Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Lawrenz Għawdex – Uffiċċju f’Ta’ Dbiegi

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk is-servizzi li qed jiġu offruti mill-uffiċċju li ġie assenjat ġewwa Ta' Dbiegi f'San Lawrenz Għawdex lill-Kunsill Malti għall-Volontarjat? Tista' tgħid kemm persuni qed jaħdmu f'dan l-uffiċċju? Tista' tgħid ukoll kemm għaqdiet Għawdxin ibbenefikaw mis-servizz tal-uffiċċju, minn kemm ilu miftuħ sa meta titwieġeb din id-domanda?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-uffiċċju li ġie assenjat ġewwa Ta' Dbiegi f'San Lawrenz Għawdex lill-Kunsill Malti għall-Volontarjat jinsab magħluq peress illi s-support lill-għaqdiet Għawdxin qed jingħata miċ-Ċentru tal-Volontarjat ġewwa x-Xewkija.

Amministrazzjoni taċ-Ċentru tal-NGOs – MoU

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum Of Understanding li ġie ffirmat ftit taż-żmien ilu, in kwantu l-amministrazzjoni taċ-ċentru tal-NGOs ġewwa x-Xewkija Għawdex?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-Memorandum Of Understanding mitluba qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Għaqdiet volontarji – Fondi Ewropej

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għaqdiet volontarji bbenefikaw minn Fondi Ewropej mill-budget 2014 - 2021? Liema kienu dawn l-għaqdiet, kemm fondi rċeviet kull waħda u x'kien l-iskop li għalih ingħataw il-fondi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tkopri l-perjodu li jibda mit-23 ta’ Novembru 2020, id-data meta l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja beda bl-operat tiegħu.
Leg 13 PQ #23000 Sitting 520 2021-11-16 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema Għawdxin fiċ-Ċivil – bord – każijiet umanitarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi dwar każijiet umanitarji ta' ħaddiema Għawdxin fiċ-Ċivil li minħabba l-kundizzjoni tagħhom jkunu talbu biex jintbgħatu jaħdmu Għawdex qabel ma dawn ikun imisshom skont il-lista tal-Għawdxin li jaħdmu Malta? Jista' jispjega eżattament il-proċedura li jsegwi dan il-Bord f'każijiet ta' din ix-xorta?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Bord Mediku huwa ffurmat minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti mediċi kif ukoll minn Medical Board Coordinator li tieħu ħsieb il-lat amministrattiv tal-proċess tal-Bord. Kull talba li jirċievi l-Bord biex tiġi evalwata l-qagħda ta’ saħħa ta’ impjegat pubbliku, issir abbażi tan-natura tal-każ u b’mod individwali. Wara din l-evalwazzjoni, il-Bord jagħmel rakkomandazzjonijiet skont il-ħtieġa tal-każ u biex tiġi ppreservata s-saħħa tal-impjegat sabiex dan jibqa’ fix-xogħol għal-aktar żmien, sakemm saħħtu tippermetti. Dan japplika għall- impjegati pubbliċi kollha, irrispettivament jekk jaħdmux Malta jew Għawdex.

Ix-Xagħra Għawdex – proprjetà immobbli li tappartjeni għall-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà immobbli li tappartjeni lill-Istat ġewwa l-lokalità tax-Xagħra Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din il-proprjetà hi suġġetta għal kirja jew ċens? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx proprjetà li tinsab f'idejn il-Gvern u jekk iva, jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proprjetajiet bl-indirizzi fejn jinstabu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.

Investimenti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19433 u 20040 u jispjega lill-Parlament kemm kienu dawk l-investimenti li mill-2013 ‘l hawn irrifjutaw li jiġu Għawdex minħabba n-nuqqas tat-Tieni Fibre Optic Cable? Jista’ jgħid ukoll kemm investimenti wrew interess jew saħansitra ġew Għawdex, proprju għax issa hemm it-Tieni Fibre Optic Cable bejn il-gżejjer?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

