Legislature:
Category:
Reset
Active:

ITS — xogħol strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx sanzjonijiet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar pendenti fil-konfront tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi rigward ix-xogħol infrastrutturali li sar fuq il-kampus ta' San Ġiljan fl-aħħar sena? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti dettalji għal kull sanzjoni, għalfejn inħarġet u x'qed ikun mitlub mill-Istituzjoni għall-Istudji Turistiċi biex dan ikun konformi mal-permessi?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Awwissu 2011 kienu 'nħarġu żewġ Avviżi t'Infurzar separati fil-konfront tal-ITS talli inbnew guard room (ECF 417/11) u swill room (ECF 418/11) mingħajr il-permessi meħtieġa. Sussegwentement ġew sottomessi applikazzjonijiet sanatorji PA 284/12 u PA 296/12 rispettivament li ġew approvati u maħruġa f'Mejju 2012. Għaldaqstant l-iżvilupp ġie sanzjonat u l-Avviżi t' Infurzar ma baqgħux operattivi u l-każi 'nagħlqu.
Leg 11 PQ #34606 Sitting 476 2012-05-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Regolamenti tal-2012 dwar Istituzzjoni għal Studji Turistiċi

Question

B'referenza għall-Avviż Legali 131 tal-2012, msejjaħ Regolamenti tal-2012 dwar Istituzzjoni għal Studji Turistiċi, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru tibdiliet fil-forma u l-ammont ta' l-stipendji li qed jieħdu bħalissa l-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fid-dawl ta' dak li tipprovdi klawżola 32 ta' dan l-avviż legali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fid-dawl ta' dak li tipprovdi klawsola 32 tal-avviż legali, s’issa ma hemm l-ebda ħsieb li tinbidel is-sistema ta’ l-istipendji li qed jieħdu bħalissa l-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Leg 11 PQ #34493 Sitting 475 2012-05-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dwejra Azure Window - CV tal-ġeoloġista Għawdex

Question

B'referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 34121 fejn tlabt lill-Ministru biex tgħarraf lill-Kamra x'CV għandu l-ġeoloġista Għawdxi li d-dettalji dwaru qed jingataw separatament li ġie mitlub jgħin fuq il-kwestjoni tal-Azure Window fid Dwejra, tista' l-Ministru tgħid fuq liema terms of reference ġie ngaġġat u kemm se u/jew qed jitħallas għas-servizzi tiegħu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' CV tal-ġeoloġista msemmi (u għall-korrettezza tal-fatti, jien infurmata li dan mhux Għawdxi kif indikat fil-mistoqsija tal-Onor. Interpellant). Id-diskussjonijiet dwar is-servizzi rikjesti għadhom ma ġewx konklużi u għalhekk għadu ma sar l-ebda ngaġġ.

kejl tax-xejriet tar-riħ

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-daily data sheets tal-aħħar xahar tal-kejl permezz tal-wind mast tax-xejriet tar-riħ li qed isir fil-Mellieħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħda tintalab hija waħda ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.

Proġett tal-boroz griżi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32823, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim tal-14 ta’ Mejju 2008 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ġiex segwit minn kuntratt ieħor bil-parteċipazzjoni ta’ skemi, kif previst fl-istess ftehim? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll liema skemi tal-ġbir/riċiklaġġ ta’ waste packaging eżistenti f’pajjiżna f’dak il-perjodu ġew mistiedna biex jipparteċipaw jew ikunu parti mill-ftehim tal-14 ta’ Mejju 2008 illi l-gvern iffirma mal-kunsilli lokali u mal-GRTU?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim imsemmi kien sar fuq rakkmandazzjoni tal-stess għaxar operaturi li dak iż-żmien kienu jiffurmaw parti mill-iskema imsemmija u dan sabiex iservi bħala mudell ta’ prova. Fid-dawl tar-riżultati pożittivi miksuba permezz ta’dan il-fethim, is-suq kien eventwalment liberalizzat u għaldaqstant ma kienx hemm ħtieġa li jiddaħħlu skemi oħra jew li dan il-ftehim jiġi estiż..

