Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #21791 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — każ tad-Dwejra - kopji tal-permit conditions u day by day reports

Question

Billi normalment meta jinħareġ permess bħal dak tal-iffilmjar fid-Dwejra apparti mill-permit conditions ikun hemm day by day reports magħmula mill-uffiċjali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li kienu qed jimmonitorjaw is-sit kkonċernat, jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn ir-rapporti kollha f’ordni kronoloġika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapporti tal-monitoraġġ li saru mid-Direttorat tal-Ambjent.
Leg 11 PQ #22230 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

European Union Flood Directive — Msida - Triq il-Wied

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21650, 21273, 20948 u 20217 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19443 dwar il-bini li twaqqa' fi Triq il-Wied, Msida, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk Malta hijiex timplimenta f'dan il-kuntest kif ukoll fil-kuntest tal-bini li jrid jitla' l-European Union Floods Directive?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Floods Directive 2007/60/EC daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Novembru 2007. Il-Proġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jirrigwardja numru ta' permessi fosthom PA 6983/05, PA 3917/98, PA 4450/98 u PA 1814/03. L-ewwel tlett permessi ġew approvati ferm qabel id-dħul tad-direttiva, (12/06/06, 09/09/98, 01/10/01 rispettivament) filwaqt li l-aħħar fażi tal-proġett, fir-raba’ applikazzjoni (PA 1814/03), il-konsultazzjonijiet saru ferm qabel id-dħul tad-direttiva. Fuq il-proġetti msemmija l-MEPA ħarġet permess flok binja eżistenti elevat mil-livell ta' Triq il-Wied b'0.85 metri mingħajr basement. L-applikazzjoni PA 1814/03 ġiet deċiża fil-5 ta' Diċembru 2007. Wara d-dħul tad-direttiva l-MRA (Malta Resources Authority) hi risponsabbli għall-implimentazzjoni tal-Floods Directive f’Malta u l-MEPA tikkonsulta mal-MRA qabel jinħarġu l-permessi relattivi. Il-MEPA qed tikkonsulta ma’ l-MRA meta żvilupp ikun f'area li hija meqjusa bħala 'flood risk area' Skont ir-regolamenti msemmija, sat-22 ta’ Diċembru 2011 l-MRA lestiet valutazzjoni preliminari ta’ riskji ta’ għargħar f’kull distrett fejn jinqabad l-ilma. Sat-22 ta’ Diċembru 2013 jridu jitħejjew mapep ta’ periklu ta’ għargħar u mapep tar-riskju ta’ għargħar għaż-żoni identifikati biex sat-22 ta’ Dicembru 2015 jkunu sottomessi pjani għall-immanniġġjar ta’ għargħar skont id-Direttiva.
Leg 11 PQ #24531 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Hexagon House - rwejjaħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24341 u jgħid ġimgħa b’ġimgħa mill-bidu ta’ Frar kemm kien hemm każijiet ta’ ħaddiema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’Hexagon House li għażlu li jaħdmu mid-dar minħabba l-irwejjaħ li kien hemm qrib l-uffiċini tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li bejn Frar u l-24 ta’ Mejju 2011, il-ġimgħa li fiha spiċċat l-azzjoni industrijali kien hemm medja ta’ 57 ħaddiema kuljum, li normalment jaħdmu Hexagon House li kienu qed jaħdmu mid-dar minħabba l-azzjoni industrijali. Infakkar li l-MEPA minn dak iż-żmien ħadet diversi miżuri sabiex