Spezzjonijiet fuq vapuri u terminals rigward il-Covid-19
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-vapuri li jaqsmu bejn Malta u Għawdex u kif ukoll it-terminals tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa a rigward l-osservanza tad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet kwantu l-COVID-19 u dan sa meta tiġi mwieġba din id-domanda? Jista' jispjega wkoll jekk ingħatawx sanzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi minn meta l-użu tal-maskri sar obbligatorju u cioe mid-18 ta’ Awwissu 2020 l’hawn, in-numru ta’ spezzjonijiet li saru mill- Uffiċjali tal-Komunita’ u mill-Pulizija, fuq il-vapuri li jaqsmu bejn il-gżejjer u fit-terminals tal-Imġarr / Ċirkewwa biex jigi kkonfermat l-osservanza tad-direttivi fl-istess Avviż, kien ta’ 591 spezzjoni u ngħataw 406 ċitazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern sabiex Għawdex igawdi wkoll mill-proġett ta' Community Policing?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kif ġie ndikat drabi oħra, l-inizjattiva tal-Community Policing se tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet oħra f’Malta kif ukoll ġewwa Għawdex, fejn qed jipproċedi l-istudju meħtieġ biex is-sistema tiġi eventwalment introdotta fl-2021.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15781, jista' l-Ministru jgħid kemm hawn batching plants f'Malta u Għawdex u fejn jinsabu? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx minnhom li m'għandhomx il-permessi skont il-liġi biex ikunu jistgħu joperaw?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Djar tal-Anzjani – vouchers maħruġa minħabba l-COVID-19
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk residenti fid-Djar tal-Anzjani jew oħrajn fejn tingħata kura u assistenza, irċevewx il-vouchers tal-Gvern maħruġa in relazzjoni mal-imxija tal-COVID-19? Jekk le, jista' jispjega r-raġunijiet u jekk hemmx ħsieb illi dawn il-persuni jirċievu l-vouchers ukoll?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari 16064.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' fejn waslet l-istrateġija ta' low carbon development għal Malta? Jista' jgħid min huma l-konsulenti li qed jaħdmu fuq din l-istrateġija u jagħti rendikont ta' ħlashom sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interepllant li l-ħsieb tagħna hu li noħorġu l-abbozz tal-istrateġija fl-ewwel kwart tal-2021. Il-konsulenti li qed jaħdmu fuq l-istrateġija, u li ntagħżlu wara sejħa għall-offerti, huma Ernest & Young b’kollaborazzjoni mal-esperti Ingliżi Eunomia. L-ammont li sa issa tħallas lill-konsulenti jammonta għall-€164,079.
Foundation for Social Welfare Services – servizzi f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jelenka s-servizzi li l-Foundation for Social Welfare Services (FSWS) qed toffri ġewwa Għawdex? Jista' jispjega wkoll kemm persuni qed jirċievu kull wieħed minn dawn is-servizzi? Jista' jgħid ukoll kemm hemm persuni f'Għawdex li qed jirċievu xi wieħed mis-servizzi msemmija, maqsuma lokalità b'lokalità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-età li fiha t-tfal jew studenti b'diżabilità li jattendu l-ispecial unit ġewwa Ta' Sannat Għawdex iħallu din l-iskola? Tista' tispjega kemm hemm tfal jew studenti b'diżabilità li laħqu din l-età u għadhom jattendu l-ispecial unit imsemmiha? F'każ li hemm tfal jew studenti f'din is-sitwazzjoni, tista' tgħid għala qed jiġri dan u x'qed jagħmel biex jirremedja s-sitwazzjoni?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-istudenti b'diżabilità jattendu programm minn età bikrija ta' tliet (3) snin sa tnejn u għoxrin (22) sena.
Infurmata li f’dawn l-aħħar seba’ snin qatt ma kellna studenti li għalqu t-tnejn u għoxrin (22) sena u baqgħu jattendu Ta’ Sannat
Special
Unit
.
