Legislature:
Category:
Reset
Active:

Miżbla tal-Magħtab u Riċiklaġġ ta' Sant'Antnin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1699 u jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern biex residenti li jgħixu qrib il-miżbla tal-Magħtab u qrib l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin jingħataw sussidju speċjali mill-gvern fuq is-surcharge tal-kontijiet tad-dawl tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat,

Prezz tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1510 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid jekk sarux xi studji dwar l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żidiet fil-prezz tal-fuel u partikolarment tal-fatt li d-diesel issa sar jiswa iktar mill-petrol bla ċomb? F'każ li saru studji bħal dawn, jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pont Manwel Dimech

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1818 u 1509 u jgħid jekk tlestiex ir-rapport li kellu jsir mill-ADT dwar dak li seta' tefa' l-proġett tal-pont Manwel Dimech lura fit-tlestija tiegħu u jekk ir-rapport huwa lest, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat mill-ADT illi l-"Project Implementation Report" għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Eurostar Programme

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1501 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u cioe': B'referenza għall-Eurostar Programme ta' l-Unjoni Ewropea li huwa ntiż biex ikabbar l-investiment ta' l-SME's fir-riċerka, x'inhi r-raġuni li skond rapport maħruġ nhar il-25 ta' Ġunju, 2008 Malta ma tidhirx li hi parteċipi f'dan il-programm, minkejja li hemm bosta pajjiżi ġodda fl-UE inklużi bħal Ċipru u l-Istati Baltiċi kif ukoll pajjiżi mhux fl-UE bħall-Iżlanda, Izrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-waqt li għalissa huwa minnu li Malta tinvesti inqas minn pajjiżi oħra fir-Riċerka u l-Iżvilupp, fl-aħħar snin l-impenn tagħna f'dan il-qasam, permezz ta' l-MCST (il-Malta Council for Science and Technology) u entitajiet oħrajn, kiber b'mod sostanzjali u b'impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Parti importanti minn dan l-impenn ittieħed mill-Malta Enterprise li permezz tagħha, f'dawn l-aħħar sentejn, Malta pparteċipat fil-programm EUREKA. Ma nistgħux nitkellmu fuq il-EuroStars mingħajr ma nifhmu l-ewwel x’inhu l-programm EUREKA, li Malta qiegħda diġa’ tieħu sehem fih, u b’suċċess kif ħa naraw. L-għan ewlieni tal-EUREKA, li m'huwiex programm ta'l-UE, huwa biex jiżdied il-produttivita' u l-kompetittivita' ta' l-industrija fl-Ewropa, l-iktar permezz ta' innovazzjoni teknoloġika. Minn mindu beda dan il-programm, fl-1985, fondi sostanzjali, kemm pubbliċi u kemm mill-privat, ġew investiti fir-riċerka u fl-iżvilupp permezz ta' proġetti tal-EUREKA. Illum f'dan il-programm jieħdu sehem 38 pajjiż bħala membri sħaħ. Malta ssieħbet f'Ġunju ta' l-2006. Il-fondi pubbliċi tal-EUREKA huma fondi li jiġu mill- budgets tal-Gvernijiet tal-pajjiżi membri u jingħataw direttament minnhom. Ta' min jgħid ukoll li m'hemmx obbligu li l-pajjiżi membri jiddedikaw fondi ghal EUREKA, u fil-fatt mhux kull pajjiż jagħmel dan. F'Malta għandna baġit iddedikat għal EUREKA, amministrata kif għidna mill- Malta Enterprise . Il-burokrazzija fil-programm EUREKA tinżamm fl'livell minimu u fl-aħħar sentejn Malta kkommettiet 350,000 Euro li magħhom żdiedu 1.2 miljun Euro f'proġetti ta' riċerka u żvilupp investiti mis-settur privat. Dan minħabba li l-programm EUREKA ma jħallix li proġetti jigu ffinanzjati 100% minn fondi pubbliċi. Il-valur miżjud u l-benfiċċju ekonomiku ta' dawn il-proġetti żgur jista' jitqies bħala ħafna akbar mill-ammonti li ġew investiti. F’Malta hemm 9 kumpanniji li qed jibbenefikaw mill-fondi ddetikati għal EUREKA mogħtija mill- Malta Enterprise . Dawn il-kumpanniji qed jżidu il-fondi tagħhom ma dawn, kif ukoll il-fondi ta’ msieħba barranin peress li l-programm EUREKA jeħtieġ kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra membri. Il-proġetti ta' dawn il-kumpanniji Maltin se jgħinu biex il-prodotti ġodda tagħhom jkunu, mhux biss kummerċjalment vjabbli, iżda li jkollhom ukoll iżjed possibilitajiet li jikkompetu fi swieq internazzjonali. Niġu issa għall-programm EuroStars, li mhu xejn ħlief estensjoni tal-EUREKA u parti mill-istess programm! Is-sena l-oħra il-Kummissjoni ta' l-UE u l-EUREKA, ħolqu mekkaniżmu biex il-Kummissjoni jkun jista' jiffinanzja parzjlament proġetti tal-EUREKA (niftakru li l-programm EUREKA mhux programm ta' l-UE). Din hija l-ideja wara l-programm EuroStars, Proġetti biex jikkwalifikaw taħt il-EuroStars iridu, fost kundizzjonijiet oħra: · Ikollhom bħala msieħeb ewlieni kumpannija ta' daqs zgħir jew medju ( SMEs ), skond id-definizzjoni ta' l-UE, li tagħmel riċerka u żvilupp. · Jiġu minn pajjiz li qed jieħdu sehem fil-programm EUREKA; u · Jkollhom imsieħba li qed jinvestu 10% jew iktar mit-turnover annwali tagħhom f'attivitajiet ta' riċerka. Din il-kundizzjoni ta' l-aħħar tista' teskludi ħafna SMEs Maltin, jekk mhux kollha. Huwa fil-fatt diffiċli li f'Malta insibu kumpanniji li jinvestu 10% mit-turnover annwali tagħhom f'ricerka. Dan diġa' ġie kkommunikat b'mod uffiċjali lill-Kummisjoni ta' l-UE. MINKEJJA DAN, il- Malta Enterprise xorta waħda diġa' kkomunikat ukoll, lill-Kummissjoni, li fil-baġit tagħha tas-sena d-dieħla se taħseb biex tinkludi ammont biex tkopri l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-programm EuroStars. Sadanattant se nkomplu għaddejjin bis-suċċess li ksibna s'issa fil-EUREKA. Mill-2006 'l hawn il-fondi EUREKA kollha li ġew allokati minn Malta kienu utilizzati b'suċċess mill-kumpanniji li ħadu sehem fil-programm. Nikkonkludi billi ngħid li anki issa, peress li aħna membri fil-EUREKA, kumpanniji Maltin diġa’ jistgħu jieħdu sehem fil- EuroStars, dejjem jekk jridu jipproponu proġetti li huma eliġibbli. Kumpanniji li huma interessati jistgħu jmorru għand il- Malta Enterprise għal parir, kif ukoll għal assistenza finanzjarja.

