Billi komplew jasluli aktar ilmenti minn residenti tal-Għargħur, jista' l-Minsitru jara li permezz ta’ Transport Malta jinvestiga dan l-ilment li jirrigwardja ir-Rotta Numru 21 peress li ġejt infurmat li r-referenzi għar-rotot 21 u 23 kannella tneħħew mill-bus stages tal-Mosta, Naxxar, San Ġwann u Sliema u hemm saħansitra nota li tavża, f’dawn l-istess stages li r-rotta numru 23 sejra tieqaf b’seħħ mis-27 ta' Mejju 2012?
Jista' jara x'jista' jsir peress li din ir-rotta kienet ta’ użu kbir għar-residenti tal-Mosta, Naxxar, Għargħur, San Ġwann u tas-Sliema għax kienet toħloq rabta bejn dawn id-diversi bliet u rħula u peress li taħt l-iskeda l-antika qabel ir-riforma fit-trasport kien hemm servizz dirett minn Tas-Sliema via San Ġiljan, San Ġwann, Naxxar u Mosta lejn ir-Rabat permezz tar-rotta numru 65 ukoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mis-27 ta’ Mejju se tiġi ntrodotta rotta ġdida bin-numru 225 liema rotta se tkun qed tieħu post parti mir-rotot 21 u 23 b’xi tibdil żgħir.
Din ir-rotta se tkun qed tgħaqqad lill-lokalitajiet ta’ tas-Sliema, San Ġiljan, San Ġwann, Naxxar, Mosta, l-Imġarr u Għajn Tuffieħa.
Billi f’ħafna appartamenti tal-gvern fejn ġew istallati lifts joqgħodu pensjonanti li bilkemm jistgħu jlaħqu mal-ispejjeż normali tal-ħajja, jista' l-Ministru jara jekk jistax jinstab xi mezz biex dawn ma jibqgħux jiġu charged rati kummerċjali għal provvista tat-3 phase fil-blokki li joqgħodu fihom u dan wara li ssir konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Fil-preżent ma tesisti l-ebda skema taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li tapplika fil-każ li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant. Però ħadt nota ta' dan il-każ u qiegħed f'diskussjoni mal-entitajiet konċernati sabiex nesploraw soluzzjonijiet possibli għal każijiet simili.
appartamenti tal-gvern — fondi allokati għal spejjeż ta' maintenance
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħax jinstab xi mezz biex ikun hemm flessibilità akbar meta l-administrators tal-blokki tal-appartamenti tal-gvern jiġu biex jonfqu l-allokazzjoni tas-somma ta’ spejjeż fuq maintenance eżempju f’każijiet fejn tankijiet tal-ilma jkunu taż-żingu u mhux asbestos, l-ammont allokat ikun jista' jmur fuq items oħrajn ġustifikati u marbutin direttament ma' maintenance costs?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-għażla ta’ liema xogħlijiet hemm bżonn isiru tkun tal-kunsilli lokali bi ftehim mal-amministraturi. L-Awtorità tad-Djar timponi ċertu xogħlijiet biss f’każijiet ta’ periklu u urġenza, bħal meta t-tankijiet tal-ilma fuq il-bjut ikunu tal-asbestos jew ikunu qed jagħmlu ħsara strutturali lill-bejt.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-lum kien hemm xi talbiet li saru mill-Malta Film Fund għall-għajnuna mill-gvern li ġew rifjutati? Kemm kienu u liema kienu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Street venders ħdejn id-daħla tal-Qorti — Liċenzji meħtieġa
Question
Jista' l-Ministru, flimkien mal-pulizija, jara li l-istreet vendors li jkun hemm ħdejn id-daħla tal-Qorti u ħdejn id-daħla tal-ġenb tal-Konkatidral ta' San Ġwann humiex kollha qed joperaw bil-liċenzji meħtieġa u skont ma titlob il-liġi inkluż fejn jidħol il-VAT billi ħafna ħwienet fl-inħawi qed iħossu ruħhom żvantaġġjati kemm-il darba dan mhux qed isir?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-VAT qed jieħu azzjoni biex jivverifika jekk l-istreet vendors li jkun hemm fil-postijiet indikati fil-mistoqsija parlamentari humiex qegħdin joperaw skont il-provvedimenti tal-liġi tal-VAT.
Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-Ministru responsabbli għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur.
