Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet fuq Triq San Piju XII fil-Qala Għawdex:
a. Mogħdija ta' servizzi ġodda, partikolarment dak tal-ilma li fil-preżent
jasal għand ir-residenti mdardar u kollu sadid; u
b. Wiċċ ġdid li jixraq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferu din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Sptar Mater Dei – persuni li mhux jitħallew jistennew fil-parkeġġ
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jekk hux veru li persuni li jakkumpanjaw pazjenti lejn l-Isptar Mater Dei mhux jitħallew jistennew ġol-vettura privata tagħhom fil-parkeġġ tal-istess sptar sakemm il-pazjent jirċievi s-servizz li jkun jeħtieġ? Jekk dan hu minnu, jista' jispjega x'inhi r-raġuni jekk kemm-il darba sid il-vettura jkun ħallas għall-parkeġġ u jkun qed jistenna ġol-vettura tiegħu stess?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jagħżlu jibqgħu fil-vettura tagħhom sakemm dawn ikunu wieqfa f’żoni ta’parkeġġ jistgħu jagħmlu dan b’mod liberu ġaladarba l-vettura li jkunu fiha ma tkunx qiegħda tostakola il-passaġġ liberu tat-traffiku jew ma tkunx qed tokkupa parkeġġ li huwa maħsub għall-użu speċifiku ta’pazjenti partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-operaturi tal-Fast Ferry li ġie introdott dan l-aħħar jistgħux ibiegħu biljetti għall-vjaġġi provduti minnhom, barra t-terminals minn fejn jitlaq is-servizz? Jekk iva, x'inhuma l-parametri?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li operaturi ta’ bastimenti kummerċjali inkluż il-fast ferries jista ibiegħu biljetti għall-vjaġġi provduti minnhom skond il kundizzjonijiet kif stabbilit permezz tar-Regolamenti Dwar il-Bastimenti Kummerċjali L.S. 499.23 u b’refernza partikolari għal regolament 37A.
(1)
Is-servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri jistgħu jinbiegħu biss minn post kummerċjali awtorizzat, mill-uffiċini tal-operatur jew miċ-ċentru minn fejn jopera, online, bit-telefown jew bil-posta, mill-bastiment kummerċjali li għalih is-servizzi ta’ ġarr ta’passiġġieri jkunu qegħdin jinbiegħu, mill-istand tal-operatur li hija koperta b’awtorizzazzjoni jew liċenza jew f ’distanż
a ta’ mhux aktar minn ħames metri ’l bogħod mill-postijiet stabbiliti li minnhom jittellgħu u, jew jitniżżlu l-passiġġieri: Ida dawn il-ħames metri m’għandhomx ifixklu d-drittijiet ta’, jew ikunu ta’ fastidju lil, operatur ta’ ħdejh.
(2)
l-bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri f’distanza ta’ mhux aktar minn ħames
metri bogħod mill-postijiet stabbiliti li minnhom jittellgħu u, jew jitniżżlu l-passiġġieri hija soġġetta għal kull awtorizzazzjoni
,ċertifikat, permess jew liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tkun mwaqqfa, imqiegħda, imwaħħla jew installata dik l-għamara tat-triq neċessarja.
(3)
L-ebda bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri m’għandu jsir f’distanza ta’ inqas minn ħames metri ’il bogħod minn bus stop, venda ta’ taxi
jew venda tal-karozzini, jew kull waqfa jew venda oħra użata esklussivament għal servizzi għat-trasport fuq l-art.
Qiegħed ukoll inpoġġi kopja tar-Regolamenti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għaqdiet Volontarji – ħaddiema mis-settur pubbliku sekondati magħhom
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21351 u jgħid kemm hemm għaqdiet volontarji li għandhom sekondati magħhom, ħaddiema mis-settur pubbliku?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li preżentament hemm total ta’ 54 għaqda volontarja li għandha impjegati pubbliċi sekondati magħha.