Taxxi ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kif qed jintnefaq id-dħul tal-Gvern li jkun ġej mit-taxxi ambjentali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li €15.5 miljuni li jidħlu mill-eko-kontribuzzjoni fis-sena jagħmlu tajjeb għall-bicca l-kbira ta’ l-ispiża li l-Gvern joħroġ għall-implimentazzjoni ta’ l-immaniġjar ta’ l-iskart kollu ta’ Malta u Ghawdex, li tammonta għal xejn anqas minn €17.5 miljun fis-sena.
Leg 11 PQ #1933 Sitting 35 2008-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qala — Siġar tal-ħarrub

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-pulizija dwar dawk il-persuni li allegatament huma responsabbli mill-isfreġju li wettqu fil-Qala fir-rigward ta' siġar tal-ħarrub li huma protetti bil-liġi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ġie investigat mill-Pulizija. Infurmat ukoll illi nbdew proċeduri kriminali kontra sitt persuni, liema proċeduri għadhom pendenti.
Leg 11 PQ #1934 Sitting 35 2008-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' Fort Cambridge

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet loġika d-deċiżjoni tal-MEPA li tapprova l-proġett ta' Fort Cambridge qabel ma tlestew formalment għadd ta' studji ambjentali relevanti marbutin mal-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar Environmental Impact Assessment dwar l-applikazzjoni ta' Fort Cambridge qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-permess. Dan l-EIA kien jindirizza dawk l-impatti ambjentali kollha li rriżultaw li x'aktarx ikunu sinifikattivi wara li sar screening kif titlob Anness 3 tad-Direttiva ta’ l-UE dwar l-EIA. It-terms of reference għal dan l-EIA, kif ukoll ir-riżultati ta’ l-EIA innifsu, kienu soġġetta għal konsultazzjoni pubblika sħiħa skond kif titlob il-liġi u d-Direttiva. Il-proċess formali ta’ l-EIA għalhekk kien konkluż qabel ma’ l-applikazzjoni resqet għad-deċiżjoni tal-MEPA.
Leg 11 PQ #1943 Sitting 35 2008-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mawra fl-Awstralja

