Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi mtejjeb l-aċċess għar-residenti ta' triqat bħal Mons. Innoċenz Zammit Str Imsida/Swatar, billi mir-riforma tat-Trasport Pubbliku 'l hawn tneħħitilhom il-bus stop u r-residenti qed ikollhom jaqsmu lanes perikoluzi u traffikużi biex jaqbdu l-karozzi tal-linja min-naħa l-oħra faċċata tagħhom filwaqt li m'hemm l-ebda zebra crossing u s-subway li hemm tkun spiss mimlija bl-ilmijiet u t-tajn kull meta tagħmel ix-xita, apparti mill-abbużi li regolarment isiru fiha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31268 u cioè: Billi fil-leġislatura l-oħra r-residenti ta’ Triq Nazju Ellul, Gżira kienu ġew infurmati li x-xogħol tal-asfaltar kellu jitlesta sa tmiem is-sena 2008, jista’ l-Ministru jindika meta mistenni jsir dan, peress li minn dak iż-żmien ‘l hawn għaddew ‘il fuq minn tliet snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.29257.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31276 u cioè: Filwaqt li wieħed jawgura li jkompli l-impenn favur it-tisħiħ tal-munita tagħna lkoll l-ewro, jista' l-Ministru jgħid jekk xi dipartimenti, aġenziji jew entitajiet governattivi, jew inkella xi korporazzjonijiet jew istituzzjonijiet li fihom għandu xi sehem il-Gvern Malti jew xi entitajiet ikkontrollati minnu, f'dawn l-aħħar xhur għamlux xi studji dwar worst-case scenario fl-eventwalità li tikkollassa l-munita ewro?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Gvern Malti qiegħed jaħdem b’mod attiv sabiex il-problemi finanzjarji u ekonomiċi fiż-żona tal-Ewro jkomplu jiġu ndirizzati u jingħelbu. Il-munita Ewro kienet u għadha b’saħħitha.
Istitut għall-Istudji Turistici — ħaddiema fuq kuntratt indefinit
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistici preżentement fuq kuntratt indefinit fil-grad ta' Officer in Grade hux se jkollhom l-impjieg tagħhom mal-gvern regolarizzat? Meta se tinħareġ l-ittra tal-ħatra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-ħaddiema mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistici preżentement fuq kuntratt indefinit fil-grad ta' Officer in Grade kellhom l-impjieg tagħhom mal-gvern regolarizzat. L-ittri ntbagħtu lill-ħaddiema.
informazzjoni dwar il-laqgħat li qed jorganizza l-Ministru
Question
B’referenza għas-sensiela ta’ laqgħat li l-Ministru qed jorganizza bit-tema ‘Proġetti ta’ Kwalità Għalik’ f’lokalitajiet tad-distretti elettorali li huwa jikkontesta, fejn fihom il-kostitwenti qed jiġu mistiednin permezz ta’ flyers biex jattendu laqgħat li matulhom tingħata preżentazzjoni dwar ix-xogħol li wettaq il-Ministru kif ukoll dwar il-pjan ta' xogħol li għandu mħejji għax-xhur u snin li ġejjin, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-laqgħat li fl-istedina jġibu l-indirizz tal-uffiċċju privat tiegħu u l-email privat personali tiegħu u li qed jinżammu f’lukandi ewlenin humiex iffinanzjati minn fondi pubbliċi tal-istat jew le?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-laqgħat ma kenux organizzati jew finanzjati mill-istat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' ċitazzjonijiet li l-Korporazzjoni Enemalta ħallset fuq karozzi (kemm hired/leased/owned) li kienu assenjati fl-uffiċċu taċ-Chief Executive Officer u f'dipartimenti oħra tal-korporazzjoni bejn l-20 ta' Novembru 2008 u s-17 ta' Novembru 2011? Jista' jikkonferma li hija l-prassi tal-istess korporazzjoni li l-impjegati jħallsu ċ-ċitazzjonijiet u s-soltu taħt l-ebda ċirkostanza ma titħallas ċitazzjoni mill-Korporazzjoni Enemalta, kif fil-fatt ġie kkonfermat meta riċentement ħarġet ċirkolari mid-dipartiment tal-Corporate Services?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevol Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn iċ-ċitazzjonijiet. Ninsab infurmat illi ftit tal-ġranet ilu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta ħareġ struzzjonijiet lid-dipartiment tal-finanzi fil-korporazzjoni, u anke nħarġet ċirkolari mid-Dipartiment tal-Corporate Services li tfakkar lill-impjegati kollha li l-ebda ċitazzjoni m’hi se tithallas mill-korporazzjoni, u din tapplika għal kullħadd. Ninsab infurmat ukoll li l-Korporazzjoni se titlob li f’dawn il-każijiet kollha, l-uffiċċjali konċernati jħallsu l-ammont taċ-ċitazzjoni mħallsa mill-korporazzjoni.
