Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #34289 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — Board of Governors - rwol eżekuttiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33338, tista’ l-Ministru tgħid kif id-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ħass il-bżonn li jibgħat ittra, datata 29 ta’ Novembru 2011, liż-żewġ persuni in kwestjoni biex jgħarrafhom bid-deċiżjoni li ma setgħux ikomplu jirrappreżentaw lill-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea jekk dawn iż-żewġ persuni, skont it-tweġiba tal-Ministru, fid-19 ta’ Settembru 2011 irrifjutaw l-offerta li jkomplu jaħdmu fuq dawn il-proġetti? Tista’ tikkonferma li ż-żewġ persuni in kwistjoni rrifjutaw l-offerta bil-miktub fid-19 ta’ Settembru 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żewġ persuni in kwestjoni rrifjutaw verbalment li jaħdmu fuq bażi part-time mal-Istitut. Dan sar fl-istess data indikata, waqt laqgħa li saret mad -Direttur Eżekuttiv, fil-preżenza tal – Viċi Direttriċi ta’ dak iż-żmien. L-ittra li ntbagħtet fid-29 ta’ Novermbru 2011 kienet riżultat ta’ kommunikazzjoni mixtieqa mill-Bord tal-Gvernaturi li ġiet eżegwita mill-istess Direttur Eżekuttiv.

Impjant ta' Sant' Antnin

Question

B'referenza għall-kundizzjoni tal-planning gain marbuta mal-permess tal-applikazzjoni PA04607/06 tal-impjant ta' Sant Antnin, billi huwa mifhum li l-WasteServ kisru dan il-ftehim u huma dovuti jħallsu penali ta’ miljuni ta’ Ewro lill-Kommunità ta' Wied il-Għajn, ma jaħsibx il-Ministru li l-iskuża li qed iġġib l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-Family Park PA/04886/06 mhix ġustifikata u m'għandha x’taqsam xejn mal-kundizzjoni tal-istess planning gain imma dan huwa relatat biss mal-permess biex jinbeda x-xogħol fuq il-park innifsu? Kemm-il darba d-developer li f’dan il-każ huwa l-kumpanija parastatali WasteServ dam biex jingħata il-permess mill-awtorità peress li dan żgur mhuwiex tort tar-residenti imma kollu tort tal-amministrazzjoni preżenti għax kien l-istess gvern li ppermetta li dawn jintrabtu mal-kundizzjonijiet tal-permess fosthom tal-planning gain innifsu, x’passi effettivi biħsiebha tieħu l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex issir ġustizzja skont l-obbligi kuntrattwali mar-residenti kkonċernati u x’kienu r-raġunijiet il-kumpanija WasteServ naqset li tlestli dan il-family park fi żmien ħames snin mill-ħruġ tal-permess relevanti li ngħata fit-30 ta' Jannar 2007? Jista' jagħti tweġiba kategorika wkoll jekk tqisx li l-WasteServ kisrux l-obbligi kuntrattwali tagħhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

ħruq illegali tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Occupational Health and Safety Authority f’liema stadju saret taf bil-ħruq illegali tal-mercaptan? Mingħand min ġiet mgħarrfa min naħa tal-Korporazzjoni Enemalta? X’passi ttieħdu meta saret taf b’dan? Ir-regoli marbutin mas-saħħa tal-ħaddiema involuti kemm-il darba ġew miksura huma time barred ukoll?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma jeżisti ebda obbligu legali ta’ notifika lill-OHSA qabel isir disposal (rimi) ta’ mercaptan.

ħruq illegali tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’liema stadju saret taf bil-problema tal-mercaptan u bil-ħruq illegali tagħhom? Minn min ġiet mgħarrfa? Min min-naħa tal-awtorità sar jaf b’dan? X’passi ttieħdu mill-awtorità appena saret taf b’dan u x’wassal biex l-ewwel għeddet li tieħu azzjoni bil-Qorti u sallum kważi tliet snin wara l-inċident jidher li għadu ma sar xejn, meta huwa mifhum li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellha bażi soda biex tagħmel dan sa minn Novembru tas-sena 2009?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — air quality tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt saret taf, ordnat jew rat riżultati ta xi air quality tests marbutin mal-każ tal-mercaptan li tiegħu kienet responsabbli l-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji u t-time lines kollha relevanti?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

każ tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma jekk fil-minuti tal-Bord tal-Korporazzjoni Enemalta qattx kien hemm xi referenza għal każ tal-mercaptan u jekk iva, jista' jgħarraf lill-Kamra dwar x’kienu jgħidu speċifikament u preferibbilment testwalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi sakemm il-każ kien msemmi fuq il-media, il-kwistjoni qatt ma ġiet għall-attenzjoni tal-istess Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta.

