Legislature:
Category:
Reset
Active:

Part-Time Kindergarten Assistant

Question

Is-Sinjura, li isimha qed jintbagħat separatament, ilha mpjegata mal-Gvern bħala part-time kindergarten assistant (KG1) sa minn April, 1987 u minn dak iż-żmien hija baqgħet fuq l-istess Skala 15. Madankollu l-ħinijiet li s-Sinjura taħdem huma l-istess bħal dawk ta' ħaddiem full time fl-istess xogħol, mingħajr ma l-paga tagħha tirrifletti dan. Tista' l-Ministru tara li din l-anomalija tiġi eliminata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-persuna li isimha intbagħat separatament baqgħat fl-istess skala 15 bi grad part-time għaliex hi qatt ma kienet eliġibbli biex tapplika għal full-time Kindergarten Assistant minħabba nuqqas ta’ kwalifiki. Minn meta bdiet taħdem bħala Casual Kindergarten Assistant saru ħafna korsijiet professjonali sabiex dawk li kienu part-time jew casual u li attendew dawn il-korsijiet b’suċċess setgħu japplikaw għal diversi sejħiet tal-P.S.C. sabiex saru full-time izda l-persuna qatt ma attendiet dawn il-korsijiet.
Leg 11 PQ #2260 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jiġu ppubblikati u anke jiġu fis-seħħ regolamenti dwar is-security officers u bouncers li jkun hemm fil-bars u night clubs Maltin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement il-Ministeru qiegħed fil-proċess li jagħmel evalwazzjoni interna dwar l-emendi leġislattivi neċessarji sabiex ikunu regolati l-attivitajiet ta’ security officers u bouncers ingaġġati minn bars u nightclubs. Hemm il-ħsieb li l-emendi neċessarji, li għandhom jistipulaw kemm id-dmirijiet ta’ dawn il- persuni, kif ukoll it-taħriġ u l-permessi li jkollhom bżonn sabiex jippratikaw l-attivita’ tagħhom jiġu ppublikati u fis-seħħ matul is- sena 2009.
Leg 11 PQ #2261 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Home Equity Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija titħabbar il-Home Equity Scheme mill-ġdid? Meta se tiġi fis-seħħ? Kif se jinbidlu l-parametri tagħha, jekk fil-fatt se jinbidlu?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Awtorita’ lestiet il-proposti tar-ristrutturazzjoni ta’ l-iskema u dawn għandhom jiġu pubblikati fi żmien qasir wara li jiġu approvati mill-kabinett.
Leg 11 PQ #2262 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ditti li jimpjegaw nies b'diżabilita' — Skema ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ETC se ddaħħal jew diġa' daħħlet fis-seħħ skema ġdida ta' sussidju għal dawk id-ditti kollha li jimpjegaw għal żmien definit magħhom ħaddiema li huma registered disabled? Jekk iva, x'inhuma l-parametri u l-kondizzjonijiet ta' din l-iskema?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ qed taħdem biex tniedi skema ġdida ta’ sussidju għal dawk id-ditti u entitajiet li jimpjegaw persuni li qegħdin jirreġistraw bħala disabled persons. Dettalji dwar din l-iskema jitħabbru aktar il-quddiem wara li dawn jiġu finalizzati.

Marsa Power Station

Question

Jista' l-Ministru jagħti data definita ta' meta mistennija tagħlaq il-power station tal-Marsa? X'inhuma l-pjani biex tissaħħaħ il-power station ta' Delimara fid-dawl ta' l-għeluq tal-power station tal-Marsa? Meta hu mistenni li din il-plantjew plant extension il-ġdida tiġi fis-seħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-impjant tal-Marsa Power Station jista’ jibqa’ jopera għal 20,000 siegħa li jibdew minn l-1 ta’ Jannar 2008 u jieqaf mhux iktar tard mil-31 ta’ Dicembru 2015. Mhux possibbli għalissa li tingħata d-data definita ta’ meta tingħalaq il-Marsa Power Station. Huwa ppjanat li tiżdied il-kapacċita’ ta’ Delimara Power Station kif inhu indikat fil-Generation Plan (2006-2015) u barra minn hekk hu ppjanat li jigi nstallat sub interconnector għal Sqallija fl-istess żmien. Fil-preżent Enemalta qiegħa tiffanaliżża diskussjonijiet ma’ ‘tenderers’ għal impjant ġdid ta’ 100MW li hu maħsub li se jiġi nstallat f' Delimara Power Station sal-aħħar tas-sena 2010.

