Fast Ferry bejn Malta u Għawdex – bastimenti — faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament x’faċilitajiet t’aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità ser ikollu kull wieħed mill-bastimenti li ser joperaw is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min iċċertifika jew ser jiċċertifika li l-bastimenti huma aċċessibbli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-bastimenti li ser joperaw is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex iridu jkunu konformi mar-Regolamenti u d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll Konvenzjonijiet Internazzjonali u jkollhom il-faċilitajiet kollha neċessarji għal persuni “with reduced mobility” abbażi ta’ dawn il-liġijiet. Dan jiġi verifikat fl-istadju meta il-bastimenti jiġu surveyed biex jinħarġu ċ-ċertifikati neċessarji sabiex ikunu jistgħu joperaw fl-ibħra Maltin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm hemm zebra crossings f'kull lokalità f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm-il waħda hi mgħammra b'pelican lights u mgħammra b'ħoss akustiku għall-persuni neqsin mid-dawl?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba, ġiet miġbura mill-Awtorita’ tat-Trasport u tinsab fit-tabella t'hawn taħt;
Zebra Crossings
Pelican Lights
Pelican Lights – with acoustic sound
Munxar
5
Xlendi
4
Sannat
2
Fontana
4
Marsalforn
3
Xewkija
11
6
6
Victoria
30
6
6
Xaghra
5
Nadur
4
Ghajnsielem
12
3
3
Gharb
4
Ghasri
2
Zebbug
1
San Lawrenz
2
Kercem/Santa Lucija
4
Qala
NIL
Operatur fil-qasam tat-trasport – ħruġ ta’ liċenzja – każ ta’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar ir-raġuni li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament la qiegħed tinħariġlu liċenzja bħala operatur fil-qasam tat-trasport u lanqas qed jingħata l-possibiltà li jġedded liċenzja bħal din?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ninsab infurmat li sabiex il-persuna indikata tinħariġlu liċenzja bħala operatur fil-qasam tat-trasport għandu jissodisfa l-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba. Jiena nfurmat ukoll li l-Awtorita’ għat-Transport f’Malta diġa’ nfurmat lil persuna ndikata permezz ta’ ittra datata 5 ta’ Frar 2021, għaliex mhux ser toħroglu l-liċenzja ta’ operatur.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega lill-Parlament x’inhi r-raġuni li Malta mhix inkluża mal-lista ta’ pajjiżi benefiċċjarji tas-somma ta’ kważi €530,000,000 imħabbrin mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-EU Solidarity Fund il-ġimgħa li għaddiet?
Response (ABELA, ROBERT)
Meta faqqgħet l-imxija tal-COVID-19 l-għan tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) ġie estiż biex jinkludi wkoll emerġenzi maġġuri tas-saħħa pubblika. It- termini t’eliġibilta ta’ dan il-Fond kien marbut b’kundizjonijiet li jinkludu livell minimu ta ’nefqa pubblika relatata mal-emerġenza, li fil-każ ta’ Malta kien stabbilit għal 0.3% tal-GNI li jfisser nefqa minima ta’ ftit aktar minn €34 miljun. Pero, din l-ispiża eliġibli trid tkun saret sa mhux aktar minn 4 xhur qabel minn mindu tkun dahlet l-ewwel mizura fil-pajjiż biex tindirizza l-emerġenza tas-saħħa pubblika.
Jien infurmat li minn valutazzjoni li saret għall-perjodu ta’ żmien applikabbli, il-limiti stabiliti tal-EUSF ma ntlaħaqux u għalhekk ma kienx possibli ssir applikazzjoni taħt l-EUSF.
Għawdex — żvilupp massiċ – dikjarazzjoni mis-sindki Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament x’azzjoni beħsiebu jieħu biex jindirizza d-dikjarazzjoni unanima li għamlu s-Sindki Għawdxin ftit tal-jiem ilu dwar l-iżvilupp massiċċ li kien għaddej f’Għawdex fl-aħħar snin u li għadu għaddej?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà sar kuntatt mar-Reġjun ta’ Għawdex sabiex fil-jiem li ġejjin tkun tista’ ssir laqgħa mas-Sindki rispettivi. Bħala Gvern dejjem lesti li nisimgħu sabiex insibu l-aħjar toroq ‘l quddiem f’qafas ta’ rispett lejn l-obbligi u drittijiet li joħorġu mill-liġi. Filwaqt li numru ta’ riformi li implimentajna huma xhieda tal-impenn tagħna, issa li qed infasslu SPED ġdid huwa iż-żmien opportun biex kulħadd jati kontribut għal dan il-proċess. Sadanittant, nistieden ukoll lill-Onorevoli Interpellant biex f’isem l-Oppożizzjoni jippreżenta wkoll il-miżuri li qed jipproponi. Sal-lum, dawn ma waslux.
