Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35635 u jiċċekja u jgħid jekk l-individwu li isimu qed jintbagħat separatament u għandu l-grad ta' PDTO mal-Korporazzjoni Enemalta marx jagħmel xi kors fl-Università fl-aħħar disa' snin u kienx sponsorjat mill-korporazzjoni? Jista' jgħid jekk dan l-individwu gradwax? Jekk le, jista' jagħti risposta ċara li l-flus li l-korporazzjoni ħallsitu f'pagi fiż-żmien li għamel l-Università ġewx rifużi lura kollha, u meta ġew rifużi? Jista' jgħid min-naħa tal-korporazzjoni min huwa l-individwu li finalment huwa responsabbli li jara li dawn l-isponsorships jingħataw b'mod serju u li jekk l-individwu involut ma jġibx il-kwalifiki lura jinġabru l-flus lura mill-iktar fis? Jista' jagħti lista dettaljata tal-persuni mill-Korporazzjoni Enemalta li ntbagħtu jagħmlu korsijiet l-Università, jekk għaddewx u jekk le ġew rifonduti l-flus tal-isponsorship u meta?
Fid-dawl ta’ rapporti li dehru fil-media lokali dwar problemi b’uħud mill-filter bags fl-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, jista' l-Ministru jgħid jekk:
a) tista' l-Korporazzjoni Enemalta tippubblika rapport uffiċjali dwar dak li verament ġara;
b) x’inhuma l-PM10, PM2.5, NOx u Sox levels li l-Korporazzjoni Enemalta tikkunsidra bħala l-massimu ttollerat indipendentement mill-BAT figures;
c) x’kienu dawn il-livelli qabel ma fallew uħud mill-filter bags;
d) hemm xi evidenza ta’ pressure eċċessiva fuq dawn il-bags? Jekk iva, dan il-high back pressure jista' li kien qed jkollu xi effett fuq il-performance, speċifikament fejn jidħlu power output, fuel consumption u anki effiċjenza;
e) kemm-il darba l-bags li ġew ruptured ma kenux difettużi, jista' jikkonferma li dan seta' kien ikkawżat minn faults fid-disinn tal-emissions mitigation system?
f) billi l-BWSC ġiet mitluba mill-Korporazzjoni Enemalta biex tagħti r-reazzjoni uffiċjali tagħha, jista' jgħid x’kienet u tippubblikaha kif wkoll jgħarraf lill-Kamra kif il-BWSC qegħdin jippjanaw li jirrisolvi din il-problema; u
g) jekk il-performance ta' setturi oħrajn tal-emissions mitigation plant humiex qed jaħdmu kif suppost f’mod sodisfaċenti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 36004.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 36002, jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żewg persuni li isimhom qed jintbaghat separatament u xi darba jew oħra kellhom il-grad ta’ PDTO mal-Korporazzjoni Enemalta u llum qegħdin fis-sezzjoni tad-distribuzzjoni, jekk intbagħtux l-Università jagħmlu xi kors? Jikkonferma jekk il-kors kienx engineering jew relatat, jekk għaddewx minn dan il-kors u jekk m’għaddewx jista’ jagħti data eżatta meta tħallsu lura l-flus li l-korporazzjoni ħallsithom f’pagi waqt li kienu qed jattendu l-Università?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab informat li ż-żewġ impjegati msemmija kienu intbagħtu mill-Enemalta jattendu kors l-Università fl-2001. Wieħed mill-korsijiet kien engineering u l-ieħor le. Wieħed minn dawk imsemmija m’għaddiex u l-ieħor ma kompliehx. Dawn iż-żewġ impjegati għandhom Diploma u għaldaqstant skont il-Ftehim Kollettiv huma intitolati għal-allowance.
Ninsab infurmat ukoll illi dawn il-ħaddiema mhux qed jingħataw allowance bħalissa, iżda din qed tintuża biex jitħallsu lura l-ammonti dovuti lill-Enemalta.
Jista' l-Ministru jagħti lista oħra dettaljata minn meta nħatar iċ-chief human resources (jew executive head corporate services kif inhu magħruf issa) 'l hawn kemm nies ingħataw permess imorru jistudjaw l-Università, x’kors għamlu, jekk il-Korporazzjoni Enemalta ħallsitx għal dawn il-korsijiet u jekk il-paga baqgħetx toħroġ normali? Dawn l-ispejjeż ġew rifużi u meta f’każ li l-impjegat ma jkunx ġab il-kwalifika li għalija jkun intbagħat peress li l-Ministru fil-mistoqsija parlamentari ta biss informazzjoni għall-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 29 impjegat li ntbagħtu jistudjaw l-Università jew ġew sponsorjati jagħmlu Distance Learning. Dawn kienu jintgħażlu minn Bord tal-Għażla u approvati miċ-Chief Executive Officer (CEO).
