Jista' l-Ministru jgħid x'time scales u targets għandu f'moħħu l-Gvern Malti biex jiżgura li pajjiżna jilħaq il-miri tal-EU fejn jidħol użu ta' enerġija alternattiva fil-gżejjer Maltin u Għawdxin? Jista' jelabora dwar l-istrateġija tiegħu fid-dettall?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern preżentement qiegħed jirrevedi l-iStrateġija għal Enerġija Nadifa (Renewable Energy Policy) għal pajjiżna, ġaladarba nbidlu t-targets indikati lilna.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ġie ngaġġat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-persuna msemmija huma ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt tas-Segretarja Stampa u Komunikazzjoni.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar verżjoni tad-dokument
Engagement of Staff for Minister’s Secretariats’
datata Ottubru 2007 kif approvat mill-Kabinett, u li kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġiex ikkummissjonat audit indipendenti mill-Unjoni Ewropea dwar is-sistema tat-tendering preżenti? Jekk iva, x'kien l-eżitu ta' dan l-audit? Jista' jqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq nikkonferma li ġie kkumissjonat audit indipendenti mill-Unjoni Ewropeja dwar is-sistema tat-tendering preżenti. Ir-rapport ta’ dan l-eżerċizzju għadu ma’ ġiex konkluż.
Jista' l-Ministru jindika meta se tingħata awtonomija sħiħa lill-Office for Fair Trading kif irrikkmandat mill-Commission of Fair Trading?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għalkemm l-Uffiċċju għall-Kompetitzjoni Ġusta huwa dipartiment tal-Gvern, il-liġi tal-Kompetizzjoni (Kap. 379) tassigura li l-operat tad-direttur tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta huwa awtonomu.
Tajjeb ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-funzjonijiet li għandu id-Direttur skond il-liġi tal-kompetizzjoni huma indikazzjoni ċara tal-awtonomija li jgawdi l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, bħal ngħidu aħna:
(1) id-Direttur, minkejja li investigatzzjoni tista tiġi mibdija fuq talba tal-Ministru responsabbli jew wara li d-direttur jkun irċieva xi ilment, għandu l-poter u l-obbligu li jibda investigazzjonijiet ex officio, cioe’ minn jheddu, u dan sabiex jassigura li l-liġi tal-kompetizzjoni hija osservata;
(2) kwalunkwe informazzjoni li tinġabar mill-Uffiċċju hija ttratata bl-akbar kunfidenzjalita’ u tista tiġi rivelata biss lill-Kummissjoni għall-Kummerc Ġust u l-ħadd aktar;
(3) wara l-konkluzjoni ta’ xi investigazzjoni id-Direttur huwa obligat, jekk jirrizulta li kien hemm xi ksur ta’ xi artikolu tal-liġi tal-Kompetizzjoni, joħroġ deċizjoni u jispjega x’wasslu sabiex jikkonkludi li kien hemm tali ksur. Tali deċizjoni tkun mgħoddija lil dawk konċernati biss. Jekk in oltre kien hemm xi ksur serju tal-liġi, id-Direttur huwa obligat jisottometti rapport lill-Kummissjoni u mhux ngħidu lis-Segretarju Permanenti jew lill-Ministru.
Għalhekk ġialadarba l-Uffiċċju igawdi awtonomija fil-ħidma tiegħu ikun aktar għaqli jekk l-Uffiċċju jkompli jissaħħaħ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija nvoluti fil-każ tal-persuna, li isimha qed jidher separatament, ma ġewx sospiżi temporanjament sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom, kif soltu jiġri f'każi simili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skond il-proċedura uffiċċjal jista' jiġi sospiż mid-doveri tiegħu f'każ li jkunu nbdew jew ikunu ser jinbdew proċeduri kriminali jew dixxiplinarji serji fil-konfront tiegħu. Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, s'issa m'hemm ebda membru tal-Korp tal-Pulizija taħt dawn iċ-ċirkostanzi. Wara li jkunu lesti ż-żewġ inkjesti li bħalissa hemm għaddejjin rigward il-każ, l-amministrazzjoni tal-Korp tkun tista' tieħu dawk il-provvedimenti skond ma jirriżulta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 179 u 360 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?
