Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #11615 Sitting 152 2009-10-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ombudsman — deċiżjonijiet meħuda

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11430 u jgħid kemm hemm deċiżjonijiet tal-Ombudsman li l-Gvern għadu ma implimentax? Jista' jagħti r-raġunijiet għal dan, każ b'każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta.

Online security u anti spam measures

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11431 u ċioe: fid-dawl ta' rapporti li skond l-Unjoni Ewropea pajjiżna waqa' lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' online security u anti spam measures, jista' l-Ministru jgħid x'passi effettivi mistennija jittieħdu fil-ġejjieni qarib? Hemm xi ħsieb li wara discussion paper dwar l-ispam li kienet tqassmet fin-NISCO ferm qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, titressaq leġislazzjoni komprensiva li tinkludi provedimenti għall-prosekuzzjoni għal min jagħmel kontravenzjonijiet ta' spam, spyware u malware?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — ex chairman

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11436 u jikkonferma rapporti li dehru fil-media lokali li ex-chairman tal-Awtorità dwar it-Trasport u llum kunsillier tal-Partit Nazzjonalista talbu jniedi inkjesta indipendenti dwar il-proċess li bih imxiet l-Awtorità fil-kwestjoni tal-liċenzjar tal-karrozzi double deckers? Jista' jgħid x'deċiżjoni ttieħdet min-naħa tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Sa fejn naf jien, ma rċevejt ebda email jew ittra fis-sens imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Furjana — Awtorità dwar it-Trasport - direttorat tal-liċenzji u ttestjar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11433 u jgħid x'passi qed tieħu l-Awtorità dwar it-Trasport biex trażżan u tnaqqas il-ħin twil li membri tal-pubbliku jkollhom jqattgħu biex jinqdew mid-direttorat tal-liċenzji u ttestjar tal-Awtorità dwar it-Trasport, il-Furjana?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta kommessa li tagħti l-aqwa servizz lill-klijenti, u dan fl-inqas ħin possibli. L-għan prinċipali tal-Gvern hu li s-servizzi kollha li jingħataw mid-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet isiru kollha online. Is-servizzi li jingħataw mill-uffiċini tal-Liċenzji huma; · Tiġdid tal-liċenzja tal-vettura – fejn 96 % tal-tiġdid jsiru kollha online . · Reġistrazzjoni ta’ vetturi – 65 % tal-vetturi jiġu reġistrati online u l-kumplament jiġu rreġistrati f’mhux iktar tard minn jumejn wara. · Transfers, garaging u scrapping ta’ vettura. - L-Awtorità dwar it-Trasport għadha kif ħarġet sejħa għall-offerti sabiex dawn is-servizzi jkunu jistgħu jsiru kollha online wkoll. L-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta qed taħdem fuq pjan sabiex iżżid l-ammont ta’ servizzi li tista’ toffri online kif ukoll qed tistudja il-proċessi tagħha bil-għan li jitnaqqas il-ħin li klijent jistenna. Ninforma wkoll lil Onor Interpellant illi skond stħarriġ xjentifiku li sar fl-uffiċji tad-Direttorat tal-Licenzji u Ttestijiet fit-tieni ġimgħa t’Ottubru 2009 - 68 % tal pubbliku inqeda f’inqas minn 30 minuta.

Freeport — traffikar ta' bullets f'containers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11432, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk apparti mill-każ riċenti fejn instabu containers b'bullet casings fil-Freeport, il-Gvern fix-xhur mgħoddija kellux każi oħra fejn irċieva intelligence reports minn gvernijiet barranin dwar traffikar simili? Jekk iva, f'liema każi u x'kien l-eżitu min-naħa tiegħu? Liema kienu l-pajjiżi konċernati f'kull każ? Kien hemm każi fejn sar ship boarding fuq vapuri reġistrati f'pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fix-xhur imgħoddija d-Dwana ma rċeviet l-ebda intelligence report minn gvernijiet barranin dwar traffikar simili. Dwar ship boarding, d-Dwana qatt ma kienet involuta f’azzjoni simili.

