B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13099, jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tat-Trasport fuq operaturi li provdew trasport f'Għawdex għall-pubbliku matul il-jiem tal-Karnival 2020 u li mhumiex soltu jipprovdu trasport fil-gżira Għawdxija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-uffiċjali ta’ Transport Malta ġewwa Għawdex ħadu ħsieb li jagħmlu numru ta’ spezzjonijiet fuq kull qasam ta’ transporti pubbliku inkluż servizz mogħti minn operaturi li mhux normali jaħdmu fil-gżira Għawdxija. Barra minn dan l-istess uffiċjali ħadu ħsieb l-immaniġġar ta’ traffiku kbir li kien hawn f’Għawdex fil-ġranet tal-Karnival.
B'referenza għall-ingaġġar reċenti ta' Assistance and Rescue Officers, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-individwi li għaddew mill-eżami bil-miktub? Jista' jgħid jekk ġewx ingaġġati wkoll individwi oħra li ma kinux fost dawk li għaddew mill-eżami bil-miktub?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li ngaġġar riċenti ta’ Assistance and Rescue Officers, sar skont ruling tal-Public Service Commission. Ir-ruling, li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra, talab li kull kandidat jingħata ċ-ċans jagħmel l-intervista inkluż dawk li ma għaddewx mill-proċess skont artiklu 6.4 tal-sejħa li ħarġet. Dan ifisser li 253 persuna kwalifikaw biex ikunu intervistati minnhom qagħdu għall-intervista 247 u 188 applikant għaddew. Dawn kienu msejħa għall-kors ta’ taħriġ skont artiklu 6.9 tas-sejħa u minnnhom għaddew 129. B’hekk dawn il-129 kienu ingaġġati bħala Assistance and Rescue Officers fi proċess li kien gwidat mill-Public Service Commission.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru trapjanti tal-organi fis-snin 2017, 2018, 2019 u 2020 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2017 saru 22 trapjant tal-kliewi u 18 il-trapjant tal-Cornea. Matul is-sena 2018 saru 18 il-trapjant tal-kliewi u 13 il-trapjant tal-Cornea. Matul l-2019 saru 16 il-trapjant tal-kliewi, 10 trapjanti tal-Cornea u trapjant tal-Qalb filwaqt li din is-sena saru 2 trapjanti tal-kliewi.
Jista' l-Ministru jgħid mill-fondi li kien hemm fil-fond għall-kontribuzzjonijiet tal-Programm taċ-Ċittadinanza fis-sena 2018, kemm kien l-ammont ta' flus li ngħataw minn dan il-fond lill-Għaqdiet Mhux Governattivi? Liema huma l-Għaqdiet li ngħataw dawn il-flus u kemm ingħataw flus?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Qasam tas-saħħa mentali – flus minfuqa fuq servizzi fil-komunità u residenzjali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus fuq servizzi fil-komunità u kemm intefqu flus fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali matul is-sena 2019?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa totali għal servizzi fil-komunita’ fl-2019 kienet €9,668,190 li minnhom €4,479,014 intefqu fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali.
Korp tal-Pulizija – taħriġ dwar il-vjolenza domestika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija impjegati fil-Korp? Kemm minnhom ingħataw taħriġ dwar il-vjolenza domestika matul is-snin 2018, 2019 u 2020 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija sal-5 ta’ Marzu 2020 fir-rankijiet kollha kien ta’ elfejn, mitejn u tlieta u sittin (2263). Fis-snin 2018, 2019 u sa Frar 2020 l-ammont ta’ membri tal-Korp li tħarrġu fuq il-Vjolenza Domestika kien 207, fl-2018 u 473 fl-2019. Din is-sena diġa ngħataw taħriġ 69 uffiċjal u dan in-numru ser jibqa jiżdied fl-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hemm tfal f'riskju ta’ faqar f'pajjiżna u f'liema lokalità qed jgħixu? X'qiegħed isir sabiex ikunu jistgħu jiġu megħjuna dawn it-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li t-tweġiba se tkun qed tingħata waqt seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-vjaġġ bil-vapur tal-Gozo Channel minn Għawdex lejn Malta tal-4.45am qed jispiċċa jitlaq tard regolarment u jiġifieri fil-5.00am? Jekk dan hu l-każ, x'inhuma r-raġunijiet? Jekk dan hu l-każ, tista' l-kumpannija Gozo Channel tirrimedja għal dan id-dewmien sabiex passiġġieri ma jitilfux ħin, xogħol u impenji bħalma qed jiġri preżentement?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret verifika dwar il-ħinijiet attwali tat-tluq tal-vjaġġi tal-4.45 a.m mill-Imġarr matul l-aħħar xahar minn meta bdiet topera l-iskeda l-ġdida, u rriżulta li darba biss il-vjaġġ telaq tard għal raġunijiet barra mill-kontroll tal-kumpanija.
