B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31286 dwar pulizija li jkunu għassa ma' ambaxxati eċċ. jista' l-Ministru jinvestiga l-każ mill-ġdid billi ninsab infurmat li hemm ambaxxati fejn il-fixed point security magħhom jaħdmu tmien siegħat sħaħ u mhux fuq bażi ta’ 4 sigħat u 4 sigħat kif indikat fit-tweġiba peress li t-talba tiegħi ma kenitx biex dawn jingħataw xi trattament preferenzjali iżda biss trattament simili bħalma jingħataw membri tal-armata li jkun fuq duties simili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħala regola, l-Pulizija li jkun fuq fixed point protection duty jinbidel wara 4 siegħat. Però hemm xi points li fuq talba personali tal-istess membri tal-Korp, din ir-regola ma tiġix applikata.
Kulleġġ ta' Santa Tereża Birkirkara — trasferiment ta' form 3s
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu jew le li l-form 3's tal-Kulleġġ ta' Santa Tereża Birkirkara humiex se jiġu trasferiti minn Ta' Paris għall-iskola fejn hemm il-forms 1 u 2 fi Psala Street Santa Venera tal-istess kulleġġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Form IIIs li hemm bħalissa fil-Kulleġġ Santa Tereża, Sekondarja Subien, B’Kara (Ta’ Paris) mhux se jiċċaqalqu għall-Kulleġġ Santa Tereża, Sekondarja Subien, Sta. Venera.
Mis-sena d-dieħla l-istudenti tal-Form 3 (li din is-sena qegħdin Form 2) se jibqgħu fil-Kulleġġ Santa Tereża, Sekondarja Subien Santa Venera u mhux se jmorru fil-Kulleġġ Santa Tereża, Sekondarja Subien B’Kara (Ta’ Paris).
Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-iskart li kellhom maħżun fil-WasteServ fi tmiem din il-ġimgħa u li ma kenux għadhom jafu x’se jaqbdu jagħmlu bih? Jista' jgħid jekk kienx skart perikoluż li qed jistenna liċenzja għall-esportazzjoni jew RDF – refuse derived fuel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma jirriżultax li ddaħħal skart li l-Wasteserv mhix ippreparata għalih. U għalhekk din il-mistoqsija hi mibnija fuq premessa żbaljata.
Paċeville, San Ġiljan u Buġibba — permessi għall-amplified music
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm permessi għall-amplified music ġewwa stabbiliment f'Paċeville, San Ġiljan u Buġibba u f'liema toroq jinstabu? Meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Għad hemm xi talbiet pendenti? Kemm minnhom ġew rifjutati mis-sena 2010 sal-lum?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Oltre għall-informazzjoni mogħtija li tirrigwarda ħruġ ta’ permessi għal daqq ta’ mużika amplifikata fis-sens għolja, jeżistu wkoll numru ta’ permessi fl-istess lokalitajiet indikati li jippermettu d-daqq ta’ mużika f’livell baxx magħrufa bħala soft background music kif ukoll permessi ta’ daqq ta’ mużika live.
Ma hemmx talbiet pendenti għal daqq ta’ mużika amplifikata fil-lokalitajiet indikati. Matul is-sena 2011, ġie rrifjutat permess wieħed fi triq Santu Wistin, Paceville, St Julians. Dan il-permess ingħata wara li l-applikant issottometta appell quddiem il-Bord tal-Appelli tat-Turiżmu u rebaħ l-istess appell.
