Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32221 u 31869 u jgħid eżatt f’liema direttivi u liġijiet Ewropej konnessi mal-ambjent, pajjiżna ma laħħaqx mal-implimentazzjoni rikjesta u mitluba minnha? Fir-rigward ta’ dawn id-direttivi u liġijiet, jista' jelenka l-isem u n-numru ta’ liġi Maltija fejn kull waħda minnhom tapplika?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fejn il-Kummissjoni jidhrilha li Malta ma laħqitx mal-implimentazzjoni mistennija għar-rigward tad-Direttivi Ewropej, il-Kummissjoni tiftaħ każ ta' 'infringement'. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-tlett każijiet fejn il-Kummissjoni jidhrilha li Malta ma laħqitx mal-implimentazzjoni mistennija għar-rigward tad-Direttivi Ewropej fil-qasam tal-ambjent, li jinsabu miftuħa sal-20 ta’ Marzu 2012. Fi tnejn minn dawn il-każijiet il-Gvern diġa ppublika l-emendi meħtiega u għalhekk huwa mistenni li dawn l-‘infringements’ jiġu rtirati. Fit-tielet każ, Malta fetħet djalogu mal-Kummissjoni sabiex jiġu diskussi il-passi meћtieġa sabiex dan il-każ jiġi mwaqqaf.
pre infringements, infringements, u final notices relatati mal-ambjent
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32222 u 31868 u jgħid kemm-il ittra ta' pre infringements, infringements, u final notices irċieva l-Gvern Malti relatati mal-ambjent? Xi pjanijiet għandu l-Gvern Malti biex Malta ma tittellax quddiem il-European Court of Justice?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li, skont informazzjoni aġġornata sal-20 ta’ Marzu 2012, Malta għandha 8 każijiet miftuħa. Dawn jinkludu 6 każijiet taħt l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (TFEU) u 2 każijiet taħt l-Artikolu 260 tat-Trattat TFEU.
Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont it-Trattati, hija toħrog ittra tat-tqegħid fil-mora u tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk, minkejja dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tibqa tqis li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont it-Trattati, hija toħroġ opinjoni motivata.
Jekk l-Istat in kwistjoni jibqa ma jaqbilx u ma jikkonformax ma’ din l-opinjoni motivata fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, hija tista’ tirreferi l-każ lil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fejn l-Istat Membru għandu d-dritt li jissottometti l-argumenti tiegħu.
Ta’ min wieħed jinnota illi mill-11 il-kaz illi fetħet il-Kummissjoni kontra Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea sa mis-sћubija ta’ Malta, tlett sentenzi biss inqatgħu kontra Malta. Huwa importanti wkoll li-wieħed jenfasizza li Malta qatt ma ngħatat multi mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32223 u 31867 u jgħid kemm hemm familji Maltin li ilhom ma jirċievu kont actual tad-dawl u l-ilma minn Mejju ta’ sena ilu? Kemm hemm familji mqabbdin s’issa mal-ismart meters? Kemm minnhom qegħdin jinqraw miċ-ċentru tal-ARMS Ltd b’mod remot? Kemm għad baqa' biex il-proċess li bih il-meters kollha jinqraw b’dan il-mod jitlesta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tiċħad jew tikkonferma jekk tnaqqsux xi fondi oriġinarjament allokati lill-Università ta' Malta? Jekk iva, b'kemm tnaqqsu? Dawn se jkollhom xi impatt fuq xi faċilitajiet tekniċi u/jew akkademiċi offruti lill-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sar ftehim mal-Università ta’ Malta li €3 miljun mill-vot rikorrenti jiġi ttrasferit lill-vot kapitali. Dan seta’ jseħħ għax l-Università qed iddaħħal fondi rikorrenti minn sorsi oħra li kienu qed jiġu investiti fi proġetti kapitali, li issa ser jiġu koperti direttament minn fondi kapitali pprovduti mill-Gvern. Dan it-trasferiment ifisser li l-ebda proġett jew inizjattiva oħra li kienu ppjanati mhuma ser jiġu affetwati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32317 u jgħid kif kien ġie ffinanzjat l-proġett tal-boroz l-griżi? Inħarġu xi fondi pubbliċi għal dan l-għan? Jekk iva, kemm u lil min tħallsu? X'kien is-sehem tal-GRTU f'dan kollu? Kemm tħallset l-GRTU minħabba din l-iskema? Kemm tħallsu il-kolletturi nfushom? Kemm hemm verità f'rapporti li l-kolletturi tħallsu ferm inqas mill-GRTU innifisha? Kif sar il-pagament u kontra liema evidenza dokumentata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid b’kollox kemm mistennija tlaħħaq in-nefqa tal-gvern fuq l-interconnector ma' Sqallija u kemm se tiġi għajnuna mill-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq l-interconnector ma’ Sqallija mistennija tlaħħaq mal-€200 miljun. Din in-nefqa tinkludi l-ispiża tal-apparat li jrid jitpoġġa fil-Magħtab, tal-cables u t-tqegħid tagħhom fil-baħar u fl-art, tal-apparat u permessi li hemm bżonn fi Sqallija sabiex l-interconnector jitqabbad mas-sistema elettrika Taljana, u tal-istudji u xogħol ieħor meħtieġ kemm għat-tqegħid tal-cables kif ukoll sabiex jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-bini u x-xogħlijiet f’Malta u fl-Italja. L-għajnuna mill-Unjoni Ewropea ser tkun ta’ €20 miljun.