inizjattivi biex il-qasam tal-informatika jkun aktar energy efficient

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux qed jippjana xi inizjattivi marbutin mas-sejħa tal-Unjoni Ewropea biex il-qasam tal-informatika jkun 20% aktar energy efficient sas-sena 2015, aktar u aktar billi l-apparat u s-servizzi tal-informatika huma responsabbli għal 8% tal-power elettriku użat fl-Unjoni Ewropea u madwar 2% tal-carbon emissions?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern huwa kommess li jindirizza l-kwistjoni ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija fil-qasam tal-informatika, b’responsabbilta u b’mod li jibbilancja l-investiment necessarju ma’ l-aspetti ambjentali, partikoarment fejn jidhol l-operat ta’ l-informatika tieghu. Aktar kmieni din is-sena, il-Ministeru tiegħi nkariga lil MITA biex tmexxi Green ICT Working Group bil-għan li joħroġ bi proposti ta’ kif jista’ jitnaqqas l-impatt tal-informatika fuq l-ambjent, u jħares ukoll lejn kif l-użu ta’ l-informatika jista’ jnaqqas l-impatt ambjentali ta’ oqsma oħra, ngħidu aħna bħal dak tat-trasport. Dan il- Working Group huwa kompost minn rapreżentazzjoni mis-Settur Publiku u mis-Settur Privat, u x-xogħol tiegħu huwa ggwidat minn Direttivi u Kommunikazzjonijiet oħra publikati mill-Unjoni Ewropea, bħal: · 2006/32/EC – Directive on energy end-use efficiency and energy services · COM(2008) 241 final – Addressing the challenge of energy efficiency through Information and Communication Technologies · COM(2009) 111 final – Mobilising ICT to facilitate the transition to an energy-efficient, low-carbon economy kif ukoll minn parteċipazzjoni tal-MITA f’ Task Force tal- European Policy Centre dwar ICT for a Green Economy . Dan ix-xogħol ser jirriżulta fi tfassil ta’ white paper li għandha tinħareġ għal konsultazzjoni pubblika u twassal għall-identifikazzjoni ta’ numru ta’ proġetti u fil-formulazzjoni tal-politika nazzjonali dwar l-użu ta’ l-informatika biex jitnaqqsu l-konsum tal-elettriku kif ukoll l-emmissjonijiet ta’ CO2. Fl-istess waqt il-MITA qiegħda tistudja kif tista’ tuża teknoliġiji aktar effiċjenti biex tnaqqas l-impatt ta’ l-operat tad-data centres tal-Gvern f’termini ta’ emmissjonijiet li huma l-aktar element fis-sistema sħiħa li jutiliżża elettriku fl-operat tiegħu.

laqgħa ministerjali dwar l-enerġija alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem ħadet Malta fil-laqgħa ministerjali dwar l-enerġija alternattiva li organizzat il-Kummissjoni Ewropea nhar id-9 ta’ Ottubru 2009 dwar koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-Mediterran u dawk tal-Golf Għarbi f’dan il-qasam? Jista’ jgħid jekk kenitx rappreżentata fuq livell ministerjali u jekk le, għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li għal-laqgħa msemmija, jien m’attendejtx minħabba impenji oħra iktar urġenti. Però għal-laqgħa attendew is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar ir-Riżorsi u d-Direttur responsabbli mill-Enerġija ta’ l-istess Awtorità flimkien ma’ uffiċjal mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussel.
Leg 11 PQ #11610 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Persuna li mhix perit