F’kompetizzjoni feroċi biex kull reġjun fid-dinja jattira l-investiment huwa diffiċli biex tistabbilixxi ilgħala proġett jagħ¿el post minn ieħor fejn jinvesti. L-ebda investitur ma jgħidlek il-ħsibijiet tiegħu. Pero’ jibqa’ l-fatt li waqt li hawn Malta s-settur tal-informatika fis-sens wiesgħa tal-kelma kiber tant li sar pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ Malta b’niċeċ bħal software, video gaming, remote gaming, online platforms u gateways eċċ, mhux l-istess sar f’Għawdex. U dan ¿gur mhux minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet f’din il-g¿ira. Għax hawn ħafna Għawdxin li jaħdmu f’dawn in-niċeċ hawn Malta. Il-Gvern investa €4 miljun fil-fibre optic cable tal-aħħar teknoloġija biex jindirizza dan il-gap. B’dan il-cable it-tkabbir ekonomiku li sar hawn Malta fl-industrija “ICT enabled” jista’ jsir ukoll f’Għawdex. Il-Gvern jemmen fis-sħiħ li l-potenzjal ekonomiku f’Għawdex jista’ jkompli jikber b’investimenti sostanzjali f dawn l ahhar snin fid-digital hub, b’estenzjonijiet fix-Xewkija u fuq kollox bl-iskola ta’ Barts f’Għawdex. Il-cable ser jagħti spinta akbar biex aktar proġetti fl informatica digitali jiġu allokati f’Għawdex biex b’hekk joffru impjiegi ta’ kwalita’. Minn meta tqiegħed il-cable, ¿ewġ kumpaniji barranin investew f'Għawdex. Dawn għandhom il-potenzjal li jimpjegaw madwar 20 ruħ bejniethom. Ovvjament id-deċi¿joni li jinvestu Għawdex ma tkunx marbuta biss mal-cable imma mal-pakkett kollu li toffri din il-gzira. Barra minn hekk l-opportunita' li joffri l-fibre optic cable tista' tkun importanti ħafna biex tkompli titwettaq l-iskema li tattira lejn Malta id-Digital Nomads.

Għawdex — Għasri - esproprjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18292 u 20041 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17795, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Ċentrali għamilx esproprjazzjonijiet fil-lokalità tal-Għasri Għawdex, preċiżament fiż-żona ta' Triq il-Ġdida u Triq il-Qadima li kopji tal-pjanti għalihom qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji, possibbilment anke billi jpoġġi pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.

It-Tieni Fibre optic Cable

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'użu sar sal-jum li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari mit-tieni fibre-optic cable li tqiegħed bejn Malta u Għawdex? Jista' jispjega x'arranġamenti saru mal-kumpanniji tat-telekomunikazzjoni biex dawn jagħmlu użu mill-cable? Jista' jindika wkoll il-ħlas mitlub biex ikun jista' jsir użu mill-cable?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li It-tliet kumpaniji tat-telekomunikazzjoni Maltin jiġifieri Epic, Go u Melita kollha huma connected mal-fibre optic cable u qed jagħtu servizz lill-klijenti tagħhom ġewwa Għawdex permezz ta' dan il-cable wkoll. It-tliet kumpaniji għandhom kuntratti identiċi mal-kumpanija Gozo Fibre Optic Cable Ltd u t-tlieta li huma jħallsu l-istess rata għal dan is-servizz. Peress li dan huwa arranġament kummerċjali, ir-rata kemm tħallas kull kumpanija ma' tistax tingħata. Pero' l-ebda parti mill-ispejjez tal-proġett ma intefat fuq il-konsumatur Għawdxi.

Bordijiet – persuni b’diżabilità maħtura

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-bordijiet appuntati mill-Gvern jew fejn il-Gvern għandu dritt jappunta direttament jew indirettament xi membri, fejn ġew maħtura persuni b'diżabilità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bordijiet appuntati mill-Gvern jew fejn il-Gvern għandu dritt jappunta direttament jew indirettament xi membri, fejn ġew maħtura persuni b'diżabilità huma: L-Kunsill għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’; Il-Kunsill Konsulattiv dwar l-Awtiżmu; Il-Bord ta’ L-Appelli tal-Ħajja Komunitarja Indipendenti; L-Bord tal-Ħajja Komunitarja Indipendenti; u il-Kunsill dwar il-Lingwa Maltija tas-Sinjali.

Persuni b’Diżabilità – pensjoni tad-diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm persuni b'diżabilità f'Malta jirċievu pensjoni tad-diżabilità? Tista' tgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni jirċievu pensjoni li hi ekwivalenti fl-ammont għall-paga minima nazzjonali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex l-mistoqsija tiġi rreferuta lill-Ministeru kkonċernat.