Enemalta — ħlas lil ditta ta' awdituri

Question

Jista' l-Minisstru jgħid kemm tħallset id-ditta tal-awdituri PWC mill-Korporazzjoni Enemalta għas-servizzi tagħha sena b’sena mis-sena 2008 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-awdituri tal-Korporazzjoni Enemalta tħallsu kif ġej: 2008 € 52,831 2009 € 791,467 2010 € 340,149 2011 € 498,064 ___________ Total € 1,682,511 ____________

Kuntratt taċ-Chairman il-Ġdid tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta flimkien mad-dettalji sħaħ dwar il-pakkett finanzjarju u inċentivi oħrajn li ġew offruti lilu? Ir-rwol tiegħu hu wieħed eżekuttiv, jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33366.

San Ġwann — Triq San Ġwann tal-Għargħar - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Minsitru jara jistgħux jittieħdu passi biex il-parti ta’ fuq ta' Triq San Ġwann tal-Għargħar, San Ġwann li tagħti għal Calamatta Gardens tiġi kkonnetjata mad-drenaġġ billi dawn għadhom bis-sistema tal-fossa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm saret proposta biex isir dan ix-xogħol meta kienet qed issir it-triq, ix-xogħol involut huwa proġett kbir li jirrikjedi “regrading” tal-main tad-drenaġġ fit-tul u installazjoni fejn ma hemmx main. Għalhekk, kien ġie deċiż li dan ix-xogħol ma jsirx għalissa. Il-kunsill Lokali talab li x-xogħol fuq din it-triq jitlesta fi żmien qasir, u għaldaqstant tali xogħol ma setgħax isir fl-immedjat.

kuntratt bejn il-konsorzju MIDI u l-gvern

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-estratt mill-kuntratt bejn il-konsorzju MIDI u l-gvern fejn jirrigwardja l-parti li l-konsorzju MIDI jobbliga ruħu li jibni l-faċilità sportiva tal-grawnd tal-futbol u l-pitch tal-Boċċi u li dawn jgħaddu għand il-Gżira United FC u Gżira Boċċi Club rispettivament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Schedule 20 annessa mal-kuntratt bejn il-Consortium MIDI u l-gvern li bih ingħatat il-konċessjoni emfitewtika. Din is-schedule titratta l-obligazzjonijiet tal-MIDI plc fejn jirrigwardja reallokazzjonijiet ta’ proprjetà. L-attachment 20C jagħti d-dettalji ta’ football pitch u boċċi pitch u clubhouse li riedu jinbnew f’Manoel Island. Għal kemm mhux speċifikat li dawn se jiġu trasferiti lill-Gżira United FC u lill-Gżira Boċċi Club rispettivament, hija l-intenzjoni tal-gvern li dawn jiġu trasferiti liż-żewġ clubs imsemmija.

San Ġwann — Triq San Ġiljan - stallazzjoni ta' zebra cross

Question

Billi residenti ta’ Triq it-Trunċiera t-Twila Kappara San Ġwann qegħdin isibuha diffiċli ħafna biex jaqsmu t-Triq San Ġiljan ġewwa San Ġwann – aktar u aktar minħabba t-traffiku li żdid sostanzjalment minħabba li din qiegħda qrib l-Isptar Mater Dei, jista' l-Ministru jara jekk tistax issir zebra crossing biex jiffaċilita dan, speċjalment billi l-Kunsill Lokali San Ġwann kien qallhom li la din hija main road taqa' taħt il-Gvern Ċentrali u fuq hekk anke kienet saret petizzjoni minn għadd ta' residenti wkoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba biex issir din iż-zebra crossing madankollu, ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

MEPA — capping fuq il-Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’ seduta oħra.

tneħħija ta' fuel ash

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’għamel jew x’qed jagħmel il-gvern biex ineħħi u jiddisponi t-tunellati kbar ta' fuel ash, iġġenerat mill-Korporazzjoni Enemalta u mormi Bengħajsa li jingħad li huwa tossiku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta
Leg 11 PQ #34121 Sitting 470 2012-05-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — rapport dwar l-Azure Window