Noise pollution minn stabbiliment fi Triq Rue D'Argens
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu dwar ilmenti formali li saru mir-residenti dwar noise pollution minn stabbiliment fin-naħa t'isfel ta' Triq Rue D'Argens anki fil-ħinijiet bikrin ta' filgħodu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal club li hemm fl-imsemmija triq, il-Pulizija nvestigat u ħadet passi fuq ir-rapporti li sarulha dwar storbju li kien ġej minn dan il-club. Fil-fatt ninsab infurmat ukoll illi nbdew proċeduri quddiem il-Qorti dwar dawn l-ilmenti
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31303 li oriġinajrament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Peress li bħalma jaf kulħadd, is-sit medjevali fis-Simblija limiti tar-Rabat/Dingli f’Malta, ġie riabilitat b’fondi pubbliċi kif ukoll b’fondi Ewropej u l-post ġie inawgurat fi Frar tas-sena 2003 mill-Ministru tar-Risorsi u Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech u peress li ma tidher l-ebda informazzjoni fuq fondi tal-Unjoni Ewropea taħt is-sit tad-dipartiment tal-Planning and Priorities Coordination, jista’ l-Ministru jgħid:
a) Kemm kienu l-fondi li ngħataw mill-Unjoni Ewropea;
b) Kemm kienet il-kontribuzzjoni tal-Gvern Malti;
ċ) Taħt liema skema jew programm tal-Unjoni Ewropea ngħataw il-fondi;
d) Jekk kienx hemm kundizzjonijiet jew wegħdi mill-Unjoni Ewropea marbutin ma’ dan il-proġett , u jekk fl-affermattiv, x’kienu;
e) Jekk xi partijiet mill-fondi ntużaw sabiex jiġu mibnija jew irranġati strutturi privati ta' familja partikolari li għandha l-użu temporanju tal-art tal-gvern fl-intorni;
f) Jekk dan il-lok storiku kulturali għadux miftuħ għall-pubbliku; u
ġ) X'inhi s-sitwazzjoni fuq l-aċċess għall-pubbliku mill-passaġġi li jagħtu għal dan il-lok li ilhom jeżistu minn żmien il-Medju Evu u li issa huwa mhedded mill-istess familja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-proġett ta’ restawr u riabilitazzjoni tas-sit medjevali tas-Simblija sew madwar Lm 20,000, li minnhom Lm 5,000 ġew minn fondi li nghataw mill-Unjoni Ewropeja Taħt l-iskema tar-Raphael Project. Min informazzjoni li għandi, ma jidhirlix li kien hemm kundizzjonijiet jew wegħdi mill-Unjoni Ewropea marbutin ma' dan il-proġett.
Peress li parti minn dan is-sit kienet qiegħda tintuża mill-bidwi li għandu l-kirja agrikola tal-arja ta’ madwar, inbnew żewġ garaxijiet bħala rilokazzjoni lill-familji li kienu qed jagħmlu użu mill-ispazju tal-kappella u l-għar tal-mithna biex dawn tal-aħħar ikunu vakati.
Għar-rigward l-aċċessibiltà għal dan is-sit, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall Mistoqsija Parlamentari numru 31284.
San Ġwann — Triq Mensija - probelma ta' ilma fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31381 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jiġi indirizzat l-ilment tar-residenti tat-triq twila u prinċipali, Triq Mensija ġewwa San Ġwann li jmur lura għadd ta’ snin u li anki l-kunsill lokali jafu bih, biex tiġi indirizzata l-problema tal-ilmijiet ikkawżati allegatament minn għoti ta’ tarmak fuq tarmak, li ħafna drabi qed iwassal għal flooding f’ħafna djar u anki bjar u btieħi tan-nies u dan b’żieda mal-ilmijiet li jkunu ġejjin minn triqat oħrajn fil-qrib?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill huwa konxju b’din il-problema li ilha teżisti minn qabel ma twaqqaf il-Kunsill Lokali San Ġwann. Is-soluzzjoni ta’ din il-problema tirrikjedi ammont sostanzjali ta’ riżorsi. Bħal kull entita' oħra l-Kunsill irid jistabbilixxi lista ta’ prijoritajiet li jkunu jistgħu jlaħħqu mar-riżorsi tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17580 billi din kienet ġiet imwieġba madwar sena u tmien xhur ilu, jista' l-Ministru jindika fid-dettal l-istimi li saru ta' madwar €2.5 miljun fis-sena sarux lill-Korporazzjoni Enemalta nnifisha jew minn xi konsulent privat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-istima ta’ madwar €2.5 miljun fis-sena għall-ispiża tal-iskart mill-flue gas desulphurisation plant saret mill-Enemalta, bbażata fuq ir-rati tas-suq.