B’dan l-investiment, pajjiżna se jkun f’pożizzjoni li jitfi għal kollox il-
power station
tal-Marsa.
Billi l-Ministru ġie kkwotat li qal li t-tnaqqis fil-Budget 2012 ta' nefqa ta' madwar €40 miljun sar biex il-gvern ikollu flessibilità biżżejjed biex ikun jista' jlaħħaq ma' problemi li jistgħu jinqalgħu bħal fil-każ tal-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jgħid kif jirrikonċilja dan kollu mal-fatt li t-tnaqqis ma ġiex b’riżultat ta’ xi strateġija maħsuba u mfassla mill-Gvern Malti, iżda ġie impost fuqna mill-Kummissjoni Ewropea nnifisha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tnaqqis ta’ madwar €40 miljun mill-Budget tal-2012 qiegħed isir bħala prekawzjoni sabiex il-gvern ikollu flessibilità biżżejjed li jsiru aġġustamenti skont il-bżonnijiet li jistgħu jinqalgħu. Mhux minnu li din id-deċiżjoni ġiet imposta fuqna mill-Kummissjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid meta kuntrattur responsabbli mill-esportazzjoni tal-RDF – refuse derived fuel jiltaqa' ma' xi diffikultajiet li jxekklu l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt tiegħu, il-kuntratt jibqa' validu? Jekk iva, jitħalla jitfa' offerti għal tenders oħrajn simili ġodda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta jinqalagħu diffikultajiet fuq eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ tender tal-RDF dawn jiġu evalwati bl-istess mod bħal fi kwalinkwe tender iehor, u jekk jirriżulta li dawn id-diffikultajiet huma riżultat ta’ kawżi li-kuntrattur m’għandux kontroll fuqhom, il-kuntrattur jingħata ċ-ċans jottempera ruħu, jekk dan ma jkunx possibbli, jkunu implimentati l-passi skond ma jippermetti l-kuntratt.
Liġi dwar id-Drittijiet Ċivili Diġitali dwar l-użu tal-internet
Question
Billi l-Prim Ministru ftit ilu kien sejjaħ press call urġenti biex iħabbar it-tħejjija ta' liġi dwar id-drittijiet ċivili diġitali dwar l-użu tal-internet, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal dan l-abbozz, meta mistenni jitressaq għall-ewwel qari u meta huwa maħsub li jibda jiġi diskuss fil-Parlament - indipendentement minn kwalunkwe eżitu li jista' jkun hemm dwar it-trattat tal-ACTA u dan aktar u aktar billi abbozz ta' liġi li tħabbar ftit jew wisq fl-istess żmien dwar reati omofobiċi, kellu jitressaq fil-Parlamentar f'dawn il-jiem?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern qiegħed jipprepara abbozz ta’ liġi li jwettaq dak li qal il-Prim Ministru dwar id-drittijiet ċivili ġodda relatati mal-internet.