Aġenzija Sapport: Stennija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12943, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex jindirizza, inaqqas u jekk jista' jkun jelimina l-listi ta' stennija msemmija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u għal Servizzi Residenzjali? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-każijiet huma f'Malta u kemm minnhom huma f'Għawdex?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari 12943, il-lista ta’ stennija għas-servizzi ta’ Matul il-Jum u għal Servizzi Residenzjali tal-Aġenzija Sapport hija maqsuma kif ġej:
Servizzi ta’ Matul il-Jum
Servizzi Residenzjali
159:
Malta - 119 -ilkaż
Għawdex: 24 każ
Każijiet oħra: 16-il każgħal servizzi speċjalizzati li jingħataw biss minn Malta
291:
Dawn il-każijiet ma jinqasmux skont jekk hux minn Malta jewminn Għawdex peress li t-talba tintlaqa’ skont is-servizz li japplikaw għalih u mhux għal residenza partikolari.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li persuna tista’ tkun qed tapplika għal aktar minn servizz wieħed u għaldaqstant l-istatistika mgħotija hawn fuq, maqsuma għas-servizzi ta’ matul il-jum u għas-servizzi residenzjali, tista’ tkun qiegħda tinkludi l-istess individwi li jkunu madanakollu qed japplikaw għal servizzi differenti.
Huwa ta’ min jirrimarka li, persuni b’diżabilità li jilħqu l-età ta’ 61 sena, jibqgħu jingħataw servizzi speċjaliżżati fiċ-Ċentri u r-residenzi tal-Aġenzija Sapport u mhux ikunu referuti għal servizzi jew dipartimenti oħra.
L-Aġenzija Sapport fil-preżent qiegħda taħdem sabiex tiftaħ aktar djar residenzjali fil-komunità bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta mmexxi mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva. Dan minbarra li l-Aġenzija għandha ukoll ftehim ma’ diversi entitajiet non-governattivi kif ukoll mas-settur privat, sabiex tkun tista’ tirreferi persuni b’diżabilità lejn servizzi residenzjali immexxija minnhom, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Fil-każ tas-servizzi ta’ Matul il-Jum, qed isir eżerċizzju ta’
profiling
tal-persuni b’diżabilità kollha li jattendu ċ-Ċentri. Dan l-eżerċizzju ser iwassal li nsiru nafu min huwa interessat li jibqa’ jirċievi dan is-servizz minħabba li jkun hemm min huwa reġistrat maċ-Ċentri imma jew l-attendenza tiegħu tkun waħda irregolari jew ikun waqaf milli jattendi. Dan l-eżerċizzju qed jgħin ukoll lill-Aġenzija fl-assessjar ta’ abbiltajiet tal-istess persuni sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu jinkoraġġixxu lill-klijenti isibu mpjieg waqt li ssir ħidma mal-familjari sabiex inħeġġuhom jagħtu sapport lill-persuni b’diżabilità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, waqt li ngħinuhom jindirizzaw xi biżgħat li jista’ jkun li dawn il-persuni ikunu qed jaffaċċjaw.
