 1887. Mill-1 ta’ Jannar 2010, in-numru ta’ familji (jiġifieri kontijiet b’rata domestika jew residenzjali) li qed jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, permezz ta’ installments mingħajr kuntratt (jiġifieri dawk li jħallsu f’tlett pagamenti jew aktar) huwa ta 18,724 .

impenn favur it-tisħiħ tal-ewro

Question

Filwaqt li wieħed jawgura li jkompli l-impenn favur it-tisħiħ tal-munita tagħna lkoll l-ewro, jista' l-Ministru jgħid jekk xi dipartimenti, aġenziji jew entitajiet governattivi, jew inkella xi korporazzjonijiet jew istituzzjonijiet li fihom għandu xi sehem il-Gvern Malti jew xi entitajiet ikkontrollati minnu, f'dawn l-aħħar xhur għamlux xi studji dwar worst-case scenario fl-eventwalità li tikkollassa l-munita ewro?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #31231 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Task Force dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku — laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' t-Task Force immexxi minnu dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku? X’ġie deċiż u implimentat s’issa? Min attenda għal dawn il-laqgħat u meta saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Task Force li hu mmexxi minni s’issa iltaqa’ tliet darbiet. Waqt dawn il-laqgħat ġie deċiż sabiex il-pjan li kien diġà magħġun tagħqqad flimkien mhux biss is-sistema tat-trasport pubbliku iżda ukoll is-sistema tal-immaniġjar tat-traffiku sabiex jissaħħew. Ir-riżultati kienu posittivi mhux biss fuq it-trasport pubbliku, imma wkoll fuq it-traffiku ġenerali. It-Task Force ukoll irreġistra suċċess mal-operatur fil-miżuri li qed jiġu implimentati fis-sistema tal-biljetti li permezz tagħhom qed inaqqas ix-xiri ta’ biljetti minn fuq ix-xarabank. Peress li sistema bħal din għandha bżonn il-ħin biex tistabiliżża, it-Task Force iddeċieda li ma jsir l-ebda aktar tibdil fir-rotot sa April ta’ 2012. Dan iħalli żmien biex kull proposta li tidħol tiġi studjata sew sabiex ir-reviżjoni li jmiss tagħmel dak it-tibdil li jkompli jtejjeb is-servizz. Deċizjoni oħra li ttieħdet hija dik li s-sistema tal-informazzjoni fuq l-i stages tiġi implimentata sal-aħħar ta’ din is-sena. Il-laqgħat ġabru flimkien rapreżentanti tal-uffiċju tiegħi, l-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, rapreżentanti tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll rapreżentanti tal-Arriva, Transport Malta, l-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.

kumitat interministerjali dwar it-tibdil tal-klima — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-kumitat interministerjali dwar it-tibdil tal-klima? Minn min huwa kompost? Meta saru dawn il-laqgħat u x’ġie deċiż s’issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tewġiba tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #31233 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — fdalijiet ta' bomba

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kienu l-health and safety measures li ġew imħaddmin fl-MCAST meta dan l-aħħar instabu fdalijiet ta' bomba? Kif ġew imħaddmin u kkordinati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qabel ma beda x-xogħol ta’ tħaffir u bini tal-proġett tal-Kampus il-Ġdid tal-MCAST, waqt li kienu qed jitfasslu l-pjani, l-awtoritajiet tal-Kulleġġ qiesu l-possibilita’ li fiz-zona fejn se jsir it-tħaffir jistgħu jinstabu xi fdalijiet ta’ splussiv tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalhekk, qabel ma bdew ix-xogħlijiet, il-Forzi Armati ta’ Malta ntalbu jagħmlu eżerċizzju ta’ tfittix għal materjal splussiv li seta’ kien hemm mirduma taħt l-art, permezz ta’ apparat apposta. Minn dan l-istudju ma nstabux traċċi ta’ splussiv madankollu, l-esperti tal-Forzi Armati ta’ Malta wissew li xorta jibqa’ possibilita’ żgħira li jinstab xi materjal splussiv. Kien għalhekk li l-awtoritajiet tal-Kulleġġ, flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, infurmaw lill-kuntratturi b’din il-possibilta’ u ħasbu għal pjan t’azzjoni f’każ li sseħħ. Fil-fatt, nhar it-12 ta’ Diċembru, malli waqt ix-xogħol ta’ tħaffir instabu l-fdalijiet ta’ bomba, mill-ewwel infurmaw lill-Forzi Armati ta’ Malta, li immedjatament bagħtu l-esperti tagħhom biex ineħħu l-periklu. Fl-istess waqt, f’temp ta’ ftit minuti, l-awtoritajiet tal-Kulleġġ bdew l-evakwazzjoni tal-Kulleġġ, skont il-proċeduri ta’ evakwazzjoni tal-MCAST. Sabiex l-evakwazzjoni ssir b’mod ordinat, ġie deċiż li ma jintużawx l-‘alarms’ u minflok għadd ta’ uffiċċjali tal-Kulleġġ daru lil kull Istitut, klassi klassi, biex jevakwaw l-għalliema flimkien mal-istudenti tagħhom. Fl-aħħarnett, peress li ma kienx magħruf kemm se ddum il-ħidma biex jitneħħa l-materjal splussiv, biex jitħaffef il-proċess t’evakwazzjoni, u biex l-istudenti u staff ma jitħallewx jistennew fit-toroq tal-inħawi bir-riskju ta’ xi inċident tat-traffiku, l-istudenti u l-istaff intbagħtu d-dar minnufih. Il-Kulleġġ baqa’ evakwat sakemm il-Forzi Armati ta’ Malta neħħew il-materjal splussiv mill-inħawi.
Leg 11 PQ #31234 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

informazzjoni dwar bdil ta' kariga ta' persuna

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li s-Sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien imexxi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, illum għandu kariga fl-MCAST? Jekk iva, x’inhi din il-kariga u x’inhuma l-kundizzjonijiet u pakkett finanzjarju flimkien ma' inċentivi oħrajn li qed igawdi minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kariga tal-persuna msemmija hija ta’ Chief Officer, External Affairs, fl-MCAST. Għal dawn l-aħħar ħames snin il-pakkett finanzjarju ta’ din il-persuna huwa ta’ €52,411 fis-sena. Huwa wkoll intitolat għal: • Użu ta’ karozza; • Performance bonus sa massimu ta’ 10% tas-salarju bażiku; • Sa massimu ta’ €1,164.69 fis-sena, għas-servizzi tal- mobile u ta’ linja fissa tat-telefon fir-residenza tiegħu; • Personal computer u remote access internet connection , • Ħlas tal-miżati ta’ sħubija f’assoċjazzjonijiet professjonali, skont ma japprova l-Prinċipal/Uffiċċjal Kap Eżekuttiv tal-MCAST.

WasteServ — kontijiet awditjati

Question

Billi l-kontijiet awditjati tal-WasteServ kellhom jiġu approvati xi jiem ilu, jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġewx approvati u meta sar dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant illi għad hemm xogħol addizzjonali li ntalab mill-awdituri għalhekk għadhom mhux konklużi.

inkjesta dwar il-mercaptans

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet konkluża l-inkjesta dwar il-mercaptans? Meta mistennija tiġi ppubblikata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rapport mħejji mill-Bord appuntat dwar dan il-każ ġie ppreżentat lili fil-bidu ta’ Jannar. Dan ir-rapport ġie mgħoddi liċ-Chairman Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta sabiex il-Board jagħmel l-analizi tiegħu u jagħti r-rejazzjoni uffiċjali tiegħu.