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11321 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10383, jista' jgħid jekk qatt saru xi investigazzjonijiet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jaraw kemm kien hemm compliance certificates mill-periti li ma kenux in order u korretti? Jekk iva, kemm-il każ irriżulta lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u x'passi ttieħdu dwar dan? Rigward il-każ involut, jista' jgħid jekk kienx hemm eżitu ta' xi investigazzjonijiet mill-pulizija billi huwa allegat li din il-persuna tiffrekwenta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar b'ċertu awtorità u prepotenza anki fuq il-ħaddiema konċernati? Kemm kien hemm compliance certificate applications fis-snin 2007-2008 u din is-sena sal-lum? Kemm minnhom ġew rifjutati bil-konsegwenza li l-complaince certificate ġie miċħud?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li tiġi analizzata talba għall-Compliance Certificate, li bilfors trid issir minn perit, l-Awtorità tista`, jew: taċċetta t-talba, jew tirritorna t-talba u tagħti ftit ġimgħat ċans biex dak li jkun ikun jista' jagħti xi informazzjoni jew rikjesti oħra li jkunu nieqsa, jew tirrifjuta t-talba. Jekk it-talba tiġi rritornata u l-affarijiet li jintalbu ma jingħatawx fiż-żmien, it-talba awtomatikament taqa'. Għadd ta' talbiet għall- Compliance Certificates ma jkunux f'pożizzjoni li jiġu aċċettati. Skont is-sistema diġitali tal-MEPA, bejn l-2007 u l-14 t'Ottubru 2009, ġew sottomessi medja ta' kważi 750 talba għall- Compliance Certificates fix-xahar, li tammonta għal total ta' 24,851 talba. Minn dawn, 20,774 (jew kważi 84% tat-talbiet kollha) ġew aċċettati jew mill-ewwel jew wara li jittranġaw affarijiet fl-applikazzjoni jew jinġibu iktar rekwiżiti. Hemm 692 (jew kważi 3% mit-talbiet kollha) li jew ġew irtirati mill-applikanti jew għadhom qed jiġu pproċessati. Id-differenza, jiġifieri 3,385 (jew 14% mit-talbiet kollha) ġew jew rifjutati, jew irritornati u awtomatikament irrifjutati wara li ma kienux sodisfatti r-rekwiżiti biex jinħareġ il- Compliance Certificate . L-Awtorità ma investigatx il-periti ta' dawn it-3,385 talba għal Compliance Certificate li ma kienux aċċettati. Però ttieħdu diversi miżuri amministrattivi biex jitnaqqas il-possibiltà t'abbuż mis-sistema.
Leg 11 PQ #11611 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' Renzo Piano — pubblikar tal-kuntratt

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11348 u ċioe: mingħajr ma nidħol fil-merti tal-proġett ta’ Renzo Piano, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk il-ġurnalisti u membri tal-NGOs jew NGO partikulari, li xi ftit xhur ilu ġew mistiedna biex imorru Pariġi sabiex jiltaqgħu ma’ Renzo Piano? Għalkemm il-Gvern qed jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt konċernat ma’ Renzo Piano minħabba dawk li qed jissejħu raġunijiet ta’ natura kummerċjali, ma jħossx li f’ġieħ it-trasparenza dan għandu jiġi ppubblikat minnufih, aktar u aktar billi kull kuntratt kummerċjali suppost li huwa suġġett għar-regolamenti tal- public procurement? Fil-fehma tiegħi dan kollu għandu jsir pubbliku minnufih mingħajr ma fl-ebda mod jippreġudika l-proġett jew jidħol fil-merti tiegħu.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #11612 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Parking metres

Question

B'referenza għat-tweġieba tal-misoqsija parlamentari 11427, jista' l-Prim Ministru jgħid jek sarux xi feasibility study simili fil-kuntest tal-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali m’għamel l-ebda feasibility study dwar parking meters fil-kuntest tal-Kunsilli Lokali.
Leg 11 PQ #11613 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt ma' Media Consulta