Aġenzija Appoġġ: Stennija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12944, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex jindirizza, inaqqas u jekk jista' jkun jelimina l-lista ta' stennija għal dħul f'waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-każijiet huma f'Malta u kemm minnhom huma f'Għawdex?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi pjanijiet biex tiġi ndirizzata l-lista ta’ stennija għal dħul f'waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani. Kull sena qed jinxtraw iktar sodod fi Djar Residenzjali tal-Anzjani privati biex inkunu nistgħu nilħqu iktar anzjani.
Waħda mill-miżuri tal-Baġit li d-Dipartiment ta’ l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jaħdem fuqha fil-preżent, hija l-miżura li kienet titratta bini ta’ Dar għall-Anzjani ġdida ġewwa Birkirkara. Fil-preżent għaddejja ħidma kontinwa ukoll sabiex jitlesta il-kumpless il-ġdid ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, li ser tkun qed jalloka madwar 500 sodda oħra, mas-sodod eżistenti li fil-preżent ir-Residenza għandha għad-dispożizzjoni tagħha.
Id-dipartiment tal-L-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’, qiegħed jaħdem ukoll sabiex insaħħu u nżidu aktar servizzi fil-komunità bil-għan li ngħinu lill-anzjani u lill-qraba sabiex l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom għal aktar żmien, permezz tal-għajnuna neċessarja. Dan il-pass ‘il quddiem huwa meħtieġ u neċessarju hekk kif il-għan aħħari huwa li l-anzjani ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar ġewwa darhom, mingħajr il-bżonn li japplikaw għal kura fit-tul li tista’ tingħata mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani
Il-każijiet fuq il-lista ta’ stennija għal dħul f’waħda mid-Djar Residenzjani għall-Anzjani f’Malta jamminta għal 2342 każ.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-każijiet fuq il-lista ta’ stennija għal dħul f’waħda mid-Djar Residenzjali għall-Anzjani f’Għawdex, mill-2018, il-Ministeru għal Għawdex beda jieħu ħsieb l-applikazzjonijiet għal dħul f’residenzi tal-anzjani, b’mod dirett mal-Ministeru għal Għawdex.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5999, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm individwi b'anqas minn ħames snin servizz u li xorta ngħataw il-promozzjoni ta’ senior operative?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li minn 84 persuna li ġew promossi għal grad ta’Senior Operative, kien hemm 31 li kellhom inqas minn 5 snin servizz.Dawn l-promozzjonijiet saru skont il-ftehim settorali rispettiv u l-proċess kien segwiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
B’referenza għall-ingaġġar reċenti ta’ Assistant Rescue Officers, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk l-individwi li għaddew mill-eżami bil-miktub? Jista’ jgħid jekk ġewx ingaġġati wkoll individwi oħra li ma kinux fost dawk li għaddew mill-eżami bil-miktub?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid ekk kienx hemm operaturi li provdew trasport f'Għawdex għall-pubbliku matul il-jiem tal-Karnival 2020 u li mhumiex soltu jipprovdu trasport fil-gżira Għawdxija?
Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid min huma dawn u taħt liema awtorizzazzjoni għamlu dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm operaturi li provdew trasport f'Għawdex għall-pubbliku matul il-jiem tal-Karnival 2020 u li mhumiex soltu jipprovdu trasport fil-gżira Għawdxija? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid min huma dawn u taħt liema awtorizzazzjoni għamlu dan?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li sa fejn jirriżulta lill-istess Awtorità, l-operaturi kollha li pprovdew servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri fil-jiem tal-Karnival ta’ din is-sena f’Għawdex, għamlu dan b’ħarsien tal-liċenzja tagħhom, li tawtorizzahom biex joperaw kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex matul is-sena kollha. Ninsab infurmat ukoll illi skont ir-regolament 21(3) tar-Regolamenti dwar Servizzi tat-Taxi (L.S. 499.59), huma biss it-taxis (il-bojod) li għandhom liċenzja biex joperaw f’Malta u li mhumiex awtorizzati biex jipprovdu servizz ta’ taxi minn u lejn Għawdex; u mill-informazzjoni li għandha l-Awtorità ma jirriżultax illi kien hemm xi ksur ta’ dan il-provvediment waqt il-jiem tal-Karnival ta’ din is-sena f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12808 u jispjega b’mod dettaljat u konkret f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-Qorti l-ġdid propost għal Għawdex? Jista’ jagħti data preċiża u ċara ta’ meta dan il-Qorti ser jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett? Jista’ jgħid kemm kienet is-somma li nefaq il-Ministeru fuq dan il-proġett fil-leġiżlatura li għaddiet u kif ukoll kemm kienet is-somma li l-istess Ministeru nefaq fuq l-istess proġett fil-leġiżlatura kurrenti sal-lum? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jikkunsidra l-għażliet kollha li għandu quddiemu. Sa issa ma bdew ebda xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12390 u jgħid jekk waqt ix-xogħlijiet ta' adattament li saru reċentement fuq il-vapur 'Nikolaus' li qed jopera bejn Malta u Għawdex, ittieħdux dawk il-passi kollha biex il-vapur isir aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobiltà ridotta? Jekk iva, jista' jgħid jekk itteħidx parir fir-rigward u filkas min taha dan il-parir? Jekk kien hemm xi parir dwar x'miżuri għandhom jittieħdu, jista' jgħid jekk dawk il-miżuri ġewx implementati kollha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija saru mis-sidien tal-Vapur Nikolaos.
Għawdex, Għajnsielem– Triq l-Imġarr – problema ta’ sewqan eċċessiv
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12391 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10970, jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi? Jista' jagħti d-dettalji fiex jikkonsisti dan il-pjan eżattament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala Ministru għal Għawdex ninsab impenjat biex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem. Il-Ministeru se jibda diskussjonijiet mal-Awtoritajiet ikkonċernati biex tinstab is-soluzzjoni meħtieġa.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin: Diviżjonijiet differenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-priġunieri kkundannati għall-priġunerija għall-ewwel darba u dawk ikkundannati għal aktar minn darba, hux qegħdin f'diviżjonijiet differenti? Jekk le, għaliex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klassifikazzjoni tal-priġunieri hi marbuta ma’ kwistjoni ta’ sigurtà u mhux ma’ kemm-il reat ikun twettaq.
Aġenzija Sapport: Stennija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klijenti prospettivi Maltin u Għawdxin li għadhom qed jistennew biex jingħataw is-Servizz ta' Matul il-Jum kif ukoll biex jidħlu f'xi Dar Residenzjali? Kemm ilhom jistennew dawn il-klijenti prospettivi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sad-data ta’ din it-tweġiba, l-Aġenzija Sapport kellha 159 każ fuq il-lista ta’ stennija għal servizzi ta’ matul il-jum, u 291 każ fuq il-lista ta’ stennija għal servizzi residenzjali. It-tabella t’hawn taħt turi l-istatus tal-każijiet illi qed jistennew servizzi residenzjali mill-Aġenzija Sapport.
Servizzi ta’ Matul il-Jum
Servizzi Residenzjali
159
291
Dawn huma maqsumin:
47 – urġenti
86 – interessati f’servizz residenzjali
158 – pjan għall-futur
Aġenzija Appoġġ: Stennija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klijenti prospettivi anzjani Maltin u Għawdxin li għadhom qed jistennew biex jingħataw is-Servizz ta' Matul il-Jum kif ukoll biex jidħlu f'xi Dar Residenzjali? Kemm ilhom jistennew dawn il-klijenti prospettivi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, m’hemmx lista ta’ stennija sabiex anzjani jattendu wieħed miċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva. Kull anzjan illi japplika sabiex jattendi f’Ċentru ta’ Matul il-Jum, jiġi kkuntattjat u offrut is-servizz fil-lokalità l-aktar viċin tiegħu.
Rigward il-lista ta’ stennija għal dħul f’waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fil-preżent għandu lista ta’ stennija ta’ 2342 anzjan/a. Id-dħul f’waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani ma tiddependix f’kemm wieħed ikun ilu fuq il-lista ta’ stennija biss, iżda ukoll skont l-urġenza ta’ kura fit-tul meħtieġa tal-każ ikkonċernat.