Aġenzija Sapport: Programm personali ta' Sapport tal-klijenti għac-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-klijenti/residenti taċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u dawk tad-Djar Residenzjali għandhomx programm personali ta' sapport u jekk dan il-programm jingħatax kopja tiegħu kemm lill-klijenti kif ukoll lil min jieħu ħsiebhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Aġenzija Sapport toffri servizz individwalizzat lill-persuni b’diżabilità, skont il-bżonnijiet u n-neċessitajiet tal-persuna u ċ-ċirkustanzi tal-każ ikkonċernat. Dawn il-programmi ppersonalizzati jiġu mħejjija bil-kontribut ta’ diversi professjonisti, bħall-Ħaddiema Soċjali, Occupational Therapists u numru ta’ professjonisti oħra. Dan isir ukoll wara assessjar tas-sitwazzjoni tal-individwu u wkoll b’konsultazzjoni u qbil mal-persuni b’diżabilità u/jew il-familjari / kuraturi tagħhom. Dan sabiex ikun aċċertat li jintlaħqu l-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità. Il-programmi li jkunu ġew identifikati għall- persuna b’diżabilita`, jiġu riveduti skont il-progress illi l-klijent ikun qiegħed jagħmel.
Kopja ta’ dan il-programm ippersonalizzat huwa aċċessibbli għall-benefiċjarji tal-Aġenzija, li jagħmlu użu mis-serivizzi pprovduti. Il-familjari tal-persuna b’diżabilita` jiġu kkonsultati b’dan il-programm ippersonalizzat. Dan ukoll huwa b’konformita` mal-istandards fil-provediment ta’ servizzi ta’ ħarsien soċjali maħruġa mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA), li l-Aġenzija Sapport hija kommessa li żżomm magħhom.
Għawdex – Ix-Xagħra – Triq Ġorf – sistema tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet differenti jew aħjar minn tal-Ministru li ppreċedieh sabiex Triq Ġorf ġewwa x-Xagħra Għawdex titqabbad mas-sistema tad-drenaġġ pubbliku, mingħajr il-bżonn li r-residenti jkollhom jużaw il-fosos bħal fil-preżent? Jista' jgħid ukoll jekk wara l-petizzjoni miġbura mir-residenti ta' din it-triq kwantu s-servizz tad-drenaġġ u li ġiet ippreżentata lill-Ministru ta' qablu, hux ser jiltaqa’ mal-istess residenti sabiex jismagħhom u jasal għal soluzzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex inħass il-bżonn li t-triq li mir-Rabat Għawdex tieħu lejn Marsalforn titwessa’ u minnha jinqala’ numru ġmielu ta' siġar? Jekk verament hemm il-ħtieġa li t-triq titwessa’, jista' jispjega x'miżuri qed jieħu biex l-impatt fuq is-siġar ikun mill-inqas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq eżistenti tinsab fi stat ħażin peress li diversi partijiet tal-wiċċ qed jidhru li qed iċedu minħabba li qed ifallu l-fondazzjonijiet, apparti li żewġ pontijiet antiki għandhom ħsarat estensivi. Barra minn hekk, hemm partijiet tat-triq li qed jikkawżaw periklu kbir għas-sigurta’ tas-sewwieqa u għan-nies li jkunu mexjin fit-triq, minħabba nuqqas jew limitazzjoni fl-infrasttrutura eżistenti. Tenut kont taċ-ċirkostanzi kollha, kienet ilha tinħass il-ħtieġa li titjieb l-infrastruttura ta’ din it-triq biex tibda tintuża b’mod sigur minn kulhadd.
Wara diversi studji li saru, ġie deċiż li t-triq inżamm b’żewġ karreġġjati pero’ se jigu eliminati diversi kurvi perikuluzi billi jitejjeb l-allinjament. Se tiġi nkluża mgħodija għan-nies li jkunu mixjin, kif ukoll karreġġjata dedikata għaċ-ċiklisti li twassal mir-Rabat sa Marsalforn, mingħajr waqfiet. Din tal-aħħar se ssir f’parti mit-triq hekk kif ir-rotta taċ-ċiklisti se titkompla minn triq rurali biex jitnaqqas it-teħid tal-art. Fil-proġett se tkun inkluża infrastruttura ġdida tal-ġbir tal-ilma, apparti li se ssir bidla fid-dawl tat-triq. Min-naħa l-oħra, is-servizzi se jgħaddu minn taħt l-art biex jitneħħew ħafna wajers li qed ikerrħu t-triq.