Minn sena għall-oħra dejjem issir transizzjoni xierqa tal-istudenti mis-
Sannat Special Unit,
bis-sapport tad-Dipartiment Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel flimkien mal-Aġenzija Sapport.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, m’aħniex inħallu li tinqala’ din is-sitwazzjoni għax sa minn meta jagħlqu l-wieħed u għoxrin (21) sena nikkoordinaw tajjeb u fi żmien stipulat mal-Aġenzija Sapport biex issir din it-transizzjoni xierqa. S’issa dejjem ikkollaborajna flimkien.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17438, tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi fuq każijiet umanitarji? Tista' tispjega wkoll xi proċedura jew kriterji jsegwi dan il-bord biex jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li dan il-bord ma jaqax taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Għaldaqstant, ġentilment nitlob lill-Onorevoli interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Binjiet u siti storiċi – mudelli għall-persuni nieqsa mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16785 u jgħid kemm mill-binjiet, siti jew strutturi oħra li għandna f'pajjiżna u li jiffurmaw parti mill-wirt storiku tagħna, jinkorporaw fihom mudelli li jippermettu li persuni nieqsa mid-dawl ikunu jistgħu jħossu b'idejhom ħalli jifhmu d-dehra ta' dawn il-binjiet, siti jew strutturi? F'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika liema huma dawn il-binjiet, siti jew strutturi u għal kull wieħed jgħid fejn jinsab il-mudell? In oltre, f'każ ta' risposta fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika xi spiża ġiet jew ser tiġi ddedikata f'dan ir-rigward tul din il-leġiżlatura u wkoll imnejn oriġinaw il-fondi? F'każ ta' risposta fin-negattiv, jista' l-Ministru jindika jekk għandux ħsieb li jinstalla faċilitajiet ta' dan it-tip għall-persuni nieqsa mid-dawl?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta installat faċilitajiet simili ta’ dawk deskritti mill-Onor Interpellant li jistabu kif ġej:
· Sitt (6) mudelli fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra;
· Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija;
· Fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ġgantija;
· Fil-Forti Sant’ Iermu;
· Fil-wirja dwar il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar fiċ-Ċittadella.
Bħalissa qed jinħadem mudell simili tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien.
Huwa stmat li dawn il-mudelli jiswew madwar €1,000, li ġew iffinanzjati minn fondi nazzjonali, minbarra dak ta Sant’ Iermu, li kien ko-finanzjat mill-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Is-sena li għaddiet Heritage Malta tellgħu attivita speċifika għal persuni neqsin mid-dawl rigward il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar.
Il-Kontkattidral ta’ San Gwann joffri audio guides li jistgħu ukoll jgħinu sabiex tiżdied l-aċċessibilita tal-partimonju Malti għal persuni neqsin mid-dawl.
Spezzjonijiet fuq vapuri u terminals rigward il-COVID-19
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-vapuri li jaqsmu bejn Malta u Għawdex u kif ukoll it-terminals tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa a rigward l-osservanza tad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet kwantu l-COVID-19 u dan sa meta tiġi mwieġba din id-domanda? Jista' jispjega wkoll jekk ingħatawx sanzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat peress li l-uffiċjali li jagħtu ċ-ċitazzjonijiet ma jaqgħux taħt dan il-Ministeru.
Mezzi ta’ Trasport elettriċi, pubbliċi jew privati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mezzi ta' trasport elettriċi, pubbliċi jew privati, li jiċċirkolaw fit-toroq Maltin sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda? Peress li dawn il-mezzi jaħdmu b'mod silenzjuż, jista' jgħid xi prekawzjonijiet ħa jew qed jieħu biex dawn il-mezzi ta' trasport ma jkunux ta' xkiel jew periklu għall-persuni neqsin mid-dawl mexjin fit-triq minħabba li kif inhu ovvju ma jistgħux jisimgħu l-ħoss tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid x'ħidma wettaq u x'riżultati kiseb il-Malta Business Disability Forum tul is-sena li ilu mwaqqaf?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’Ġunju 2019, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ħadet l-inizjattiva li tavviċina lill-komunità kummerċjali bil-għan li titwaqqaf pjattaforma li tqarreb u tinforma lil din il-komunità dwar il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità b’mod strutturat.
Dan wassal biex fit-18 ta’ Diċembru 2019, ġie ffirmat Memorandum of Understanding li waqqaf il-Malta Business Disability Forum. Bħalissa l-membri tal-forum huma l-Kummissjoni stess flimkien mal-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry; il-Malta Employers’ Association, il-Malta Chamber of SMEs, il-Malta Federation Organization of Persons with Disability, il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali tal-Università ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, il-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Tajjeb li wieħed jiftakar li dan il-forum huwa purament konsultattiv u ma għandu l-ebda rwol jew poteri eżekuttivi.