Question

Issa li għadda żmien konsiderevoli mill-mawra uffiċjali tal-Prim Ministru fl-Awstralja, jista' jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1532,1156 u 1101 u jagħti rendikont finanzjarju tan-nefqa totali fuq id-delegazzjoni kollha, inkluż biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni, ikel u spejjeż oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iż-żjara fl-Awstralja swiet €159,897.22 (Lm68,625.42). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Mistra — Diskoteka

Question

Billi f'xhieda fil-qorti, uffiċjal għoli tal-MEPA maħtur mill-Ministru xehed li kienet saritlu pressjoni qawwija dwar il-każ tad-diskoteka tal-Mistra, jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġiex mgħarraf dwar dan u jekk iva, x'passi ħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dan huwa każ li għadu sub-judice u mhux floku li jsiru kummenti.
Leg 11 PQ #1951 Sitting 35 2008-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diskoteka fil-Mistra — Spjegazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-Ministru preċedenti għall-Ambjent kienx talab spjegazzjoni formali mill-MEPA dwar dak kollu li deher fil-media dwar il-każ tad-diskoteka tal-Mistra fil-leġislatura l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif taf tajjeb il-Gvern mill-ewwel kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ta’ dakinhar.
Leg 11 PQ #1952 Sitting 35 2008-09-29 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett Fort Cambridge

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għall-allegazzjoni serja tal-kumitat tal-ġurnalisti u ta' l-istitut tal-ġurnalisti Maltin li l-inċident marbut mal-press release dwar l-approvazzjoni tal-proġett Fort Cambridge tefa' dubju serju fuq it-trasparenza u l-integrita' tal-laqgħa tal-bord tal-MEPA u ċ-chairman il-ġdid tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Visas għat-turisti mill-Ukranja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-kwestjoni dwar il-visas għat-turisti mill-Ukranja għadhiex kif kienet sa ftit tax-xhur ilu? Jekk iva, hemm xi ħsieb li dawn jitranġaw fix-xhur li ġejjin?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 772 waqt is-Seduta numru 18 tat-Tlieta, 17 ta' Ġunju 2008 liema Mistoqsija kienet tittratta l-istess suġġett.
Leg 11 PQ #1871 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fairmount

Question

Indipendentement mill-proċess ta' privatizzazzjoni li l-Gvern beħsiebu jniedi dwar it-Tarzna, ma jħossx l-Prim Ministru li huwa opportun li jordna inkjesta indipendenti dwar il-conversion contract tal-Fairmount fit-Tarzna ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1873 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Direct Action