Siġar bħal Olea Europea u ż-Żebbuġa se jinqalgħu u jerġgħu jitħawwlu. Fost is-siġar li se jinqalgħu hemm numru kbir minnhom li huma aljeni u inażivi, fosthom l-Acacia, Eucalyptus, Nerium Oleander u Casuarina. Bħala kumpens u kif ukoll biex tisebbaħ it-triq se jinżergħu ‘l fuq min 120 siġra indiġena fosthom Laurus Nobilis (ir-Randa), Tamarix Africana (it-Tarfa) u Pinus Halepensis (iz-Znuber).
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni fiż-żona taċ-Ċittadella wara li tlesta l-proġett ta' restawr? Jista' jagħti d-dettalji ta’ kemm minn dawn ġew ingaġġati fil-leġiżlatura li għaddiet u kemm minn dawn ġew ingaġġati fil-leġiżlatura kurrenti? Jista' jispjega taħt liema kategorija ta' xogħol ġew ingaġġati dawn il-persuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija f’din it-tabella;
Impjegati ngaġġati fiċ-Ċittadella
2016
2017
2018
2019
Ministeru għal Għawdex*
1
Nil
Nil
Nil
Cittadella Traineeship Scheme**
42
Nil
Nil
Nil
Kuntratt ma’ Wirt Għawdex***
6
Nil
Nil
Nil
Community Workers Scheme****
Nil
Nil
15
9
*Ħaddiem manwali – labourer scale 20
**Ħaddiema manwali - l-iskema ġiet terminata f’Diċembru 2017.
***Ħaddiema klerikali – kuntratt ġie terminat f’Diċembru 2018 u l-ħaddiema ġew assorbiti mill-Community Workers Scheme.
****Ħaddiema f’din l-iskema huma: 14 ħaddiema manwali u 10 ħaddiema klerikali. Din l-iskema għadha fis-seħħ sal-lum il-ġurnata.
Triq li twassal minn Nadur għal Għajnsielem — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq it-triq li minn Nadur twassal għal Għajnsielem? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta din it-triq ser jitlesta u tibda tintuża mill-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema triq qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fil-bajja tax-Xlendi? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dawn ix-xogħlijiet ser jitlestew għat-tgawdija tal-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar l-iskavar tad-dry-standing area, tgħaddew is-servizzi kollha, sar il-livellar u beda t-tqegħid tal-konkos tal-wiċċ. Tlesta wkoll l-boundary wall tal-madwar. Jidher li ma hemmx ostakli u x-xogħlijiet mistennija li jitlestew fil-bidu tat-tieni kwart ta’ din is-sena. L-istima ta’ dan ix-xogħol li għalih il-fondi ġejjin minn dawk Ewropej hija ta €312,000 esklu¿ il-VAT.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq l-isptar il-ġdid propost fir-Rabat Għawdex? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dan l-isptar ser jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konċessjoni għall-bini ta’ sptar ġdid fir-Rabat Għawdex hija f’idejn Steward Healthcare li ninsab infurmat huma fil-proċess li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Awtorità tal-Ippjanar fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tat-taraġ bejn it-terminus tal-linja u Pjazza San Franġisk, kif ukoll Pjazza San Franġisk innifisha? Jista' jispjega b'mod dettaljat il-miżuri li qed jittieħdu biex dan il-proġett ikun totalment aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u persuni oħra b'mobilità ridotta? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dan il-proġett ser jitlesta u jibda jitgawda mill-pubbliku? Huwa veru li reċentement kellu jinqala’ l-pavimentar il-ġdid ta' Pjazza San Franġisk minħabba li ma sarx sew? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli oħra li qed iżommu x-xogħlijiet lura?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlesta l-pavimentar tat-taraġ u beda jitwaħħal id-disinn tal-mużajk kif ukoll l-cladding. Beda wkoll jitpoġġa l-pavimentar ta’ Pjazza San Franġisk. L-aċċess għall-Pjazza San Frangisk se jkun aċċessibli permezz ta’ passenger lift li jgħaqqad il-venda tal-linja ma’ Pjazza San Franġisk. Dan se jagħti aċċess sigur lin-nies u jneħħi l-periklu li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti qatt ma ħasbu biex jagħmlu. Il-proġett mistenni jkun komplut fil-bidu tas-Sajf 2020. Miniex infurmat li kellu jinqala xi pavimentar li kien diġa twaħħal. Ix-xogħlijiet mexjin hekk kif skedat. Il-tender għall-proġett ta’ Pjazza San Franġisk ġie awarded għas-somma ta’ €2,184,823.34 (excl VAT), filwaqt li t-tender tat-Taraġ ta’ San Frangisk ġie awarded għas-somma ta’ €334,012.27 (excl VAT).