l-inkonvenjent ikkawżat minn attività industrijali fiż-żona tal-Marsa, jiġi minimiżżat. Bejn il-perjodu ta’ Frar u l-24 ta’ Mejju 2011, kien hemm 16-il darba meta ġew irrappurtati episodji ta’ riħa fil-madwar ta’ Hexagon House u saru 7 spezzjonijiet minn uffiċjali tal-MEPA biex jiġi ddeterminat is-sors tar-riħa u t-tip ta’ attivatijiet li jkunu qegħdin isiru. Bejn il-perjodu tal-25 ta’ Mejju u t-30 ta’ Novembru 2011, kien hemm 39 rapporti ta’ rwejjaħ fil-madwar ta’ Hexagon House, li minnhom kien hemm 27 darba meta saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-MEPA. Fid-drabi meta ma sarux spezzjonijiet, l-operaturi tal-madwar kienu mitluba jindikaw liema attivitajiet ikunu qegħdin isiru fl-installazzjoni. Fil-25 ta’ April 2011, il-MEPA ħarġet avviż lill- Mediterranean Offshore Bunkering Ltd minħabba xi attivitajiet li kienu qegħdin jikkaġunaw tniġġiz ta’ l-arja. F’dan ir-rigward, l-operatur kien ordnat jieqaf min attivitajiet relatati ma’ tgħabija u ħatt ta ‘fuel’ minn u għal ‘barges’, trasferiment ta ‘fuel’ minn tank għal ieħor u attivitajiet relatati ma’ tisħin ta’ fuel. L-operatur ġie mitlub jipproponi teknoloġija li biha jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-tankijiet tal-‘fuel’. Fir-rigward ta’ l-operat tal- Waste Oils Co. Ltd ., il-MEPA ħadet azzjoni fit-2 ta’ Diċembru 2011 billi inħareġ avviż lill-operatur biex jwaqqaf kull operat relatat ma' tgħabija u ħatt ta’ fuel oil u gas oil fuq road tankers u ħatt ta’ waste oils minn road tankers. Saru riviżjonijiet ta’ dan l-avviż biex l-operatur jkun jista jħott xi fuel fuq road tankers u l-MEPA tkun tista tevalwa aħjar jekk dan it-tip ta’ operat iwassalx għall-episodji ta’ riħa fil-madwar. Waqt dan l-eżerċizju, l-operatur għamel ċertu tibdil fl-operat tiegħu biex kemm jista jkun jitnaqqsu l-emissjonijiet assoċjati ma’ din l-attività. Dan l-eżerċizzju sar ukoll waqt li kien qiegħed jinħatt il-waste oils ġo l-impjant. Il-MEPA evalwat dan l-operat waqt li saru dawn l-attivitajiet, u neħħiet l-avviż ta’ twaqqif fis 27 ta' Jannar 2012.
Leg 11 PQ #28387 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — sandblasting f'żoni residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sandblasting (eżempju exterior paint work eċċ.) f’żoni residenzjali li ilu banned f’għadd ta’ bliet Ewropej huwiex permess f’pajjiżna jew le? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ħarġet xi regolamenti dwar dan? Jekk iva, x’permessi għandu bżonn individwu biex jiġi konformi mal-liġi speċjalment fejn jidħol il-ħarsien tad-drittijiet tal-ġirien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li għalkemm f’Malta ma għandniex regolamenti speċifiċi dwar xogħol ta’ sand blasting fuq bini f’żoni residenzjali, din l-attività hija soġġetta għar-regolamenti dwar l-immaniġjar ambjentali tas-siti tal-kostruzzjoni permezz tal-Avviż Legali 295 tal-2007. Inżid ukoll li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiskoraġġixxi u tipprojbixxi f’permessi l-użu ta’ sandblasting u powerwashing fuq il-faċċati u anke ġewwa ta’ bini fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana u bini skedat għaliex jagħmel ħsara irriversibbli fuq il-ġebla Maltija u anke fuq elementi ta’ l-injam.
Leg 11 PQ #30818 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — multa lill-Green MT