Billi allegatament l-art li hemm faċċata tal-parti mibnija ta' Triq Emvin Cremona fl-Imsida hija tal-Joint Office, u billi l-ħajt tal-istess art huwa mwaqqa' b'periklu għal kull min ikun għaddej minn hemm, jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa ħalli jissolva dan l-inkonvenjent?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Peress li mad-domanda tal-Onorevoli Membru ma kien hemm l-ebda pjanta li turi fejn qiegħed l-imsemmi ħajt imwaqqa’, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern se jieħu ħsieb li immedjatament issir spezzjoni sabiex naraw fejn qiegħed eżatt dan il-ħajt peress li jista’ jkun li l-art fejn hemm dan il-ħajt hija mikrija lil terzi. Wara li ssir din l-ispezzjoni, tkun tista’ tittieħed l-azzjoni meħtieġa skont il-każ.
Tista' l-Ministru tgħid min se jkun qed imexxi r-revamped Education 22 Channel? Min huma d-diretturi l-ġodda? X'budget allocation għandhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Education 22 issa sar jagħmel parti mill-PBS u se jibda jissejjaħ TVM2. Dan ser ikun immexxi mill-istess Diretturi tal-Bordijiet tal-PBS. Il-budget dovut huwa ta’ €500,000.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32044 u cioè: Billi l-gvern ġie mġiegħel inaqqas €40 miljun mill-budget tiegħu mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bħala cost cutting u cost control method iddaħħlitx xi prassi min-naħa tiegħu li x-xogħol ta' konsultazzjoni mill-Ministeri jikseb qabel xejn l-approvazzjoni tiegħu jew tal-Kabinett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis ta’ €40 miljun mill-budget sar mill-gvern fil-kuntest tal-aġġustamenti li qed isiru fil-budgets minn diversi Gvernijiet fl-Unjoni Ewropea.
Dwar is-sustanza tal-mistoqsija, ma narax relazzjoni bejn tnaqqis fil-
budget
u l-konsultazzjoni jew nuqqas ta’ konsultazzjoni ndikat mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta flimkien mad-dettalji sħaħ dwar il-pakkett finanzjarju u inċentivi oħrajn li ġew offruti lilu? Ir-rwol tiegħu hu wieħed eżekuttiv, jew le?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 32063, tista' l-Ministru tispjega kif il-Board of Governors tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi m'għandux rwol eżekuttiv meta dan fl-aħħar xhur ħa deċizjonijiet eżekuttivi dwar żewġ persuni li kienu qed jaħdmu fuq proġetti tal-Unjoni Ewropea li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jipparteċipa fihom u anke membri tal-bord stess kellhom il-funzjoni ta' chairperson tal-interviewing board li f'Jannar li għadda għamel l-intervisti lill-kandidati li applikaw biex jgħallmu fuq bażi ta' kuntratt definit?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-deċizjonijiet eżekuttivi dwar żewġ persuni li kienu qed jaħdmu fuq proġetti tal-Unjoni Ewropea li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jipparteċipa fihom ġew rekkomandati mill-Board u esegwiti mid-Direttur Eżekuttiv. L-istess proċedura ġiet applikata għall- membri tal-bord li kellhom funzjoni ta' chairperson tal-interviewing board f'Jannar li għadda waqt l-intervisti lill-kandidati li applikaw biex jgħallmu fuq bażi ta' kuntratt definit. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati u eżekwiti mid-Direttur Eżekuttiv.
Kuntratt ta' impjieg taċ-Chief Officer Enforcement ta' Transport Malta
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32112, billi għal raġunijiet li jafhom il-Ministru biss għażel li ma jpoġġix fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-impjieg mitlub dwar iċ-Chief Officer Enforcement ma' Transport Malta, jista' l-Ministru, mingħajr ma jsemmi ismijiet, jagħti d-dettalji sħaħ tas-salarju u l-pakkett kollu ta' remunerazzjoni u inċentivi oħrajn li l-uffiċċjal imsemmi jgawdi minnhom - dan meta wieħed iqis li Transport Malta mhix xi entità privata iżda waħda ffinanzjata minn fondi pubbliċi?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 30090, fejn tajt lill-Onor. Interpellant id-dettalji kollha li qed jitlob, ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata hija marbuta b'kuntratt li jiġġedded kull sena mal-Malta Freeport Corporation u assenjat biex jaqdi doveri ta' Chief Officer Enforcement ma' Transport Malta.