Nirtrati fl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti u effettivi qed jieħu l-Gvern biex irażżan iż-żieda fin-nitrati fl-ilma kif ukoll biex jindirizza l-problema li dejjem qed tikber - iżjed u iżjed bħalissa minħabba l-prezz ta' l-ilma - tal-mod li bih qed jittella' l-ilma bla kontroll b'mod illegali madwar Malta u Għawdex? Il-Gvern jaf kemm jeżistu boreholes u spieri f'pajjiżna u x'beħsiebu jagħmel biex jindirizza din il-kwestjoni mill-aspett idroloġiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-KSI ilha tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex ittaffi l-effetti ta’ nitrati żejda fl-ilma li jittella’ mill-art. Fil-fatt, l-ilma li jittella’ mill-pjan jiġi ppumpjat dirett fil-ġibjuni fejn dan jitħallat ma’ l-ilma prodott mill-Impjanti tar-RO. Dan ta’ l-aħħar ma jkunx fih nitrati u b’hekk, il-KSI tista’ tassigura li n-nitrati fit-taħlita qatt ma jaqbżu l-livelli permessi mill-liġi. Dan il-proċess hu mgħasses kontinwament kemm mill-laboratorju tal-KSI kif ukoll mid-Dipartiment tas-Saħħa u l-MRA. Għall-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #2151 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fond dwar l-Ambjent

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1857 u jagħti d-dettalji kollha dwar kif qed jiġu implimentati l-provizjonijiet kollha minn Taqsima VIII ta' l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent fir-rigward tal-Fond dwar l-Ambjent? Jista' jipprovdi d-dettalji kollha dwar il-qagħda finanzjarja ta' dan il-fond u dwar kif dawn il-fondi qed ikunu amministrati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #2152 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Politika Nazzjonali għall-Enerġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1858 u jispjega x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern għall-proposta ta' Politika Nazzjonali għall-Enerġija li tmur lura għal Settembru 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kontroll ta' l-emissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1864 u jgħid x'miżuri qed tieħu l-Enemalta sabiex tikkontrolla l-varji tipi ta' emissjonijiet mill-power stations tal-Marsa u Delimara? Jista' jikkonferma jekk l-apparat għall-kontroll ta' l-emissjonijiet hux qiegħed jopera kif suppost kemm fl-impjant tal-Marsa u dak ta' Delimara? Meta kien l-aħħar darba li sar il-manteniment ta' dan l-apparat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Enemalta dejjem tara li tnaqqas l-emissions kemm jista’ jkun permezz ta’ diversi misuri nkluz it-tip ta’ ‘fuel’ li jinxtara u tara li ssir manutenzjoni fuq l-impjant b’mod regolari. L-impjant kollu, kemm dak tal-generation kif ukoll tal-‘emissions control’ qegħdin jaħdmu tajjeb u l-manutenzjoni ssir regolari hekk kif huwa mitlub mil-manifattur tal-impjant.
Leg 11 PQ #2188 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Direct Action

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1873 u cioe': B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28493 tal-leġislatura l-oħra li kienet ġiet mwieġba mill-Ministru ta' dakinhar responsabbli mill-MEPA, x'qed iżomm lill-MEPA milli tieħu l-passi meħtieġa dwar il-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn allegatament qed jiġu akkomodati persuni barranin f'basement li dwaru suppost ittieħdet direct action, li jinsab taħt żewġ basements oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Eurostar Programme

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1823 u 1501 u cioe': B'referenza għall-Eurostar Programme ta' l-Unjoni Ewropea li huwa ntiż biex ikabbar l-investiment ta' l-SME's fir-riċerka, x'inhi r-raġuni li skond rapport maħruġ nhar il-25 ta' Ġunju, 2008 Malta ma tidhirx li hi parteċipi f'dan il-programm, minkejja li hemm bosta pajjiżi ġodda fl-UE inklużi bħal Ċipru u l-Istati Baltiċi kif ukoll pajjiżi mhux fl-UE bħall-Iżlanda, Izrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1823.
Leg 11 PQ #2035 Sitting 37 2008-10-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Criminal Justice Data Collection Mechanism