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar imponitx xi multa ta' madwar €5000 lill-GreenMT Ltd talli ħadmet f’mod illegali fir-rigward tal-Waste Compliance Scheme għal sitt xhur bejn Jannar u Ġunju 2010 fejn ġie allegatament determinat li kienet qed tikser Avviż Legali 337 tas-sena 2001 billi kienet qed topera waste management scheme mingħajr il-permess meħtieġ? Bħala regolatur tal-qasam tal-iskart, jista' jivverifika jekk l-operatur tal-gvern WasteServ meta kkalkulaw ir-refund mogħti lill-GreenMT, naqsux madwar 6,000 tunnellata mibugħta minn GreenMT lill-faċilitajiet tagħhom fl-istess perijodu propriju fiż-żmien li fih GreenMT kienet allegatament qed topera illegalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba numru 31016 li ngħatat mill-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura fis-seduta 436 nhar it-18 ta’ Jannar, 2012.
Leg 11 PQ #30922 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — twaqqif tal-operat tal-Falzon Waste Oils

Question

Bili ftit jiem ilu, nhar l-1 ta' Diċembru 2011, l-gvern ħabbar permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar talbet lill-Falzon Waste Oils biex twaqqaf temporanjament l-operat tagħha sakemm l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nnfisha tkun tista' tagħmel il-verifiki meħtieġa, jista' l-Prim Ministru jgħid ladarba saret it-talba mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, meta effettivament twaqqaf l-operat ta' Falzon Waste Oils, kemm dam wieqaf u jew għadux wieqaf u jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar eventwalment rtirat din l-ordni ta' waqfien, meta fil-fatt Falzon Waste Oils reġgħu bdew joperaw mill-ġdid għan-normal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba numru 31175 li ngħatat mill-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura fis-seduta 436 nhar it-18 ta’ Jannar 2012.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kuntratti ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32448 u 32001 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt short u/jew medium/long term ta' konsulenti li ġew imqabbda mill-Ministeru tiegħu matul din il-leġislatura flimkien mad-dettalji sħaħ dwar in-natura tax-xogħol mogħti lilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li kienu ingħataw matul din il-leġiżlatura rigward din il-materja, fosthom Mistoqsijiet Parlamentari numri 18086, 20210, 24516, 29216, u 31641, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumplament tal-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

MEPA — capping fuq il-Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available on line biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stamt li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għalhiex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MEPA — Żwejra - applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex xi applikazzjonijiet pendenti rigward taż-Żwejra min-naħa tal-WasteServ? X’inhi r-raġuni li meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ statistika dwar l-iskart fil-bidu ta’ din is-sena intqal li the disposal at sea data of waste for 2009 is oncomplete filwaqt li dik għas-sena 2010 lanqas biss ingħatat, filwaqt li figuri dwar disposal u recycling ta' privatedly u WasteServ controlled/managed quarry sites ingħataw?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorita` ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha żewġ applikazzjonijiet li jinkludu ż-Żwejra. Dawn huma: • PA 4525/03 li hi applikazzjoni għal outline development permission fuq il-kumpless kollu tal-landfill; u • PA 2342/06 li hi applikazzjoni fuq iż-Żwejra għal tibdil u xogħol addizzjonali. Hemm diskussjonijiet għaddejjin biex din l-applikazzjoni tkopri x-xogħol kollu fuq l-arja taż-Żwejra. Hemm applikazzjonijiet oħrajn fl-arja tal-engineered landfill li ma jaffettwawx iż-Żwejra. Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika dwar l-iskart li intrama fil-baħar ma kienetx ingħatat lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għax kienet għadha qed tinġabar u/jew tiġi validata. Dan l-eżerċizzju ingħalaq u l-informazzjoni ingħatat lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

MEPA — Żwejra - stock piling

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tafx b’xi stock piling tal-RDF fil-Magħtab aktar milli fiż-Żwejra nnifisha? Jekk iva, jeżisti permess għal dan? Kien hemm xi ċaqliq mill-footprint oriġinali li ġie awtorizzat? L-awtorità tat xi awtorizazzjonijiet ġodda dwar dan speċjalment fejn jidħlu rehabilitation works? Dwar il-footprint taż-Żwejra nnifisha kien hemm xi tibdil jew modifiċi awtorizzati mill-awtorità nnifisha?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn spezzjoni li saret riċenti, ma kien innotat ebda stockpiling ta' Refuse Derived Fuel (RDF) la fil-Magħtab u l-anqas fiż-Żwejra. Rigward il-footprint oriġinali li ġie awtorizzat, l-Awtorita` għandha quddiema applikazzjoni, PA 2342/06, li għadha qed tiġi pproċessata u li parti minnha tikkonċerna tibdil fil-footprint taż-Żwejra. Xogħol ta rijabilitazzjoni tal-landfill u li fil-present qed jitwettaq, huwa approvat fil-permess PA 6149/08 għall- 'Proposed Rehabilitation of Former Magħtab Landfill' maħruġ f' Ġunju, 2010.

Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid l-Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti meta temm il-ħatra tiegħu? Min inħatar minfloku u meta?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħatra ta' Ambaxxatur Malta għall-Istati Uniti intemmet fil-31 ta' Lulju 2011.

persuni ingaġġati b'kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-Ministeru dwar ingaġġ ta' persuni b’kuntratt full-time jew anki part-time ma' entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ministeru meta dawn ikunu diġà laħqu l-età tal-irtirar il-ġdida? Kien hemm każijiet fejn ġew ingaġġati persuni simili wara li laħqu din l-eta u jekk iva kemm ġew ingaġġati u f’liema gradi sar dan f’dawn l-aħħar snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi tali estenzjonijiet jiġu kkunsidrati skont il-ħtieġa tal-Ministeru jew dipartiment u entità rispettiva tagħhom.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Family Friendly measures

Question

B’referenza għat-tweġiba li kien ta' xi xhur ilu għall-mistoqsija parlamentari 25673, jista' l-Ministru jagħti kif kien mitlub fiha, it-tweġiba għall-mistoqsija (b), jiġifieri l-breakdown ta’ kemm kienu (dakinhar li ta t-tweġiba) l-ħaddiema fid-dipartimenti li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kienu qegħdin jibbenefikaw minn dawk il-miżuri msemmijin f’(a) u dan qed jintalab għax huwa biss mill-Ministri ma kienx ta dan it-tagħrif mitlub?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32305.

Enemalta — sejħa għal chief human resources officer

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li deher fil-gazzetti u r-rekwiżiti li ntalbu għall-pożizzjoni ta' chief human resources officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li ċ-chief human resources officer li għadu jservi f'din il-kariga għandux degree jew ċertifikati tal-O levels u A levels? Jekk ghandu, jista' jgħid x'Masters u mil-liema università ġiet mogħtija? Rigward din il-Masters jista' jgħid jekk id-dipartiment tal-MQRIC fiż-żmien li saret din il-call kienx jirrikonoxxi din il-masters?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta kienet ħarġet sejħa għal applikazzjonijiet għall-post ta’ chief human resources officer fl-2004. L-applikazzjonijiet kienu ġew evalwati minn PricewaterhouseCoopers u, wara li ma ġie magħżul ebda kandidat, saret sejħa oħra mill-Korporazzjoni. Il-persuna magħżula għandha MBA Maastricht u Executive Certificate in Management (Henley) li kienu kwalifiki rikonoxxuti waqt l-interviews.

informazzjoni dwar konsum ta' ilma

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32371, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm users (mingħajr ma ningħata ismijiet) li jikkunsmaw ilma li jeċċedi 40,000 m3 fis-sena? Jista' jikkonferma li f’dan il-każ dawn iħallsu rata preferenzjali ta' €1.75 kull m3 minflok €2.10 għal kull m3 għal min jikkonsma 168m3 jew anqas? Il-gvern għandu stimi ta’ kemm hemm ilma li qed jiġi pumped bla ħlas mill-boreholes u dan f’termini ta’ m3? Dan jgħodd ukoll għall-konsum tal-elettriku? Jekk iva, l-impjanti tar-reverse osmosis jibbenefikaw minn dawn ir-rati sussidjati? Jista' jwieġeb il-partijiet tal-mistoqsija li ma ġewx imwieġba?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #33138 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal LSA

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-każ ta’ tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu bżonn LSA almenu co-shared u minkejja r-rakkmandazzjoni qawwijja tas-psychologist mqabbda mill-istess skola, għadhom kif qalulu mid-dipartiment li trid mill-anqas sena sakemm il-każ tiegħu jinstema' quddiem il-bord relevanti għaliex hu ma jbatix minn diżabilità speċifika? Tista' l-Ministru tinvestiga dan il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni waslet quddiem l-Istatementing Moderating Panel fi Frar 2012 u ħa tingħata l-attenzjoni meħtiega tul is-sena skolastika kurrenti .
Leg 11 PQ #33161 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara ġo Londra mill-Prim Ministru

