Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – multi-sensory room

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għala fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma teżistix multi-sensory room għall-użu ta' persuni b'diżabiltà huma u jirċievu t-terapija? Jista' jispjega jekk għandux pjan li joħloq waħda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm pjanijiet illi fl-isptar il-ġdid t’Għawdex ikun hemm Sensory Integration rooms. Dawn jikkonsistu fi kmamar mgħammra b’apparat speċjali fejn l-interventi li jsiru jkunu play-based. Dan ifisser li l-pazjent ikun attiv f’attivitajiet li huma kkunsidrati bħala sensory-rich activities.
Leg 13 PQ #17436 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educator li ma jirrapurtawx għax-xogħol

Question

Fid-dawl ta' każ ieħor li seħħ din il-ġimgħa fil-kulleġġ ta' Għawdex, fejn student b'diżabiltà ntalab jibqa’ d-dar għas-sempliċi raġuni li l-Learning Support Educator li tassistih ma marritx xogħol, tista' l-Ministru tgħid kemm ser idum iħalli din l-inġustizzja ma' studenti b'diżabilità tippersisti? Tista’ tgħid x'qed tagħmel biex f'Għawdex ikun hemm pool ta' Learning Support Educators li jkunu jistgħu jissostitwixxu Learning Support Educators oħrajn meta dawn tal-aħħar ma jmorrux xogħol, dan naturalment biex studenti b'diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu l-iskola bħal studenti oħra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jifhem li ċ-ċirkostanzi bla preċedent, li qed ngħixu llum, ħolqu sitwazzjonijiet li qed jiġu mitigati bl-aħjar mod possibbli. Ngħarrfu wkoll li pool ta’ LSEs li jkunu jistgħu jissostitwixxu lil kollegi tagħhom, inkluż f’każ ta’ mard, ilu jeżisti. Bħalma kien jiġri dejjem dan il-pool jilqa’ fih ukoll LSEs Għawdxin li, fil-perjodu ta’ tqala, jitħallew jaħdmu mill-gżira Għawdxija stess biex jiffrankaw l-iskariġġ. Fil-fatt bħalissa hemm 20 LSE li qed igawdu minn tali arranġament. Kontra l-proċedura tas-soltu, iżda, din is-sena ma setgħux ikunu parteċipi wkoll fil-pool, ladarba huma meqjusin mill-Awtorità tas-Saħħa bħala persuni vulnerabbli.
Leg 13 PQ #17437 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators fil-Kulleġġ ta’ Għawdex li nqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-kulleġġ ta' Għawdex kienx hemm każijiet ta' Learning Support Educators li nqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti fl-aħħar tliet snin skolastiċi? Jekk iva, kemm kien hemm każijiet minn dawn u x'passi ħa l-Ministeru biex jindirizza l-problema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li jien infurmata li ma kien hemm l-ebda rapport li LSEs fil-Kulleġġ t’Għawdex inqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti matul dawn l-aħħar tliet snin skolastiċi.
Leg 13 PQ #17438 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Educators li fil-preżent qed jaħdmu Għawdex minħabba li għandhom każ umanitarju? Tista’ l-Ministru tispjega wkoll minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi fuq każijiet umanitarji simili? Tista’ tispjega wkoll xi proċedura jew kriterji jsegwi dan il-bord biex jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-preżent hemm sittax-il Learning Support Educator li qed jaħdmu Għawdex minħabba li għandhom każ umanitarju. Huwa l-bord mediku li jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex. Il-bord mediku jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu u d-Direttur tar-Riżorsi Umani ssegwi bl-azzjoni meħtieġa.

Planning Control Applications

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Planning Control Applications f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex u dan sal-mument li titwieġeb din id-domanda? Jista' jindika wkoll l-iskop ta' kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.

Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi aktar kmieni din is-sena, id-Direttorat tar-Restawr, b’kollaborazzjoni mal-Arts Council Malta, nieda skema li permezz tagħha NGOs b’koperazzjoni má parroċċi f’Malta u Għawdex ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi biex isir restawr fil-parroċċa tagħhom. Fil-fatt, taħt din l-iskema, din is-sena bbenefikat il-parroċċa tax-Xewkija.