ħruġ tat-tender għall-istallazzjoni tal-panelli fuq proprjetajiet differenti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28203, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-ħruġ tat-tender għall-istallazzjoni tal-pannelli fuq il-bejt tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, kif ukoll il-pre-tendering stage fuq ir-reservoirs tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġewwa Ta’ Qali, il-Fiddien u Ta’ Ċenċ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
tħaddim tal-ispecial purpose vehicle sabiex jiġu finanzjati proġetti kbar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31279 u jfisser fid-dettal kif se taħdem u titħaddem l-ispecial purpose vehicle li beħsiebu joħloq il-gvern sabiex jiffinanzja proġetti bħall-parlament il-gdid, it-teatru l-ġdid u xi progetti oħrajn, kif ukoll x’sehem se jkollhom il-banek kummerċjali f’dan kollu, kif ukoll possibbilment proġetti kbar eżistenti tal-privat li għad għandhom djun pendenti x’jagħtu lill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji kif mitluba mill-Onor. Interpellant ġew mgħoddija u spjegati lir-Rappreżentanti tal-Oppozizzjoni waqt laqgħat li saru għal dan il-għan.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — figuri għal refuse derived fuel
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31302, jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux figuri dwar il-methane iġġenerat mill-fermented wastes fis-sewage plants? Jekk iva, tista' l-awtorità tipprovdi dettalji sħaħ dwar il-volum ta' methane iġġenerat kif ukoll l-enerġija li ġiet derived minn dan il-methane?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31302, jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux figuri dwar il-methane iġġenerat mill-fermented wastes fl-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' Sant Antnin u kif ukoll mill-Magħtab Landfill? Jekk iva, tista' l-awtorità tipprovdi dettalji sħaħ dwar il-volum ta' methane iġġenerat kif ukoll l-enerġija li ġiet derived minn dan il-methane?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif intqal f’risposta ghal Mistoqsija Parlamentari numru 31302, fil-kaz tal-impjant ta’ Sant’Antnin l-impjant iggenera 1.1 miljun metru kubu ta’ biogas li minnu xejn inqas minn 620 elf metru kubu kienu methane. Dawn irriżultaw f’ 1.55 GWhr ta’ elettriku kif ukoll f’1.39 GWhr ta’ sħana li ntużat biex jitħaddem l-istess process.
Fil-każ tal-Magħtab kien hemm bżonn li jinħadem mudell li stima l-emissjonijiet inizjali u nħoloq impjant li kien kapaci jittratta dan l-ammont fil-wisa’. Iżda ghalkemm l-impjant kapaci jittratta madwar 6 elef metru kubu gass fis-siegħa, l-ammont ta’
methane
fi ħdan il-gass illum il-ġurnata naqas sew u jirraprezenta persentagg żgħir ta’ madwar 0.5%. Xorta waħda s-sena l-oħra dan irriżulta f’energija termali rkuprata ta’ madwar 2.1 GWhr.
Billi hemm xniegħat persistenti li l-klabb tal-boċċi se jigi mċaqlaq miċ-ċentru ta’ San Ġwann għal post ieħor fit-tarf tar-raħal, tista' l-Ministru tikkonferma jekk dan hux minnu jew le, speċjalment billi fl-istqarrija li s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli ħareġ nhar l-1 ta' Frar 2012 permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, minkejja li semma għadd ta’ klabbs tal-boċċi fejn saru xogħlijiet kif ukoll fejn se jkun qed isir xogħol fuq pitches oħrajn madwar Malta fix-xhur li ġejjin, m'hemm l-ebda referenza għall-Klabb tal-Boċċi ta’ San Ġwann?
Tista' tikkonferma wkoll kemm-il darba t-twegiba tagħha hija fl-affermattiv, jekk, kif u b’liema mod se jiġi affettwat u/jew imċaqlaq il-monument li jfakkar il-memorja taż-żagħżugħa martri Karen Grech?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport ma kellu l-ebda ħsieb li jċaqlaq il-Klabb tal-Bocci San Ġwann mis-sit tiegħu. Madanakollu jidher li l-Kunsill Lokali San Ġwann qabel ma proġett governattiv ta’ bini ta’ ċentru ċiviku gdid u titjib u tisbih tal-ġnien eżistenti, bil-konsegwenza ta’ rilokazzjoni tal-klabb tal-boċċi għal sit ieħor. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat u li hu responsabbli minn dan il-proġett.