Portijiet tal-Imġarr u Ċirkewwa – livell ta’ tniġġis fl-arja u fil-baħar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19426, jista’ l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk hemmx metodu ta’ kif jitkejjel il-livell ta' tniġġis fl-arja u fil-baħar fil-Portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa? Jekk iva jista' jippreżenta d-dettalji għall-aħħar ħames snin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Fir-rigward tal-livelli ta’ tniġġis fl-arja, l-eqreb punti ta’ fejn isir monitoraġġ għall-port taċ-Ċirkewwa huma fil-Mellieħa. Fil-każ tal-port tal-Mġarr, il-punt tal-monitoraġġ huwa fi Triq l-Imġarr. Minn dawn il-punti ta’ monitoraġġ tinġabar informazzjoni dwar il-livelli ta’ benzene u nitrogen dioxide.
Dwar Il-livelli ta’ tniġġis fil-baħar, dan jitkejjel regolarment permezz ta’ programmi ta’ monitoraġġ li jiġu mfassla skont direttivi tal-UE.
Fil-baħar, dan il-programm ta’ monitoraġġ ġie implementat mill-2017 sal l-2019 permezz ta’ fondi Ewropej bil-proġettEMFF 8.3.1. Permezz ta’ dan l-proġett, sar monitoraġġ ta’ kontaminanti kemm fl-ilma u fis-sediment. Tnejn mis-siti ta’ monitoraġġ kienu fil-portijiet tal-Imġarr (MTCN03-2) u taċ-Ċirkewwa (MTCN03-3). Ħafna mill-kontaminanti li ġew analizzati ma kienux preżenti jew kienu f’livelli tant baxxi li lanqas inqabdu bl-analiżi li saret. Għalkemm l-istandards tal-kwalità ambjentali mhumiex stabbiliti għal kull sustanza bid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja jew minn Membri Stati oħrajn, il-livell ta’ kontaminanti li ġew ikkwantifikati f’dawn iż-żewġ siti huma taħt il-livelli standard ta’ kwalità ambjentali (EQS) fejn stabilliti (bid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja jew minn Membri Stati oħrajn).
Din l-analiżi tinsab iżjed fid-dettall fir-rapporti li ngħataw minn Malta bħala parti mid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina aċċessibbli minn fuq is-sit elettroniku tal-ERA (https://era.org.mt/wp-content/uploads/2020/06/MSFD-Art.-17-Update-Malta_FINAL.pdf).
Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar – deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament in kwantu d-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta' Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar, kemm minn dawn ikkonfermaw u kemm minnhom qalbu deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar mill-bidu tas-sena 2020 sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, mill-bidu tal-2020 sal-lum, kien hemm tliet (3) deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar li ġew ikkonfermati mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u żewġ (2) deċiżjonijiet li nqalbu. Kien hemm ukoll tliet (3) deċiżjonijiet oħra li ntbagħtu lura għal iktar ipproċessar mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17962 u jinforma lill-Parlament kemm art f'Outside Development Zone f'Malta u f'Għawdex ġiet destinata għal-solar panel farms jew fejn ġew installati solar panels u dan sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Illi b’referenza għall-mistoqsija nuru 20029, qed ninforma lill-Onorevoli interpellant illi m'hemmx speċifikat zoni għall-installazzjoni ta’ solar panel farmsbarra ż-żona tal-iżvilupp, iżda permezz tas-Solar Farms Policy li ġiet fis-seħħ fis-sena 2017 ġew identifikati siti addatati għall-istallazzjoni ta’ solar farms fosthom barrieri, landfills magħluqa, jew soqfa ta’ ċertu kobor li ukoll jistgħu jinstabu barra l-konfini tal-iżvilupp bħal per eżempju soqfa ta’ ġibjuni kbar jew irziezet, jew bini industrijali.