Jista’ l-Ministru jispjega b’mod dettaljat u konkret f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-Qorti l-ġdid propost għal Għawdex? Jista’ jagħti data preċiża u ċara ta’ meta dan il-Qorti ser jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett? Jista’ jgħid kemm kienet is-somma li nefaq il-Ministeru fuq dan il-proġett fil-leġiżlatura li għaddiet u kif ukoll kemm kienet is-somma li l-istess Ministeru nefaq fuq l-istess proġett fil-leġiżlatura kurrenti sal-lum? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
San Ġwann – Triq il-Mensija – xogħlijiet — bankini
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bankini fi Triq il-Mensija, San Ġwann li fuqhom kien qed isir ix-xogħol riċentement, sarux skont il-linji gwida Access For All?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq investiment ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin biex tibni mill-ġdid it-toroq residenzjali. It-triq indikata hija waħda mit-toroq residenzjali li qegħdin isiru bħalissa bħala parti minn dan l-investiment u l-bankini ġodda fiha kollha saru skont il-linji gwida Access For All. L-aġenzija għaddejja b’diskussjonijiet mas-sidien ta’ banka tal-lottu li hemm f’din it-triq bil-għan li din l-istruttura titneħħa minn fejn hi biex l-aċċess ikun aktar sigur.
San Ġwann – Triq il-Mensija – xogħlijiet — bankini
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bankini fi Triq il-Mensija, San Ġwann li fuqhom kien qed isir ix-xogħol riċentement, sarux skont il-linji gwida Access For All?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Għawdex – Ix-Xagħra – Triq Ġorf – sistema tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet differenti jew aħjar minn tal-Ministru li ppreċedietu sabiex Triq Ġorf ġewwa x-Xagħra Għawdex titqabbad mas-sistema tad-drenaġġ pubbliku, mingħajr il-bżonn li r-residenti jkollhom jużaw il-fosos bħal fil-preżent? Jista' jgħid ukoll jekk wara l-petizzjoni miġbura mir-residenti ta' din it-triq kwantu s-servizz tad-drenaġġ u li ġiet ippreżentata lill-Ministru ta' qablu, hux ser jiltaqa’ mal-istess residenti sabiex jismagħhom u jasal għal soluzzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Manutenzjoni ma jista jagħmel l-ebda xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ minħabba proċeduri legali pendenti fil-Qorti.
Skola Medika ta’ Barts — Studenti Għawdxin fil-Kamp Mediku
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk studenti Għawdxin fil-kamp mediku hux ser ikollhom l-opportunità li jsegwu korsijiet fl-iskola medika ta' Barts f'Għawdex u b'hekk jevitaw il-ħtiega li jivvjaġġaw lejn Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reklutaġġ tal-istudenti għal-kors tal-Mediċina fl-iskola medika ta’ Barts huwa strettament skond il-kriterji stabbiliti mill-istess skola medika u approvati mill-General Medical Council.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel Għawdxin li għad qed jistennew li jingħataw l-assistenza ta' Learning Support Educator (LSE)? Kemm minn dawn it-tfal jeħtieġu LSE waħedhom u kemm minnhom jeħtieġu shared LSE? Jista' jgħid jekk hemmx pjan biex l-ammont ta' tfal f'Għawdex li għandhom l-assistenza ta' LSE, jitnaqqas u jekk iva għalfejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li f'Għawdex bħalissa hemm tliet (3) studenti li qed jistennew l-assistenza ta' LSE, waħda FT 1-1 u tnejn (2) Shared in the same class (SSC).
Fil-bidu ta' Frar deħlin LSEs mill-leave tal-maternità u tal-parental. Dawn ser jissapportjaw lil dawn l-istudenti.
Bħal dejjem u kif inhi l-policy meta l-istudenti jingħataw s-sapport ta' LSE, il-bord għandu l-obbligu li wara ftit żmien, li jkun stipulat fl-iStatement of Support Report, jerġa' jibgħat għall-istudenti ħalli jevalwa x'progress ikun sar. Jekk ikun sar il-progress kif inhu meħtieġ, jitnaqqas is-sapport bil-għan li l-istudenti jkunu aktar indipendenti.