S’issa, l-forum iddiskuta żewġ rapporti tal-Kummissjoni li jinvestigaw l-aċċessibilità ta’ negozji f’ċertu toroq fil-Belt Valletta, il-Gżira u tas-Sliema. Barra minn hekk, il-Forum ħadem fuq it-tfassil ta’ miżura mħabbra fil-Budget 2019 dwar għajnuna lil negozji li jħaddmu persuni b’diżabilità biex jgħinuhom jintegraw fuq il-post tax-xogħol. Dwar dan, saru numru ta’ laqgħat mal-Malta Enterprise.
Fl-aħħar xhur il-Forum ma ltaqgħax b’mod fiżiku minħabba l-Pandemija, iżda nġabret ir-reazzjoni tal-membri għal studju importanti li qed isir mis-CRPD dwar il-persuni b’dizabilita u d-dinja tax-xogħol. Il-pass li jmiss b’rabta ma’ dan l-istudju huwa li l-Forum jitlaqqa’ fil-bidu tas-sena d-dieħla, dejjem jekk tippermetti is-sitwazzjoni, sabiex issir diskussjoni dwar kif ir-riżultati tal-istudju, li jinkludu linji gwida għal min iħaddem, jilħqu lill-komunità kummerċjali bl-aħjar mod bit-tir li jtejjbu b’mod tanġibbli l-ħajja tal-persuni b’diżabilità li qegħdin fid-dinja tax-xogħol jew jaspiraw li jidħlu fiha.
Matul din is-sena l-Kummissjoni ħadmet fuq kunċett ġdid dwar intrapriżi soċjali, li ser tkun qed tippreżentah lill-Forum għad-diskussjoni u l-kunsiderazzjoni tiegħu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni neqsin mid-dawl f'Malta sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda? Tista' tispjega kemm minn dawn huma totalment neqsin mid-dawl u kemm minn dawn huma parzjalment neqsin mid-dawl? Tista' tgħid kemm minn dawn il-persuni huma taħt l-età u kemm minnhom huma anzjani? Tista' tgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni huma ta' sess maskili u kemm minnhom huma ta' sess femminili? Tista' tagħti rendikont lokalità b'lokalità f'Malta u Għawdex kemm hemm persuni neqsin mid-dawl?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità hemm 1,635 persuna reġistrati li għandhom nuqqas ta’ vista. Dawn ivarjaw minn nuqqas totali ta’ vista għal nuqqas parzjali. Din id-distinzjoni ma tinżamx fir-rekords tal-Kummissjoni peress li m’hijiex meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni magħha.
Aktar informazzjoni tinstab fit-tabella ta’ hawn taħt;
Numru ta’ persuni neqsin mid-dawl reġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijie
t ta’ Persuni b’Diżabilit
à
Irġiel
743
Nisa
892
X
0
Taħt it-18-il sena
73
Anzjani
1,051
Malta
1,485
Għawdex
150
Total
1,635
Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi edukattivi jingħataw f'Malta lil tfal u studenti neqsin mid-dawl? Tista' tgħid ukoll kemm hawn għalliema jew professjonisti oħra fis-settur edukattiv li qed joffru dawn is-servizzi? Tista' tgħid ukoll kemm fil-mument li qed titwieġeb din id-domanda hemm tfal jew studenti li qed jirċievu kull wieħed minn dawn is-servizzi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Niltob lill-Onorevoli Interpellant sabiex biex jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi qed jiġu offruti fil-preżent mil-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex? Tista' l-Ministru tispjega wkoll kemm persuni ħadu jew qed jieħdu kull wieħed minn dawn is-servizzi tul is-snin 2019 u 2020? Jista' jispjega wkoll liema Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet oħra li ma jaqgħux taħtu qed jużaw jew inkella qed joffru servizzi mil-Learning Hub?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport għandha Ċentru ta’ Matul il-Jum għal persuni b’diżabilità bbażat fl-Għajnsielem Learning Hub, f’Għawdex. Matul is-sena 2019 kien hemm 13 persuna b’diżabilità reġistrata f’dan iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum u 17 fl-2020. Dan minbarra 184 persuna oħra li bbenefikaw minn applikazzjonijiet għal skemi minn Jannar 2020 sad-data ta’ din it-tweġiba u persuni oħra li bbenefikaw minn għajnuna u gwida dwar servizzi oħra li toffri Aġenzija Sapport kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex peress li dan l-uffiċċju jservi wkoll bħala bażi għas-servizzi tal-Aġenzija u fejn l-Għawdxin jistgħu jirreferu għal servizzi u skemi ta’ Aġenzija Sapport.