Illi għalhekk wieħed jinnota li t;ett sitwazzjoni jew istanzi fejn pannelli fotovoltajiċi jistgħu jiġu akkomodati f’zoni ODZ, bħal ma huma f’barrieri eżawriti, f’siti ta’ landfills, kif ukoll fuq bini eżistenti, u dawn huma kollha indikati bħala siti eleġibbli fil-Policyspeċifika dwar PV Farms.
Barrieri eżawriti u rijabilitati hemm tnejn kbar li huma dawk ta’ Torri Falka fil-limiti tal-Mġarr, Malta kif ukoll fiz-zona magħrufa tas-Sejba, fl-limiti tal-Imqabba u fiż-żewġ każijiet dawn qed joperaw.
F’sit ta’ landfillhemm il-kaz ta’ Bengħisa fil-limiti ta’ Birżebbuġa u l-istess dan ukoll qed jopera.
Fuq bini eżistenti hemm diversi eżempji, bħal fil-każ ta’ ġibjuni kbar immaniġġjati mill-Water Services Corporation, bħal fil-każ ta’ Wied il-Fiddien fil-limiti tar-Rabat, li qed jopera, u bħalissa għaddej xogħol ta’ installazzjoni fuq il-ġibjuni tal-Qrendi, kif ukoll fuq erba’ ġibjuni f’Ta’ Ċenċ Għawdex.
Fuq bini eżistenti iehor, hemm diversi binjiet industrajli li jinsabu f’zoni hekk imsejjħa Area of Containments fil-Pjannijiet Lokali u solar farms estensivi jinsabu fuq binijiet industrijali f’Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa u fl-inħawi ta’ t’Alla w Ommu fil-limiti tan-Naxxar.
Zoni estensivi oħra fejn ġew installati solar farmjinsabu fil-Freeport ta’ Marsaxlokk, kif ukoll ġewwa l-konfini tal-airport ta’ Ħal Luqa, kemm fuq il-bini tat-terminal kif ukoll fuq l-art maġenb ir-runway, f’żona viċin il-hangerstal-Lufthansa.
Ta' min isemmi ukoll li l-bdiewa jinstallaw panelli fotovoltajici fuq binjiet ta’ rziezet kbar, kif ukoll fuq serer. Illi fil-kaz tal-aħħar kien hemm żewġ proġetti kbar ta’ serer fil-limiti tar-Rabat, u anke każ wieħed f’Ghawdex bejn ix-Xewkija u r-Rabat u li jinkludu installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi, għalkemm f’dan il-każ l-Awtorità tal-Ippjanar qed tkun aktar kawta f’applikazzjonijiet simili sabiex tevita strutturi f’għelieqi li l-iskop ewlieni jkun dak ta’ intallazzjoni ta’ PV aktar milli għall-użu agrikolu u li dan għandu jiġi skoraġġit.
Jista' l- Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17964 u jinforma lill-Parlament kemm ġew esegwiti ordnijiet t'infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar, lokalità b'lokalità f'Għawdex tul il-leġislatura kurrenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-raġuni li ammont ta' Għawdxin qed jintalbu jmorru Malta biex jirċievu t-titqiba kontra l-COVID-19? Il-Gvern qed jikkonsidra l-possibbiltà li dawk il-ħafna Maltin li għandhom l-indirizz tagħhom reġistrat fuq Għawdex, jirċievu t-titqiba kontra l-COVID-19 f'Malta flok f'Għawdex u jekk iva x'arranġamenti qed jagħmel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ittri għal-vaċċin kontra l-Covid-19 jinħarġu u jintbagħtu skont l-indirizz li persuna tkun irreġistrata. Ninfurmah ukoll illi barra ċ-ċentri tas-saħħa tar-Rabat u Kerċem, u minbarra l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex li qed jintu¿aw għall-għoti ta’ tilqim, fil-jiem li ġej ser jinfetaħ ċentru ieħor ta’ tilqim fir-Rabat Għawdex.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti average ta' żmien li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jieħdu biex jagħmlu l-contact tracing tal-każijiet ta' COVID-19 li qed ikollna? Jista' jgħid jekk dan l-average ivarjax bejn każijiet f'Malta u dawk f'Għawdex u jekk iva għala?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntatt inizzjali mid-Dipartiment tas-Saħħa ma’ persuni pożittivi għal-Covid 19 iseħħ f’temp ta’ 24 siegħa u minn hawnhekk l-każ jibqa’ jiġi investigat. Wara li jiġu mistħarrġa l-każijiet każ każ, jiġu kkuntattjati persuni li kellhom kuntatt avviċinat mal-każijiet pożittivi. Il-proċess kollu jista’ jieħu sa 4 t’ijiem.