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-Azure Window fid-Dwejra mħejji mill-Bureau Veritas? Tista' tagħti d-data meta ġie kkummissjonat l-istudju? Kemm ġie jiswa l-istudju kollu? Ir-rapport meta ġie ppreżentat lill-Ministeru? X’follow up action ittieħdet dwaru? Billi ntqal li dan l-aħħar il-Ministeru tiegħek irrikorra għas-servizzi ta’ ġeoloġista Għawdxija, tista' tgħid min hi l-persuna? Kif intgħażlet? Tista' tqiegħed kopja tas-CV tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Fuq liema terms of reference ġiet ingaġġata u kemm se titħallas għas-servizzi tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub. Ninsab infurmata li r-rapport ġie kummissjonat fl-2005, ġie jiswa Lm1,443.44c u ġie ppreżentat lill-Ministeru għal Għawdex f'Lulju tal-2006. Jiena nfurmata wkoll li peress li r-rapport ikkonkluda li l-kollass tat-tieqa huwa inevitabbli u li xogħlijiet li setgħu jsiru biex forsi jittardja l-kollass tagħha kienu perikolużi ma ttieħditx azzjoni u saru tabelli li jinfurmaw lill-pubbliku bil-periklu li kien hemm fuq dan is-sit. Il-Ministeru qed jitlob il-parir tal-ġeoloġista Dr Salvu Xerri li għandu esperjenza twila f'dan il-qasam.

San Ġwann — ilment dwar siġra

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-Pulizija flimkien mal-entitajiet governattivi kkonċernati jistgħux jieħdu passi immedjati biex siġra li telgħet bla permess ġo għalqa privata bejn Triq Fuxa u Triq l-Annunzjata San Ġwann titneħħa jew titqaċċat billi qed tmiss mal-cables tad-dawl u hemm il-biżgħa li l-għeruq tagħha jistgħu jkollhom impatt fuq residenzi fil-qrib u dan apparti li l-għalqa mhix magħluqa b'għadd ta’ filati li titlob il-ligi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għadu ma ġiex rintraċċat mill-Pulizija. Però minn naħa tagħha l-Pulizija, minbarra li nfurmat kemm lill-Enemalta, kif ukoll lid-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar dan l-ilment, talbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li minn naħa tagħhom aċċedew fuq il-post u qatgħu l-friegħi li setgħu kienu jmissu mal-cables tad-dawl u b’hekk tneħħa kull riskju ta’ periklu. Dwar l-impatt li jista’ jkollhom l-għeruq ta’ din is-siġra fuq residenzi fil-qrib, din hija kwistjoni purament ċivili.

kwestjoni ta' housing alternattiv

Question

Jista' l-Minsitru jara li l-familja li l-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata housing alternattiv peress li l-fond huwa żgħir u jinsab fi stat umduż? Jista' jgħid jekk tistax issir spezzjoni fl-iqsar żmien possibli?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata ma għandiex applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva peress li l-istess applikazzjoni ġiet magħluqa fit-13 ta’ Jannar, 2011.

Msida — Triq Giorgio Mitrovich - katusi mkissra

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta għaddew it-tender documents lil Transport Malta biex joħorġu t-tender dwar xogħlijiet f’Giorgio Mitrovich Street, Msida minħabba katusi tad-drenaġġ mifqugħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħti x-xogħol lill-kuntrattur tal-kunsill f’dan il-każ u mhux lil Transport Malta għax il-kunsill kien se jagħmel xogħol fil-bankini. Il-kunsill irid jiftiehem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif se jsir ix-xogħol fit-triq.

Msida — Triq Giorgio Mitrovich - tender għax-xogħlijiet

Question

Jista' l-Minsitru jgħid Transport Malta meta ħarġet it-tender għax-xogħlijiet li kellhom isiru fi Triq Giorgio Mitrovich, Msida wara li skont il-Ministru Tonio Fenech it-tender documents kellhom jiġu mgħoddijja lilhom is-sena li għaddiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sidien tad-Dgħajjes żgħar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32451 dwar Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk u meta nħarġet/se toħroġ is-sejħa għall-offerti li rrefererha għaliha fi tmiem ta' paragrafu 1 tat-tweġiba li hu ta, fir-rigward ta’ żoni alternattivi ta’ rmiġġ kemm ġewwa Ta' Xbiex kif wkoll fl-Imsida?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sejħa pubblika għall-offerti sabiex tiġi riorganizzata żona għall-irmiġġi f'Ta' Xbiex ħarġet nhar it-13 t'April 2012 u tagħlaq fl-4 ta' Mejju 2012. Is-sejħa għall-offerti għall-irmiġġi ġewwa l-Imsida għadha ma ħarġitx għaliex għadu qed jiġi analizzat ix-xogħol li għandu jsir.
Leg 11 PQ #33918 Sitting 469 2012-05-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

slogan Flimkien Noħolqu x-Xogħol Għalik — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b’kollox il-Gvern Malti kemm se jkun nefaq f’riklami fil-media taħt is-slogan Flimkien Noħolqu x-Xogħol Għalik f’għeluq erba' snin mill-ħatra tal-gvern fejn dawn ilkoll dehru bl-arma tar-Repubblika u fuq il-website: www.opm.gov.mt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-avviżi fil-gażżetti għadhom qed jidhru u l-informazzjoni tingħata hekk kif tispiċċa l-iskeda.