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’kienet in-nefqa totali tal-Gvern Malti fuq il-Malta Promotion ġewwa Harrods kif ukoll fuq iż-żjara inkluż il-business breakfast tal-Prim Ministru f’Londra fl-istess jiem, inkluż akkomodazzjoni, vjaġġi, ikel, entertainment, trasport eċċ.? B’kollox kemm telgħu membri tal-gvern u ta’ korporazzjoni governattivi għal dawn l-attivitajiet u min kienu? Kemm ikkontribwixxa l-Gvern Ċentrali u kemm ikkontribwew entitajiet li jaqgħu taħt il-gvern innifsu? Kien hemm xi ammonti li ġew koperti minn sponsorships mis-settur privat u jekk iva kemm u minn liema entitajiet? Jista' jagħti lista tal-intraprendituri Maltin u separatament barranin li attendew il-business breakfast tal-Prim Ministru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-investiment fil-promozzjoni ta’ Malta li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien €444,830. Il-kontribut tal-Gvern Ċentrali kien €24,276, €206,346 minn entitajiet tal Gvern u €185,076 minn kumpaniji privati. 90 persuna ħadu sehem fil-Business Breakfast li għaliħ attenda l-Prim Ministru, dawn kienu 67 barranin u 23 Malti L-ispiża tad-delegazzjonijiet kollha u rapreżentanti tal-media lokali kienet €13,165.00. Din id-delegazzjoni kienet magħmula minn: L-Onor Lawrence GONZI Is-Sinjura Catharine GONZI Is-Sinj Josephine VASSALLO, Segretarja Personali tal-Prim Ministru Is-Sur Gordon PISANI, Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Is-Sur Mario BUSUTTIL HE Joseph ZAMMIT TABONA, Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit L-Onor Ministru Tonio Fenech Is-Sur Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti MFEI Is-Sur Keith Zahra, Koordinatur tal-Kommunikazzjoni MFEI Is-Sur Alan Camilleri, Chairman Malta Enterprise Is-Sur Kevin Chircop, Global Leader for Trade, Internationalisation and Enterprise support Is-Sur Kenneth Farrugia, Chairman FinanceMalta L-Onor Ministru Mario De Marco Is-Sur Josef Formosa Gauci, Chief Executive of the Malta Tourism Authority Is-Sinj Lara Diacono, PA to the CEO Għal mad-delegazzjoni uffiċċjali d-Dipartiment tal-Informazzjoni stieden lil; Public Broadcasting Services Medialink One News Allied Newspapers Standard Publications Union Press Is-segwenti aċċettaw l-istedina; Allied Newspapers Public Broadcasting Services Media.Link The Malta Independent U DOI Photographer
Leg 11 PQ #33162 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

PBS — informazzjon dwar il-konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32272, tista’ Ministru tgħid xi kwalità ta' moniteraġġ tal-aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services qed isir, jekk qed isir? Huma kuntenti bih għaliex fit-tweġiba ntqal li qed jiġbru biss in-numru tal-items u dan ukoll fl-isfond tal-kritika li qed issir għal dawn l-aħbarijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-monitoraġġ tal-Aħbarijiet li qed isir tkompla jittejjeb minn dak li kien isir qatt qabel. Minkejja dan il-PBS bi ħsiebha tkompli ttejjeb dan il-monitoraġġ u żżidu wkoll fuq ir-radju. L-aktar mod effettiv tal-monitoraġġ tal-aħbarijiet li kellu TVM f’dawn l-aħħar snin kien il-pubbliku, li survey wara l-ieħor urew titjib fl-udjenzi tant li llum l-aħbarijiet ta’ TVM jarawhom id-doppju ta’ dawk li kienu jarawhom 4 snin ilu.

Qasam tal-Iskart Perikoluż u tossiku — operaturi maqbuda f'attivitajiet illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn operaturi Maltin fil-Qasam tal-Iskart Perikoluż u/jew tossiku nqabdu f'attivitajiet illegali barra l-pajjiż mill-bidu tas-sena 2011 sal-lum? X'ġara f'kull każ? Kien hemm każijiet fejn iddaħħlet id-dwana Maltija u jekk iva, liema kienu?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienu irrapuratati l-ebda każijiet fejn operaturi Maltin fil-Qasam tal-Iskart Perikoluż u/jew tossiku nqabdu f'attivitajiet illegali barra l-pajjiż mill-bidu tas-sena 2011 sal-lum.