Skola Primarja tax-Xagħra Għawdex – tindif ta’ klassijiet
Question
Fid-dawl tal-informazzjoni li fl-Iskola Primarja tax-Xagħra Għawdex, it-tindif tal-klassijiet qed jispiċċa jsir fil-ħin tal-iskola u li t-tfal qed jispiċċaw ikollhom jistennew barra mill-klassijiet sakemm isir dan it-tindif, tista’ l-Ministru tintervjeni u tieħu l-miżuri neċessarji biex tara li dan kollu ma jibqax jirrepeti ruħu b'detriment għall-istudenti u l-ħidma tal-edukaturi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li dan kien każ uniku ta’ klassi ta’ l-ewwel sena. Il-purtinara li tieħu ħsieb din il-klassi partikulari kienet assenti minħabba mard u t-tindif kellu jsir l-ewwel ħaġa filgħodu. Infurmata wkoll li din il-problema ġiet solvuta billi wara tqassam b’mod aħjar ix-xogħol tal-purtinara.
Skola Primarja tax-Xagħra Għawdex – klassijiet tal-ewwel sena amalgamati
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-klassijiet tal-ewwel sena fl-Iskola Primarja tax-Xagħra Għawdex ġew amalgamati flimkien meta ż-żmien ta' pandemija li qed ngħixu fihom bħalissa, jitlob proprju l-kuntrarju? Tista' tintervjeni u tara li dan l-amalgamar ma jibqax iseħħ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fl-Iskola Primarja tax-Xagħra hemm klassi waħda tal-ewwel sena li fiha erbgħa u għoxrin (24) student. Dawn qegħdin skont in-numri tal-popolazzjoni tal-klassi skont l-Agreement. Infurmata wkoll li l-klassi li qegħdin fiha kbira biżżejjed biex joqgħodu l-istudenti skont il-protokolli li ħarġu l-Awtorità tas-Saħħa.
Kunsill Lokali tax-Xagħra – problema tat-traffiku fil-kantuniera bejn Triq Marija Bambina u l-Pjazza f’tarf Triq il-Mitħna
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex biex jara li fil-kantuniera bejn Triq Marija Bambina u l-Pjazza f'tarf Triq il-Mitħna, eżattament fil-punt fejn joħorġu t-tfal tal-iskola primarja, jiġi eliminat kull periklu tat-traffiku għall-istess tfal li jeżisti fil-preżent?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm ilha teżisti l-iskola msemmija, din hi l-ewwel darba li se jkunu qed jittieħdu miżuri addattati għall-post indikat fil-Mistoqsija. Fil-fatt jien infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li dan qed jipprepara traffic management plan għal din iż-żona biex tkun tista’ titressaq għall-konsiderazzjoni u l-approvazzjoni ta’ Transport Malta
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa jikkonsidrawx li operaturi tal-ħwienet li jiġu f'kuntatt ma' ħafna nies ta' kuljum, jingħataw prijorità biex jirċievu t-tilqima kontra l-COVID-19? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari numru 19572.
Voluntary Coupled Support – negozjati mal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar in-negozjati mal-Unjoni Ewropea in kwantu l-hekk imsejjaħ Voluntary Coupled Support u l-politika agrikola komuni, biex Malta tkun eleġibbli li toffri għajnuna finanzjarja diretta għall-oqsma agrikoli sensittivi tagħha? Jista' jispjega kemm ser tkun tammonta din l-għajnuna għal kull sena tul il-budget Ewropew kurrenti?