Fid-dawl tal-perċentaġġ esagerat tal-boarding out cases li saru f'Għawdex f'mod sproporzjonat mal-kumplament tal-gżejjer Maltin, jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li għandha issir investigazzjoni indipendenti dwar dan, ħalli fost l-affarijiet oħra jiġi stabilit jekk setax kien hemm pressjonijiet politiċi li setgħu waslu għal dan?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li, permezz ta’ emendi fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, b’effet mill-1 ta’ Lulju 2007, daħlet fis-seħħ riforma fl-iskema tal-Pensjoni għal Invalidita’ li l-iskop prinċipali tagħha hu li s-sistema nnifisha tkun waħda aktar regolata u trasparenti.
B’riżultat ta’ din ir-riforma kull Pensjoni għal Invalidita’ trid tiġi riveduta ta’ l-anqas kull tlett snin. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-kapaċita għax-xogħol ta’ l-applikant (
Work Related Incapacity
), li tiddetermina jekk il-persuna tikkwalifikax jew le għal Pensjoni għal Invalidita’, qed issir skond Tabelli ta’ Indeboliment (
Impairment Tables
) li huma parti mill-liġi tas-Sigurta’ Soċjali.
Issa, li din ir-riforma nġiebet fis-seħħ, ma nħossx li l-investigazzjoni suġġerita mill-Onor. Interpellant hi indikata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern Malti għadu qed iżomm lura milli jippublika il-figuri uffiċjali dwar l-overseas development aid tiegħu, f'mod li jkollna breakdown dettaljat u konferma jew caħda jekk il-Gvern huwiex jinkludi wkoll flus minfuqa fuq detention centres u r-ripatriazzjoni tal-immigranti illegali?
Response (BORG, TONIO)
L-uniku obbligu li għandu l-Gvern Malti f'din il-materja hu li jinforma lill Kummissjoni Ewropeja bl-ammont globali ta' ODA, u kif din titqabbel bħala persentaġġ tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI). Dan l-obbligu dejjem ġie onorat mill-Gvern Malti kemm ilha Malta membru fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali milli jiddetermina jekk għandhomx jittieħdu passi kontra l-persuni allegatament involuti fl-hekk imsejjaħ Skandlu tal-Mistra Valley?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li għad hemm konsultazzjonijiet għaddejin bejn il-Pulizija u l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm passaporti diplomatiċi Maltin validi bħalissa? Kemm inħarġu sena b'sena matul l-aħħar leġislatura?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' passaporti diplomatiċi Maltin validi bħalissa hu ta' 375. L-informazzjoni li tinżamm dwar ħruġ ta' passaporti diplomatiċi hi sena b'sena u kif ġej:
Sena
2003 83
2004 123
2005 76
2006 69
2007 58
2008 36
TOTAL 445
Id-differenza ta' 70 hija ta' dawk il-passaporti li ġew irtirati matul il-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Gvern milli jiżgura li l-ex ħaddiema tal-kumpanija Sea Malta jieħdu madwar Lm1 miljun f'benefiċċji tat-terminazzjoni ta' l-impjieg u benefiċċji oħra dovuti lejhom skond il-Liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-Kosovo?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwestjoni dwar il-Kosovo hi kwestjoni li hi marbuta mas-sovranita' ta' pajjiż. Il-Gvern Malti qed isegwi l-iżviluppi fil-Kosova kif ukoll fis-Serbja, partikolarment wara l-elezzjonijiet parlamentari u lokali li saru f'Mejju u li bħalissa hemm konsultazzjonijiet bejn il-partiti kif ser jiffurmaw Gvern ġdid Serb. Il-Gvern għalhekk iddeċieda li jieħu deċiżjoni dwar il-Kosovo fil-ħin opportun.
Madankollu, jiena beħsibni nitlob li il-kwestjoni tal-Kosovo tiġi diskussa fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej sabiex flimkien neżaminaw u niddiskutu is-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa, ħalli il-Kumitat jagħti il-fehma tiegħu għal konsiderazzjoni tal-Gvern
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-gvern milli jieħu azzjoni konkreta dwar it-telqa u l-abbandun totali li hemm f'Wied il-Għomor fl-inħawi tas-Swieqi minħabba l-għadd kbir ta' ilmenti mir-residenti ta' l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li jekk l-abbandun u t-telqa li qed jirreferi għalihom l-Onor. Membru hu skart imwaddab illegalment dan l-aħħar f’Wied Għomor, dan issa tneħħa. Ix-xogħol sar mid-dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika minkejja li z-zona taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.