COVID-19 — booster

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għala persuni taħt l-età ta' 70 sena li rċevew il-vaċċin kontra l-COVID-19 f'Ġunju li għadda, diġà qed jirċievu l-appuntament biex imorru jieħdu l-booster kontra l-istess COVID-19, filwaqt li frontliners li ħadu l-imsemmi vaċċin fil-bidu tas-sena kurrenti, għadhom biss fl-istadju fejn qed jintalbu japplikaw ħalli jirċievu l-imsemmi booster?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa ġie mħabbar, frontliners mediċi inkluż spizjara fil-komunita’ u carers fil-homes tal-anzjani, kif ukoll teachers u ħaddiema fl-iskejjel bdew jirċievu l-booster tat-tilqima tal-Covid-19 minn din il-ġimgħa stess.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Dipartiment tal-Emerġenza — nuqqas ta’ siġġijiet tar-roti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk fl-Isptar ta' Għawdex hemmx nuqqas ta' siġġijiet tar-roti, partikolarment fid-Dipartiment tal-Emerġenza? Jekk iva, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li hemm xi nuqqas ta’ siġġijiet tar-roti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Għawdex – GU Clinic — pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm pazjenti rċevew xi servizz mill-GU clinic f'Għawdex fl-aħħar sitt xhur?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Mejju sa Settembru tal-2021 kien hemm 33 persuni li rċevew xi servizz mill-GU clinic f'Għawdex.

Għawdex – Bereġ tas-Saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm bereġ tas-saħħa f'Għawdex li fil-mument qed jiffunzjonaw? Kemm ħin fil-ġimgħa qed tinfetaħ għall-pubbliku kull waħda minn dawn il-bereġ? X'servizzi qed jiġu offruti fil-mument, minn dawn il-bereġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara programm ta’ immodernizzar, preżentament f’Għawdex hemm żewġ Kliniċi fil-Komunita’ li qegħdin jagħtu servizz għall-pubbliku; dawn huma l-Klinika ta’ Kerċem minn fejn qed jingħata s-servizz tal-programm tat-tilqim għat-tfal, kif ukoll il-programm tat-tilqim għall-kontra l-Covid-19, u l-Klinika tax- Xewkija fejn jingħata s-servizz tal-iSpeech Therapy u l-Programm tad-Donazzjonijiet tad-Demm. Apparti minn hekk huwa ppjanat li jsir aktar rinovar u immodernizzar f’numru ta’ Kliniċi oħra fosthom fl-Għarb, Għajnsielem u l-Għasri.

Il-Qala – Triq San Piju XII — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22011 li saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u tgħid meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet fuq Triq San Piju XII fil-Qala Għawdex: a. Mogħdija ta' servizzi ġodda, partikolarment dak tal-ilma li fil-preżent jasal għand ir-residenti mdardar u kollu sadid; u b. Wiċċ ġdid li jixraq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq msemmija mistennija jitlestew matul dan ix-xahar.

Malta Business Registry – għaqdiet volontarji — multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx għaqdiet volontarji li weħlu multi mill-Malta Business Registry? Jekk iva, jista' jgħid kemm kienu jammontaw dawn il-multi u kemm minn dawn tħallsu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kien hemm 89 assocjazzjoni u 18-il fondazzjoni li weħlu multa mill-MBR. Fil-każ ta’ assocjazzjonijiet, l-ammont impost kien ta’ €11,122, li minnhom tħallsu €6,722. Fil-każ ta’ fondazzjonijiet, l-ammont impost kien €1,900, li minnhom tħallsu €600.
Leg 13 PQ #22007 Sitting 487 2021-07-12 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi Ewropej – proġetti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Fondi Ewropej li ntilfu mill-proġett tal-Mużew għal Għawdex ġewx allokatti f’proġetti oħra f’Għawdex? Jekk iva jista’ jindika liema proġetti huma dawn?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li wara l-irtirar tal-proġett tal-Mużew għal Għawdex, l-allokazzjoni finanzjarja tiegħu ġiet ritornata lura għall-Programm Operazzjonali. Dan il-finanzjament ġie allokat sabiex jimmitiga l-impatt finanzjarju tal-pandemija f’Malta u Għawdex. Aħna nibqgħu kommessi li 10% mill-Programm Operazzjonali I jiġi investit f’Għawdex.

Il-Qala – karozza tal-linja numru 322

Question

Sabiex ir-residenti ta’ Qala Għawdex ikunu moqdijin aħjar, jista' l-Ministru jgħid hux lest li jikkonsidra li r-rotta tal-karozza tal-linja numru 322 tibda tagħmel waqfa biex tħott u tgħabbi l-passiġġieri f'dan ir-raħal?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment u ħa nkunu qegħdin nevalwaw dan is-suġġeriment fil-futur qarib.

Il-Qala – karozza tal-linja numru 303

Question

Sabiex ir-residenti ta’ Qala Għawdex ikunu moqdijin aħjar bi vjaġġ iqsar, jista' l-Ministru jgħid hux lest jikkonsidra li r-rotta tal-karozza tal-linja numru 303 tibda tgħaddi minn Triq Ta’ Xħajma flok li ddur minn Triq il-Madonna tar-Rummiena u Triq l-Imġarr u vice versa bħal fil-preżent?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment u ħa nkunu qegħdin nevalwaw dan is-suġġeriment fil-futur qarib.