Billi r-rapport dwar l-inkjesta tal-mercaptans ilu f'idejn il-Ministru mill-bidu ta' Jannar, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jistenna r-reazzjoni uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta qabel jippubblikah? Jista' jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra b'seħħ immedjat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed nistenna reazzjoni uffiċċjali mill-Bord tal-Korporazzjoni Enemalta, u deċiżjoni dwar jekk hemmx passi dixxiplinari x’jittieħdu fil-konfront ta’ xi uffiċċjali, qabel ma npoġġi r-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
banek u istituzzjonijiet finanzjarji — holdings Iranjani
Question
Jista' l-Ministru jikkwantifika kemm rriżulta li l-banek Maltin u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn f’pajjiżna kellhom b’kollox holdings Iranjani matul din il-leġislatura sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi m’hemmx figuri u data speċifiċi għal “holdings Iranjani” matul din il-leġislatura, skond it-termini tad-domanda. Din it-tip ta’ informazzjoni ma tinġabarx, u f’dan ir-rispett id-domanda lanqas ma hi preċiża biżżejjed.
Ninsab f’pożizzjoni, iżda, li niċċara illi Malta timplimenta is-sanzjonjiet internazzjonali bħala parti mil-liġi ordinarja tagħha u bħala riżulatat ta’ dan jirriżulta illi xi banek Maltin iffriżaw xi ammonti li kienu fl-ismijiet msemmija fis-sanzjonjiet u ninsab mgħarraf illi dawn l-ammonti ġew debitament rapportati lill-awtoritajiet u m'huma xejn ħdejn il-figuri konsiderevoli li issemmew fil-media fl-aħħar jiem, imma ħafna inqas. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità imposti mill-liġi stess, mhux se nsemmi figuri aktar preċiżi, imma nista nassigura illi l-ammonti rapportati m’humiex ta’ natura eċċezzjonali.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16363, dwar istallazzjoni ta' lift fi Block A3, Triq il-Watar, Ta’ Xbiex, fejn il-Kamra ġiet infurmata mill-Ministru li l-każ tressaq ‘il quddiem fil-lista ta’ prijorità u għaldaqstant l-istallazzjoni ta’ dan il-lift tqiegħdet fil-programm tas-sena 2011, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra għaliex din il-wegħda ma nżammitx, u meta mistennija ssir l-istallazzjoni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li s-sit in kwistjoni, jiġifieri Blokk A3, Triq il-Watar, Ta’ Xbiex għadu minn ta’ quddiem fil-programm ta’ stallazzjoni ta’ liftijiet tal-Awtorità tad-Djar flimkien ma’ siti oħra li għandhom prijorità għolja bħalu. L-eżiġenzi tax-xogħol ma ppermettux li l-istallazzjoni tiġi attwata fil-perjodu mixtieq. Madankollu, l-awtorità tibqa’ marbuta mal-oġġettiv li ix-xogħol isir u tittama il tikkonkludih matul din is-sena 2012.
Foundation for Social Welfare Services — Ħaddiema self employed
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema li qegħdin joffru s-servizzi tagħhom lill-Foundation for Social Welfare Services bħala self employed minkejja li qegħdin jaħdmu fuq bażi full-time? F'liema gradi u postijiet tad-diversi entitajiet tal-Fondazzjoni jinsabu jaħdmu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies li jaħdmu full-time u għandhom xogħol self-employed (contractees) mall-Foundation for Social Welfare Services huwa ta’ 15. Ix-xogħol full-time tagħhom huwa ta’ social workers. Minn dawn il-15 imsemmija, bħala xogħol ta’ self-employed, 9 jagħmlu supervised access visits (Appoġġ), 2 jaħdmu fil-Men’s Services (Appoġġ), 1 mal-court monitoring (Appoġġ) u 3 qegħdin mat-taqsima Taħdidiet fil-Komunità (Prevention Services - Sedqa).
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadu kif tqabbad bħala konsulent mal-Ministeru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, għal kemm żmien ingħata kuntratt ta’ konsulenza? X’inhu r-rwol tiegħu? Kemm ser jitħallas, u huwiex intitolat għal xi benefiċċji oħrajn b’żieda mar-remunerazzjoni kuntrattwali li għandu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31641.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet mis-sena 2011 sal-lum fejn ħaddiema tal-gvern ingħataw extension of service wara li laħqu l-età tal-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar, 2011 sal-lum kien hemm seba’ każijiet fejn impjegati tas-Servizz Pubbliku ngħataw estensjoni tas-servizz tagħhom wara li laħqu l-età tal-irtirar.
Jista' l-Ministru jara li jsiru arranġament minn Transport Malta flimkien mal-Arriva biex ir-residenti tas-Swatar ikunu moqdija aħjar speċjalment billi kiber l-inkonvenjent mir-riforma 'l hawn għar-residenti ta' dan l-estate li kulma jmur qiegħed jikber?