Response (REFALO, ANTON)
In-negozjati dwar il-Politika Agrikola Komuni inqablet fil-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura Ewropej f’Ottubru 2020. Fit-test maqbul fil-Kunsill tal-Ministri msemmi, Malta assigurat li d-deroga li talloka sa 3 miljun ewro fis-sena permezz tal-Voluntary Coupled Support tkun inkluża permezz t’Artiklu 86 (5) tal-CAP Strategic Plan Regulation. Minn naħa l-oħra, fit-test finali tal-Parlament Ewropew, din id-deroga ma kinetx inkluża. Għaldaqstant, permezz ta’ ħidma ma’ Membri Parlamentari Ewropej Maltin u r-Rapprezentanza Permanenti Maltija fi Brussell, saru u qed isiru laqgħat bilaterali mar-Rapporteurs tal-kumitat u mal-Gruppi tal-Parlament Ewropew sabiex nispjegawlhom l-importanza ta’ din id-deroga għal pajjizna, u l-importanza li din id-deroga hekk kif maqbula fil-Kunsill tal-Ministri tiddaħħal fit-test finali maqbul bejn it-tliet istituzzjonijiet Ewropej. Dawn id-diskussjonijiet bejn it-tliet istituzzjonijiet Ewropej magħrufa bħala trialogues, bdew u mistennija li jkunu konklużi aktar tard din is-sena.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija dwar l-ammont t’għajnuna diretta fil-baġit Ewropew kurrenti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-baġit Ewropew kurrenti huwa dak marbut mal-perjodu 2014-2020, flimkien mal-provvedimenti tar-regolament tranżitorju. Il-baġit għall-iskema tal-Voluntary Coupled Support fl-2021 hekk kif imsemmi hawn fuq, jammonta għal 3 miljun ewro, li huwa l-massimu allokat skond ir-regolament.
Voluntary Coupled Support – negozjati mal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar in-negozjati mal-Unjoni Ewropea in kwantu l’hekk imsejjaħ Voluntary Coupled Support u l-politika agrikola komuni, biex Malta tkun eleġibbli li toffri għajnuna finanzjarja diretta għall-oqsma agrikoli sensittivi tagħha? Jista’ jispjega kemm ser tkun tammonta din l-għajnuna għal kull sena tul il-budget Ewropew kurrenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill Onor. Interpellant li tul in-negozjati fil-Kunsill, Malta assigurat li tinżamm id-deroga permezz tal- Voluntary Coupled Support fil-CAP Strategic Plan Regulation. Mal-Membri Parlamentari Ewropej qed ikomplu jsiru n-negozjati kollha meħtieġa sabiex l-importanza ta’ din id-deroga għal pajjizna tinżamm fil-qbil politiku bejn it-tliet Istituzzjonijiet Ewropej. Dawn id-diskussjonijiet mistennija jiġu konklużi lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu dwar l-ammont ta’ għajnuna għal kull sena, lill-Ministeru kkonċernat
Talba lill-Unjoni Ewropea għall-għajnuna lill-AirMalta
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk tul l-2020 saritx talba mill-Gvern Malti u/jew mill-kumpanija Air Malta lill-Unjoni Ewropea biex l-istess Gvern Malti jkun jista’ jagħti għajnuna finanzjarja lill-istess kumpanija AirMalta u dan sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tilqa’ għall-impatt tal-pandemija? Jekk iva, x’kien l-eżitu s’issa ta’ din it-talba?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Individwi li jmorru għall-kura barra minn Malta – tilqima kontra COVID-19
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament jekk ħax in konsiderazzjoni li persuni li jmorru għall-kura barra minn Malta jew persuni li jakkumpanjawhom, jingħataw preċedenza biex jieħdu t-tilqima kontra l-COVID-19 u b’hekk jevitaw problemi bil-kwarantina meta jidħlu fil-pajjiż barrani jew jirritornaw lura Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jmorru għall-kura barra minn Malta u persuni li jakkumpanjawhom qedgħin jingħataw preċedenza biex jieħdu t-tilqima kontra l-COVID-19.
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament kemm kienu dawk l-investimenti li mill-2013 ‘l hawn rrifjutaw li jiġu Għawdex minħabba n-nuqqas tat-tieni fibre optic cable? Jista’ jgħid ukoll kemm investimenti wrew interess jew saħansitra ġew Għawdex, proprju għax issa hemm it-tieni fibre optic cable bejn il-gżejjer?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.