Transport Malta — karozzi tal-linja mil-Luxol Ground għas-Swieqi u l-Ibraġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tinvestiga l-għadd ta' ilmenti ta' residenti tas-Swieqi u l-Ibraġġ li biex jmorru il-Belt qed ikollhom jaqbdu żewġ buses u ħafna drabi jimxu sa fejn il-Luxol Grounds minn fejn partikularment fi żmien it-turisti ħafna mill-buses li jkunu ġejjin, ikunu diġà mimlijiet nies u b'hekk qed idumu ferm sabiex jaslu għad-destinazzjoni tagħhom - apparti l-inkonvenjent li jkollhom mixja fiż-żmien tal-maltemp u l-kesħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn Ottubru 2011, residenti tas-Swieqi u l-Ibraġġ ma kellhomx għalfejn jaqbdu żewġ karozzi la biex imorru l-Belt Valletta u lanqas biex imorru l-Isptar Mater Dei.
B’referenza għall-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif tista' l-applikanta tingħata ħjiel ta' fejn waslet l-applikazzjoni tagħha billi ilha tgħix Malta mat-18-il sena u ilha miżżewġa Malti xi sitt snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza li l-persuna, li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, li ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar tlettax-il sena u nofs u li hi għamlet fuq bażi ta' żwieg ma' ċittadin ta' Malta, qed tiġi pproċessata. Din il-persuna tiġi nfurmata minnufih malli tittieħed deċiżjoni.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar festini u riċivimenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32824, 32304 u 31963 u jagħti breakdowns separati tal-infiq fuq diversi festini u riċevimenti li hu u/jew il-Ministeru tiegħu organizza matul din il-leġislatura fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' diversi proġetti infrastrutturali u/jew ambjentali madwar il-gżejjer Maltin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 10810, 13732 u 27207, ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni li tissupplimenta dak muri fit-tweġibiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew appuntati maġistrati u mħallfin fl-2010 u fl-2011? Kemm kien il-compliment tal-maġistrati u mħallfin fl-2010?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2010 ġew appuntati żewġ (2) Imħallfin u Maġistrat wieħed (1)
u l-ex Prim Imħallef reġa’ assuma l-kariga ta’ Imħallef.
Fis-sena 2011 ġew appuntati żewġ (2) Imħallfin u tliet (3) Maġistrati.
Fil-31 ta’ Diċembru, 2010 il-complement ta’ Maġistrati u Mħallfin (inkluż il-Prim Imħallef) kien ta’ sebgħa u tletin (37):
Prim Imħallef : wieħed ( 1)
Imħallfin : dsatax (19)
Maġistrati : sbatax (17)
Malta Film Fund — informazzjoni dwar fondi mogħtija
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32989 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Malta Film Fund għadux jaqa' taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Kemm ta flus bħala funding mis-sena 2008 'l quddiem sena b’sena u proġett b’proġett? Il-film Dear Dom kellu funding minn dan il-fond tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jekk iva, kemm kienet l-għotja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi il-Malta Film Fund qatt ma kien taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-fond hu amministrat mill-Malta Film Commission.
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Enemalta — rapport tal-mercaptans fuq il-Mejda tal-Kamra
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33007 u cioè: Billi xahar ilu l-Ministru kien stqarr li kien qed jistenna reazzjoni uffiċjali mill-bord tal-Korporazzjoni Enemalta, u deċiżjoni dwar jekk hemmx passi dixxiplinari x’jittieħdu fil-konfront ta' xi uffiċjali, qabel ma jpoġġi r-rapport tal-mercaptans fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li għadda żmien biżżejjed biex rapport simili li bla dubju ta’ xejn huwa fl-interess pubbliku, jitqiegħed mingħajr aktar dewmien fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi billi f’Pace Street, tas-Sliema ta' spiss qed ifur id-drenaġġ u qed jidħol f’ċerti residenzi, saħansitra fil-kċejjen ta’ uħud mir-residenzi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn studju li sar jirriżulta illi possibilment hemm ħsara fis-sistema tad-drenaġġ li qed tikkawża inkonvinjent għand residenza ġewwa Triq Pace. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qegħdha fil-proċess sabiex takwista il-permess meħtieġ sabiex isir ix-xogħol ta’ tiswija fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tinvestiga l-possibilità li l-kumpanija Arriva li toffri servizz mill-Isptar Mater Dei għall-Housing Estate ta' Ta’ Xbiex tagħmel arranġament simili għaliex residenti tal-estate u tal-inħawi tal-madwar biex imorru l-isptar ikollhom jimxu mixja twila sa fejn id-dar tal anzjani privata li hemm fix-Xatt tal-Imsida qabel wieħed jaqbad it-triq għal Gwardamanga?