Skola Primarja tax-Xagħra Għawdex – servizz ta’ pulizija waqt il-ħin li jkunu deħlin u ħerġin l-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar jekk hux qed ikun hemm servizz ta' pulizija mal-Iskola Primarja tax-Xagħra Għawdex, hekk kif it-tfal ikunu deħlin u ħerġin mill-istess skola? Jekk le u peress li din l-iskola tagħti għal fuq triq traffikuża ħafna, jista' l-Ministru jispjega x'beħsiebu jagħmel biex dan is-servizz jingħata b'mod komplet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fil-bidu ta’ kull sena ta’ skolastika il-Korp tal-Pulizija u l-Agenzija LESA jiddiskutu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni s-suġġett. Waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola tax-Xagħra il-Pulizija tkun prezenti għall- iskopijiset elenkati mill-Onorevoli Interpellant. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz ma jitolbux mod ieħor. F’dawn l-okkazjonijiet il-Kunsill tax-Xagħra jintalab biex jassisti b’mezzi oħra, skond il-provedimenti fl-Att tal-Kunsilli Lokali.

Għajnsielem Għawdex – Learning Hub – servizzi offruti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi qed jiġu offruti fil-preżent mil-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex? Jista' jispjega wkoll kemm persuni ħadu jew qed jieħdu kull wieħed minn dawn is-servizzi tul is-snin 2019 u 2020? Jista' jispjega wkoll liema Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet oħra li ma jaqgħux taħtu qed jużaw jew inkella qed joffru servizzi mil-Learning Hub?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għajnsielem Għawdex – Learning Hub — proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett imħabbar fl-2017 mill-Gvern fejn il-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex kellu jiġi estiż biex ikun hemm aktar spazju għas-servizzi offruti minn dak il-post? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern kera l-binja tal-Learning Hub?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – rilokazzjoni tal-Canteen

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn il-canteen preżenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġie rilokat, għal fejn jinsab illum? Jista' jgħid ukoll jekk il-lok imnejn qed jopera l-canteen preżentement hux temporanju u jekk hemmx il-ħsieb li dan jerġa’ jiġi rilokat għal post aħjar? F'dak il-każ, x'inhuma l-pjanijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-canteen preċidenti ngħalaq sabiex jiffaċilita’ il-bini tal-iskola medika ta’ Barts u peress li għadhom qed isiru diversi xogħlijiet relatati mal-bini tal-isptar il-ġdid, l-pazjenti u l-ħaddiema bħalissa jagħmlu użu minn numru ta’ vending machines li hemm mqassma mal-isptar kollu kif ukoll minn servizz ta’ food truck li jinsab fil-parking area tal-istess sptar. Ninfurmah illi l-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-canteen tal-istess skola medika ta’ Barts. Huwa maħsub li għal ġejjieni jkun hemm canteen areas kemm għal istaff kif ukoll għal pazjenti u qraba fil-bini tal-isptar il-ġdid.

Planning Control Applications

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Planning Control Applications f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex u dan sal-mument li titwieġeb din id-domanda? Jista' jindika wkoll l-iskop ta' kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.

Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu, biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ għall-Ippjanar għandha żewġ fondi speċifiċi li taħthom ikunu jistgħu jibbenefikaw proprjetajiet bħal ma rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant u dan dejjem skont il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn il-fondi. Dawn huma l-Fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp immirat prinċipalment għal xogħlijiet li jkunu ta’ benefiċċju għal komunita’ in ġenerali u fejn 80% tal-fondi huma riservati għall-Kunsilli Lokali anke bi sħab ma terzi, u l-fond Irrestawra Darek li huwa immirat biex isiru xogħlijiet fi djar residenzjali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti bil-linji gwida għall-dawn il-fondi. Ovvjament l-uffiċċju tal-Awtorita’ huwa dejjem miftuħ għal min ikollu bżonn xi kjarifika speċifika.
Leg 13 PQ #17307 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex jevalwa talbiet għal restawr fuq bini tal-knisja inkluż fuq l-istess knejjes. Il-knejjes jibbenefikaw minn skemi ta’ restawr li l-Ministeru għandu. Minbarra hekk, ta’ kull sena, iniedi skema miftuħa lill-Kunsilli Lokali kollha Għawdxin sabiex jirrestawraw xi monument jew niċċa fil-lokalità u li ħafna mid-drabi jkunu proprjetà tal-knisja. Dawn jistgħu jinkludu niċeċ jew monumenti li huma tal-knisja imma mhux binja sħiħa.
Leg 13 PQ #17308 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Youth Council