Effettivament, għand dan il-ministeru wasal biss ilment minn persuna waħda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, id-dawl tal-politika ġdida tal-gvern Taljan dwar l-immigrazzjoni llegali, sar xi tibdil ta' ideat jew diskussjonijiet min-naħa tal-Gvern Malti magħhom?
Response (BORG, TONIO)
Matul laqgħa informali li jiena kelli mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Taljan ġiet diskussa din il-kwestjoni, pero l-aktar fil-kontest tal-ftehim tad-29 ta' Diċembri 2007 bejn l-Italja u l-Libja dwar pattuljament fl-ibħra territorjali Libjani, liema ftehim għadu ma bediex jitwettaq. Il-Gvern Malti esprima interess f'dan il-ftehim, u stieden lill-Ministru Taljan, u anke dak Libjan biex possibilment jiltaqgħu f'Malta biex niddiskutu flimkien il-materja ta' immigrazzjoni irregolari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fuq livell bilaterali x'inhu l-pjan ta' azzjoni tal-Gvern Malti fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti qiegħed ikompli bl-isforzi biex jissaħħu dejjem iżjed ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Federazzjoni Russa, anki fil-kuntest tal-ħatra tal-President Dmitry Medvedev. Il-pjan tal-Gvern jimmira li jiġi konkluż, kemm jista' jkun malajr, il-ftehim bilaterali ghat-tneħħija tat-taxxa doppja, kif ukoll dak għall-protezzjoni u promozzjoni ta' l-investimenti. Dawn iż-żewġ proposti ta' ftehim bilaterali għandhom jiffaċilitaw u jkattru l-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ pajjizi. Diskussjonijiet huma għaddejjin ukoll biex jintalaħaq fteħim fuq il-ġlieda kontra l-kriminalita' organizzata.
Fl-isfond taż-żieda ta' ċittadini Russi li jżuru Malta kull sena, il-Gvern Malti qiegħed ukoll jaħdem biex jgħammar il-konsolat il-ġdid fil-kapitali Russa sabiex jiffaċilita ż-żjarat f'Malta għal raġunijiet ta' btala u studju.
Dawn l-oqsma ta' koperazzjoni se jkunu fil-fatt diskussi waqt żjara li sejjer jagħmel Malta fil-5 ta' Ġunju il-Viċi Ministru ta' l-Affarijiet Barranin għall-Affarijiet Ewropej Russu Alexander Grushko.
Billi l-Prim Ministru ftit ilu qal fil-programm "Dissett" li kien se jieħu passi biex jilqa' kontra dawk is-sidien li kienu qed jimpjegaw ħaddiema part-time li jkunu reġistrati bħala self employed, kif jirrikonċilja dan li issa ħareġ minn diversi tweġibiet parlamentari li dan l-abbuż kien qed isir saħansitra minn ministeri u dipartimenti tal-gvern innifsu, speċjalment qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern huwa mpenjat li jara li jieqfu l-prattiċi ta’ kuntratti fuq bażi self-employed intiżi biss biex il-ħaddiema ma jingħatawx il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li ħaqqhom.
Jista' l-Ministru jikkonferma li wara ħafna pubbliċita' li l-Airmalta kienet niedet titjiriet għal Benghazi fil-Libja issa hemm il-ħsieb li dawn jitwaqqfu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 206 u jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartimenti, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 208 u jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li sat-8 ta' Marzu 2008, fid-dipartiment u entitajiet li llum jiffurmaw parti mid-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, kien hemm 14 -il ħaddiem impjegati fuq bażi part-time u li huma reġistrati bħala self-employed mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u taħriġ.
Mid-data msemmija sa llum, jiena nfurmat li n-numru ta' ħaddiema mpjegati fuq bażi part-time baqa' l-istess.
Tajjeb jingħad li dawn il-ħaddiema kollha huma mill-professjoni legali u jagħtu servizz fil-Qrati tal-Ġustizzja.