taħdidiet dwar l-interconnector

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija jiġu konklużi t-taħdidiet mal-aġenzija statali Taljana Terna dwar l-interconnector kif wkoll li jinħarġu l-permessi meħtieġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taħdidiet mal-Operatur tas-sistema tat-trasmissjoni Taljana Terna dwar l-interconnector mistenni li jiġu konklużi sa Lulju 2012. Il-permess tal-MEPA f’Malta inħareġ fis-26 t’April 2012, filwaqt li l-permess meħtieġ mill-awtoritajiet fl-Italja hu mistenni li jinħareġ sa Settembru 2012.

xiri ta' elettriku bl-interconnector

Question

Billi l-Ministru ftit ilu qal li bl-interconnector se nixtru enerġija b’rati irħas minn tal-lum, jista' l-Ministru jgħid b’kemm mistenni jinxtara l-elettriku permezz tal-interconnector u jekk sarux xi taħdidiet dwar dan diġà? Jekk iva, meta mistennija li jiġu konklużi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-prezz tal-elettriku fl-Italja u l-Ewropa huwa prezz kompetittiv tas-suq u mhux fiss; dan ivarja siegħa b’siegħa. Il-prezz medju attwali fi Sqallija huwa ta €92.40/MWh (l-ewwel erba' xhur tal-2012). Dan jista’ jiġi mqabbel mal-ispiża attwali ta' żejt użat biex jiġġenera lokalment għall-istess erba' xhur li huwa €178/MWh u li ma jinkludix spejjeż ta' ħaddiema jew spejjeż oħrajn. Kien hemm diskussjonijiet kemm mal-produtturi tal-elettriku u operaturi oħrajn tas-suq fuq ix-xiri tal-elettriku iżda dawn għadhom għaddejjin u ma ġewx konklużi.

Tqasima Konsulari tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli — investigazzjonijiet

Question

Billi ftit ilu kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien ġie rrapurtat li qal lill-ġurnal The Times li l-Pulizija kienet qed tinvestiga allegazzjonijiet dwar abbużi u tixħim fit-Taqsima Konsulari tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli b’konnessjoni mal-ħruġ tal-visas, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-pulizija minħabba ż-żmien li għadda minn dak iż-żmien 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Ġejt informat li diversi persuni, Maltin u barranin ġew interrogati.

Transport Malta — azzjoni

Question

B'referenza għall-ittra mill Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern tat-18 ta' Settembru 2008 li referenza tagħha qed tintbgħat separatament, jista' l-Minsitru jgħid x’azzjoni ħadet Transport Malta billi l-korrispondenza kienet ġiet mghoddijja lilhom mid-Director Estate Management Department of Government Property Division?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Street venders ħdejn id-daħla tal-Qorti — Liċenzji meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 33685 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u, flimkien mal-pulizija, jara li l-istreet vendors li jkun hemm ħdejn id-daħla tal-Qorti u ħdejn id-daħla tal-ġenb tal-Konkatidral ta' San Ġwann humiex kollha qed joperaw bil-liċenzji meħtieġa?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar jaqa' direttament taħt il-pulizija u li ninsab infurmat li regolarment jiċċekjaw jekk entitajiet u individwi jkunux liċenzjati biex jagħmlu l-attivita' kummerċjali tagħhom. Madanakollu, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kummerċ marru jiċċekkjaw nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju u t-Tnejn 14 ta' Mejju u sabu li ħlief għal żewġ persuni, dawk li kien hemm preżenti kollha kellhom il-liċenzja ta' busker. Dawk li ma kellhomx liċenzja ġew mitluba biex jitilqu minn fuq il-post.