Response (GATT, AUSTIN)
Nistqarr li m'hinix ċert x'ihnu jsaqsi preċiż l-Onor. Interpellant. Inżid iżda li ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b 'żieda mas-servizzi eżistenti, se jibda jingħata għall-ewwel darba servizz max-Xatt Ta' Xbiex li jmur kemm tas-Sliema, kif ukoll il-Belt Valletta wara li jgħaddi mill-Imsida.
tħaddim tal-ispecial purpose vehicle sabiex jiġu finanzjati proġetti kbar
Question
Jista’ l-Ministru jfisser fid-dettal kif se taħdem u titħaddem l-ispecial purpose vehicle li beħsiebu joħloq il-gvern sabiex jiffinanzja proġetti bħall-parlament il-gdid, it-teatru l-ġdid u xi proġetti oħrajn, kif ukoll x’sehem se jkollhom il-banek kummerċjali f’dan kollu, kif ukoll possibbilment proġetti kbar eżistenti tal-privat li għad għandhom djun pendenti x’jagħtu lill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ta d-dettalji kollha ta’ dan il-vehicle lill-Oppożizzjoni fil-laqgħa li fija pparteċipaw l-Onor. Dr Charles Mangion u l-Onor. Karmenu Vella, nhar is-7 ta’ Diċembru, 2012.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32372, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-istess ditta għamlitx xi xogħol għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru matul din il-leġislatura u jekk iva, kemm, kif intgħażlet u kemm tħallset sena b’sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qegħda tinġabar. L-informazzjoni tiġi ppreżentata hekk kif dan l-eżerċizzju jiġi finalizzat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32525, tista’ l-Ministru tagħti r-raġunijiet għala ż-żewġ persuni in kwistjoni ma tħallewx jaħdmu iktar fuq proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea li kien qed jipparteċipa fihom l-Istitut għall-Istudji Turistiċi minkejja li dawn kienu ilhom jaħdmu fuqhom is-snin u kienu għadhom kemm ġew offruti l-opportunità li jkomplu jagħmlu dan fuq bażi part-time? Dawn iż-żewġ persuni ngħataw il-ħlas dovut għax-xogħol li kienu laħqu wettqu qabel twaqqfu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-raġuni ewlenija għaliex iż-żewġ persuni in kwistjoni ma tħallewx jaħdmu iktar fuq proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea li kien qed jipparteċipa fihom l-Istitut għall-Istudji Turistiċi hija li dawn iż-żewġ individwi rrifjutaw l-istess offerta fid-19 ta’ Settembru 2011. Minbarra dan, l-istess proġetti kienu jgħajtu lill-Istitut u mhux l-individwi konċernati. Matul iż-żmien fejn kienu mislufa lill-istess Istitut, il-pagamenti u l-benefiċċji kollha relatati mal-pożizzjoni tal-impjieg tagħhom bħala għalliema li jaqgħu taħt id-DES (Direttorat għal Servizzi Edukattivi MEDE), dejjem ġew onorati.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma t-terms of reference tal-Board of Studies tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Min huma l-membri u xi kwalifiki u esperjenza għandu fil-qasam edukattiv u turistiku kull membru individwalment? Kif ġew appuntanti l-membri? X’remunerazzjoni qed jieħdu talli qed iservu? Kemm se jdumu f’din il-kariga?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28587.
Il-membri tal-Bord tal-Istudju ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32520 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta flimkien mad-dettalji sħaħ dwar il-pakkett finanzjarju u inċentivi oħrajn li ġew offruti lilu? Ir-rwol tiegħu hu wieħed eżekuttiv jew le?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab informat illi ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta għandu kuntratt ta’ 3 snin u b’remunerazzjoni bażika annwali ta’ €95,242 fis-sena. Huwa intitolat għal Account Insurance Policy, International Health Insurance Key, Communication Allowance, Performance Bonus sa 15% tar-remunerazzjoni bażika fis-sena, u użu ta’ karozza uffiċjali bix-xufier. Huwa ma jieħux remunerazzjoni bħala chairman.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32848 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-notifika formali li permez tagħha l-Kummissjoni Ewropeja għarrfet lill-Gvern Malti li kienet bdiet proċeduri legali kontra l-impjant tal-power station tal-Marsa talli dan kien qed jopera fi ksur tal-Large Combustion Plant Directive tal-Unjoni Ewropea? Jista' jikkonferma li ilu jagħmel dan sa minn Lulju tas-sena li għaddiet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-notifika formali bid-data ta’ 28 ta’ Frar 2012 li Malta rċiviet mingħand il-Kummissjoni Ewropea tifforma parti minn proċedura legali (infringement procedure) li għadha għaddeja u mhix konkluża. Il-Gvern Malti m’huwiex f’pożizzjoni li jqiegħed dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra qabel mal-proċeduri jiġu konkużi. Nixtieq ukoll ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ittra tirreferi għall-parti tal-Power Station tal-Marsa u mhux għall-power station kollha.