San Ġwann — Triq Mensija - probelma ta' ilma fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġi indirizzat l-ilment tar-residenti tat-triq twila u prinċipali, Triq Mensija ġewwa San Ġwann li jmur lura għadd ta’ snin u li anki l-kunsill lokali jafu bih, biex tiġi indirizzata l-problema tal-ilmijiet ikkawżati allegatament minn għoti ta’ tarmak fuq tarmak, li ħafna drabi qed iwassal għal flooding f’ħafna djar u anki bjar u btieħi tan-nies u dan b’żieda mal-ilmijiet li jkunu ġejjin minn triqat oħrajn fil-qrib?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li jien infurmat li din it-triq taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-kumpanija ARMS Ltd tinvestiga l-ilment ta’ familja ta’ tlieta min-nies b’tifel ta' 11-il sena, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed ikollhom kontijiet ikkalkulati b’mod eċċessiv fejn jidħol il-konsum tal-ilma minkejja li l-meter inbidlilhom madwar sena ilu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Tista' l-Ministru tagħti kunsiderazzjoni xierqa lit-talba li ilha pendenti madwar sentejn biex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tattendi year 5 Ladybirds fil-Kulleġġ Santa Kjara, f'San Ġwann, tingħata facilitator billi hija meqjusa slow learner?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-ġenitur ingħatat appuntament biex tidher quddiem l-iStatementing Moderating Panel li jiddeċiedi dwar l-għajnuna li għandha tingħata lil din l-istudenta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm dan l-aħħar jingħad li għaddew ħames uffiċjali tal-Armata għall-AI - EOD - explosive ordinance disposal, tnejn minnhom biss qegħdin jieħdu l-allowance speċjali minkejja li kif ninsab infurmat, ilkoll jagħmlu xogħol tal-istess livell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-eżami ta’ Conventional Munition Disposal Engineer Group A Class I li sar f’Ġunju ta’ l-2010.
Ninsab infurmat li l-ħlas relatat mas-snajja fl-armata hu regolat mit-Trade Establishment tal-istess armata li jindika n-numru ta’ persuni intitolati għal ħlas f’dik is-sengħa partikolari. Fir-rigward tas-sengħa msemmija hemm aktar persuni kwalifikati minn kemm jistipula l-Establishment. Madankollu l-istess persuni huma lkoll qed jirċievu ħlas għall-istess kwalifika fi Class II apparti l-
Explosives Allowance
ta’ €782 fis-sena applikabbli għall-membri kollha li jaħdmu fl-
Ammunition & Explosives Storage and Disposal Squadron
.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir inspection mis-Sanità dwar l-istandards tar-razzett li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn skont rapporti li saru, minkejja li dan jinstab qrib l-abitat, għandu d-demel tal-baqar li ma jinżammx kif suppost taħt tinda u l-istandards bażiċi ambjentali tal-indafa mhumiex jinżammu ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul dawn l-aħħar ġranet uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali għamlu diversi tentattivi sabiex issir spezzjoni fir-razzett indikat iżda dan ir-razzett dejjem instab magħluq, saħansitra l-istess uffiċċjali marru wkoll fir-residenza ta’ sid ir-razzett iżda lanqas hawn ma sabu lil ħadd u għalhekk aktar tentattivi sabiex issir l-ispezzjoni neċessarja f’dan ir-razzett se jibqgħu jsiru mill-istess uffiċċjali.
Ninsab infurmat ukoll li fl-2009 ittieħdu passi legali kontra sid l-istess razzett fuq ilment simili liema każ għadu
sub-judice.