Swatar — faċilità biex in-nies jaqsmu t-triq

Question

Jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta tistax tinvestiga aktar fil-fond possibilitajiet aktar prattiċi li permezz tagħhom residenti fit-triqat (naħa ta’ fuq) Triq it-Torri, Triq Dinjonisju Famucelli kif ukoll Triq Mons. Innocenz Zammit fis-Swatar, ikunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra ta’ ħdejn l-Università mingħajr perikli kif ukoll biex jinstab mezz biex huma jkunu jistgħu jsuqu l-karrozzi tagħhom lejn l-istess direzzjoni mingħajr ma jirrikorru għar-rotta twila u t-tidwir bla bżonn kif qed jiġri fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm underpass sabiex il-pedonali jaqsmu min-naħa tas-Swater għan-naħa tal-Università fejn underpass hija meqjusa bħala l-aktar mod sikur biex taqsam it-triq. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jinforma lejn liema direzzjoni qed jitlob li jistgħu jsuqu l-karozzi.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ħatriet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Minsitru tal-Affarijiet Barranin jiċħad jew tikkonferma jekk il-ħatriet kollha li saru f’din il-leġislatura fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sarux b’konformità sħiħa mar-regolamenti tal-Public Service Commision?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant u nikkonferma li l-ħatriet li saru f'din il-leġislatura fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienu kollha b'konformità sħiħa mar-regolamenti tal-Public Service Commission.

tneħħija ta' fuel ash

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34120 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’għamel jew x’qed jagħmel il-gvern biex ineħħi u jiddisponi t-tunellati kbar ta' fuel ash, iġġenerat mill-Korporazzjoni Enemalta u mormi Bengħajsa li jingħad li huwa tossiku?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-flyash li kien mirdum mill-Enemalta fid-disgħinijiet, fil-barriera tal-Marsa, limiti tal-Bengħajsa, ġie maħluq b’konsegwenza tal-kombustjoni tal-faħam fil-Marsa. Dan il-flyash huwa meqjus inert u stabbli u għalhekk r-rimi tiegħu fil-barriera kien konformi mar-regolamenti li kienu applikabbli f’dak iż-żmien. Materjal bħal dan huwa ġeneralment mirdum b’dan il-mod kemm f’pajjiżi Ewropej u anke internazzjonali. Il-materjal mhux meqjus li hu tossiku. Għalkemm il-flyash jista’ jerġa’ jintuża’ bħala materjal għall-konkrit u l-produzzjoni tal-asfalt, u għalkemm l-użu tal-materjal li ġie mirdum f’Benghajsa ġie studjat għal dan il-għan, għalissa l-Enemalta m'għandux pjanijiet għal dan.

MEPA — capping fuq il-Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34119 u 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

bord ta’ inkjesta dwar il-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-brief u terms of reference li nghata l-bord ta’ inkjesta dwar il-mercaptan? Min kien responsabbli biex il-bord ta’inkjesta jeskludi r-responsabbiltà individwali dwar il-każ tal-mercapta? Il-Ministeru f’liema stadju sar jaf li l-bord ta’ inkjesta kien qed jeskludi dan kollu u jitfa' kollox fuq il-korporazzjoni fuq livell kollettiv?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li nghata l-bord ta’ inkjesta fuq il-kaz tal-mercaptan. Dan il-bord gie appuntat skont it-termini tal-Kap. 273, Att dwar l-Inkjesti, u li ma jippermettix li Ministru jordna investigazzjoni fuq inidividwi. Ngharraf lill-Onor. Interpellant ukoll illi, bhalma habbart fis-seduta tal-parlament nru. 471 ta’ nhar il-Erbgha 9 ta’ Mejju 2012, ghaddejt ir-rapport tal-bord ta’ inkjesta lill-Kummissarju tal-Puluzija.