Kien hemm każijiet fejn l-Enemalta ħallset l-ammont kollu tal-kors u kien hemm oħrajn fejn ħallset parti minnu. Il-pagi baqgħu joħorġu għas-sempliċi raġuni li l-impjegati kollha segwew il-korsijiet fuq bażi
part-time
, minbarra wieħed u li l-paga tiegħu kienet toħroġ bin-nofs. Dan kien jattendi x-xogħol meta kien ikollu l-vaganzi l-Università.
Il-Lista ta’ korsijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ta' dgħajjes MFB mill-2008 sal-lum u kemm ġew irrifjutati sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25760, infakkru fir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2008 u għaldaqstant l-applikazzjoni li saru minn dik id-data jinsabu fuq waiting list.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress kif wieħed jista' jara, għandhom għadd ta' xquq fil-ħitan ta' xi kmamar u anke problemi bil-madum li allegatament tqiegħed ħażin mill-bidu?
Response (SAID, CHRIS)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din l-ispezzjoni ser issir fil-gimghat li gejjien.
Fid-dawl ta' diversi rapporti fil-media li hemm għadd ta' sindki li għandhom jirrifondu parti mill-onorarja tagħhom lill-Kaxxa ta' Malta, jista' l-Prim Ministru jgħid, b'kollox, liema kienu dawn is-sindki, x'kienu l-ammonti dovuti każ każ, u kemm kien mistenni jiġbor b'kollox il-gvern minħabba dan il-ħlas żejjed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-somma li l-Gvern mistenni li jirkupra hija ta’ € 95,038.78. Dawn il-flus ser jibqgħu għand il-Kunsilli Lokali rispettivi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Sindki jew ex-Sindki li għad għandhom bilanċ x’iħallsu.
Intant il-Kunsilli Lokali nfushom u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Azzjoni qed jieħdu l-azzjoni neċessarja biex dawn il-flus ikunu rifużi kollha.
Unjoni Ewropea — immigranti irregolari li ġew resettled
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew resettled immigranti irregolari li ġew pajjiżna b'kollox fl-Unjoni Ewropea minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea mid-data tas-sħubija sa llum jammonta għal 602 persuni. Dan in-numru hu mistenni li jkompli jiżdied fix-xhur li ġejjin għax hemm talbiet li qegħdin jiġu pproċessati.
Billi f’nofs Marzu l-Ministru kien jgħarraf lill-Parlament li t-tfassil tal-istrateġija dwar l-electric vehicles kienet tinsab fl-aħħar fażi tagħha, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet u meta se tiġi ppubblikata? L-information campaign marbuta magħha fiex waslet u min qed imexxiha billi l-Ministru kien ġie kkwotat jgħid li ‘an information campaign will be underway’?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għadu kemm ġie ffinalizzat it-tfassil tal-Istrategija dwar l-electric vehicles u din ser tiġi mnehdija fil-jiem li ġejjin. L-‘information campaign’ li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija relatata mal-progett ko-finanzjat taħt il-programm LIFE+, bl-isem ta’ DemoEV li permezz tagħha il-pubbliku in ġenerali ser ikun qed jiġi espost għal informazzjoni dwar dawn il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Din il-kampanja ser tkun qed tibda wkoll fix-xhur li ġejjin u ser tkun qed tinkludi wkoll opportunitajiet għall-pubbliku biex jippruvaw dawn il-karozzi.
Billi erba' xhur ilu l-Ministru kien ħabbar li fi żmien qasir kien se jkollna 100 electrical charging points għall-karozzi elettriċi u xi 24 karrozza tal-elettriku, jista' jgħid kemm u jekk le meta se jintlaħaq dan il-għan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preparamenti għall-ħruġ ta’ sejħiet għal offerti waslu fi stadju avvanzat kemm fir-rigward tax-xiri tal-24 vettura elettrika kif ukoll fix-xiri taċ-charging points. Dawn is-sejħiet għal offerti huma mistennija li jiġu ppubblikati fil-ġimghat li ġejjin. Ta’ min wieħed jirrimarka li dan il-proġett (li huwa ko-finanzjat tal-Programm LIFE+) għandu timelines definiti u dawn iż-żewg deliverables iridu jkunu qed jiffunzjonaw sal-bidu tas-sena 2013; jigifieri il-proġett miexi kif pjanat. Wara li jiġu aġġudikati l-offerti u tiġi nstallata l-infrastruttura neċessarja, tibda d-demonstration phase.
Billi f’Marzu li għadda l-Ministru kien għarraf lill-Parlament li l-istrategic environmental assessment dwar il-pjan nazzjonali tal-enerġija kien se jiġi finalizzat f’Ġunju, jista' l-Ministru jikkonferma jekk din id-data nżammitx?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan nazzjonali tal-enerġija wasal fil-fażi finali. Madankollu, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fid-dawl tal-iżvilupp relattivament reċenti li jkun inkorporat LNG terminal fil-proġett tal-pipe-line tal-gass li maħsub li jgħaqqad Malta ma Sqallija u l-implikazzjonijiet li dan iġib miegħu, l-istrategic environmental assessment għadu ma ġiex iffinalizzat imma riesaq lejn it-tmiem tiegħu Ninfurmah li ġa la darba dan id-dokument tal-iStrategic Environmental Assessment ikun ffinaliżat dan issir publiku.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36021 u jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandha reserved parking quddiem id-dar tagħha minħabba l-istat xejn tajjeb tas-saħħa tal-ġenituri fejn dawn sfortunatament spiss mhux qed isibu parkeġġ għax jipparkjaw karrozzi oħrajn mhux awtorizzati u skont ir-rapporti li wasluli, l-kunsill u l-pulizija qalulhom li din hija problema li taqa' taħt Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 36046 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Billi f’nofs Mejju l-gvern saħaq waqt laqgħa tal-Kabinett ġewwa Għawdex li l-proġett Eko-Għawdex kien daħal fit-tieni fażi tiegħu u billi s-segretarju permanenti fil-Ministeru mill-21 ta' Mejju 2012 li wiegħed lill-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Kamra tar-Rapprezentanti li l-Ministeru għal Għawdex ħa nota tat-talba tal-kumitat biex jiġi ppubblikat immedjatament ir-rapport sħiħ dwar Eko-Għawdex, tista' l-Ministru tindika meta mistenni jsir dan speċjalment meta intqal li dan kien hemm il-ħsieb li jiġi ppubblikat fl-iqsar żmien possibbli? Billi l-Ministeru qal li l-ewwel ried jevalwa t-talba ta' xi aġġornamenti meħtieġa, ma taħsibx li huwa xieraq li kif oriġinarjament mitlub jiġi ppubblikat ir-rapport innifsu fl-istadju li qiegħed fih bħalissa, flok wieħed joqgħod jistenna aġġornamenti ġodda li jistgħu jservu biss biex ikomplu jtawwlu l-proċess?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi l-aġġornamenti meħtieġa għar-rapport dwar Eko Għawdex kważi tlestew u għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi ppubblikat id-dokument imsemmi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36121 u jikkonferma jekk Transport Malta qatgħetx barra is-suġġeriment u/jew proposta li jkun hemm traffic lights biex residenti fin-naħa ta' Tal-Qroqq Str u l-parti t’isfel tas-Swatar jaqsmu għan-naħa tal-Università? Jekk dan huwa minnu u billi qed jiġu nkoraġġiti bħala residenti biex jużaw aktar is-subway li hemm, jistgħu jittieħdu passi flimkien mal-awtoritajiet kompetenti biex dan jiġi mdawwal aħjar, joffri aktar sigurtà u ma jkunx hemm overflowing tad-drenaġġ kif irrapurtawli li qed jiġri spiss?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-underpass, sabiex il-pedonali jaqsmu min-naħa tas-Swater għan-naħa tal-Universita, hija meqjusa bhala l-aktar mod sikur biex taqsam it-triq.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta qiegħda dejjem tieħu l-passi neċessarji sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa sabiex din is-
subway
tkun aktar imdawwla, sigura u nadifa.