Kuntrarju għall-impressjoni li qed tagħti l-oppożizzjoni, din il-persuna titħallas biss kif indikat fit-tweġiba li qed nirreferi għaliha kemm għall-pożizzjoni li tokkupa f'Transport Malta kif ukoll għall-pożizzjoni li tokkupa fil-Malta Freeport Corporation.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu d-diffikultajiet tekniċi li wasslu lill-Korporazzjoni Enemalta biex taqa' lura fit-tħejjija tar-refinancing plan tagħha li kellu jitlesta sa tmiem is-sena li għaddiet? Ġie kkwantifkat kemm dan id-dewmien aggrava s-sitwazzjoni ħażina ferm aktar milli diġà kienet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tħejjija ta’ refinancing plan tinvolvi negozjati diffiċli u dettaljati mal-banek. Ir-refinancing plan jinvolvi ukoll tħejjija ta’ dokumenti legali kumplessi u komprensivi li l-Onorevoli Interpellant jista’ japprezza jinvolvu ħafna xogħol. Barra minn hekk dan ir-refinancing plan jinvolvi ukoll ammont kbir ta’ riċerki notarili biex jiġi assigurat korrettezza u trasparenza totali.
Mill-ewwel indikazzjoni preliminari li setgħet ħejjiet il-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jagħti figura indikattiva ta’ kemm:
a) nies mistennija jiġu
redundant
minn mal-korporazzjoni;
b) kemm mistennija jiġu
redeployed
ma' dipartimenti oħrajn tal-kumpanija; u
c) kemm huwa ttamat li japplikaw għall-iskema voluntarja ta' irtirar kmieni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta tagħmel redeployment tal-impjegati tagħha skont l-esiġenzi tal-istess Korporazzjoni.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Korporazzjoni mhix qed taħseb dwar redundancies tal-impjegati tagħha. L-iskemi ta’ rtirar jiġu mfassla fl-eventwalità li l-Koprorazzjoni tħoss il-bżonn ta’ tnaqqis tal-
workforce
tagħha.
Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li ilhom pendenti s-snin ta' residenti ta' Triq San Pawl il-Marsa, li qed jilmentaw minn attivitajiet kummerċjali fl-istess triq tagħhom li jinkludu fost oħrajn nuqqasijiet bħal tniġġiż ta' ħsejjes, rwejjaħ ta' lostru, abra eċċ. u dan minkejja r-rapporti li ta' spiss saru lill-pulizija? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħala regolatur tista' tieħu passi dwar dan flimkien mal-awtoritajiet kompetenti?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li tul dawn l-aħħar 3 snin l-awtorità rregistrat x'ilment li jirrigwarda xi tip ta' żvillupp li jiġġenera l-inkonvenjenza imsemmija fl-Interpellanza. Barra minnhekk meta l-uffiċċjali tal-Awtorita' indagaw mal-Pulizija tal-Ħamrun rigward tali lmenti, dawn ġew infurmati li l-Pulizija tad-Distrett la qatt kellhom jew għad għandhom xi pendenzi dwar dan is-suġġett.
Pero` minn spezzjoni li saret fi Triq San Pawl instab li garaxx partikolari qed jintuża bħala workshop ta' mastrudaxxa. Fuq dan is-sit kien inħareġ Avviż t'Infurzar xi żmien ilu peress li l-użu (ta' mastrudaxxa) huwa illegali. L-każ għadu pendenti u s-sid kien ordnat jagħlaq.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kuntratti ta' konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32001 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt short u/jew medium/long term ta' konsulenti li ġew imqabbda mill-Ministeru tiegħu matul din il-leġislatura flimkien mad-dettalji sħaħ dwar in-natura tax-xogħol mogħti lilhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment li sidien tad-dgħajjes li b’riżultat ta’ ftehim milħuq bejn Transpor Malta u Sandy Yacht Marina Limited (Ta’ Xbiex Moorings) qedx jiġu charged mooring fees qawwija ħafna u sproporzjonati żżejjed f’mod li qed iċaħħadhom mid-dritt li jkomplu jgawdu d-delizju tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 32002 u 32451.