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28493 tal-leġislatura l-oħra li kienet ġiet mwieġba mill-Ministru ta' dakinhar responsabbli mill-MEPA, x'qed iżomm lill-MEPA milli tieħu l-passi meħtieġa dwar il-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn allegatament qed jiġu akkomodati persuni barranin f'basement li dwaru suppost ittieħdet direct action, li jinsab taħt żewġ basements oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1874 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Riklamar fil-ġurnali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kunsiderazzjoni finanzjarja li qed tadotta l-MEPA dwar riklamar fil-ġurnali? Jekk dawn inbidlu milli kienu sa ftit żmien ilu, meta nbidlu u meta ġew fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità tippubblika żewġ tipi ta’ riklami fil-ġurnali, riklami li l-Awtorità hija marbuta legalment li tippubblika (kif speċifikat fl-Att dwar l-Ippjannar ta’ l-Iżvilupp) u riklami oħra li minn żmien għal ieħor l-Awtorità tippubblika bħala parti minn xi kampanja ta’ informazzjoni. L-ewwel tip ta’riklami huma direttament marbuta ma’ l-avviż ta’ l-applikazzjonijiet il-ġodda ta’ l-iżvilupp li l-Awtorità tirċievi ta’ kull ġimgħa. Dawn sa minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ l-Ippjanar sal-ġurnata ta’ llum dejjem ġew ippubblikati fil-gazzetta ta’ nhar ta’ Sibt The Malta Independent . F’Mejju tal-2007, l-Awtorità xtaqet tesplora l-possibilità li tibda tippubblika dawn l-avvizi f’gazzetta bil-Malti. Għalhekk l-Awtorità daħlet f’kuntratt mal- Management tal-gazzetta Illum għal perjodu ta’ sitt xhur. F’Ġunju 2008, l-Awtorità evalwat jekk dan l-avviz fuq din il-gazzetta kienx qed jilħaq il-mira tiegħu għal prezz li kienet qeghda tħallas. Fl-24 ta’ Ġunju l-Awtorità ddeċidiet li twaqqaf dan ir-riklam minħabba raġunijiet finanzjarji. It-tieni tip ta’ riklami, huma dawk ir-riklami li l-Awtorità tippubblika sabiex tinforma lill-pubbliku fuq xi inizzjattiva li tkun qegħda tipprommwovi jew għal xi kampanja ta’ informazzjoni li tkun qegħda tagħmel. F’dawn il-każi l-Awtorità timxi fuq il-prattika li tipprova tifrex ir-riklami fil-ġurnali kollha biex twassal il-messaġġ tagħha. Hawnhekk il-MEPA qegħda marbuta mad-daqs tal-kampanja kif ukoll il-finanzi li jkunu allokati għaliha.
Leg 11 PQ #1876 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Membri tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bl-istqarrija li ħarġu l-Pulizija dan l-aħħar dwar każ ta' użu eċċessiv tal-forza li allegatament kellu riħa qawwija ta' razzizzmu marbuta miegħu? X'passi qed tieħu l-Pulizja biex l-membri tagħha jevitaw każi oħra simili fil-ġejjieni, kif allegatament sar f'dawn l-aħħar jiem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qieghed jirreferi għall-allegazzjonijiet li saru dwar l-arrest ta’ raġel ġewwa Paċeville kmieni fil-għodu nhar id-29 ta’ Ġunju, ninsab infurmat li l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas da parti ta' xi uffiċjal/i tal-Pulzija għadha mhix konkluża, u għaldaqstant ma nħossx li għandi nikkumenta dwar dan il-każ.

Skola Sir Luigi Preziosi

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga lmenti ta' xi ġenituri ta' tfal li jattendu l-iskola Sir Luigi Preziosi f'St. Andrews dwar it-telqa u nuqqas ta' ndafa li hemm f'din l-iskola, tant li xi ġenituri huma mħassbin sew għax għandhom tfal li jbatu bi problemi ta' ġilda sensittiva? Huwa minnu li din l-iskola ser tiġi trasferita għal x'imkien ieħor? Jekk iva, meta u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Iskola sekondarja Pembroke, matul is-sajf, ser isiru xi xogħolijiet ta' manutenzzjoni u wara jsir it-tindif neċessarju biex l-iskola tkun lesta ħalli tilqa' fiha l-istudenti. Qed jittieħdu passi biex l-iskola jkollha servizz ta 'cleaners' li jagħmlu xogħolhom kif xieraq. Dwar il-futur ta’ l-iskola ta’ Pembroke irid jittiehed fl-ambitu ta’ l-iżviluppi li qed iseħħu fis-sistemi tal-kulleġġi.
Leg 11 PQ #1862 Sitting 33 2008-07-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Monitoraġġ tal-kwalita' ta' l-arja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid eżatt kemm hu n-numru ta' xjentisti u mpjegati oħra fil-MEPA nkarigati mill-monitoraġġ tal-kwalita' ta' l-arja f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fit-taqsima ta’ l-Arja tal-MEPA hemm żewġ persuni nkarigati direttament mill-monitoraġġ ta' l-arja. Dawn jikkonsistu minn xjentist u technician. Hemm ukoll żewġ impjegati oħra li jaħdmu fuq aspetti oħra ta’ l-implimentazzjoni tad-direttivi Ewropej f'dan il-qasam.

Kontroll ta' l-emissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-Enemalta sabiex tikkontrolla l-varji tipi ta' emissjonijiet mill-power stations tal-Marsa u Delimara? Jista' jikkonferma jekk l-apparat għall-kontroll ta' l-emissjonijiet hux qiegħed jopera kif suppost kemm fl-impjant tal-Marsa u dak ta' Delimara? Meta kien l-aħħar darba li sar il-manteniment ta' dan l-apparat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Irriċikla t-Tlieta

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi ħsieb li l-iskema "Irriċikla t-Tlieta" tibda titħaddem għal aktar minn darba fil-ġimgħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Membru li għalissa m’hemm l-ebda ħsieb li l-iskema "Irriċikla t-Tlieta" tibda titħaddem għal aktar minn darba fil-ġimgħa.