pulizija li jaħdmu fuq traffikar ta' bnedmin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija jaħdmu fid-Depot fuq traffikar tal-bnedmin? L-istrateġija tal-gvern hija proattiva biżżejjed ħdejn ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, t-Taqsima ta’ kontra l-Vizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra li tispeċjalizza fuq ir-reati kriminali dwar traffikar ta’ persuni bi skop ta’ esplojtazzjoni sesswali, ta’ impjieg jew għal raġunijiet oħra hekk kif tistabilixxi il-liġi. Din l-iskwadra taħdem mill-qrib ma’ skwadri oħra fi ħdan il-Pulizija hekk kif meħtieġ. Madankollu, għal aktar speċjalizazzjoni u kordinament fil-ġlieda kontra dawn it-tip ta’ reati, minn Jannar ta’ din is-sena, Spettur minn din it-Taqsima, flimkien ma’ uffiċjali oħra (team) ġew moghtija l-inkarigu tal-investigazzjoni ta’ dawn ir-reati. Ta’ minn jgħid ukoll illi sabiex il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta iżomm ruħu aġġornat ma' dak li jkun qed jiġri f’pajjiżi oħra b’konnessjoni ma’ dan il-fenomenu, membri tal-Korp regolarment jattendu seminars u workshops kemm f’diversi fora fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħal ma huma l- Frontex u l- Council of Europe kif ukoll dawk organizzati minn pajjiżi individwali. Barra minn hekk uffiċjali fi ħdan il-Pulizija attendew ukoll taħriġ minn esperti ta’ IOM ( Washington ) f’Ġunju 2011 u taħriġ ieħor minn esperti ta’ IOM (Rome) f’ Marzu 2012. L-ewwel taħriġ kien ko-finanzjat mill-Gvern tal-Istati Uniti u l-Gvern Malti, filwaqt li it-tieni wieħed kien finanzjat u organizzata mill-Gvern Malti fil-kuntest ta’ proġett li permezz tiegħu l-IOM qed tagħti support lill-awtoritajiet Maltin fl-implementazzjoni tal-Pjan t’ Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Persuni. Barra minn dan il-Pulizija Maltija tieħu sehem attiv fil-ġlieda kontra l-kriminalita' internazzjonali inkluż dak ta’ traffikar ta’ persuni, flimkien ma’ pajjiżi oħra, kemm dawk tal-Unjoni Eworpea, fejn il-Pulizija Maltija anke għandha rappreżentant permanenti fil-Kwartieri Ġenerali tal- EUROPOL f’ The Hague , kif ukoll ma' oħrajn permezz tal- Interpo l. Ta min jgħid ukoll li uffiċjal fi ħdan il-Pulizija hija membru tal- Group of Experts on Action against Trafficking in Human Beings tal-Kunsill tal-Ewropa. Sabiex tkun ikkordinata l-ħidma internazzjonali, il-Korp tal-Pulizija, għandu wkoll l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, li hu miftuħ erba' u għoxrin siegħa kuljum, inklużi l-Ħdud u ġranet ta’ festi. Dan iservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt ma' Pulizija Eworpej oħra fiż-żona Schengen. Barra minn dan, fuq bażi bilaterali, l-Pulizija Maltija għandha wkoll kuntatt u ftehim ta' koperazzjoni ma' diversi pajjiżi oħra barra minn l-Unjoni Eworpea. Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern kontra dawn it-tip ta’ reati, s-sena l-oħra kien ġie mwaqqaf Monitoring Committee kompost minn esponenti għolja f’diversi Dipartimenti tal-Gvern. Dan il-kumitat ħa ħsieb sabiex jagħmel Pjan ta’ Azzjoni, li ġie pubblikat fuq is-sit tal-Ministeru fl-4 ta’ Ottubru 2011, li jiddentifika l-azzjonijiet neċessarji sabiex il-pajjiż jindirizza l-ġlieda kontra traffikar ta’ persuni b’mod dejjem aktar effettiv. Dan il-pjan jindirizza l-fenomenu permezz ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni, ta’ protezzjoni tal-vittmi kif ukoll ta’ prosekuzzjoni għal dawk li wettqu ir-reat. Il-Pjan ta’ Azzjoni qed jiġi implimentat bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Pulizija li għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni.