Rabat Għawdex – Middle School – inkonvenjent ta’ trab u storbju minħabba l-proġetti tal-pixxina u l-Iskola Primarja
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'qed jew x'ser jagħmel biex l-inkonvenjent ta' trab u storbju kkawżati mill-proġetti tal-pixxina u l-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, ma jkomplux ikunu ta' inkonvenjent għall-istudenti, edukaturi u staff tal-Middle School li tinsab fil-viċin, partikolarment bħalissa li minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, il-bibien u t-twieqi jkollhom jibqgħu miftuħin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perimetru tal-Iskola Medja, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) qiegħda tibni estensjoni tal-istess skola. Ix-xogħlijiet fuq din il-binja qegħdin isiru kemm jista’ jkun b'tali mod li ma jinħolqux inkonvenjenti lill-istudenti u lill-edukaturi.
Dwar ix-xogħol fuq il-proġett tal-pixxina, li jaqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex, saru laqgħat bejn uffiċjali miż-żewġ Ministeri u se jsiru sforzi biex l-inkonvenjent jiġi mitigat kemm jista’ jkun.
Rabat Għawdex – Middle School – inkonvenjent ta’ trab u storbju minħabba l-proġetti tal-pixxina u l-Iskola Primarja
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'qed jew x'ser jagħmel biex l-inkonvenjent ta' trab u storbju kkawżati mill-proġetti tal-pixxina u l-Iskola primarja tar-Rabat Għawdex, ma jkomplux ikunu ta' inkonvenjent għall-istudenti, edukaturi u staff tal-Middle School li tinsab fil-viċin, partikolarment bħalissa li minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, il-bibien u t-twieqi jkollhom jibqgħu miftuħin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Project Team li qiegħed jaħdem fuq il-proġett tal-pixxina, filwaqt li japrezzaw li dawn huma żminijiet straordinarji u diffiċli, huma konxji tal-effetti tax-xogħlijiet ta’ konstruzzjoni li qegħdin isiru biswit il-bini tal-Middle School. Għal din ir-raġuni qegħdin jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqas dan l-inkonvenjent. Dawn il-miżuri jinkludu koordinazzjoni kontinwa mal-amministrazzjoni tal-iskola, entraturi ta’ dħul u ħruġ li huma magħżulin apposta, kif ukoll ippjanar loġistiku li qiegħed jiġi rivedut sistematikament kull ġimgħatejn.
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament kemm mill-35 kumpanija ġdida li ħabbar ftit ilu, ser ikunu qed joperaw totalment jew parzjalment minn Għawdex? Jekk ser ikun hemm kumpaniji minn dawn joperaw minn Għawdex, x'isimhom u f'liema qasam ser joperaw?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn dawk il-35 kumpanija ġdida mħabbrra, kumpanija waħda li topera fis-settur tal-innovazzjoni diġitali ġiet approvata biex topera minn Għawdex.
Il-Malta Enterprise hija koperta bil-kunfidenzjalità imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax telenka l-ismijiet tal-kumpaniji li huma approvati.
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Gozo Youth Council fil-mument, il-metodu ta' kif saru l-ħatriet u l-ħidma ta' dan il-Kunsill tul l-aħħar sena? Jista' jagħti wkoll rendikont ta' kemm fondi pubbliċi ġew allokati lil dan il-Kunsill sena b'sena tul il-leġiżlatura preżenti? F'każ li ġew allokati fondi pubbliċi, jista' jagħti rendikont ta' kif intefqu dawn u jekk għadx fadal bilanċ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-allokazzjoni lil Gozo Youth Council kienu hekk:
2017 - € 25,000
2018 - € 25,000
2019 - € 25,000
2020 - € 20,000
Rigward il-kompozizzjoni ta’ dan il-Kunsill, nitolbok tirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Għajnsielem Għawdex – Area tal-Fessej – Open Skips
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar dan li ġej:
1) Min huwa l-kuntrattur li fil-preżent u mis-7 ta’ Ottubru 2020 qed jipprovdi s-servizz ta’ Open Skips ġewwa l-area tal-Fessej/l-impjant ta’ Ras il-Ħobż f’Għajnsielem Għawdex u dan sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
2) Kif ġiet stabbilita r-rata ta’ ħlas?
3) Kemm huwa l-massimu li jista’ jitħallas taħt il-proċedura (direct order) l-istess kuntrattur magħżul għal dan ix-xogħol?
4) Kif intgħażel l-istess kuntrattur?
5) Il-vettura/i biex isir dan ix-xogħol huma proprjetà tal-kuntrattur li ntgħażel?
6) Jekk le ta’ min huma dawn il-vetturi?
7) Jekk ma humiex proprjetà tal-kuntrattur abbażi ta’ liema kriterju intgħażel tali kuntrattur u x’inhu n-ness legali bejn il-kuntrattur magħżul u sid/proprjetarju tal-vettura/i?
8) Saru l-verifiki neċessarji biex jiġi konfermat jekk il-kuntrattur magħżul/bil-vetturi li qiegħed isir dan ix-xogħol għandhomx il-permess/liċenzji/awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex isir tali xogħol maħruġa mill-ERA?
9) Jikkonfermax jekk mill-bidu ta’ Ottubru 2020 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, l-vetturi li qegħdin ikunu utilizzati mill-kuntrattur preżenti għandhomx il-liċenzja A5 u C2 maħruġa mill-ERA li huma neċessarji biex ikun jista’ jsir tali xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta’ ġarr ta’ open skips qiegħed jitqassam bejn numru ta’ kuntratturi li joperaw jew għandhom esperjenza fis-settur, b’mod ugwali fuq erba’ ġimgħat.
Ir-rata tal-ħlas hija waħda fissa ta’ € 27.00 mingħajr VAT għal kull skip trasportat u li hija l-irħas rata li ntefgħet f’sejħa għall-offerti għal-istess servizz, sejħa li għadha ma ġietx ikuntrattata għax għaddejja minn proċeduri legali. Il-massimu ta’ kemm jista jitħallas jiddependi fuq in-numru ta’ skips trasportati, però fi kwalunkwe każ ma jistax jaqbeż is-somma ta’ € 8,100.00 kull erba’ ġimgħat.
Ix-xogħol qiegħed jitqassam b’mod ġust bejn diversi kuntratturi li jistgħu joffru dan is-servizz.
Il-Ministeru qiegħed jixtri dan is-servizz u qiegħed iħalli fir-responsabbiltà tal-kuntrattur li jara li għandu l-permessi kollha neċessarji biex jopera. Il-kuntrattur huwa responsabbli għal ksib ta’ permessi neċessarji biex jopera dan is-servizz. Dan l-arranġament huwa wieħed fuq bażi temporanja sakemm jiġu konklużi l-proċeduri legali marbuta mat-tender MGOZ MPU T 32/2019.
Binjiet u siti storiċi – mudelli għall-persuni nieqsa mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-binjiet, siti jew strutturi oħra li għandna f'pajjiżna u li jiffurmaw parti mill-wirt storiku tagħna, jinkorporaw fihom mudelli li jippermettu li persuni nieqsa mid-dawl ikunu jistgħu jħossu b'idejhom ħalli jifhmu d-dehra ta' dawn il-binjiet, siti jew strutturi? F'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika liema huma dawn il-binjiet, siti jew strutturi u għal kull wieħed jgħid fejn jinsab il-mudell? In oltre, f'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika xi spiża ġiet jew ser tiġi ddedikata f'dan ir-rigward tul din il-leġiżlatura u wkoll mnejn oriġinaw il-fondi? F'każ ta' risposta fin-negattiv, jista' l-Ministru jindika jekk għandux ħsieb li jinstalla faċilitajiet ta' dan it-tip għall-persuni nieqsa mid-dawl?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Binjiet u siti storiċi – mudelli għall-persuni nieqsa mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-binjiet, siti jew strutturi oħra li għandna f'pajjiżna u li jiffurmaw parti mill-wirt storiku tagħna jinkorporaw fihom mudelli li jippermettu li persuni nieqsa mid-dawl ikunu jistgħu jħossu b'idejhom ħalli jifhmu d-dehra ta' dawn il-binjiet, siti jew strutturi? F'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika liema huma dawn il-binjiet, siti jew strutturi u għal kull wieħed jgħid fejn jinsab il-mudell? In oltre, f'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika xi spiża ġiet jew ser tiġi ddedikata f'dan ir-rigward tul din il-leġiżlatura u wkoll mnejn oriġinaw il-fondi? F'każ ta' risposta fin-negattiv, jista' l-Ministru jindika jekk għandux ħsieb li jinstalla faċilitajiet ta' dan it-tip għall-persuni nieqsa mid-dawl?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-verżjoni online tal-Att Dwar il-Medjazzjoni (Kap. 474 tal-Liġijiet ta' Malta) għadha ma ġietx konsolidata biex tintegra fiha l-emendi introdotti permezz ta' Att Nru VIII tas-sena 2017 u miġjuba fis-seħħ permezz ta' Avviż Legali Nru. 362/2020?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-emendi neċċessarji saru u jinsabu online. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koppja ta’dan l-Att.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sitt sena ġewwa l-Iskola Primarja taż-Żebbuġ Għawdex għadha bla għalliem u kif donnu jidher, ser tibqa hekk għal xi żmien? Jista' jgħid meta ser tinstab soluzzjoni u din il-klassi jkollha għalliem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fid- 9 ta’ Ottubru 2020 intbagħat għalliem però qatt ma rrapporta minħabba li ħareġ b’sick leave mill-ġurnata li kellu jibda. Għalhekk għalliema oħra ġiet deployed f’din l-iskola biex tibda fis-26 t’Ottubru 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali tal-Awtorità tal-Artijiet? Jista’ jgħid ukoll b’liema mod ġew magħżula dawn il-konsulenti u kemm hi r-remunerazzjoni tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill- Awtorità tal-Artijiet, dettalji mitluba jidhru fit-tabella segwenti;
SENA
KONSULENT
SKALA
2017 - 2020
Dalli Paris Advocates
Scale 4
2017 - 2020
Filletti & Filletti
Scale 2
2019 - 2020
Filletti & Filletti
Scale 13
2019 - 2020
Dr Matthew Bondin
Scale 2
2018 - 2020
RD Legal
Scale 1
2017 - 2020
Dr Deborah Schembri
case by case basis
2017 - 2020
Dr Robert Musumeci
case by case basis
2020
Dr Justyne Caruana
€48,000
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm inċidenti seħħew fil-qasam tal-bini jew inkella b'rabta mal-qasam tal-bini mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura preżenti sal-jum meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali u kemm minnhom ħallew il-persuni involuti b'xi forma ta' diżabilità? Jista' jgħid ukoll kemm mill-persuni involuti fl-inċidenti kienu Maltin u kemm kienu barranin?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Marsalforn – Triq il-Qbajjar – problema tad-drenaġġ jew ilma maħmuġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula u ilu jiskula għal żmien twil, fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn b'inkonvenjent qawwi għar-residenti u l-pubbliku? Jista' jispjega wkoll meta din l-istess triq ser titnaddaf mill-ħmieġ ta' kull xorta li fiha, mhux lanqas mill-ħafna żrar u trabijiet li jirriżultaw minn patching mhux adekwat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex informa lill-awtoritajiet konċernati li min-naħa tagħhom qegħdin jagħmlu t-testijiet neċessarji sabiex jiġi identifikat s-sors.
Marsalforn – Triq il-Qbajjar – problema tad-drenaġġ jew ilma maħmuġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula u ilu jiskula għal żmien twil, fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn b'inkonvenjent qawwi għar-residenti u l-pubbliku? Jista' jispjega wkoll meta l-Kunsill imsemmi ser inaddaf din l-istess triq mill-ħmieġ ta' kull xorta li fiha, mhux lanqas mill-ħafna żrar u trabijiet li jirriżultaw minn patching mhux adekwat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex li l-materja dwar id-drenaġġ ma taqax fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali.
Ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex bgħat ittra bl-avukat tal-Kunsill flimkien ma' ritratti ta' l-ilma lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, lill-Ministeru għal Għawdex u Awtoritajiet oħrajn sabiex tittieħed azzjoni.