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11428 u jagħti r-raġuni vera għaliex intilfu fondi tal-Unjoni Ewropea marbutin mal-kuntratt miljunarju ma' Media Consulta fil-qasam turistiku? Jista' dan kollu b'xi mod ikun marbut mal-fatt li dawn il-fondi setgħu intilfu minħabba li l-prestazzjoni tal-kumpanija internazzjonali ma kenitx hekk kif stipulata fil-kuntratt? Jista' jikkonferma jekk sarx due diligence xieraq u adegwat min-naħa tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni strateġika li tintgħażel Media Consulta meta kien hemm dubju dwar l-operat tagħha internazzjonali sa minn qabel ma ttieħed il-kuntratt? Hemm xi kumpaniji u/jew individwi Maltin li ġew identifikati bħala rappreżentanti ta' Media Consulta? Jista' l-Gvern iserraħ ras iċ-ċittadini Maltin li ma kien hemm l-ebda għamla ta' undue pressures biex tintgħażel din il-kumpanija kif oriġinarjament sar? Kemm effettivament tħallset Media Consulta indipendement mill-fondi li ma waslux mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Malta ma tilfet l-ebda fondi mit-800 miljun Ewro miksuba mill-Unjoni Ewropea la minħabba l-Media Consulta u lanqas minħabba xi raġuni oħra. Sa fejn ninsab infurmat, fl-ebda ħin ma kienu espressi dubji dwar l-operat internazzjonali tal-Media Consulta qabel ma ngħata l-kuntratt, speċjalment minħabba l-fatt illi l-għażla aħħarija ta’ din il-kumpanija kienet żvelata biss ftit jiem qabel ma kellu jidħol fis-seħħ l-istess kuntratt. Mhux talli sar due diligence minn qabel, iżda l-proċess kollu ta’ għażla ta’ kumpanija internazzjonali tar-reklamar saret b’reqqa kbira, fejn f’kull stadju tal-proċess ġew miflija b’dettal kbir il-kumpaniji kollha ‘short-listed’. Biżżejjed wieħed igħid illi l-proċess kollu dam l-fuq minn 16-il xahar biex ikun konkluż. Il-kumpanija Media Consulta għandha fergħa hawn Malta, fost l-oħrajn, u din naturalment tirrapreżenta s-sede prinċipali tal-Media Consulta f’pajjiżna. Nista’ nassigura lill-Onorevoli nterpellant illi fl-ebda ħin u bl-ebda mod u manjiera ma saret pressjoni ta’ ebda xorta fuq il-bord tal-għażla sabiex tintgħażel la din u la ebda kumpanija oħra waqt il-proċess tal-għażla. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi sena b’sena l-flus li rċeviet Media Consulta mingħand l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta. Dawn huma pagamenti għax-xogħol li għamlet Media Consulta għall-MTA.

Drainage department — concrete slab

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-drainage department qed jgħidu li l-concrete slab li hemm quddiem l-garaxx, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, irid jissewwa mill-inkwilini minkejja li din inkisret b'wear and tear normali, fosthom użu tal-pavimentar ikkonċernat, minkejja li ilha miksura żmien twil u ilha fi stat perikoluż minn April li għadda, tant li biex tinħareġ karozza qed jkollha tintuża biċċa plywood biex isserraħ fuqha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni jirriżulta li din il-concrete slab li hemm quddiem il-garaxx hija proprjetà tal-inkwilini.
Leg 11 PQ #11437 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — Waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern biex is-settur privat jiġi nvolut f'ħidma mal-Gvern biex jinqatgħu l-waiting lists fl-Isptar Mater Dei? Jekk diġà hemm xi arranġamenti simili, jista' jgħid meta u ma' min intlaħqu u abbażi ta' liema termini?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Monitoraġġ — voucher tal-bozoz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sistema ta' moniteraġġ beħsiebu jaddotta l-Gvern biex ikun jaf kemm issarrfu vouchers tal-bozoz b'xejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru lis-sistema hija waħda sempliċi, billi jinqara l-barcode li hemm fuq kull voucher hekk kif il-vouchers ikunu ppreżentati lill-MRA.