ħruq tal-mercaptan — kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien il-kuntrattur privat li tqabbad biex jaħraq il-mercaptan f’isem il-Korporazzjoni Enemalta? F’xi stadju jew ieħor, saru xi konsultazzjonijiet mal-WasteServ biex jiġu ddentifikati kuntratturi speċjalizzati f’dan il-qasam sensittiv u tekniku ħafna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — chairman ġdid

Question

Billi ċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta ma kienx involut fl-operat tal-korporazzjoni f’dak iż-żmien fuq liema bażi wasal għall-konkluzjoni kif għamel fl-ittra tiegħu lilek li l-korporazzjoni u d-diriġenti ewlenin tagħha anki jekk naqsu għamlu dan il-good faith – minghajr skopijiet ulterjuri meta tant kien hemm ħabi, u l-korporazzjoni naqset milli tagħti t-tagħrif mitlub anki lill-istess kummissjoni ta’ inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi iċ-Ċermen il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta beda bil-funzjonijiet tiegħu fit-18 ta’ Novembru 2011. Kopja tar-rapport mill-Bord tal-inkjesta ġie mgħoddi liċ-Ċermen f’Jannar 2012. Iċ-Ċermen eżamina r-rapport tal-Bord tal-Inkjesta u d-dokumenti marbuta miegħu u aċċetta wkoll il-konklużjonijiet tal-istess Bord fir-rigward ta’ dak mitlub minnu biex jiddetermina u jistabilixxi ir-responsabbiltà minn naħa tal-Enemalta jew l-impjegati tagħha.

Enemalta — lab section - każ tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diriġenti tal-lab section tal-Korporazzjoni Enemalta jstgħux jgħidu jekk qattx saru jafu jew ġew avviċinati f’xi żmien jew ieħor biex jagħmlu tests jew jagħtu pariri tekniċi dwar il-każ tal-mercaptan u jekk iva, meta u minn min?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istaff tal-Laboatorju tal-Korporazzjoni Enemalta kienu mitlub mis-sezzjoni tal-Fire tal-istess Korporazzjoni biex jagħtu parir tekniku biex inaddfu t-tank vojt wara l-inċident f’Settembru 2007 li sar fil-Qajjenza. It-tank ġie meħud mis-sezzjoni tal-Fire lejn Delimara biex jiġi żvujtat u l-Kimika ġiet trasferit go tank ieħr f’Delimara.
Leg 11 PQ #34339 Sitting 473 2012-05-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

PBS — managers, deputy managers u ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm managers, deputy managers u ħaddiema fil-Public Broadcasting Services qabel ir-ristrutturar? Kemm hemm managers, coordinators u ħaddiema llum? Kemm kien il-massimu tal-paga tal-managers u d-deputy managers qabel ir-ristrutturar? Kemm huma s-salarji tal-manager, wieħed wieħed illum, u kemm huwa s-salarju ta’ kordinatur? Veru li l-kordinaturi huma intitolati għas-sahra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MEPA — Mapping

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma hekk hux minnu jew le li d-data kollha tal-mapping ta' din is-sena tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ntilfet minħabba problema fis-servers, li allegatament inħarqu? Jekk iva, min kien responsabbli għal dan?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-server li fuqu kien hemm data tal-Mapping ġratlu ħsara irreparabbli fil-hard disks. Din il-ħsara tista' tiġi attribwita għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel raġuni hija ż-żmien li għandu dan is-server partikolari. It-tieni raġuni hija attribwita għall-kundizzjonijiet mhux adegwati fil-kamra fejn dan is-server kien qed jopera fil-ħin li ġralu l-ħsara. L-ebda data li relatata ma 'Small Scale Data', 'Archives', 'Aerial Photos' and 'Orthophotos' ma ntilfet minħabba din il-ħsara. Id- data li ġiet affettwata hija dik biss tad- database li tifforma il-'Large-Scale Topographic Map'. Minħabba f'dan, intilfu madwar tmien ġimgħat ta' xoghol produttiv, ta' aġġornament u manteniment fuq dan id- database illi qed jiġu rekuperati maż-żmien.