Il-ħsara li qed issir lill-
patching
huwa konsegwenza tal-problema ta' l-ilma. Għaldaqstant, din tiġi solvuta wara li tissolva l-problema tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid l-istadju li fih waslu x-xogħlijiet fuq it-tieni fibre-optic cable bejn Malta u Għawdex u meta hu maħsub li dan se jibda jiffunzjona?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fibre-Optic Cable tlesta u ġie ttestjat li jaħdem tajjeb minn tarf sa tarf. Bħalissa għaddej il-proċess biex dan jgħaddi uffiċjalment għand il-Malta Enterprise.
Riċentement, ġie ppreżentat l-aħħar abbozz ta’ ftehim kummerċjali dwar l-użu tal-cable lill-operaturi u t-taħdidiet dwaru jinsabu fi stadju avanzat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għas-sena skolastika li jmiss, hux qed jikkonsidra joħloq pool ta' reliever Learning Support Educators (LSEs) ġewwa Għawdex biex jara li dejjem ikun hemm sostituti li jagħtu s-servizz lit-tfal li għandhom bżonn, kull meta l-LSE assenjat ma' dawn it-tfal ma jirraportax għax-xogħol? Fin-nuqqas ta’ dan, jista' l-Ministru jispjega x'soluzzjoni long-term għandu biex jara li s-servizz ta' LSE f'Għawdex ikun offrut dejjem u tfal ma jispiċċawx jintbagħtu d-dar meta l-LSE assenjat magħhom ma jirraportax għax-xogħol? Jista' jgħid ukoll kemm tfal kellhom jintbagħtu d-dar mill-iskola, tul is-sena skolastika li għadha kemm spiċċat, minħabba li l-LSE tagħhom ma rraportax għax-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu l-pjan li jkompli bil-prassi ta' reliever Learning Support Educators (LSEs) f’Għawdex.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jesiġi li meta LSE ma jirrapurtax għax-xogħol isiru arranġamenti interni fl-iskola kkonċernata biex it-tfal ma jispiċċaw qatt jintbagħtu d-dar.
M'hemm l-ebda policy jew direzzjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li tgħid li l-istudenti jintbagħtu d-dar meta LSE ma tirraportax għax-xogħol. Sadanittant, m’hemm l-ebda lista ta’ studenti li ntbagħtu d-dar minħabba din r-raġuni.
Jista' l-Ministru jara li ġewwa l-Imġarr Għawdex u fi Triq r-Repubblika ġewwa r-Rabat Għawdex, speċjalment fil-jiem ta' tmiem il-ġimgħa u jiem oħra ta' vaganza, jibda jkun hemm biżżejjed uffiċjali tal-pulizija biex jamministraw it-traffiku u jaraw li ma tinħoloqx konġestjoni żejda?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta, qed jagħmlu dak kollu possibbli biex fil-lokalità msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ikun hemm iktar uffiċjali speċjalment fil-jiem ta' tmiem il-ġimgħa u jiem oħra ta' vaganza.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħdux jew hux ser jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront taċ-chairperson tal-kumpanija Gozo Channel rigward ta' kummenti xejn sbieħ li għadda fuq l-internet dwar attivist favur immigranti irregolari fil-bidu ta' Ġunju 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-apoloġija pubblika li għamel l-istess Chairman tal-Gozo Channel immedjatament wara l-kummenti li jien kont mal-ewwel iddikjarajt pubblikament li ma naqbilx magħhom.
Trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex – proġett tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tal-Gvern li jintroduċi trasport bl-ajru fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern jibqa’ impenjat li jkollna konnettivita’ bejn iż-żewġ gżejjer, b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u kif ukoll lejn is-sostennibilta’ fit-tul tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jerġa’ jdaħħal servizz ta' vapur tal-cargo bejn Għawdex u ż-żona tal-Belt Valletta? Jista' jgħid ukoll sarux studji dwar l-impatt ekonomiku u soċjali fuq Għawdex rigward il-perjodu li fih ma baqax jitħaddem dan is-servizz?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern qed jieħu nkonsiderazzjoni l-interessi tal-istakeholders kollha.