Università ta' Malta — tender għall-canteen

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta mistenni jiġi aġġudikat it-tender tal-canteen tal-Università, aktar u aktar billi l-operatur preċedenti għadu joperah minkejja li ilha li bdiet sena skolastika ġdida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess tal-aġġudikar tat-tender tal-canteen tal-Università huwa mistenni li jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 11 PQ #11440 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

regolamenti dwar bouncers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-regolamenti ġodda dwar bouncers humiex se jkunu koperti minn legislazzjoni komprensiva li tiġi diskussa fil-Parlament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-intenzjoni hija li r-regolamenti ġodda dwar bouncers se jkunu koperti minn leġislazzjoni kompressiva li tiġi diskussa fil-Parlament.

waste management strategy — implimentazzjoni

Question

Billi l-Gvern diġa’ beda jimplimenta partijiet mill-waste management strategy li ġiet ippubblikata f’forma ta’ abbozz aktar kmieni din is-sena, bħal per eżempju tariffi ġodda astronomiċi dwar użu ta’ landfills eċċ., jista' l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li l-istrateġija qed tibda tiġi implimentata mingħajr ma tiġi formalment approvata u diskussa fil-Parlament? Kien hemm qbil mal-i stakeholders dwar dan, specjalment billi diversi NGOs u anke organizzazzjonijiet bħall-GRTU kienu tkellmu kontra l-inċinerazzjoni? Il-Kabinett addotta u approva l- Waste Management Plan for the Maltese Islands li kien ħareġ f’forma ta’ consultation document kif ukoll l-iStrateġija Nazzjonali dwar l-Iskart li ħarġet f’forma ta’ dokument ta’ konsultazzjoni? X’sar mit-talba tal-Oppożizzjoni Laburista biex ikun hemm studji serji u indipendenti fuq l-impatt li l-introduzzjoni ta’ inċineratur fin-Nofsinhar ta’ Malta jista' jkollu fuq is-saħħa u l-ambjent tar-residenti tal-inħawi? Jista' jgħid jekk sal-lum il-Wasteserve jew il-Ministeru għamlux xi stħarriġ, kuntatti formali, jew informali sabiex jaraw jistgħux iġibu fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett? Dan kollu kif jorbot mal-i Strategic Environmental Aseessment (SEA) li kien sar? L- Environment Impact Assessment konċernat kien sar jew le, u jekk iva, x’kienu l-konklużjonijiet tiegħu? Jekk le, meta mistenni jiġi konkluż? Liema ditta qed tagħmel l- Environment Impact Assessment konċernat jekk dan inbeda? Jekk dan kollu huwa minnu, kif jista' wieħed jispjega l-fatt li l- proposal for an energy policy plan for Malta li għadu kif ikkonferma l-Awditur Ġenerali f’forma ta’ abbozz, il-Gvern innifsu għadu ma approvahx formalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lit-taħdidiet dwar ir-reviżjonijiet fit-tariffi bdew jiġu diskussi wara l-baġit li thabbar f’Novembru li għadda meta l-Gvern kien diġà għamel allokazzjoni lill-kunsilli lokali għal dawn iż-żidiet. L-abbozz ta’ strateġija inħareġ fl-aħħar ta’ Jannar 2009, ferm wara li saret il-previżjoni għat-tariffi l-ġodda. Minkejja dan, bħalma suppost jaf l-Onorevoli Membru, l-ebda strateġija tal-iskart li hi msejjsa fuq il-prinċipju tar-riċiklaġġ, ma tista’ tkun sostenibbli jekk mhux ħa tippenalizza lil min jarmi fil-landfill. Għalhekk, l-abbozz ta’ strateġija jagħmel riferenza għat-tariffi l-ġodda wkoll. L-Abbozz ta’ Strateġija qed jiġi finalizzat fid-dawl tal-kummenti li daħlu u meta dan iseħħ, ikun jista’ jiġi diskuss fil-Parlament. Tajjeb jingħad li filwaqt li l-Gvern irċieva diversi kummenti minn għaqdiet dwar dan l-abbozz, ma rċieva l-ebda reazzjoni formali mill-Oppożizzjoni għal dan id-dokument waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika. L-istess jista’ jingħad għall-Waste Management Plan for the Maltese Islands li wkoll qed jiġi finalizzat wara l-konsultazzjoni pubblika li saret. L-istudji msemmija dwar l-inċineratur fin-nofsinhar ta’ Malta jsiru wara li tiġi approvata l-Istrateġija u wara li ssir l-applikazzjoni lill-MEPA. Mhux maħsub li jintużaw fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett u dan kollu jorbot mal-SEA li kien sar. Ta’ min ifakkar li l-ħtieġa ta’ l-Inċineratur għall-frazzjoni żgħira ta’ skart li jiġġenera pajjiżna, joħroġ mill-Abbozz ta’ Strateġija dwar l-Immaniġġar tal-Iskart u mhux mill-Abbozz ta’ Strateġija għall-Enerġija (għalkemm din ukoll tagħmel riferenza għalih għax ser tiġi ġġenerata enerġija nadifa mill-iskart). B’hekk dan il-proġett jibda jitwettaq meta tiġi approvata l-Istrateġija dwar l-Immaniġġar tal-Iskart u mhux l-istrateġija tal-enerġija.