Il-pjan mhux li wieħed jara kif jitnaqqas dan is-servizz fil-fatt, l-ingaġġ ta' LSEs din is-sena skolastika żdied sostanzjalment. Ir-reviews isiru biex l-istudenti jingħataw l-aħjar servizz possibbli għalihom.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kemm hemm Learning Support Educators (LSEs) residenti f'Għawdex iżda li jaħdmu f'Malta? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm minn dawn l-LSEs ġew trasferiti biex jaħdmu f'Għawdex, sena b'sena mill-2013 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 203 Learning Support Educators (LSEs) Għawdxin li jaħdmu Malta.
Infurmat ukoll li n-numru ta’ LSEs li telgħu jaħdmu Għawdex, sena b’sena mill-2013 lil hawn, huwa kif ġej:
2012 / 2013 - 18-il persuna
2014 - 2 persuni
2015 - 2 persuni
2016 - 8 persuni
2017 - 8 persuni
2018 - 5 persuni
2019 - 5 persuni
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq id-Dar għall-Anzjani ġewwa Għajnsielem? Jista' jagħti data preċiża u ċara meta din id-dar ser titlesta u meta l-ewwel anzjani se jidħlu jirrisjedu fiha? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dar tal-anzjani fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem se tospita 119 persuna. Hu maħsub li l-ewwel anzjani jidbdew deħlin fl-2021, pero’ dan jiddependi fuq ‘tendering procedures’. It-tenders relatati mat-tkomplija u l-operat tal-proġett hu maħsub li jkunu pubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. L-istimi eżatti ta’ kemm se jiġi jiswa dan il-proġett ma jistgħux jingħataw f’dan l-istadju minħabba li għad fadal xi xogħlijiet li għadhom fi stadju preparatorju.
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Mużew ta' Għawdex? Jista' jagħti data ta' meta dan il-proġett se jkun lest? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jispjega dwar il-fdalijiet li nstabu fuq is-sit u kif dawn qed jiġu konservati? Jista' jispjega x'oġġetti se jkunu esebiti fil-mużew ladarba jitlesta u wkoll mnejn dawn ser jinġabu jew jittieħdu? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex għaddejjin ġmielhom. F’dawk l-areas fejn ma ġew misjuba l-ebda fdalijiet arkaeoloġici, dejjem wara konsultazzjoni u superviżjoni sħiħa minn naħa tas-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, baqgħu għaddejjin ix-xogħlijiet tal-iskavar hekk kif kienu approvati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar oriġinarjament skont il-permess PA/09197/17. Mill-banda l-oħra, l-fdalijiet misjuba ser jiġu kkonservati permezz ta’ ammenda bir-referenza PA/09947/19 fuq il-permess oriġinali. Dawn ir-reviżjonijiet ħadu l-ħin meħtieġ u issa l-proġett hu mistenni li jkun lest fl-aħħar kwart tas-sena 2021.
Bħalissa qed isir eżerċizzju min naħa tal-Ministeru għal Għawdex, Heritage Malta u l-konsulenti tal-proġett sabiex jiġu magħżula l-oġġetti minn fost il-kollezzjoni nazzjonali għal dan il-mużew. Qed issir reviżjoni tal-Bills of Quantities sabiex dawn is-sejbiet jiġu nkorporati b’mod ħolistiku fil-Mużew ta’ Għawdex u wara li jkun approvat il-permess il-ġdid tkun tista tiġi kkonfermata l-ispiża totali ta’ dan il-proġett.
Għawdex – Ir-Rabat – Ċentru tas-Saħħa — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid propost fir-Rabat? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dan iċ-ċentru se jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijet fuq il-parti esterna mexjin skont il-pjan stabilit bix-xogħlijiet huma pjanati li jitlestew sat-tieni kwart tas-sena 2020. Minn naħa l-oħra x-xogħlijiet relatati mal-intern taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid kif ukoll l-apparat meħtieġ qed jiġi kkordinat mill-Ministeru tas-Saħħa.
Tista' l-Ministru tispjega lill-Kamra jekk waqt ix-xogħlijiet t'adattament li saru reċentement fuq il-vapur 'Nikolaus' li qed jopera bejn Malta u Għawdex, ittieħdux dawk il-passi kollha biex il-vapur isir aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobiltà ridotta? Jekk iva, tista’ tgħid jekk itteħidx parir fir-rigward u filkas min taha dan il-parir? Jekk kien hemm xi parir dwar x'miżuri għandhom jittieħdu, tista' l-Ministru tgħid jekk dawk il-miżuri ġewx implementati kollha?
Għawdex, Għajnsielem– Triq l-Imġarr – problema ta’ sewqan eċċessiv
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10970, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra fejn waslet l-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi? Tista' tagħti d-dettalji fiex jikkonsisti dan il-pjan eżattament?