Għaqdiet Volontarji li ma jikkwalifikawx biex ikollhom ħaddiema tas-settur pubbliku sekondati magħhom
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21352 u jgħid jekk hemmx xi kategorija jew kategoriji ta' għaqdiet volontarji li ma jikkwalifikawx biex ikollhom ħaddiem tas-settur pubbliku sekondat magħhom? F'każ li iva, liema huma dawn il-kategoriji?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-ebda għaqda ma hi skwalifikata milli tieħu impjegati pubbliċi sakemm din tkun għaqda reġstrata skont il-ligi u li tkun taderixxi mal-policies fis-seħħ dwar rilaxx ta’ haddiema pubbliċi ma għaqdiet volontarji.
Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett imħabbar fl-2017 mill-Gvern fejn il-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex kellu jiġi estiż biex ikun hemm aktar spazju għas-servizzi offruti minn dak il-post? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern kera l-binja tal-Learning Hub?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet deċiżjoni biex ix-xogħolijiet jitwettqu fi 3 fażijiet bejn din is-sena u s-sena 2024. Matul din is-sena kurrenti, is-sala prinċipali għandha tkun finaliżżata u kif ukoll jitranġa l-Uffiċċju ta’ Aġenzija Sapport. Bejn is-snin 2022 u 2024, se jiġu implimentati it-tieni u t-tielet fażi fejn se jiġu aġġornati biex jakkomodaw servizzi għall-persuni b’diżabilità u ż-żona ta barra tkun armata bħala ġinnasju estern, ġnien sensorjali u żona tal-ġardinaġġ.
Għaqdiet Volontarji li ma jikkwalifikawx biex ikollhom ħaddiema tas-settur pubbliku sekondati magħhom
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi kategorija jew kategoriji ta' għaqdiet volontarji li ma jikkwalifikawx biex ikollhom ħaddiem tas-settur pubbliku sekondat magħhom? F'każ li iva, liema huma dawn il-kategoriji?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-mould tal-hearing aids tikkwalifikax biex issir fl-isptarijiet tagħna bħala servizz bla ħlas? Jekk iva, hemm xi kriterji li trid tissodisfa persuna biex tirċievi dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tal-mould tal-hearing aids isir fl-isptarijiet tagħna u jingħata bla ħlas. Kemm it-tfal kollha taħt it-18 il-sena kif ukoll l-adulti li għandhom karta roża valida huma eliġibli biex jirċievu dan is-servizz.
Għaqdiet Volontarji li ma jikkwalifikawx biex jirċievu fondi/għajnuna mill-Gvern bħal donazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kategorija jew kategoriji ta' għaqdiet volontarji li ma jikkwalifikawx biex jirċievu fondi f'għajnuna mill-Gvern bħal donazzjonijiet eċċ? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn il-kategoriji?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament dwar it-total f'multi jew penali li ġew imposti fuq għaqdiet volontarji għal kull sena fil-leġiżlatura kurrenti?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020, kien hemm żewg każi fejn żewg għaqdiet m’għamlux skrizzjoni mal-Kummissarju u għalhekk hemm proċeduri pendenti l-Qorti li għadhom sub-judice. Minbarra dawn iż-żewġ każijiet ma’ kien hemm ebda każ fil-leġislatura kurrenti fejn ġew imposti multi jew penali fuq għaqdiet volontarji.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20061, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji kwantu l-istudenti li spiċċaw l-iskola sekondarja, jiġifieri l-iskola tal-obbligu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-għadd ta’ studenti li spiċċaw l-iskola sekondarja f'Għawdex fl-aħħar tliet snin skolastiċi huwa kif se nsemmi:
2017/18: 289
2018/19: 329
2019/20: 273