Inċineratur fin-Nofsinhar ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi stħarriġ mill-uffiċċju tiegħu dwar EU funding għall-proġett prospettiv ta’ inċineratur fin-Nofsinhar ta’ Malta marbut mal-istrateġija riċenti ppubblikata f’forma ta’ abbozz dwar l-immaniġjar tal-iskart? Il-Kabinett approva din l-istrateġija formalment u jekk iva, meta? Il-Gvern approva l- Energy Policy Plan for Malta li skond l-Awditur Ġenerali għadu f’forma ta’ abbozz?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li jidher li hemm interess biżżejjed biex il-proġett ta’ inċineratur ikun iffinanzjat mis-settur privat. Iż-żewġ Strateġiji f’forma ta’ abbozz ġew approvati mill-Gvern u issa qed jiġu ffinalizzati wara li saret il-konsultazzjoni dwarhom.
Leg 11 PQ #9994 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapport ta' case officer li ġie endorsjat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mis-sena 2000 sal-2009 fejn ir-rapport tal-case officer gie endorsjed mill-istess case officer li kitbu? Jekk ġara hekk, jista' jgħid jekk dan huwiex suppost li jiġri? Jekk iva, jista' jgħid għaliex sar hekk u jekk hux ser jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn il-persuni jekk jinstab li mhux suppost ġara hekk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, mis-sena 2005 sal-lum, kien hemm mitejn u ħdax-il applikazjoni (211) fejn ir-rapport tal-case officer ġie endorsjat mill-istess case officer li kitbu. Din l-informazzjoni bdiet tinġabar mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mis-sena 2005. Ma hemm xejn legali jew proċedurali li jipprekludi li dan isir u għalhekk lanqas huwa każ ta’ passi dixxiplinarji.

Online security u anti spam measures

Question

Fid-dawl ta' rapporti li skond l-Unjoni Ewropea pajjiżna waqa' lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' online security u anti spam measures, jista' l-Ministru jgħid x'passi effettivi mistennija jittieħdu fil-ġejjieni qarib? Hemm xi ħsieb li wara discussion paper dwar l-ispam li kienet tqassmet fin-NISCO ferm qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, titressaq leġislazzjoni komprensiva li tinkludi provedimenti għall-prosekuzzjoni għal min jagħmel kontravenzjonijiet ta spam, spyware u malware?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.