Pender Gardens — xogħol li qed joħloq inkonvinjent
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdum għaddej ix-xogħol qrib Pender Gardens peress li qed ixekkel il-flow tat-traffiku permezz ta' obstruction ta’ triq arterjali prinċipali u anki b’bus terminus fil-qrib? Meta nbeda dan ix-xogħol u meta huwa mistenni jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk it-terminu tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Istitut għall-Istudju Turistiċi intemmx f’Ġunju 2012? Jekk iva, inħatar bord ġdid? Min huma l-membri? X’inhu t-terminu? Dan sar skont Avviż Legali 131 tal-2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Bord tal-Gvernaturi li hemm bħalissa l-ITS huwa dak li ġie appuntat is-sena l-oħra skont it-Terms of Reference li ilu jadopera l-ITS għal dawn l-aħħar snin. It-terminu ta’ dan il-Bord skada ix-xahar li għadda, però skont il-prassi dan il-Bord għandu jibqa’ jopera sakemm jinħatar Bord ġdid.
Fi żmien qasir, ser issir il-ħatra tal-membri l-ġodda tal-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS skont l-Avviż Legali 131 tal-2012.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentaru 35373, tista’ l-Ministru tispeċifika liema klawżola/klawżoli tal-ftehim kollettiv bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-MUT japplikaw fil-każ ta’ din il-persuna? Ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet biex il-post ta’ deputat direttur ma jibqax vakanti? Din is-sejħa se ssir skont Avviż Legali 131 tal-2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li l-posizzjoni hija waħda maniġerjali, ma taqax taħt il-ftehim kollettiv bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-MUT. Fil-ġranet li ġejjin se toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex il-post ta’ deputat direttur ma jibqax vakanti, liema sejħa se ssir skont l-Avviż Legali 131 tal-2012.
Korporazzjoni Enemalta — call for application għal welfare officer
Question
B'referenza għall-call for application għal welfare officermal-Korporazzjoni Enemalta li ħarġet fl-2009, jista' l-Minstru jgħid jekk il-persuna li ngħatat din il-kariga ġabitx id-degree mitluba fil-call u jekk ġabet din id-degree jista' jgħid f'liema speċjalizzazjoni u mil-liema università? Jista' jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-MQRIC jirrikonoxxix din id-degree f'Malta? Jista' jgħid jekk din id-degree għadha ma nbdietx x'passi se jieħu ċ-chief human resources officer f'dan il-każ peress li l-persuna involuta taħdem viċin ħafna tal-uffiċċju tiegħu u iktar tagħmel xogħol ta' segretarja miegħu milli xogħol relatat mal-welfare tal-ħaddiema?
Jista' jgħid x'se jiġri jekk din il-persuna għadha ma bdietx din id-degree meta fadal biss sena biex jiskadi t-terminu ta' erba' snin li ntalab fil-call for application li qed jiġi kkwotat kelma b'kelma hawnhekk:
"Must be in possession of a degree in Human Resources Management or Psychology. Applications will also be considered from applicants who are in possession of a Diploma in Human Resources Management or Psychology – however if any such applicant is eventually selected for the post, he/she will be placed in the grade of Head and will be required to complete a degree in Human Resources Management or Psychology within the next four (4) years."?
Ma jaħsibx il-Ministru li dawn it-tip ta' call for applications imorru kontra l-benchmarks li soltu juża s-servizz pubbliku meta joħroġ call for applications?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta fl-2009 ħarġet sejħa għall-applikazzjoni ta’ welfare officer bi grad ta’ Assistant Manager. Billi l-persuna magħżula kellha Diploma fil-Psikologija mill-Università ta’ Malta, ingħatat il-ħatra ta’ welfare officer fi grad ta’ Head.
Il-persuna msemmija tirrikjedi li tagħmel ħafna xogħol ta’ natura delikata minħabba problemi soċjali li jista’ jkollhom xi ħaddiema tal-Korporazzjoni u għalhekk ikollha tikkordina mal-uffiċċju tar-Riżorsi Umani
.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' housing li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanti in kwestjoni ġiet ipproċessata mall–applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikazzjoni ser tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35947 u jgħid jekk iż-żamma u tindif tal-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida taqax taħt il-gvern ċentrali jew il-kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali konxju mir-responsabbiltajiet statutorji tal-Kunsilli Lokali kif elenkati fl-Att dwar Kunsilli Lokali, se jitlob lill-Kunsill Lokali tal-Imsida biex jagħmel il-manutenzjoni u t-tindif meħtieġ ta’ l-Għajn tal-Ħasselin.