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 20764, tista' l-Ministru tgħid min kienu l-professjonisti fis-settur li għandu d-dipartiment u skont il-Ministru, l-istess dipartiment li qed jistrieħ fuq id-deċiżjonijiet tagħhom? Tista' tgħid ukoll liema huma dawk l-eċċezzjonijiet li jsiru, meta jkun hemm kundizzjoni medika severa u jekk il-każ tal-persuna msemmiha, jaqax taħt dawn l-eċċezzjonijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-professjonisti huma uffiċjali li għandhom esperjenza ta’ ħafna snin f’dan ix-xogħol u għandhom ukoll il-kwalifiki meħtieġa f’dan il-qasam. Eċċezzjonijiet ta’ kundizzjoni medika severa huma varji u jkunu ċertifikati minn konsulenti fil-qasam tas-saħħa. Infurmata li l-każ ta’ din il-persuna ma jaqax taħt kundizzjoni medika severa.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 20951, jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar ir-raġunijiet għala l-ftehim mal-organizzazzjoni li kienet tamministra r-Ramla l-Ħamra tħalla jiskadi? Mill-bidu tas-sena 2021 sa meta jiġi ffirmat il-ftehim il-ġdid, min qed jamministra l-bajja flok dik l-organizzazzjoni? Ma' liema organizzazzjoni se jsir il-ftehim il-ġdid u kif saret l-għażla ta' din l-organizzazzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ftehim mal-organizzazzjoni li kienet tamministra r-Ramla l-Ħamra ma ġiex imġedded wara li l-organizzazzjoni stess uriet ix-xewqa li ma tkomplix tamministra dan is-sit. Fl-interim il-Ministeru kompla jammistra s-sit direttament flimkien mal-ERA u Ambjent Malta u beda jfassal il-kuntratt il-ġdid mal-entità mhux governattiva (Nature Trust Malta) li wriet interess tamministrah.
Jista' l-Ministru jippreżenta lill-Parlament lista tar-rotot li fuqhom ser ikunu qed joperaw l-buses li nxtraw b'relazzjoni mal-faċilità ta' Park & Ride li l-Gvern qal li jrid jagħmel fi Triq Ta' Xħajma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rotot huma ppjanati minn tax-Xhajma għax-Xatt u lura. Minn tax-Xħajma jgħaddu minn Triq Bordin, lejn il-Qala u jinżlu ix-Xatt minn Triq Sant’ Antnin. Mix-Xatt lura jgħaddu mit-triq prinċipali tax-Xatt u jduru minn ħdejn iċ-ċimiterju tax-Xewkija lejn tax-Xħajma.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament, min qed jamministra l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra fil-preżent? Kif qed jiġu protetti s-sand dunes u t-trunċiera li jinsabu f'din il-bajja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli biss għall-bajja fejn jidħol immaniġjar tal-Bandiera l-Blu, tindif, u protezzjoni ġenerali. Għalhekk, billi l-mistoqsija tirrigwardja l-protezzjoni tal-għaram tar-ramel, u r-Ramla hija sit ta’ Natura 2000, nitlob lill-Interpellant jistaqsi lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament, min qed jamministra l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra fil-preżent? Kif qed jiġu protetti s-sand dunes u t-trunċiera li jinsabu f'din il-bajja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament, min qed jamministra l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra fil-preżent? Kif qed jiġu protetti s-sand dunes u t-trunċiera li jinsabu f'din il-bajja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil Onor Interpellant li l-amministrazzjoni tal-bajja tar-Ramla l-Ħamra ġewwa Għawdex kienet tagħmel parti min ftehim ma’ eNGO li skada f’ Diċembru 2020. Il-Ministeru flimkien mal- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u Ambjent Malta fasslu ftehim ġdid li jindirizza l-immaniġjar ta’ dan is-sit li jinkudi wkoll l-protezzjoni ta’ sand dunes u li jorbot l-obbligi li hemm taħt l-management plan għal dan il-post.
Dan il-ftehim ser ikun qed jiġi iffirmat ma’ eNGO ambjentali kif jintemmu dawn in-negozjati.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-persuni li preżentement jinsabu impjegati fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji preżentement jirrisjedu fi kwalunkwe waħda mil-lokalitajiet imniżżla hawn isfel?
Birżebbuġa, Ħal Kirkop, L-Imqabba, Ħal Farruġ, Ħal Luqa, Il-Qrendi, Ħal Safi, Iż-Żurrieq, u Bubaqra, Iż-Żurrieq
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza ghal PQ 20607