MEPA — uffiċjali li għandhom il-karozza tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kemm hemm uffiċjali li għandhom karrozzi tal-awtorità għall-użu personali tagħhom? Mingħajr ma jsemmi ismijiet jista' jindika l-karigi li jokkupaw? Kemm minnhom qegħdin fid-direttorat tal-ippjanar u kemm fid-direttorat tal-ambjent?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba
Peress li bħalma jaf kulħadd, is-sit medjevali fis-Simblija limiti tar-Rabat/Dingli f’Malta, ġie riabilitat b’fondi pubbliċi kif ukoll b’fondi Ewropej u l-post ġie inawgurat fi Frar ta’ sena 2003 mill-Ministru tar-Risorsi u Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech u peress li ma tidher l-ebda informazzjoni fuq fondi tal-Unjoni Ewropea taħt is-sit tad-dipartiment tal-Planning and Priorities Coordination, jista’ l-Ministru jgħid:
1. Kemm kienu l-fondi li ngħataw mill-Unjoni Ewropea;
2. Kemm kienet il-kontribuzzjoni tal-Gvern Malti;
3. Taħt liema skema jew programm tal-Unjoni Ewropea ngħataw il-fondi;
4. Jekk kienx hemm kundizzjonijiet jew wegħdi mill-Unjoni Ewropea marbutin ma’ dan il-proġett , u jekk fl-affermattiv, x’kienu;
5. Jekk xi partijiet mill-fondi ntużaw sabiex jiġu mibnija jew irranġati strutturi privati ta' familja partikolari li għandha l-użu temporanju tal-art tal-gvern fl-intorni;
6. Jekk dan il-lok storiku kulturali għadux miftuħ għall-pubbliku; u
7. X'inhi s-sitwazzjoni fuq l-aċċess għall-pubbliku mill-passaġġi li jagħtu għal dan il-lok li ilhom jeżistu minn żmien il-Medju Evu u li issa huwa mhedded mill-istess familja?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Ta Xbiex — Malta Royal Yacht Club - aċċess għall-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid huwiex konformi mal-liġi li l-Malta Royal Yacht Club ġewwa Ta' Xbiex filwaqt li kif għandhom kull dritt jkomplu bil-ħidma tagħhom, fl-istess waqt jagħlqu parti mit-triq fejn hemm aċċess għall-baħar għan-nies fl-akwati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għadda l-proprjetà li għandha l-Malta Royal Yacht Club ġewwa Ta’ Xbiex, lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz ta’ Avviż Legali Numru 81/2009. L-art li ġiet trasferita lill-Kunsill Malti għall-Isport ma kinitx tinkludi wkoll it-triq li tagħti aċċess għall-baħar. Fil-fatt, id-Dipartiment ħa passi biex inħarġet Ordni ta’ Żgumbrament, sabiex jitneħħa l-imblokk ta’ dan l-aċċess u minn spezzjoni li saret dan l-aħħar, irriżulta illi l-aċċess għall-baħar reġgħa nfetaħ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konformi mal-liġi industrijali li l-impjegati tal-language school EF jiġu mġiegħla jieħdu time in lieu għal kull siegħa żejda li jaħdmu b'żieda mal-ħinijiet normali tax-xogħol u b'hekk jirrinunzjaw għall-entitlement tagħhom għall-overtime?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjegati li jaħdmu overtime għandhom dritt li jitħallsu skont rata stipulata f’ xi liġi jew ftehim kollettiv applikabbli. Minn investigazzjoni li saret f’din l-intrapriża ma rriżultax li kien hemm xi mpjegati li kienu mġegħla jieħdu time in lieu flok jitħallsu overtime.
Jekk l-Onor. Interpellant ghandu xi nformazzjoni specifika, jekk irid jista’ ghaddiha b’mod kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar milli tiżgombra basement fil-post, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li suppost kellu enforcement notice u żgumbrament datat 12 ta' Jannar, 2011 billi qed jintuża illegalment għal skopijiet residenzjali?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ fis-Swieqi li qed issir riferenza għalih wasal fl-istadju li legalment tista' tittieħed azzjoni diretta fuqu mill-MEPA. B'hekk fil-mument opportun il-MEPA tista' taġixxi fuqu skont id-diskrezzjoni u l-prijoritizazzjoni tagħha.
Fid-dawl tal-għadd ta' ilmenti ta' residenti tal-Għargħur dwar kif tnaqqas sostanzjalment is-servizz tat-trasport pubbliku lejn u mill-Għargħur, jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru konsultazzjonijiet mal-Arriva biex ikun hemm l-istess frekwenza, konvenjenza u puntwalità li r-residenti tar-raħal kienu mdorrija u moqdija bihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt t-talba tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30274 u cioè: B’referenza għal-line item 0917 taqsima XIV miscellaneous receipts fl-Estimi tal-Budget, jista' l-Ministru jgħid għalxiex inhi attribwita l-qabża ta’ concession fees għal €28 miljun?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30274.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30350 u cioè: Peress li hemm allegazzjonijiet li qed jinbiegħ xi light heating oil minn Ras Ħanżir, jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ sabiex jiġi determinat jekk dan huwiex isir b'mod illegali?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30350.