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 1511, fid-dawl ta' diversi rapporti dwar dan is-suġġett li dehru fil-media lokali, u kif indikat ukoll fil-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari tas-Seduta 29 li jien qajjimt u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru issa jirrispondi din il-mistoqsija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Grazzi għall-intervent tal-Onor. Interpellant, ittraċċajna l-artiklu li deher f'ġurnal lokali. L-artiklu jagħmel referenza għal rapport li bħalissa għadu qiegħed jiġi eżaminat mill-uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi. Huwa minnu li hemm spazju għal titjib fil-mod ta' kif qiegħda tinżamm il-Criminal Justice Data fuq krimini razzjali ġewwa Malta. Fid-dawl ta' dan, m'inhix neskludi l-possibbilita' li wara li jkunu saru r-riċerki u r-rakkomandazzjonijiet, nieħdu passi sabiex nintroduċu sistema għal ġbir ta’ informazzjoni dwar il-krimini razzjali f’ pajjiżna. Sistema komprensiva ta' rappurtaġġ f'dan il-qasam isservi bħala termometru biex tiġi mkejla l-problema, iżda tgħin ukoll fit-tfassil sussegwenti ta' politika sabiex tindirizzaha. Għaldaqstant, qabel ma jitwettaq dan it-titjib fis-sistema preżenti, li allura jwassal sabiex ikollna ndikazzjonijiet ċari dwar il-livell realistiku ta' krimini razzjali ġewwa pajjiżna, mhux possibbli f'dan l-istadju li nikkummenta fuq l-aħħar parti tal-mistoqsija.

Tnaqqis ta' taxxa doppja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-ftehim għat-tnaqqis tat-taxxa doppja bejn Malta u l-Federazzjoni Russa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim għat-tnaqqis tat-taxxa doppja bejn Malta u l-Federazzjoni Russa kien ġie ffirmat fil-15 ta' Diċembru 2000. Dan għadu ma daħalx fis-seħħ għax għadu mhux ratifikat.

End of Life Vehicle Systems

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni li qed tiġi pproċessata għall-End of Life Vehicle Systems taħt l-isem ta’ kumpannija bl-istess isem li ġiet sottomessa għadd ta’ xhur ilu u li għandha r-referenza tal-Malta Enterprise 6087?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise mhix f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni fuq l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet li tirċievi għax hija koperta bis-segretezza uffiċjali skond Artikolu 33 tal-Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta. Għaldaqstant fuq nota ġenerali ta’ min wieħed jgħid li l-applikazzjonijiet li jeħtieġu art għal riċiklaġġ, iridu l-ewwel jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.
Leg 11 PQ #2087 Sitting 37 2008-10-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Talba għal-liċenzja ta' security guard

Question

Jista' l-Ministru jindika meta ser jinstema' l-appell tat-talba għal-liċenzja ta’ security guard minn persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema talba diga’ ġiet rifjutata mill-pulizija għax għadu jaħdem mal-Gvern? Din it-talba saret għaliex dan dalwaqt joħroġ bil-leaveqabel l-irtirar u għandu bżonn urġenti ta’din il-liċenzja għal meta jirtira, aktar u aktar billi m'hemm ebda konflitt max-xogħol li qed jagħmel preżentement.

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi ma tippermettix li persuna f'impjieg pubbliku takkwista liċenzja ta' gwardjan privat.

Taxxi ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1855 u jagħti dettalji ta' kif qed jintnefaq id-dħul tal-Gvern li jkun ġej mit-taxxi ambjentali?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parmanentari numru 1855.

Energy efficiency measures

Question

Jista' l-Ministru jelenka dawk il-każi kollha fejn il-Gvern Malti huwa mifhum li jinjora direttivi ta' l-Unjoni Ewropea dwar energy efficiency u sostenibilita' fejn b'riżultat għall-akkuża f'dan ir-rigward minn idroloġista prominenti fil-gżejjer Maltin, uffiċjal għoli tal-MEPA ġab l-iskuża li l-MEPA kienet għadha għaddejja minn learning curve?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-gvern qatt ma jinjora direttivi ta' l-Unjoni Ewropea dwar energy efficiency u sostennibilità.
Leg 11 PQ #1954 Sitting 36 2008-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

State of the Environment Report

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jiġi ppubblikat l-iState of the Environment Report li jmiss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa mistenni li r-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent 2008 ser jiġi ppublikat fl-ewwel nofs tas-sena 2009.
Leg 11 PQ #1955 Sitting 36 2008-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Noise and light pollution

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-istrateġija tal-Gvern dwar tniġġiż tal-ħsejjes u tad-dawl (noise and light pollution)? X'action plan qed jiġi implimentat bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li sabiex Malta tkun tista’ tilħaq l-obbligi tagħha fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/49/KE dwar il-Ħsejjes Ambjentali, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħa toħroġ tender sabiex fost affarijiet oħra, jiġu stabbiliti metodi li ħa jintużaw għall-istabbiliment tal-mapep tal-ħsejjes ambjentali, kif ukoll pjani ta’ miżuri ta’ tnaqqis tal-ħsejjes ambjentali. Għad ma jeżisti l-ebda qafas legali f’livell Ewropew dwar tniġġiż mid-dawl. Madanakollu, f'zoni sensittivi mill-aspett ambjentali, l-istudju tal-impatti mid-dwal huma parti importanti mill-Istudju tal-Impatt Ambjentali (EIA).