Għal informazzjoni dwar servizzi oħra mogħtija minn Ministeri u dipartimenti jew entitajiet oħra, nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett imħabbar fl-2017 mill-Gvern fejn il-Learning Hub ġewwa Għajnsielem Għawdex kellu jiġi estiż biex ikun hemm aktar spazju għas-servizzi offruti minn dak il-post? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern kera l-binja tal-Learning Hub?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-twegiba se tinghata f’xi seduta ohra.
Degree ta’ Learning Support Educator full-time u part-time
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent hemm persuni Għawdxin li qed jagħmlu d-Degree ta' Learning Support Educator kemm full-time kif ukoll part-time? Tista' tgħid x'se tagħmel biex tindirizza l-anomalija preżenti li min jagħmel il-kors full-time jaqbeż il-waiting list biex jiġi jaħdem Għawdex u dan a skapitu ta' Learning Support Educators oħra bi snin twal ta' ħidma f'Malta li proprju għax jaħdmu, ikunu kostretti jagħmlu l-kors part-time? Tista' tgħid ukoll għala l-esperjenza ta' dawn tal-aħħar mhix kriterju biex jimxu ’l quddiem fil-waiting list ħalli jiġu jaħdmu Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-kors ta’ BA in Inclusive Education qiegħed isir minn diversi istituzzjonijiet fosthom l-Università ta’ Malta u l-MCAST. LSEs li jispiċċaw b’suċċess dan il-kors, permezz tal-Ftehim Settorali (2017) jipprogressaw għal LSE III. Dan ifisser li bħala grad huwa ogħla minn LSE II u għalhekk anke bħala seniority. Meta edukaturi, mhux biss LSEs, jaslu biex jittellgħu Għawdex, dan isir skont il-lista tas-seniority u mhux bl-esperjenza. Dan il-kriterju kien ġie miftiehem mal-MUT.
Infurmata wkoll li bħalissa fl-MCAST hemm 75 student Għawdxi fit-tielet sena tad-Degree in Inclusive Education fuq bażi part-time u tmien (8) studenti fuq bażi full-time fl-istess Degree. Fl-Università ta’ Malta, filwaqt li ma hemmx studenti Għawdxin li qed isegwu l-Bachelor of Arts (Honours) in Facilitating Inclusive Education fuq bażi full-time, hemm 38 student Għawdxi li qed isegwu l-kors fuq bażi part-time.
Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent hemm Learning Support Educators Għawdxin jaħdmu ġewwa Malta? Tista' tinforma wkoll kemm Learning Support Educators ġew trasferiti lejn Għawdex fis-sena kurrenti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li bħalissa Learning Support Educators Għawdxin jaħdmu Malta hemm mitejn u erbatax (214). Matul din is-sena mistenni jkunu trasferiti madwar tnax-il (12) Learning Support Educator għal Għawdex u dan dejjem skont il-ħtieġa li jkun hemm fis-servizz u l-proċeduri stabbiliti.
Dawn ma jinkludux l-20 LSEs li qegħdin Għawdex fil-perjodu ta’ tqala.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-età li fiha t-tfal jew studenti b'diżabilità li jattendu l-ispecial unit ġewwa Ta' Sannat Għawdex iħallu din l-iskola? Tista' tispjega kemm hemm tfal jew studenti b'diżabilità li laħqu din l-età u għadhom jattendu l-ispecial unit imsemmiha? F'każ li hemm tfal jew studenti f'din is-sitwazzjoni, tista' tgħid għala qed jiġri dan u x'qed jagħmel biex jirremedja s-sitwazzjoni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – servizz ta’ Occupational Therapist
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz ta' Occupational Therapist fl-Isptar Ġenerali ta' Għwdex hux jingħata? Jekk le, jista' jgħid kemm ilu ma jingħata dan is-servizz u għala mhux jingħata? F'dak il-każ, jista' jgħid ukoll meta se jerġa’ jibda jingħata dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi tal-Occupational Therapy fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex huma jingħataw.