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16752, jista' l-Ministru jirrispondi dik il-parti tal-mistoqsija fejn intalab rendikont ta' kif intefqu l-fondi allokati u x'bilanċ għad fadal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpallant li l-fondi qatt ma ġew utilizzati min-naħa tal-Gozo Youth Council.

Gozo Youth Council — kompożizzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16752, jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Gozo Youth Council fil-mument, il-metodu ta' kif saru l-ħatriet u l-ħidma ta' dan il-Kunsill tul l-aħħar sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mhux disponibbli minħabba l-fatt li l-Gozo Youth Council ilu mill-2018 ma jippreżenta d-dokumenti neċessarji lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.

L-Imsida — Tal-Qroqq u Triq Calleja Schembri – irranġar ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li t-toroq Calleja Schembri u tal-Qroqq li f'ċerti partijiet minnhom huma fi stat ħażin, ser jiġu rranġati b'wiċċ ġdid u li jixraq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Iż-żewġ toroq indikati diġà kienu ppjanati minn Infrastructure Malta biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Artijiet agrikoli imqabbla bil-metodu in solidum – trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir jew xi pjan għandu biex artijiet agrikoli, imqabblin bil-metodu hekk imsejjaħ in solidum, ikunu jistgħu jiġu trasferiti fi ftit żmien u bla wisq xkiel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-mistoqsija ma hiex ċara u jeħtieġ li ikun kjarifikat il-kontenut sabiex tingħata tweġiba ġusta.
Leg 13 PQ #17069 Sitting 397 2020-11-09 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – pjan ta’ kontinġenza minħabba l-COVID-19

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel għandhiex xi pjan ta' kontinġenza biex f'każ ta' ħaddiema li jirriżultaw pożittivi għall-COVID-19, is-servizz tal-vapur ma jieqafx u ma jaqax lura bħalma ġara nhar il-Ħadd 1 ta' Novembru 2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-każ li seħħ nhar il-Ħadd l-1 ta’ Novembru 2020 kien każ iżolat, il-kumpanija aġixxiet skont il-proċeduri meħtieġa u assigurat l-miżuri kollha neċessarji, inkluż iffumugar tal-vapur biex tassigura s-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema u tal-passiġġieri. Għalhekk il-proċessi u l-proċeduri li hemm fis-seħħ ħadmu.

Żoni Industrijali tal-Marsa u l-Imrieħel – għoli tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala ser jiġi estiż l-għoli tal-bini ġewwa ż-Żoni Industrijali tal-Marsa u l-Imrieħel? Jista' jgħid għala ntgħażlu biss dawn iż-żewġ żoni industrijali? Jista' jgħid hux ser ikun hemm xi limitu fl-għoli? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru biex isostnu din il-proposta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan wara t-tibdil fil-Pjan Lokali taż-żoni industrijali tal-Marsa u ta’ parti mill-Imrieħel mhux biex jiġi estiż l-għoli tal-bini, imma biex jitneħħa l-metraġġ fil-limitu tal-għoli tal-bini f’dawn iż-żewġ żoni u b’hekk l-għoli tal-bini jiġi bħal f’żoni industrijali oħra u jitkejjel abbażi tal-kuntest u tal-bżonnijiet tal-industrija partikolari. Għalhekk din l-emenda tirrigwardja l-kriterji li għandhom jintużaw biex jiħi determinat l-għoli tal-bini każ b’każ minnflok impożizzjoni ta’ limitu fl-għoli komuni għaz-żona kollha.